TQEGĦID TA’ KARTI
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, f’isem il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi nqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:
Dettalji dwar l-għadd ta’ studenti li qagħdu għar-resits tas-sec u l-matsec fis-sessjoni ta’ Settembru, 2005 flimkien mar-riżultati miksuba, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14493; u
Tagħrif dwar l-għadd ta’ studenti jattendu l-aħħar sena ta’ l-iskola primarja fl-iskejjel statali, tal-knisja u dawk indipendenti matul is-sena skolastika 2004-2005, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14495;
f’isem il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar impjegati fil-ministeru għall-affarijiet rurali u ambjent u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tal-Ministru George Pullicino li ħadu promozzjoni matul l-2004, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14528; u
f’isem il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ traffic study datat 26 ta’ Ottubru, 2004 dwar ir-roundabout tal-Kappara, Triq Reġjonali junction with Triq Sliema, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14496.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata. Il-Viċi Prim Ministru.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IR-RIFUĠJATI REFUGEES (AMENDMENT) BILL
ONOR. TONIO BORG: Sur President, nipproponi t-Tieni Qari ta’ l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Rifuġjati.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. ROBERT ARRIGO: Nissekonda.
MR. SPEAKER: Rimarki? Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, qabel ma ltaqa’ dan il-parlament jien kont għamilt stqarrija pubblika fejn għedt li qed jirriżultawlna każijiet ta’ abbużi dwar min japplika għall-istatus ta’ rifuġjat. Issa din ġrat mhux biss fl-eqqel tal-kriżi u l-problemi li assistejna għalihom matul dan is-sajf, imma ġrat ukoll qabel b'ċertu dħul ta’ immigranti illegali f’pajjiżna. Għalhekk qed nagħmilha ċara li din il-liġi kienet ilha tinħass il-ħtieġa għaliha pero` wieħed wasal għall-konklużjoni li għandu jemenda l-liġi għaliex issa li s-sistema ta’ l-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet għal status ta’ rifuġjat ilha magħna qisu erba’ snin, u l-kriżi ta’ l-immigranti irregolari ilha xi tliet snin, tajjeb li wieħed iħares lejn il-liġi kif diġa` għamilna drabi oħra.
Infakkar lill-Kamra li l-liġi diġa` emendajniha mill-2001 'l hawn f'xi żewġ okkażjonijiet oħra. Għalhekk wasal iż-żmien li fejn hemm toqob fil-liġi li minnhom qegħdin jgħaddu nies li mhux suppost jgħaddu, jew fejn hemm abbużi fis-sistema li qegħdin isiru min-nies li ma ħaqqhomx protezzjoni, dawk l-abbużi rridu neliminawhom. Il-gvern akkost li jaqlagħha miż-żewġ naħat ta’ l-opinjoni pubblika dejjem żamm mat-triq tan-nofs li nkunu ġenerużi ma’ min ħaqqu protezzjoni u ebsin ma’ min ma ħaqqux dik il-protezzjoni. Għaliex jaqlagħha miż-żewġ naħat? Għaliex, kif ktibt anke f’ġurnal lokali, dwar din il-materja ta’ l-immigrazzjoni irregolari wisq nibża’ li nitkellmu iktar mill-qalb milli mill-moħħ.
Jien ġbart ftit kummenti ta’ dawn l-aħħar għaxart ijiem f’gazzetti, uħud minnhom artikli miktubin minn individwi u oħrajn huma addirittura editorjali f’gazzetti lokali, li juru kemm hu veru dan li qed ngħid jien, li xi kultant nirraġunaw iktar mill-qalb u minn dak li nixtiequ milli nirraġunaw l-affarijiet kif inhuma. L-ewwelnett din il-problema ma bdietx malli aħna dħalna fl-Unjoni Ewropea, għax hawn min jaħseb li għax dħalna fl-Unjoni Ewropea ġew l-immigranti irregolari. Dan m’hu veru xejn. S’issa l-ogħla numru ta’ nies li ġew, ġew fl-2002, sentejn qabel ma dħalna fl-Unjoni Ewropea. Dan qed ngħidu mhux biex imbagħad ngħid li m’għandniex dritt nitolbu għajnuna mill-Unjoni Ewropea, anzi l-argument hu li minħabba din il-problema, kbira kemm hi kbira, aħjar inkunu ġewwa l-Unjoni Ewropea milli barra għax il-problema kienet tiġi xorta waħda.
Jekk inħarsu lejn iċ-ċifri nsibu li fl-2002 ġew f’Malta 1,688 ruħ inqas mis-sena li għaddiet meta aħna konna diġa` dħalna fl-Unjoni Ewropea. Il-verita` hi li sakemm ikun hemm differenza fil-ġid ta’ l-ekonomiji bejn il-pajjiżi ta’ l-Afrika u l-pajjiżi ta’ l-Ewropa, nagħmlu x’nagħmlu se jibqa’ jkun hemm nies li jitilqu minn pajjiżi bħall-Eritreja, is-Sudan u l-Etjopja, jaqsmu lejn il-Libja u meta jkollhom iċ-ċans jaqsmu lejn l-Ewropa. Issa l-intenzjoni prinċipali tagħhom dawn m'hijiex li jiġu Malta imma li jmorru l-Italja. Min jaħseb li dan il-pajjiż żgħir tagħna, anke kieku kien l-iktar pajjiż sinjur fl-Unjoni Ewropea, jista’ jwaqqaf din il-mewġa ta’ nies milli jaqsmu fil-Mediterran, jista’ jkompli jaħseb hekk. U l-ewwel leġġenda jew l-ewwel myth hija li hemm xi mezz kif aħna nagħmlu xi xibka madwar Malta sabiex dawn in-nies ma jidħlux f’pajjiżna.
Anke fl-enclaves ta’ Ceuta fl-Afrika li hija parti mit-territorju Spanjol, minkejja li jeżisti ħajt simili għall-ħajt tal-Palestina u għall-ħajt li kien hemm f'Berlin, xorta waħda jirnexxielhom jidħlu n-nies. U fl-Italja, bil-flotta navali tagħha u bil-patrols kollha li tagħmel xorta waħda jidħlu kull ġimgħa mijiet ta’ immigranti illegali. Allura xi ħadd jista’ jikkritika lill-gvern li hu m’għamilx biżżejjed biex dawn in-nies ma jersqux lejn Malta? Anzi aħna niġu kkritikati minn għaqdiet lokali u anke mill-Alternattiva Demokratika li mhux sew li l-gvern isegwi l-politika ta’ detenzjoni. Dan l-aħħar ta’ l-Alternattiva Demokratika m’għadhomx isemmuh ħafna dan il-punt għax il-politika tagħhom donnha tinbidel skond l-opinjoni pubblika u għax ma jaqblilhomx. Imma għamlu żmien fejn kienu jikkritikaw lili u lanqas naf x’kienu jgħajruni. Kienu jgħidu li jien u l-Onor. Gavin Gulia qegħdin miftehmin fuq din il-ħaġa.
Sur President, hemm liġi li ilha teżisti mill-1970 li tgħid li min jidħol Malta illegalment jinżamm f’detenzjoni sakemm jiġi ripatrijat. Anzi aħna għamilna emendi għal-liġi sabiex l-ewwelnett min jiġi rikonoxxut bħala rifuġjat jew inkella li għandu dritt għal protezzjoni umanitarja jiġi rilaxxat dak il-ħin stess. Meta sirt ministru s-sitwazzjoni ta' min jiġi rikonoxxut bħala rifuġjat kienet differenti. Issa hawnhekk qed nitkellem fuq rifuġjati proprja jiġifieri dawk li jirnexxielhom jipprovaw, bid-dokumenti u bix-xiehda, li huma qed jiġu diskriminati u ppersegwitati politikalment f’pajjiżhom. Jiġifieri jkunu membri ta’ l-oppożizzjoni u għalxejn b’xejn, minkejja li ma jkunu kkommettew l-ebda reat, jibdew jaqbdu magħhom, jitfgħuhom il-ħabs sempliċement għax huma membri ta’ l-oppożizzjoni.
Meta l-UNHCR kienet tirrikonoxxi lil dawk in-nies bħala rifuġjati - apparti li dejjem kienu f’detenzjoni u dak iż-żmien, Alla jbierek, ħadd ma kien jitkellem fuq detenzjoni għax kienu 30, bħal dak li qallu jkun hemm 30, 300 jew 3,000 mhux l-istess jibqa' l-prinċipju – dawn ma kenux jinħelsu awtomatikament. Kienu jmorru għand il-kummissjoni ta’ l-emigranti, din tikteb petizzjoni lill-president, l-uffiċċju tal-president jiċċirkolaha lill-pulizija u lill-ministru ta’ l-intern, imbagħad jagħtu l-parir u wara xi xahar u nofs li wieħed ikun ġie rikonoxxut bħala rifuġjat kien jiġi meħlus.
Aħna għamilna liġi li biha malli tiġi rikonoxxut bħala rifuġjat, tinħeles. Għamilna liġi oħra li wara sena, jekk il-każ tiegħek ikun għadu ma nqatax m’għandekx tagħmel ġurnata iktar f’detenzjoni. Naturalment jekk il-każ tiegħek jinqata’ tista’ terġa’ tiġi arrestat u mixħut f’detenzjoni. U ma nafx x’ma nqalax! L-NGOs kollha kontra l-gvern għax iżomm il-politika ta’ detenzjoni. Dan l-aħħar ftit inqas minn qabel s’intendi għax issa l-problema żdiedet, bħallikieku l-prinċipju huwa tajjeb jew huwa ħażin skond kemm tiżdied jew tiċkien il-problema!
Sur President, kultant l-għaqdiet internazzjonali jkunu instigati min-nies f’Malta biex jiġu jgħidulna li mhux sew li nżommu l-persuni f’detenzjoni sempliċement għax applikaw għal status ta’ rifuġjat. L-ewwel ħaġa mhux veru li aħna nżommu n-nies f’detenzjoni sempliċement għax ikunu applikaw għal status ta’ rifuġjat. Mhux veru. Tant mhux veru li min jidħol Malta bil-visa, b’mod legali u mbagħad japplika għal status ta’ rifuġjat ma jiġix arrestat. Mela jinżammu f’detenzjoni għaliex ikunu daħlu Malta illegalment.
Jien infakkar lill-Kamra li kull meta nqala’ l-inkwiet fiċ-ċentri ta’ detenzjoni ma kenux in-nies li probabbilment jafu li se jingħataw protezzjoni taħt il-liġi kif inhi, imma kienu dawk in-nies li jkunu tilfu l-każ tagħhom quddiem il-kummissjoni tar-rifuġjati u peress li jafu li hemm probabbilta` kbira li jiġu deportati jqajmu l-inkwiet. Min ikun jaf li wara tliet xhur, erba’ xhur - għax illum daqshekk idumu, tliet xhur jew erba’ xhur - is-sitwazzjoni personali tiegħu jew il-pajjiż minn fejn ikun ġej se jwasslu biex jingħata l-protezzjoni taħt il-liġi tagħna, jissaporti ftit fid-detenzjoni u jiġi meħlus.
Sur President, aħna ma rridux inbiddlu din il-liġi ta’ detenzjoni u se nirreżistu kull tentattiv biex inbiddluha, kemm jekk dan jiġi mill-Unjoni Ewropea, kemm jekk jiġi min-Nazzjonijiet Uniti u kemm jekk jiġi mill-Amnesty International. Għaliex? L-ewwelnett mhux bħala deterrent. L-Onor. Gulia jaqbel mal-politika ta’ detenzjoni, imma ġieli jikkritikana u jgħid: Dan x’deterrent hu, jekk xorta waħda jkomplu jiġu! Jien ngħid li hemm element ta’ deterrent, imma dik m'hijiex ir-raġuni prinċipali. Il-punt huwa: Għandna nagħmlu differenza bejn nies li jidħlu bil-permess u nies li jidħlu bla permess? Iva, għandna nagħtu dak il-messaġġ, li jekk tidħol bil-permess f’Malta m’għandekx tiġi trattat l-istess bħal meta tidħol bla permess.
It-tieni nett, aħna nistgħu nagħmlu bħall-pajjiżi li m’għandhomx fruntiera tal-baħar biss, kif jagħmlu pajjiżi ġirien tagħna, li jaqbdu u jeħilsuhom, ġieli anke jagħtuhom il-flus biex jonfqu u jeħilsu mill-problema b’dan il-mod? Dawn imorru f’pajjiż ieħor u kultant jaqbdu lil xi ħadd u jibagħtuh lura u kultant ma jaqbdu lil ħadd. Aħna nistgħu nagħmlu hekk? Dan il-pajjiż li mhux biss huwa l-iżgħar pajjiż fl-Ewropa, imma huwa l-pajjiż li għandu l-akbar densita` ta’ popolazzjoni – fil-fatt għandu 1,200 kull kilometru kwadru - jista’ jaffordja li jidħlu 170 ruħ jew, kif daħlu riċentement, 300 ruħ f’għaxart ijiem, u jaqbad u jirreġistrahom, jieħu isimhom u kunjomhom - naturalment l-isem li jgħidulna huma għax jien ma mmurx niċċekkja ma’ l-insinwa tas-Somalja biex nara jekk wieħed jismux hekk, għax dokumenti ma jkollhom qatt - u jaqbad u jeħlishom? Min se jeħodhom? Il-gvern!
Jgħidulek li l-gvern għandu jibni l-istrutturi. U aħna bilkemm nistgħu nlaħħqu biex nagħtu saqaf fuq ras kulħadd ta’ min jinżamm f’detenzjoni, aħseb u ara li kieku lil kulmin jiġi awtomatikament naqbdu u nitilquh barra u rridu nsibulu fejn se joqgħod u naraw ukoll kif se jgħix! Ara x'periklu kieku nitfgħuhom barra fit-triq mingħajr għaxja ta’ lejla u mingħajr saqaf fuq rashom! Li kieku dawn l-għaqdiet li jgħidulna li jmissna nagħmlu hekk, jgħidulna li għandhom post li se jagħtuhulna u se jieħdu ħsieb huma! Imma le, dawn jgħidu li jrid jieħu ħsiebhom il-gvern!
Issa rrid ngħid ukoll Ii hemm għaqdiet oħra - kulħadd jaf min huma dawn - bħall-Kummissjoni Emigranti u l-Peace Lab li ħafna drabi mill-fondi tagħhom u b’daqsxejn għajnuna mill-gvern jagħtu alloġġ lil kważi 250 ruħ. Jidhirli li fil-Peace Lab hemm xi 30 ruħ, u l-Kummissjoni Emigranti sabet post għal xi 200 ruħ. Jien nirringrazzjahom għax dawn obbligu morali għandhom u mhux obbligu legali li jagħmlu dawn l-affarijiet. Imma ħaddieħor jikkritika u ma joffrix soluzzjoni. Issa se ngħid xi ħaġa fuq id-deterrent.
Jien ma nistax nistabbilixxi bi prova li hemm deterrent, imma nemmen li għandu jkun hemm element ta’ deterrent bejn jekk tiġix Malta normalment jew inkella tiġix illegalment. U hawnhekk naf li l-oppożizzjoni u l-gvern jaqblu. Illum stess jien iċċirkolajt id-draft ta' dak li nittama li tkun il-politika nazzjonali dwar l-immigrazzjoni irregolari u din se tiġi diskussa fil-laqgħa tat-task force li jmiss.
Sur President, wara l-konferenza nazzjonali dwar l-immigrazzjoni li saret fi Frar kien twaqqaf task force. Il-gvern u l-oppożizzjoni konna ftehemna anke dwar il-kompożizzjoni tat-task force, jiġifieri jien għan-nom tal-gvern, l-Onor. Gulia għan-nom ta’ l-oppożizzjoni, il-kummissarju tal-pulizija, u mbagħad għedna lill-NGOs biex jaħtru żewġ rappreżentanti. Fil-fatt iltqajna kemm-il darba, iddiskutejna l-istadji differenti minn mindu persuna tasal f’Malta sakemm tiġi rilaxxata jew ripatrijata u abbażi tal-minuti li ġbarna minn dawn il-laqgħat il-gvern ħejja rapport.
Nittama li qegħdin naqblu fuq x’għandu jkun l-iskop tar-rapport, mhux li ma nikkritikawx lil xulxin, li l-gvern ma jistax jikkritika lill-oppożizzjoni jew l-oppożizzjoni ma tistax tikkritika lill-gvern fuq kif qed nindirizzaw il-problema ta’ l-immigrazzjoni. Ara xi ħadd jaħseb li dan il-gvern qed jistenna li l-oppożizzjoni ma tikkritikax lill-gvern! Anzi, j’Alla tkompli tikkritikah għax il-kritika m'għandhiex tidħol min-naħa u toħroġ min-naħa oħra, speċjalment fuq problema nazzjonali bħal din.
Jien ngħid li għandu jkun hemm ċerti punti li ma jifformaw qatt parti mill-ballun politiku, fejn jien inkun nista’ ngħid li din hija politika nazzjonali li jkun min ikun fil-gvern se jimxi hekk. Il-gvern ma jistax jgħid lill-oppożizzjoni jew l-oppożizzjoni tgħid lill-gvern li issue partikolari ta’ l-immigrazzjoni illegali li qiegħda fil-politika nazzjonali f’daqqa waħda se ssir issue politika. Naturalment se jkun hemm kritika miż-żewġ naħat tal-Kamra kontra ż-żewġ naħat tal-Kamra fuq kemm qegħdin nagħmlu, x’qegħdin nagħmlu fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni irregolari u forsi xi bibien li għadna ma ħabbatniex, why not, imma dan huwa l-iskop.
Jien naf li se jkun hemm diffikultajiet kbar biex napprovaw din il-politika nazzjonali. L-ewwelnett l-NGOs huma kontra l-politika ta’ detenzjoni jiġifieri għandek parti mill-politika nazzjonali li minn issa m’aħniex sejrin naqblu dwarha. Imma jekk ma nistgħux naqblu fuq dak l-aspett, ma nistgħux naqblu fuq aspetti oħrajn? Jien nappella lill-għaqdiet, li huma attivi fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni, li anke jekk ma jaċċettawx id-detenzjoni, għallinqas jaslu biex jgħidu: Jien jista’ jkun li ma naqblix mad-detenzjoni imma jekk se jkun hemm id-detenzjoni, il-gvern għandu jipprovdi dan is-servizz, għandu dawn l-obbligi, għandu jinformahom bid-drittijiet tagħhom, eċċ. Nittama li l-NGOs, bir-riżervi tagħhom fuq il-politika ta’ detenzjoni, xorta waħda jaslu magħna fuq ftehim ta’ politika nazzjonali. Naħseb li dan ikun pass importanti għal pajjiżna.
Sur President, leġġenda oħra li tisma’ u taqra fil-gazzetti hija: “Ibagħtuhom lura, ibagħtuhom lura!” Ejja nieħdu l-każ ta’ l-Eġizzjani li għamilli domanda dwaru l-Onor. Gulia ftit minuti ilu. Dawn bgħatnihom għaliex il-Bambin ħabbna li għandna ambaxxatur ta’ pajjiż ħabib tagħna li għandu ambaxxata f’Malta, u nzerta li bl-għaqal tal-pulizija skoprew li dawn ma kenux mill-Iraq, imma kienu mill-Eġittu. Il-pulizija issa għandhom l-esperjenza u jindunaw x'nazzjonalita` huma anke mill-mod kif jitkellmu u mill-mod kif jidhru. Anke b’erba’ domandi li jagħmlu fuq il-pajjiż bejn wieħed u ieħor jistgħu jkunu jafu n-nazzjonalita`. Qed ngħid “bejn wieħed u ieħor” għax m’hemmx il-verita` tal-vanġelu fin-nofs għax huwa impossibbli li inti tkun infallibbli meta jkollok 1,600 ruħ qed iħabbtu mal-bieb tiegħek, kollha jgħidu li ġejjin mill-postijiet fejn hemm l-inkwiet fid-dinja u mill-Afrika. Ġibna d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tagħhom, għamilna charter flight ma’ l-Air Malta u f’temp ta’ ftit ġranet irnexxielna nibagħtu 71 persuna u nittamaw li niddeportaw iktar b’dan il-mod.
Kieku kienu kollha mill-Eġittu, kieku kienu kollha ċittadini Libjani, jew kieku kienu kollha ċittadini Tuneżini s-soluzzjoni kienet tkun faċli. Qed insemmi dawn it-tliet pajjiżi għax, kuntrarjament għal pajjiżi oħrajn Ewropej, Malta qatt ma ltaqgħet ma’ diffikulta` biex tibgħat lura xi Tuneżin – dan huwa rari llum u qabel kien ikun iktar komuni - lura lejn it-Tuneżija, xi Libjan li jkun qiegħed Malta illegalment lura lejn il-Libja jew xi Eġizzjan lura lejn l-Eġittu. Imma kif tista' tibgħat in-nies lura lejn is-Somalja? Għalkemm f’dan il-pajjiż saru xi passi żgħar 'il quddiem, dan huwa pajjiż fejn ma jeżistix gvern. Hemmhekk la hemm sistema ġudizzjarja, il-ministri qegħdin barra l-pajjiż - issa l-gvern qed jipprova jidħol fil-pajjiż u għandu jkun irnexxielu jokkupa parti minnu – u l-pajjiż minflok jiggvernah gvern, jiggvernawh it-tribu`. Fil-fatt anke l-qrati huma tat-tribu`.
Mela min irid li nibagħtuhom lura jew inkella jkun hemm min hu aktar avventuruż u jippretendi li ninjoraw l-għajta għall-għajnuna ta' xi ħadd li qed jibgħat sinjal li huwa wieqaf f’nofs ta’ baħar, jekk irid jitla’ hu din in-naħa tal-Kamra u jiggverna hu. Jien m’iniex se nagħmilha. Jekk hemm metodu kif nistgħu nnaqqsu r-responsabbiltajiet tagħna skond il-liġi internazzjonali mingħajr ma nippreġudikaw l-interessi ta’ pajjiżna, dak li lesti li nagħmluh. Per eżempju, ikkwotawni li għedt li aħna lesti unilateralment li nissospendu l-obbligi internazzjonali tagħna, imma kulma għedt huwa li aħna għandna l-options kollha miftuħin, pero` aħna nużawhom biss skond id-dritt internazzjonali. Jekk id-dritt internazzjonali jagħtina ċerti drittijiet f’emerġenza jew fi kriżi, dawk se nużawhom jekk ikun fl-interess ta’ pajjiżna.
Mela għalkemm b'din l-għajta ta’ "Ibagħtuhom lura u tħalluhomx jidħlu" demagoġikament tista’ tidher ħelu, ejja nkunu saqajna ma’ l-art u naraw id-diffikultajiet kbar li niffaċċjaw biex nibagħtuhom lura. Dan apparti l-fatt li meta l-gvern kien bagħat 240 persuna lura lejn l-Eritreja tgħidx x’inqala’! U kellna nagħmlu anke inkjesta, li mbagħad illiberat lill-gvern kompletament. Dakinhar dawn in-nies li jgħidulna biex nibagħtuhom lura, kollha kwieti baqgħu. Imbagħad jerfagħha l-gvern u l-ministru waħdu. U minħabba l-għaġeb kollu li sar dakinhar, Alla jbierek illum hawn 300 Eritrej in detention, apparti l-mijiet l-oħra li ngħataw xi forma ta’ status għax naturalment, jekk tinxtered il-kelma li jekk tibgħat lura n-nies l-Eritreja f’Malta se jinqala’ pogrom sħiħ, se jiġu iktar nies mill-Eritreja.
Sur President, m’hemmx għalfejn ngħid li jkun hemm min forsi ħaqqu, imma jkun hemm ħafna oħrajn li sempliċement qegħdin jaħarbu minn pajjiż fejn veru l-ekonomija tagħhom hija batuta u veru hemm l-inkwiet, pero` ejja nneħħu din il-myth - it-tielet myth - li biex nibagħtu lura persuna jridu jkunu minn pajjiżi fejn hemm id-demokrazija. Niġu tajjeb kieku! L-ewwelnett fl-Afrika hemm 53 pajjiż, iktar mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, li minnhom - skond in-national geographic għax kumbinazzjoni kien hemm issue fuq l-Afrika - 19 biss għandhom xi forma ta’ sistema demokratika. Issa kemm hemm minn dawk id-19-il pajjiż li huma demokrazija kif nifhmuha fil-punent - m'iniex qed ngħid li tagħhom ħażina u tagħna tajba imma sempliċement qed insemmi dan il-fatt – dik hija kwestjoni oħra.
Jien qrajt ir-rapport ta’ l-Amnesty International. Kieku kellna nimxu fuq dak ir-rapport li għax hemm inċident jew hemm l-inkwiet f’xi pajjiż fl-Afrika ma nistgħux nibagħtu n-nies lura fl-ebda pajjiż ta’ l-Afrika, nistgħu nżommuhom kollha hawn u ma nirripatrijaw lil ħadd, għax allura r-ripatrijazzjoni jkun biss bejn il-pajjiżi demokratiċi ta’ l-Ewropa, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina u l-Awstralja. Niġu tajjeb kieku, Sur President!
Iżda kulħadd jammetti, anke pajjiżi oħra li huma bħalna fl-Unjoni Ewropea, li inti ma tistax tiddeporta biss nies li jekk tibgħathom lura jkollok informazzjoni li dawk in-nies partikolari, minħabba l-attivita` tagħhom politika jew f’xi qasam ieħor, se jiġu kkastigati inġustament. Jekk xi ħadd ikun ħarab mill-pajjiż għax ikun kiser il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż, jekk tibagħtu lura jintbagħat il-ħabs mhux għax ikollu opinjoni politika imma għax ikun kiser il-liġi ta’ dak il-pajjiż. Jekk fis-Sudan ma jagħmlux elezzjonijiet demokratiċi kif nifhmuhom aħna - mhux qed ngħid li m’hemmx elezzjonijiet, imma kif nifhmuhom aħna - ma jfissirx li persuna ma tistax tintbagħat lura f’dak il-pajjiż għax m’hemmx sistema demokratika.
Hemm pajjiżi ġirien tagħna li aħna ħbieb ħafna magħhom li kull sena nibagħtulhom in-nies lura, imma jekk taqra r-rapport ta’ Amnesty International tgħidx kemm jirrapportaw inċidenti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Imma d-domanda li trid tistaqsi hija jekk dik il-persuna partikolari li tkun se tintbagħat lura hijiex se tiġi ddiskriminata u kkastigata, inkella nistgħu naqbdu u ngħidu li ma nirripatrijaw lil ħadd lura.
Nixtieq niċċara xi ħaġa oħra li qrajt fil-gazzetta. Kien hemm xi ħadd li kiteb li mis-sena d-dieħla Malta se tkun responsabbli li tieħu 15,000 immigrant illegali għax se tinbidel il-liġi dwar is-safety fil-baħar, u allura kulmin igħaddi minn ħdejn Malta għandna xi obbligu li ndaħħluh f’Malta. Din hija leġġenda oħra.
L-ewwelnett, kuntrarjament għal dak li jaħsbu ħafna nies, min igħaddi minn ħdejn Malta, anke jekk jgħaddi mill-ibħra territorjali tagħna, li huma 12-il mil, u lilna ma jdejjaqniex, aħna ma ndejquhx. U hawn naqblu ma' l-oppożizzjoni għax niftakar kienet saret domanda lili u lill-Onor. Gulia fuq il-programm "Xarabank” u weġibna bl-istess mod. B’liema awtorita` nwaqqaf lil xi ħadd li jkun għaddej mill-ibħra tiegħi jekk ma jkunx qed idaħħal kuntrabandu jew droga fil-pajjiż? Jekk irid jibqa’ sejjer lejn il-Greċja jmur lejn il-Greċja. Aħna nintervjenu biss f’dawk il-każijiet fejn wara li ssir sinjalazzjoni u ssir il-verifika mill-forzi armati, li għandhom ir-responsabbilta` tal-coastguards f’Malta, li hemm il-maltemp, dawn jiddeċiedu li huwa riskjuż li dak il-vjaġġ ikompli. Din mhix deċiżjoni faċli u ħafna drabi bilfors trid toqgħod fuq l-esperti.
Jien fil-baħar ma nifhimx imma jien min jien biex ngħidilhom: “Ħallihom, dawn mhumiex in distress”? Id-deċiżjoni tal-kmandat tal-patrol boat tagħna issa se tiġi mibdula mill-politiku? Per eżempju, waħda mid-dgħajjes li waslet hawnhekk kellha ħsara estensiva, it-tmun ma jaħdimx, ir-riħ kien qed jiżdied u allura l-kmandant tal-patrol boat ħa d-deċiżjoni li jġibhom Malta. U sewwa għamel għax li kieku ħallihom ikomplu u mbagħad għerqu, ara xi kjass kien iqum! Għalhekk qed ngħid li taqlagħha minn kull naħa. Minn records uffiċjali nafu li fil-Mediterran ċentrali mietu 300 ruħ, imma jien ngħid li mietu 600 ruħ easily għax 300 ruħ huma dawk li nstabu l-kadavri tagħhom jew li kienu jafu bihom. Minjaf kemm hemm oħrajn li telqu mil-Libja, qam il-maltemp u mietu u ħadd ma jaf bihom. Huwa kkalkolat li madwar 600 ruħ mietu, imma 300 ruħ mietu żgur, bid-dokumenti li mietu fiż-żona taċ-ċentru tal-Mediterran.
Mela l-armata tintervjeni biss meta dawn ikunu in distress, ikunu fiż-żona tagħna ta’ salvataġġ li hija żona kbira, u fejn il-lokazzjoni ta’ fejn qegħdin ma jkunx biss fiż-żona ta’ salvataġġ tagħna imma Malta tkun l-eqreb port. Jiġifieri jekk vapur Portugiż isalva dgħajsa li tkun inqalbet fiż-żona ta’ salvataġġ tagħna, iġorrhom hu and it's only fair li ma jeħodhomx lura l-Portugall imma jġibhom Malta jekk Malta tkun l-eqreb post.
Il-proposta li saret min-Norveġja internazzjonalment wara li l-Awstralja kienet irrifjutat li tieħu persuni li ġew salvati fiż-żona tagħha minn vapur Norveġiż, kienet li jekk lil dawk il-persuni li jkunu in distress, u mhux persuni li jgħaddu miż-żona tagħna, ma jaċċettahom ħadd ultimament aħna responsabbli għal dawk li jkunu fiż-żona tagħna.
Issa biex dan l-obbligu ma jżidilniex il-piż hemm żewġ alternattivi, li jew Malta ma taċċedix għal dan il-ftehim jew inkella li tnaqqas iż-żona ta’ salvataġġ tagħha, li hija madwar kwart ta’ miljun kilometru kwadru, li huwa fdal ta’ meta konna bażi militari, u allura kien jaqbel li jkollna żona ta’ salvataġġ kbira. Pero` jista’ jkollha implikazzjonijiet oħrajn li qed jiġu studjati mill-kummissjoni tal-ġurisdizzjoni marittima u l-gvern jieħu deċiżjoni. Il-gvern żgur m’hu se jagħmel xejn biex iżid mal-piż li għandu diġa` f’dak li jirrigwarda s-salvataġġ tan-nies fuq il-baħar.
Sur President, qabel ma nidħol fuq il-ħtieġa ta’ din il-liġi, nixtieq ngħid xi ħaġa - għax din ħarġet anke minn editorjal ta’ gazzetta partikolari - fuq il-Libja, Malta u l-immigrazzjoni irregolari. Jien nista’ ngħid biss fuq dak li naf bih jien u fejn kont imdaħħal jien għax, kif kulħadd jaf, il-Ministru Frendo qiegħed jagħmel ħidma intensiva huwa wkoll ma’ l-Unjoni Ewropea u mal-Libja dwar din il-problema.
L-ewwelnett, kif għedt fil-bidu, m’hemm l-ebda problema mal-Libja biex jaċċettaw lura ċittadini Libjani. Il-problema l-oħra hija li ġaladarba dawn l-immigranti jitilqu mil-Libja, il-Libja għandu jkollha responsabbilta` li taċċettahom lura jekk nipprovaw li dawn ikunu telqu mil-Libja? L-informazzjoni kollha li għandna - u għandna stqarrijiet ta’ persuni li ġew interrogati mill-pulizija - turi li b’xi eċċezzjonijiet żgħar 'l hawn u 'l hemm, dawn kollha jitilqu minn żewġ portijiet tal-Libja li wieħed minnhom jissemma kemm-il darba anke fil-press internazzjonali, il-port ta’ Zuwarah. Huwa veru wkoll li l-Libja għandha problema kbira ta’ immigrazzjoni irregolari, li għandha fruntiera ta’ 7,000 kilometru li minnhom 2,000 huma fruntiera fuq il-baħar. Jiġifieri wieħed japprezza d-diffikulta` li wieħed jissorvelja 2,000 kilometru ta’ kosta, u lanqas għandhom il-mezzi biex dan jagħmluh.
Sur President, aħna nemmnu wkoll li pajjiż ġirien u ħabib tagħna għandu jerfa’ parti minn din ir-responsabbilta`. Il-kuntatti ilhom għaddejjin, kien ġie drafted anke ftehim bil-miktub ta’ ri-ammissjoni, u jien proprju l-bieraħt lura kont il-Marokk u ltqajt ma’ l-ex-prim ministru tal-Libja li llum huwa konsulent tal-mexxej Libjan Muammar Gaddafi fejn erġajt esprimejt il-preokupazzjoni tagħna dwar dan is-suġġett u anke li hemm min qiegħed juża din il-kwestjoni biex iħassar ir-relazzjonijiet tajba li hemm bejn Malta u l-Libja. Hu wegħedni li se jqajjem din il-kwestjoni mal-mexxej Libjan.
Pero` li wieħed irid jaċċetta huwa li l-Libja la hija kolonja ta’ l-Unjoni Ewropea u wisq inqas hija kolonja ta’ Malta. Huwa pajjiż sovran u fl-aħħar mill-aħħar biex isir ftehim iridu jiffirmawh tnejn min-nies u ż-żewġ pajjiżi jridu jagħmluh. S’issa l-gvern għamel dak kollu li huwa possibbli b’mod uffiċjali u b’mod mhux uffiċjali sabiex wieħed jasal fi ftehim. Jien għandi fiduċja li xi soluzzjoni se tinstab għax il-Libja hija konxja tal-fatt li aħna qed inġorru piż li waħedna ma nistgħux nifilħuh. Din m’hijiex l-unika soluzzjoni u l-problema trid tiġi indirizzata fuq fronti differenti.
Jien ġejt ikkritikat kemm-il darba mill-Onor. Gulia li l-gvern iffirma ftehim ma’ l-Italja għar-ripatrijazzjoni qabel ma ffirma wieħed mal-Libja. Nibda biex ngħid li l-ftehim li ġie ffirmat ma’ l-Italja fl-2001 li daħal fis-seħħ fl-2002 huwa ftehim bejn żewġ pajjiżi ħbieb u ħbieb mhux biss bil-fomm imma ħbieb b’għajnuna konkreta li l-gvern Taljan dejjem ta lil Malta. Dan huwa ftehim ma’ pajjiż li dak iż-żmien kien diġa` membru ta’ l-Unjoni Ewropea u Malta kienet qed tapplika biex tkun ukoll membru fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa ftehim li ġie ffirmat bejn żewġ pajjiżi ħbieb u li llum ma jiswa xejn għax illum ir-ripatrijazzjoni minn pajjiż fl-Ewropa membru ta’ l-Unjoni Ewropea għal pajjiż ieħor membru ta’ l-Unjoni Ewropea ma jsirx bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali imma jsir bis-saħħa tar-regolamenti ta' Dublin II li jgħid li hemm ordni ta’ kif jiġu ripatrijati persuni minn post għall-ieħor fl-Ewropa stess.
Mela minbarra li dan il-ftehim ma’ l-Italja ma ġie wżat qatt ħlief darba, meta kien hemm il-każ ta’ l-immigranti Ċiniżi, dan fih ħafna kondizzjonijiet. Fil-fatt il-kondizzjonijiet ta’ dak il-ftehim huma iktar onerużi għalihom, u allura favorevoli għalina, mill-ftehim tad-Dublin II għaliex il-ftehim ma’ l-Italja fih li wieħed irid ikun daħal mhux fit-territorial waters imma fl-internal waters, jiġifieri jkun fil-bajja tagħna, u t-tieni nettt hemm li wieħed irid jiġi arrestat fi żmien 40 ġurnata. Jiġifieri jekk l-għasfur jaħrab wara 40 ġurnata, naturalment ma tkunx tista’ ssir ir-ripatrijazzjoni bħala obbligu għax imbagħad, minħabba li għandek relazzjonijiet tajba mat-Taljani, tista’ tasal għal ftehim li taċċettah xorta waħda.
Imma taħt id-Dublin II kull pajjiż ta’ l-Ewropa huwa obbligat li jirċievi lura persuni li jkun hemm prova li jkunu għaddew minn dak il-pajjiż. Teżisti sistema tal-Eurodac li biha jittieħdu l-fingerprints ta' l-immigranti illegali kollha f’kull pajjiż ta’ l-Ewropa u jitqassmu mal-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, u abbażi ta’ dik issir ir-ripatrijazzjoni.
Jien ma rridx nitkellem iż-żejjed imma m’hemmx għalfejn ngħid illi kieku kulħadd baqa’ Malta, kieku llum mhux 2,000 għandna f’Malta imma suppost għandna madwar 5,000. Tagħmel kemm tagħmel sigurta` - jista’ mhux ikollok id-Dublin II, III, IV u V! - ma tistax iżżomm bniedem milli minn pajjiż fqir imur f'pajjiż sinjur jew jaħseb li għandu l-ġenna ta’ l-art. Ma tistax iżżommu milli jagħmilha, u għalkemm xi kultant tibgħat lin-nies 'l hawn u 'l hemm bil-ping pong, fl-aħħar mill-aħħar jekk persuna tkun trid titlaq f’pajjiż ieħor tqatta’ d-dokument tagħha, ma tgħidlekx minn fejn ġiet jew inkella tigdeb minn fejn tkun ġiet jew inkella ma ssibhiex. Anke bil-pulizija kollha li jista’ jkollok, tfittex kemm tfittex, dawn mhux se taqbadhom kollha.
Irridu niftakru li llum aħna membri fl-Unjoni Ewropea u ż-żewġ naħat ta’ din il-Kamra mhux biss jaċċettaw li aħna membri - u jekk jista’ jkun meta tiġi l-opportunita`, nagħmlu kif għamilna meta rratifikajna b’mod unanimu l-kostituzzjoni Ewropea - u favur li nibqgħu membri, imma l-membri parlamentari kollha jaqblu wkoll mal-kostituzzjoni Ewropea u ma’ integrazzjoni iktar bejn il-pajjiżi ta’ l-Ewropa.
Għalhekk issa s-sitwazzjoni hija jekk taqbilx jew le mad-Dublin II. Irrid ngħid li darba minnhom din użajniha bil-maqlub għax darba l-vapur Cap Anamour salva xi nies minn ħdejn Lampedusa u l-gvern Ġermaniż u l-gvern Taljan kienu ħarġu stqarrija fejn qalu li għax dawn għaddew minn ħdejn Malta wara li ġabruhom minn ħdejn Lampedusa kellna neħduhom aħna. Imma aħna żammejna iebes. Kien hemm inċident ieħor fejn persuni daħlu fl-Italja, imbagħad rikbu vapur Ġermaniż li ġie Malta u dawn ippretendew, anke l-UNHCR, li l-ewwel inniżżluhom Malta u mbagħad nibagħtuhom l-Italja. Imma aħna għednielhom li għandhom jeħduhom it-Taljani. Dawn huma taħt id-Dublin II ukoll, jiġifieri din hija xabla b’żewġt ixfar. Fiż-żewġ każijiet irbaħna l-każ tagħna.
Sur President, dan l-abbozz ta’ liġi qegħdin nagħmluh għax qed niskopru li hemm ċerti abbużi li qed ifixklu r-ripatrijazzjoni ta’ immigranti illegali. Għaliex ngħid “immigranti illegali”? Għax min ħaqqu l-protezzjoni, dik il-protezzjoni se nibqgħu nagħtuhielu sħiħa u bla mittiefsa. Imma jekk xi ħadd mhux biss japplika u jitlef il-każ tiegħu quddiem il-kummissarju għar-rifuġjati, imma l-kummissarju għar-rifuġjati - nerġa’ ngħid “Il-kummissarju għar-rifuġjati” u mhux il-gvern - jiddeċiedi wkoll li l-każ huwa manifestament infondat, jiġifieri inti mhux biss m’għandekx raġun imma m’għandek raġun ta’ xejn, allura f’każ bħal dak il-gvern jista’ – mhux bilfors – jiddeportak anke jekk inti tippreżenta l-appell quddiem il-bord ta’ l-appell tar-rifuġjati.
Irrid ngħid li jien qabbadt lill-avukat ġenerali biex jiċċekkja jekk dan imurx kontra d-direttiva ġdida ta’ l-2004 li għadha ma daħlitx fis-seħħ dwar ir-rifuġjati u l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u ġejt assigurat li sakemm inti tagħmilha ċara li f’każ li l-appell jinqata’ favur ma tagħmilx xkiel lil dik il-persuna biex tiġi lura f’Malta, allura dan jista’ jsir. U hemm xi pajjiżi li dan jagħmluh. Jien ħadt din id-deċiżjoni u pproponejtha lill-Kabinett għax jien, bħala ministru, nirċievi l-appelli li jinqatgħu kontra persuni li jipprovaw ibellgħuha lill-kummissarju għar-rifuġjati li huma rifuġjati. Issa huwa ovvju għalfejn dawn jagħmlu hekk. Dawn jagħmlu hekk għax l-uniku metodu kif tista’ tibqa’ f’Malta huwa li jew tgħid li inti rifuġjat taħt id-definizzjoni tal-konvenzjoni ta' Ġinevra jew inkella tgħid li ġej minn pajjiż fejn hemm diżordni kbir, bħas-Somalja, u allura ma tistax tintbagħat lura.
Mela jekk illum hemm diżordni kbir fi Sierra Leone allura tgħid li inti minn Sierra Leone. Jekk id-diżordni qiegħed fis-Somalja tgħid li inti mis-Somalja. Kien hemm żmien meta kien hemm l-inkwiet fl-Ivory Coast u kulħadd kien jgħid li ġej minn hemmhekk, bħalma dawn l-Eġizzjani kollha qalu li ġejjin mill-Iraq.
Jien se nikkwota minn xi sentenzi - mhux se nsemmi l-ismijiet naturalment - li nirċievi meta jiġu rifjutati l-appelli. Dawn huma kampjuni ta' dawn l-appelli li spiċċaw b'mod negattiv. Per eżempju, waħda minnhom tgħid hekk:
“Please note that although you lived in Libya for 27 years and never had any problems over there you still came to Malta illegally in August 2004."
Naturalment dan mhux Libjan imma huwa ta' nazzjonalita` oħra. Pero` xi ħadd li ilu l-Libja 27 sena u qatt ma kellu problema, sakemm jinqata' l-appell se jibqa' f'Malta meta l-każ tiegħu huwa manifestament infondat?
Sentenza oħra tgħid hekk: "You lived and worked in Libya for 11 years ..." Jiġifieri dawk l-immaġini li kultant iġibu fuq it-television li hemm il-gwerra fis-Somalja u jkun hemm min ħarab minn hemm, qasam id-deżert, ħallas ma nafx kemm biex jaqsam id-deżert u rriskja ħajtu u mbagħad wasal il-Libja u qabad l-ewwel dgħajsa lejn l-Ewropa u nzerta wasal Malta, ikunu fil-minoranza. Xi wħud veru jgħaddu minn dan kollu imma dawn ikunu ftit. Dan li qed insemmi kien ilu jaħdem il-Libja 11-il sena u mbagħad tilef il-job li kellu l-Libja u pprova jmur isib job fl-Ewropa u spiċċa f'Malta. Allura dan m'għandux jiġi ripatrijat, se noqogħdu nistennew ix-xhur biex nipproċessaw il-każijiet? Ma ninsewx li kważi kulmin jiġi jipprova japplika għal status ta' rifuġjat.
Il-qorti, bil-bini li għandna u bl-imħallfin u bil-maġistrti li għandna xorta jkollna backlog ta' ma nafx kemm-il kawża, aħseb u ara issa! Kif nistgħu nippretendu li kulħadd joqgħod hemmhekk filgħodu u filgħaxija biex jipproċessa dawn il-każijiet li ħafna drabi jinvolvu intervisti fit-tul? Imbagħad ikollu dritt li jappella u ġieli jagħmel anke kawża kotituzzjonali. Naturalment kawża kostituzzjonali jkollu dritt li jagħmilha imma għallinqas l-appell ma jissospendix id-deportazzjoni f'każ li l-kummissarju għar-rifuġjati - mhux il-gvern - jiddeċiedi li t-talba tiegħu hi manifestament infondata.
Kien hemm każ ta' wieħed li sema' li l-Libja trid persuni suwed biex jaħdmu hemmhekk u mar jaħdem il-Libja. Kulħadd jippretendi li jiġi meqjus bħala rifuġjat jew li ħaqqu l-protezzjoni umanitarja. Oħrajn imorru l-Mali, iċ-Chad, in-Niġerja, ma japplikawx għal status ta' rifuġjat hemmhekk minkejja li hemm uffiċċju ta' l-UNHCR, imbagħad jiġu Malta u jippretendu li nagħtuhom l-istatus ta' rifuġjat aħna. Dawn qegħdin itellfu lill-każijiet l-oħra li huma verament ġenwini għax l-appelli li jiġu ntavolati jwaqqfu l-proċess ta' min forsi verament tilef il-każ tiegħu, m'huwiex każ li hu manifestament infondat u jixtieq li l-każ tiegħu jinqata' mill-bord ta' l-appell. Dan apparti l-kwestjonijiet li jqumu fil-prima stanza.
Kien hemm każ ta' ieħor li ġie hawn Malta u wara sentejn skopra li huwa rifuġjat. Ġie ieħor mill-Jugoslavja u għax il-pulizja tkun se tiddeportah f'daqqa waħda jsir rifuġjat. Ieħor kien il-Libja għal 12-il sena, mar it-Turkija, li hija membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa u kandidat biex tidħol fl-Unjoni Ewropea, ma applikax għal status ta' rifuġjat fit-Turkija, mar il-Libja u pprova jidħol f'Malta, kif irnexxielu jidħol fl-2002. Imbagħad fl-2004 meta l-pulizija jkunu se jiddeportawh għax iġibu d-dokumenti tiegħu f'daqqa waħda jsir rifuġjat.
Għalhekk aħna qegħdin nieħdu deċiżjoni konxja li jekk il-kummissarju għar-rifuġjati jasal għall-konklużjoni li każ ikun manifestament infondat kemm biex wieħed jieħu l-istatus ta' rifuġjat kif ukoll għall-każ ta' protezzjoni umanitarja … U hawnhekk forsi jkun tajjeb li nagħmlu emendi fil-liġi biex nagħmluha ċara li jrid ikun manifestament infondat għal status ta' rifuġjat kif ukoll għall-każ ta' protezzjoni umanitarja. Għandna ħafna każi fejn xi ħadd jiġi rifjutat status ta' rifuġjat, anzi l-maġġoranza hekk huma, u xorta jingħata protezzjoni umanitarja.
It-tieni emenda li qegħdin nipproponu hija dik li jekk tajtek iċ-ċans li tippreżenta l-każ tiegħek quddiem il-kummissarju għar-rifuġjati u tlift, appellajt u l-bord ta' l-appell wasal ukoll għall-konklużjoni li m'għandekx raġun, imbagħad inġibu l-konslu mill-pajjiż tiegħek sabiex jagħmillek intervista biex jinħarġu d-dokumenti ħalli tintbagħat lura u int ma tikkooperax, kif qed ikollna każijiet, f'dak il-każ anke jekk tgħaddi s-sena u anke jekk tgħaddi s-sena u nofs il-bord ta' l-appelli dwar l-immigrazzjoni jkollu dritt li jirrifjuta li jirrilaxxa persuna peress li dik il-persuna ma tkunx ikkooperat biex tintbagħat lura fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħha. Jekk din tkun ikkooperat u d-dokumenti ma waslux allura tiġi rilaxxata wara sena u nofs. Il-policy hija li wara sena u nofs il-pulizija tirrilaxxa lil dik il-perusna li mhux tort tagħha ma tkunx tista' tiġi ripatrijata. Imma jekk ma tistax tiġi ripatrijata tort tagħha m'għandhiex tiġi rilaxxata. Din se nħalluha fid-diskrezzjoni tal-bord li jiddeċiedi għax hemm limitu ta' kemm tista' żżomm persuna f'detenzjoni.
Jien dejjem insemmi każ ta' meta sirt Ministru fl-1998 u kont sibt Alġerin li kien ilu ħames snin fiċ-ċentru ta' detenzjoni f'Ta' Kandja. Jien naħseb li biex wieħed jippreferi li joqgħod ħames snin f'ċentru ta' detenzjoni ma' l-SAG minflok imur lura f'pajjiżu veru jrid ikun hemm xi ħaġa li ġġiegħlu jibża' jmur lura. Jien nista' ngħid li għandna nsakkruhom u ma joħorġu qatt biex nirbaħ il-voti, imma jekk nagħmel hekk dan ikun pajjiż ċivilizzat li jimxi skond il-konvenzjonijiet internazzjonali? Anke min joqtol ikun jaf il-ġurnata meta jkun se joħroġ mill-ħabs u jekk joqgħod bil-għaqal inaqqsulu one-third tas-sentenza tiegħu. Jekk wieħed jagħmel hold-up ikun jaf bejn wieħed u ieħor meta jkun se joħroġ. Xi ħadd li daħal Malta illegalment m'għandniex ngħidulu prosit u għandna nuru li dan m'huwiex pajjiż li jekk tidħol fih legalment jew illegalment ma jimpurtax, pero` mbagħad għandu jkun hemm limitu ta' kemm iżżomm nies f'detenzjoni, apparti l-problemi kbar li toħloq lilek innifsek biex titma' u ssib akkomodazzjoni diċenti lil kulħadd. Ħalli nagħti eżempju.
Aħna nvestejna l-miljuni fiż-żewġ ħabsijiet għax għandna l-ħabs l-antik u l-ħabs il-ġdid. Għandna servizzi ta' psikjatra, psikologu, nurses u tobba barra d-diretturi u l-gwardjani. Jekk inħarsu lejn il-budget naraw li jqumilna xi Lm3 miljun fi spiża rikorrenti. Issa jekk nieħu sena u ngħodd in-nies kollha li jkun hemm il-ħabs kull ġurnata u niddividihon bi 365 insib li jkun hemm bejn wieħed u ieħor 300 ruħ bħala daily average. Imbagħad għandna 1,600 - issa naqsu ftit bir-ripatrijazzjoni ta' l-Eġizzjani - u kulħadd jippretendi li jkollhom l-aħjar kondizzjonijiet, bilkemm ma jgħidux li għandu jkollhom kamra għalihom. Aħna nipprovaw kemm jista' jkun pero` kemm-il ċentru ta' detenzjoni ġdid se nibnu?
Bnejna wieħed, kien hemm żewġ sheds ta' l-armata li kienu lesti u hekk kif il-brigadier kien se jpoġġi l-affarijiet fix-sheds, il-gvern ħadhomlu. Irrid nirringrazzjah għall-kooperazzjoni li wera, li wara li kienu ilhom jinbnew ħadnihomlu u kkonvertejnihom f'ċentri ta' detenzjoni. B'kollox, meta jkun lest anke ċ-ċentru l-ieħor, ikun hemm 1,000 ruħ f'Ħal Safi, u l-oħrajn qegħdin mal-pulizija. Dan in-numru huwa tliet darbiet daqskemm għandna nies il-ħabs. Aħna pajjiż li nistgħu nafforjdaw li nissussidjaw dan il-bini kollu in aeternum għall-immigrazzjoni irregolari? Sfortunatament minħabba l-kriżi li nħolqot kellhom isiru t-tined. Xtaqna kieku nsibu alternattiva oħra, imma s'issa ma sibnihiex.
Għaldaqstant nittamaw li b'din il-liġi li se tħaffef id-deportazzjoni ta' min irid jabbuża nkunu nistgħu nżommu n-numru ta' persuni fiċ-ċentri ta' detenzjoni tagħna f'parametri raġunevoli. Ħalli nagħti eżempju. Illum fiċ-ċentri ta' detenzjoni hemm 33% li ġejjin mis-Sudan jiġifieri għandna 500 Sudaniż. Jekk ħaqqhom jibqgħu hawn, pero' jekk ma ħaqqhomx iridu jmorru lura s-Sudan, tiġi tqum kemm tiġi tqum l-ispiża! Tiġi tqum kemm tiġi tqum! Infakkar lil kulmin jaħseb li hemm xi soluzzjonijiet faċli li d-diffikultajiet mhux se jaqtgħulna qalbna imma lanqas huwa fair li xi ħadd jaħseb li hemm soluzzjonijiet faċli. Tafu kemm hemm nazzjonalitajiet fost il-persuni li hemm f'detenzjoni? Hemm 33 nazzjonalita`, jiġifieri biex ikomplu jikkomplikaw il-problema tagħna dawn l-1,600 ruħ detenut ġejjin minn 33 pajjiż differenti.
Nixtieq nieħu din l-opportunita` wkoll biex inwieġeb lill-ħabib tiegħi l-Onor. Leo Brincat, u qed ngħid "ħabib tiegħi" mhux biss b'korteżija imma għax verament nemmen li huwa bniedem li dejjem jagħti kontribut tajjeb f'din il-Kamra. Dan l-aħħar kiteb f'xi ġurnal li f’Ċipru hemm problema kbira u li l-approval rate hemmhekk hija ħafna aktar baxxa minn dik ta' Malta. Għalhekk donnu implika li l-kummissarju għar-rifuġjati tagħna huwa liberali wisq fil-mod kif jipproċessa.
Huwa veru li f'Ċipru hemm numru għoli ta' immigranti pero` dawn mhux ġejjin, bħalma qed jiġu f'pajjiżna, b'dgħajjes żgħar li jibqgħu deħlin fil-pajjiż jew jagħmlulna sinjal li qegħdin in distress, u verament ikunu in distress. Għidli kif dgħajsa ta' 25 ruħ tista' taqbad u tgħidilha biex iddur lura u tmur minn fejn ġiet, 100 mil lura lejn il-Libja? Mentri f'Ċipru għandhom persuni li jkunu daħlu bil-visa, ikunu jaħdmu illegalment f'Ċipru, imbagħad kif ikunu se jiġu deportati jitolbu għal status ta' rifuġjat għax ikunu mill-Ukraina. Allura dawk faċli tiċħdilhom it-talba tagħhom u faċli tirripatrijahom.
Kont qed nara wkoll x'qed jiġri fl-Irlanda. Minn fejn sejrin l-immigranti irregolari hemmhekk? It-tieni l-iktar post li sejrin minnu huwa r-Rumanija. Imqar li tagħna kienu mir-Rumanija! Ir-Rumanija li qed tapplika biex tidħol fl-Unjoni Ewropea se tiċħad milli taċċetta lura lill-immigranti irregolari? Jekk xi ħadd jiskopri mod kif nista' nibgħat lin-nies lura fis-Somalja u nġib l-ajruplan lura, jgħidli. Hemm ċerti pajjiżi li lanqas relazzjonijiet diplomatiċi m'għandhom. Allura rridu nikkonċentraw fejn għandna l-ikbar problema u nindirizzaw lil dawk il-pajjiżi.
Din hija t-tieni miżura, li min ma jikkooperax biex jintbagħat lura ma jiġix meħlus imma jiġi meħlus biss jekk il-gvern ma jkunx irnexxielu jirripatrijah minħabba raġunijiet li ma taħtix għalihom il-persuna detenuta. Irrid ngħid ukoll li jekk ġejt meħlus bir-regola tas-sena u nofs jew bir-regola tas-sena, titlef il-każ tiegħek u inti ma tikkooperax biex tintbagħat lura l-kummissajru tal-pulizija, bħala l-uffiċjal ewlieni ta' l-immigrazzjoni, ikun jista' jerġa' jarrestak u jitfgħek fiċ-ċentri ta' detenzjoni.
Emendi oħra hija li se jkun possibbli li jinħatru aktar minn kummissarju għar-rifuġjati wieħed. IIlum diġa` daħħalna emenda sabiex ikun hemm iktar minn bord ta' appell wieħed u s-sena li għaddiet waqqafna żewġ bordijiet ta' l-appell. B'emendi li ġew introdotti m'ilux u li ġew sostnuti mill-oppożizzjoni tajna l-poter lill-prim ministru li l-bord ta' l-appell ikun kompost minn persuna waħda minflok tlieta għax irraġunajna li fuq każ ta' għaxar snin ħabs tista' tappella quddiem imħallef wieħed, allura fuq każ ta' rifuġajt m'għandekx tmur quddiem persuna waħda? Issa l-istess struttura ta' l-appell, b'kummissarju ta' l-appell wieħed, se napplikawha fil-prima stanza. Fil-prima stanza se nbiddlu s-sistema li biha jkun hemm kummissarju għar-rifuġajti wieħed u se jkun hemm diversi kummissarji għar-rifuġjati. Forsi fl-istadju ta' kumitat naraw jekk wieħed minnhom ikunx fuq l-ieħor bħala seniority ħalli jkun hemm min jorganizza x-xogħol, imma se jkun hemm iktar minn kummissarju għar-rifuġjati wieħed. Sal-lum konna żidna n-nies fl-uffiċċju biex jintervistaw lin-nies, imma fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni kien jeħodha wieħed. Issa d-deċiżjoni jkunu jistgħu jeħduha diversi nies.
Naf li wieħed jista' jikkritika din il-miżura u jgħid li issa fuq każi li jkunu simili kummissarju għar-rifuġjati wieħed jista' jgħid iva u kummissarju ieħor jgħid le, imma anke fil-qorti jiġru dawn l-affarijiet. Il-kriżi hija tali li ma jistax ikollna struttura piramida imma għandu jkollna numru ta' kummissarji għar-rifuġjati u t-tqassim tal-każi jsir mis-segretarju ta' l-uffiċċju tal-kummisarju għar-rifuġjati.
Sur President, biddilna ftit id-definizzjoni ta' "applikazzjoni manifestament infondata" biex din tkun tinkludi wkoll min japplika iktar minn darba sabiex itawwal iż-żmien jew min japplika f'każ simili li ġie maqtugħ b'mod negattiv mill-kummissarju għar-rifuġjati.
Wara li waqqafna ċ-ċentru tas-servizz ta' detenzjoni se nagħtu poter lill-ministru li jkun jista' jagħmel regolamenti biex jagħti qafas legali lil dan is-servizz ta' detenzjoni. Se nagħtu wkoll iktar poteri lill-uffiċjal prinċipali ta' l-immigrazzjoni f'każ li xi ħadd ikun qed jittrasporta persuni li ma jkollhomx dokumenti validi fuqhom. F'dak il-każ it-trasportatur għandu jassumi r-responsabbilta` għall-ispejjeż imġarrba matul iż-żmien li dik il-persuna toqgħod f'Malta u biex hi terġa' tmur lura.
Nixtieq nagħlaq fuq punt li nispera li ma jkunx kontroversjali. F'xi dikjarazzjonijiet li għamel l-Onor. Gulia qal li l-gvern mhux qed idaħħal lill-oppożizzjoni in its confidence biżżejjed u qal li dan tant hu veru li dan l-abbozz ta’ liġi ma ġiex diskuss ma' l-oppożizzjoni. L-ewwelnett il-gvern għandu ċerta responsabbilta` pero` mbagħad id-diskussjoni u l-konsultazzjoni ssir fil-parlament. Kemm-il darba kien hemm proposti li saru mill-oppożizzjoni li jien aċċettajt fl-istadju ta' Kumitat dwar dan l-abbozz ta’ liġi.
Huwa veru li hemm it-task force, imma din m'għandhiex l-obbligu li tagħmel il-liġijiet. It-task force ma twaqqfitx biex tmexxi l-problema ta' l-immigrazzjoni. Kemm nixtieq li huwa hekk għax kieku nagħmel chairman ta' din it-task force u kull darba li xi ħaġa tmur ħażin nitfa' r-responsabbilta` fuq it-task force. Il-poplu eleġġa lili biex niggverna u sakemm għadni jien ministru ta' l-immigrazzjoni se nibqa' responsabbli politikament fit-tajjeb u fil-ħażin għad-deċiżjonijiet li nieħdu dwar l-immigrazzjoni. Dan m'huwiex kompitu faċli jew sabiħ pero` dak huwa d-destin. Jiġifieri xi ħadd irid jerfa' r-responsabilita`, xi ħadd irid jagħmel dan ix-xogħol f'mument diffiċli u dan qed nagħmlu jien. Illum hemm jien u għada jista' jkun hemm xi ħaddieħor u m'iniex se nirrinunzja għal dak il-poter.
Pero` t-task force twaqqfet biex tfassal politika nazzjonali dwar l-immigrazzjoni irregolari. Per eżempju, fid-draft li jien għaddejt lill-oppożizzjoni hemm ir-raġuni għad-detenzjoni, x'limiti għandu jkollha u x'regoli għandu jkun hemm għad-detenzjoni u qbilna li għandu jkun hemm servizz ta' detenzjoni b'chain of command waħda u fil-fatt dik diġa` implimentajniha.
Imma issa ppermettili nirrispondik li ma jistax ikun li kull darba li nagħmel xi emendi għal-liġi dwar ir-rifuġjati ngħaddiha bilfors mit-task force, iktar u iktar meta hija kwestjoni li naħseb li m'hemmx kontroversja dwarha. Jiġifieri meta xi ħadd japplika u l-każ tiegħu jkun manifestament infondat l-appell ma jissospendix id-deportazzjoni tiegħu. Kieku kienet xi ħaġa li naf li hemm nuqqas ta' qbil komplet dwarha kont immur quddiem it-task force biex nipprovaw insibu qbil, aktar u aktar meta fit-task force hemm nies - mhux l-Onor. Gulia - li jemmnu li m'għandu jkun hemm detenzjoni ta' xejn. Allura jien immur nipprova nipperswadihom li n-nies jistgħu jiġu espulsi meta l-każ tagħhom ikun manifestament infondat jew inkella li xi ħadd jista' jerġa' jiġi arrestat għax ma jikkooperax mal-pulizija biex jiġi deportat. Jekk dawn jemmnu li wara ġimgħtejn kulħadd għandu jinħeles se jaċċettaw li nista' nerġa' narresta n-nies għax ma kkooperawx?
Għalhekk dan ma sar bl-ebda intenzjoni ħażina, u qed nispjega hawnhekk għaliex sar dan l-abbozz ta' liġi. L-Onor Gulia jaf li dan it-task force mexa u ltaqa' fis-sajf - veru li mbagħad siefer hu għall-vaganzi u sifirt jien ukoll, imma naħseb li t-tnejn intitolati għall-vaganzi - u f'dak il-perijodu tas-sajf tfassal id-dokument. Din ma kenitx biċċa xogħol faċli għax kien hemm opinjonijiet differenti u aspetti differenti. U llum għandna dan l-abbozz ta’ liġi li nisgħu nqattgħuh u nerġgħu niktbuh, mhix kwestjoni ta' kemm indumu. F'Malta sirna li kull ħaġa li ssir irridu time frame għaliha. Hawn ċerti affarijiet li trid tagħmilhom malajr għax ikunu urġenti bħal din il-liġi, li mhux se noqogħdu nagħmlu laqgħa fuq laqgħa fuqha, u hemm oħrajn li jekk tagħmilhom malajr ma jkunux misjurin tajjeb. U jekk se nagħmlu politika nazzjonali li nisperaw li se sservi - sakemm il-partijiet ma jqattgħuhiex - se noqogħdu nagħmluha malajr? Irridu nagħmluha b'mod serju biex tkun misjura u mhux noqogħdu nbiddluha kull tant żmien, imma trid tkun il-politika nazzjonali.
Sur President, fi Frar il-gvern ippubblika l-politika tiegħu dwar l-immigrazzjoni irregolari u dakinhar stess għedt li nixtieq li din il-politika tal-gvern, bi ftehim ma' kulħadd wara li jiltaqa' dan it-task force, tiżviluppa f'politika nazzjonali. Jien nemmen li b'daqsxejn ta' sforz - forsi wieħed iċedi biċċa u l-ieħor jaċċetta biċċa oħra - kapaċi naslu għal din il-politika nazzjonali fejn mhux jirbaħ dak jew jirbaħ l-ieħor iżda jirbaħ kulħadd. Nirringrazzjak, Sur President.
Dostları ilə paylaş: |