ONOR. MARIO DE MARCO: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema li ħarġet tikkonsisti minn konċessjonijiet minn miżuri ta’ infurzar. Din hi l-ewwel darba li ġiet imnedija din it-tip ta’ skema li hi regolata permezz ta’ Artikoli 91 u 92 u Kategorija B tat-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Miżura aktar limitata li ilha fis-seħħ numru twil ta’ snin, dik li qabel kienet irregolata minn Artikolu 55B tal-Att dwar l-Iżvilupp tal-Ippjanar u li llum ġiet inkorporata f’Kategorija A tat-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, fil-fatt dejjem kienet amministrata mis-sezzjoni tal-infurzar.
L-artikoli hawn fuq imsemmija huma inkorporati f’Parti VI.2 tal-Att, jiġifieri “Enforcement of Control” li tirrigwarda r-responsabbiltajiet tad-Direttorat tal-Infurzar.
TRASFERIMENT TAL-PROPRJETÀ - CAPITAL GAIN TAX
37390. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset capital gain tax fuq trasferiment ta’ proprjetà mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-lum kull xahar separatament?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-capital gain tax fuq trasferiment ta’ proprjetà mill-1 ta’ Jannar 2011 sa Settembru 2012 tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
RABAT - STALLAZZJONI TA’ LIFT
37391. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għala lift li ġie stallat bejn Block 4 u 5 f’Għerixien Housing Estate fir-Rabat sal-lum mhux qiegħed jitħaddem u dan meta ilu xhur li ġie stallat?
ONOR. CHRIS SAID: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 32595. Iċ-ċirkustanzi sal-lum ma nbidlux u r-residenti għadhom qed jonqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom li joħorġu mill-kuntratt ta’ bejgħ u dan minkejja li l-Awtorità tad-Djar onorat il-parti tagħha u nefqet €47,711 biex isir dan il-lift.
Il-lift ma jistax jinxtegħel mill-istallatur sakemm tiġi appuntata persuna responsabbli hekk kif titlob il-liġi.
APPLIKAZZJONI GĦAL TRASFERIMENT GĦAL SKOLA OĦRA
37392. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tara li t-tifel ta’ ħames snin li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jiġi trasferit mill-iskola primarja ta’ Tal-Pietà għal dik tar-Rabat peress li ommu dejjem tkun ir-Rabat fejn toqgħod ma’ missierha sabiex tieħu ħsiebu?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Din l-applikazzjoni għadha pendenti sakemm tkun ikkonfermata ċerta informazzjoni mogħtija dwar il-post tar-residenza tal-omm u l-istudent.
SPTAR MATER DEI - KUNTRATT GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-UNDERGROUND CAR PARK
37393. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-underground car park tal-Isptar Mater Dei biex jinbena u jitlesta? Liema hi l-kumpanija li ngħatat il-kuntratt għall-immaniġġjar ta’ dan il-car park? Kemm qiegħda titħallas din il-kumpanija mill-Gvern kull sena għal dan il-car park?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li l-ispiża tal-Isptar Mater Dei kienet waħda stabbilita bħala somma fissa għall-isptar kollu, għalhekk l-informazzjoni li qed jistaqsi mhijiex possibbli li tingħatalu. Il-kumpanija li ngħatat il-kuntratt għall-immaniġġjar ta’ dan il-car park hija Parksec Ltd. Din il-kumpanija qiegħda titħallas €118,192.40 fis-sena.
VALLETTA - PAVIMENTAR
37394. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jara x’miżuri jistgħu jittieħdu biex il-pavimentar ġdid li qiegħed isir fil-Belt ma jibqax jiġi mtebba’ biż-żejt tal-vetturi li jgħaddu minn fuqu?
ONOR. AUSTIN GATT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 36580.
MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA - DIRECT ORDERS
37398. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36728 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena mill-Ministeru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta’ flus globali?
ONOR. MARIO DE MARCO: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
MEPA - PERMESSI GĦAL XOGĦLIJIET TA’ RIJABILITAZZJONI TA’ WIDIEN
37399. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura: Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-permessi li ħarġet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni tal-widien f’Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena?
ONOR. MARIO DE MARCO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat għaxar applikazzjonijiet relatati ma’ rijabilitazzjoni ta’ widien f’Malta u Għawdex.
Tabella li tagħti rendikont tal-applikazzjonijiet sena b’sena, inkluż il-lokalità hux f’Malta jew f’Għawdex (Annex 1) kif ukoll tabella oħra li turi aktar fid-detall il-proposta u l-lokalità ta’ kull applikazzjoni, tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U KONSUMATUR - DIRECT ORDERS
37400. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36729 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena mill-Ministeru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta’ flus globali?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninforma l-Onor. Interpellant li sa Settembru ngħataw b’kollox 11-il direct order li b’kollox jammontaw għal €195,564 mill-Ministeru tiegħu.
TRANSPORT MALTA - ADMINISTRATION DEPARTMENT
37413. L-ONOR. JOSEPH M. SAMMUT staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha Transport Malta mingħajr administration department liema dipartiment huwa integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li r-rwol tal-administration department kien integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services tal-awtorità mat-twaqqif tagħha fl-2010.
TRANSPORT MALTA - XOGĦLIJIET TA’ SPEED BUMPS
37414. L-ONOR. JOSEPH M. SAMMUT staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 36548, ġaladarba l-informazzjoni tinżamm mal-istatistika ta’ xogħlijiet oħra, jista’ l-Ministru jipprovdi din l-istatistika flimkien mal-lista tal-kuntrattur/i u jindika dawk il-postijiet ta’ fejn ġie stallat ix-xogħol imsemmi? Jista’ jgħid jekk kienx hemm direct order fuq dawn ix-xogħlijiet?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li l-ġbir ta’ informazzjoni sabiex titwieġeb din il-mistoqsija jirrikjedi ammont sproporzjonat ta’ ħin u riżorsi u sakemm l-Onor. Interpellant ma jispjegax ir-raġuni għaliex għandu bżonn din l-informazzjoni ma jidhirlix li jkun utli li naħlu riżorsi finanzjarji u umani biex dan isir.
WIED QANNOTA - XOGĦOL TA’ TĦAMMIL
37415. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied Qannota bejn il-Wardija u Burmarrad matul dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena? X’permess relatati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32260, tajjeb li nfakkaru wkoll f’dak li diġà kont spjegajt fl-istess tweġiba u cioè li l-widien maġġuri jiġu mnaddfa kull sena biex barra li jkunu jistgħu jilqgħu fihom volum akbar ta’ ilma fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar u li d-deċiżjoni dwar l-għażla ta’ fejn isir dan it-tindif tittieħed wara li jsiru spezzjonijiet fihom wara konsultazzjoni mal-MEPA biex tiġi protetta l-ekoloġija u l-biodiversità tal-istess widien.
Barra minn hekk, id-dipartiment konċernat fl-2012 ippropona li jsir tindif ta’ parti oħra minn dan il-wied u ntbagħtet notifika lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien ma’ sottomissjoni ta’ studju ekoloġiku kif mitlub mill-istess awtorità. Il-permess għal dan ix-xogħol għadu ma nħariġx.
RABAT - WIED TAL-FIDDIEN - XOGĦOL TA’ TĦAMMIL
37416. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat matul dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena? X’permessi relatati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 37415 ninfurmah li fl-ewwel parti ta’ din is-sena intbagħtet notifika lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex isir xogħol ta’ tindif f’parti mill-Wied tal-Fiddien. Dan ix-xogħol inbeda f’Awwissu wara li ħareġ il-permess neċessarju fiż-żona fejn hemm il-picnic area.
WIED IL-QLEJGĦA - XOGĦOL TA’ TĦAMMIL
37417. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied il-Qlejgħa fil-limiti tar-Rabat u Mosta matul dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena? X’permessi relatati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37415.
TFAL WEĦIDHOM FUQ IL-VANNIJIET TAL-ISKOLA
37436. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy dwar tfal tal-kindergarten li jitwasslu l-kindergarten ġo vannijiet waħidhom u ma jkollhom lil ħadd jakkumpanjahom? Min hu responsabbli għas-sigurtà tagħhom?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-provvediment tas-servizz tat-trasport fil-livell primarju hu konformi mal-obbligi legali, jiġifieri jkopri l-istudenti primarji li huma ta’ età obbligatorja. Dawn l-istudenti jikkwalifikaw għas-servizz tat-trasport skont jekk jikkwalifikawx għat-trasport minħabba distanza jew riskju fit-triq. Jekk fuq il-van/coach partikolari li jwassal l-istudenti ta’ xi rotta tal-primarja jkun fadal postijiet vojta, dawn jistgħu jimtlew minn studenti tal-kindergarten li jkollhom ħuthom akbar minnhom fil-primarja. Barra minn hekk, jistgħu jiġu approvati ġenituri li b’mod volontarju joffru s-servizz tagħhom skont ftehim bejn il-kap tal-iskola u l-ġenituri volontarji. Dan il-ftehim irid ikun approvat mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.
Wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitatjiet konċernati, fosthom Transport Malta, l-Pulizija u l-kunsilli lokali qiegħed jitħejja dokument sabiex iservi ta’ gwida f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-iskejjel.
SUPPLY LSAs - INFORMAZZJONI
37437. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm fil-lista supply LSAs li għaddew mill-intervisti tagħhom u qed jistennew li jintużaw skont il-bżonn? Kemm kien hemm li bagħtu għalihom s’issa din is-sena u kemm fadal fuq il-lista?
ONOR. DOLORES CRISTINA: In-numru ta’ supply LSAs li għaddew mill-intervisti li saru b’kollox jammontaw għal 375. S’issa din is-sena ssejħu 160. Għaldaqstant fuq il-lista fadal 215. Dawn jissejħu skont il-ħtieġa.
PEMBROKE - TRIQ GABRIEL HENIN - KAROZZI ABBANDUNATI
37438. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta l-Pulizija beħsiebha tieħu l-passi meħtieġa biex tneħħi karozzi li jkunu ilhom xhur ipparkjati illegalment u abbandunati fi Triq Gabriel Henin, Pembroke?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li ttieħdu l-passi neċessarji.
KORP TAL-PULIZIJA - INVESTIGAZZJONI DWAR KAROZZA LI TINSAQ MINN ĠUVNI TAĦT L-ETÀ
37439. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija tistax tindaga fuq min hi reġistrata l-karozza, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tinstaq illegalment minn ġuvni taħt l-età regolarment u jieħdu l-passi meħtieġa biex iwaqqfu dan l-abbuż?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Infurmat li l-Pulizija ħadet tl-passi neċessarji.
BONUS LILL-ANZJANI
37440. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-miżura ta’ għoti ta’ €300 għal anzjani ’l fuq minn 80 sena ħaduhiex l-anzjani kollha intitolati u sħaħ, jew proporzjonalment skont meta twieldu, għax spiċċajna li €300 jidher li ħaduha biss dawk li għalqu sninhom f’Jannar?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għotja msemmija ta’ €300 fis-sena hi dovuta lil dawk l-anzjani li jilħqu 80 sena u li jkunu għadhom jgħixu ġewwa darhom jew ma’ familjari.
Għaldaqstant dawk l-anzjani li f’Jannar kienu diġà laħqu l-età ta’ 80 u kienu qegħdin jgħixu ġewwa darhom jew ma’ familjari ngħataw is-somma sħiħa ta’ €300 filwaqt li dawk li laħqu l-età ta’ 80 matul is-sena kurrenti qegħdin jieħdu somma pro-rata ta’ €300 li tkopri mid-data li fiha jilħqu 80 sal-aħħar tas-sena.
Inżid ukoll illi kull anzjan li matul is-sena kurrenti rċieva jew se jirċievi is-somma ta’ €300 jew parti minnha, f’Jannar tas-sena d-dieħla jirċievi l-ammont sħiħ.
PJANIJIET GĦALL-ISPTAR ZAMMIT CLAPP
37464. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-binja tal-Isptar Zammit Clapp, li kienet tintuża bħala sptar ta’ rijabilitazzjoni, għax-xhur u snin li ġejjin?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li bħalissa l-Isptar Zammit Clapp qiegħed jintuża bħala nursing home għall-anzjani wara li sarlu refurbishment estensiv. Ta’ min jgħid li permezz ta’ dan il-proġett kien hemm żieda ta’ 96 sodda għall-anzjani.
TRASPORT PUBBLIKU - TALBA GĦAL TIBDIL TEMPORANJU FIR-ROTOT
37465. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jintervjeni għax anzjani li s-soltu jagħmlu użu miċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Mosta, issa li dawn is-servizzi imxew għaċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, qed jaqbdu l-karozza tal-linja, jinżlu fil-bypass ta’ Birkirkara. jaqsmu l-bypass u jinżlu niżla? Jista’ l-Ministru jintervjeni sabiex Transport Malta tbiddel temporanjament ir-rotta tagħha u jkun hemm karozza tal-linja li tgħaddi apposta minn ħdejn iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara ħalli dawn l-anzjani u persuni bi problemi ta’ mobbiltà jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
MOSTA - ĊENTRU TAS-SAĦĦA - SERVIZZI
37466. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi tħallew fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta issa li fil-bini ta’ din iċ-ċentru għaddej xogħol estensiv ta’ rranġar u mmodernizzar?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li fil-bini taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta baqa’ jingħata biss servizz ta’ radjoloġija. Madankollu sar arranġament biex fil-binja tal-kunsill lokali tinfetaħ berġa għal bżonnijiet tar-residenti tal-lokal b’mod temporanju sakemm isiru x-xogħlijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
MOSTA - ĊENTRU TAS-SAĦĦA - SERVIZZI
37467. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li x-xogħol ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Mosta jitlesta u jerġa’ jibda jingħata s-servizz li kien mdorri jieħu l-poplu minn dan iċ-ċentru tas-saħħa?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li sakemm il-proċess tat-tenders jitlesta mingħajr dewmien huwa ppjanat li l-proġett ikun finalizzat matul l-ewwel sitt xhur tal-2013.
BENEFIĊĊJI SOĊJALI – KAŻ TA’ PERSUNA LI MHUX TIRĊIEVI Ċ-CHILDREN’S ALLOWANCE
37507. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li suppost tibbenefika minn children allowance ilha ma tirċievi dawn l-allowances aktar minn ħames xhur?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu se tirċievi l-pagament dalwaqt. Id-dewmien irriżulta minħabba li ntalbu xi dokumenti mingħand il-persuna u l-każ seta’ jinħadem wara li waslu dawn id-dokumenti.
BENEFIĊĊJI SOĊJALI - TALBA GĦAL BENEFIĊĊJI SOĊJALI
37510. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid x’possibbiltà hemm li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li m’għandhiex l-ebda dħul finanzjaju u cioè benefiċċji soċjali terġa’ tibda tieħu xi forma ta’ għajnuna?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata diġà ġiet infurmata b’ittra li ħarġet mid-dipartiment fil-15 ta’ Ottubru dwar il-każ tagħha.
KUNTRATT FINALI TA’ GARAXX
37514. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jsir il-kuntratt finali tal-garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt finali tal-garaxx ma jistax jiġi ffirmat għalissa peress li l-art li fuqha hemm mibni l-garaxx għadha ma ġietx trasferita lill-Awtorità tad-Djar.
KUNTRATT FINALI TA’ GARAXX
37515. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur: Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jsir il-kuntratt finali tal-garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art fuq liema hemm mibni dan il-garaxx għadha qed tiġi akkwistata mill-Gvern. Għaldaqstant qabel ma jitħallsu s-sidien oriġinali għall-akkwist ta’ din l-art u l-proprjetà tiġi trasferita lill-Awtorità tad-Djar, il-kuntratt finali tal-garaxx li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament ma jistax isir għalissa.
DIPARTIMENT TAL-PROPRJETÀ TAL-GVERN - APPLIKAZZJONI
37516. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur: Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament quddiem id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninsab infurmat illi t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qed tiġi evalwata. Fil-fatt qed isir ix-xogħol kollu neċessarju sabiex il-proprjetà inkwestjoni toħroġ għall-kiri permezz ta’ sejħa għall-offerti wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Kumitat tat-tenders fi ħdan id-Dipartiment. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta toħroġ is-sejħa għall-offerti, il-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament, kif ukoll kull applikant ieħor li jista’ jkun hemm għal din il-proprjetà, jiġu infurmati bil-miktub.
RESERVED PARKING BAY
37517. L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’possibbiltà hemm li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha reserved parking bay ikollha n-numru tal-karozza tiegħha mmarkat mal-art?
ONOR. AUSTIN GATT: Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
SAN PAWL IL-BAĦAR - TRIQ IS-SIMAR - XOGĦLIJIET
37518. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol marbut ma’ Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar?
ONOR. AUSTIN GATT: Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 36028 u 37042, ninsab infurmat li sabiex tipprova ttaffi l-inkonvenjent f’din it-triq, Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti għall-engineering consultancy biex isir studju fuq il-materjal li jinstab f’din it-triq. Din is-sejħa bħalissa qiegħda tiġi evalwata. Se jsiru wkoll jersey barriers f’parti ta’ din it-triq sabiex jitneħħa l-periklu li hemm.
XOGĦLIJIET TA’ RESTAWR
37519. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol ta’ restawr tas-salini, tal-estensjoni ta’ Kennedy Grove u tax-xogħol fil-ġnien li għandu jinbena qrib l-akwarju fil-Qawra?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34391 ninfurmah li x-xogħol għaddej skont il-pjan kif spjegajt fl-stess tweġiba.
Rigward ir-restawr tas-Salini ngħid li s’issa s-salini ġew imbattla mill-ilma u qegħdin jiġu imħammla. Fil-gimgħat li ġejjin ix-xogħol tar-restawr se jkun intensifikat kin mistenni wara li sar id-deterioration mapping kemm fuq il-ħitan ta’ ġewwa s-salini kif ukoll fuq il-ħitan li jħarsu fuq is-sukkursu l-kbir. Il-bini tal-pendamenti għal huts tal-injam li se jinbnew qegħdin f’fażi avvanzata u mistenni li għall-aħħar ta’ din is-sena l-huts jibdew jinbdnew. Ir-restawr fuq ix-Ximenes Redoubt kważi tlesta u issa se jibda ix-xogħol ta’ tlestija.
Sejrin jinħarġu wkoll sejħiet għall-offerti fil-ġimgħat li ġejjin għall-bini ta’ underpass biex jgħaqqad ix-Ximenes Redoubt li se jservi bħala interpretation centre mas-Salini u sejħa oħra għax-xogħlijiet ta’ tindif u rijabilitazzjoni fuq il-garrigue u salt marsh.
Bħalissa wkoll għaddej il-proċess tal-applikazzjoni mal-MEPA biex jinħarġu l-permessi neċessarji għall-estensjoni tal-parti l-ġdida ta’ Kennedy Grove.
KUNSILLI LOKALI - AMMONT TA’ DIRECT ORDERS
37520. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-mod kif jiġi kkontrollat l-ammont ta’ direct orders li joħorġu mill-kunsilli lokali? Kull kemm żmien jiġu verifikati l-ammonti li jingħataw bħala direct orders mill-kunsilli lokali differenti? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi trend partikulari li ċertu kunsilli jirrikorru għal direct orders minflok għat-tendering?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xiri ta’ xogħlijiet, oġġetti u servizzi minn kunsilli lokali huwa regolat permezz tar-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Finanzi) tal-1993. Il-kunsilli lokali kollha huma awditjati minn awdituri mqabbda apposta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Barra minn hekk il-monitoring unit tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali jeżamina l-iskeda tal-pagamenti kif ukoll il-minuti tal-kunsilli lokali biex jekk jidher li xi kunsill lokali ma jkunx qiegħed jimxi skont dwan ir-regolamenti, tinġibidlu l-attenzjoni biex jirregolarizza ruħu.
KUNSILLI LOKALI TAS-SEBA’ DISTRETT ELETTORALI - QUOTATIONS
37521. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta’ quotations li ħarġu mill-kunsilli lokali tas-seba’ distrett elettorali matul l-aħħar sitt xhur sa Settembru 2012 kunsill kunsill? X’tip ta’ xogħol inħareġ permezz ta’ kwotazzjonijiet? X’ġustifikazzjoni kien hemm biex dawn ix-xogħlijiet isiru bi kwotazzjoni mhux permezz ta’ tenders speċifiċi?
ONOR. LAWRENCE GONZI: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
KUNSILLI LOKALI TAL-11-IL DISTRETT ELETTORALI - QUOTATIONS
37522. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta’ quotations li ħarġu mill-kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali matul l-aħħar sitt xhur sa Settembru 2012 kunsill kunsill? X’tip ta’ xogħol inħareġ permezz ta’ kwotazzjonijiet? X’ġustifikazzjoni kien hemm biex dawn ix-xogħlijiet isiru bi kwotazzjoni mhux permezz ta’ tenders speċifiċi?
ONOR. LAWRENCE GONZI: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
KUNSILLI LOKALI TAT-12-IL DISTRETT ELETTORALI - QUOTATIONS
37523. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta’ quotations li ħarġu mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali matul l-aħħar sitt xhur sa Settembru 2012 kunsill kunsill? X’tip ta’ xogħol inħareġ permezz ta’ kwotazzjonijiet? X’ġustifikazzjoni kien hemm biex dawn ix-xogħlijiet isiru bi kwotazzjoni mhux permezz ta’ tenders speċifiċi?
ONOR. LAWRENCE GONZI: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
QASAM TAS-SAĦĦA - TILQIM KONTRA L-INFLUWENZA
37529. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jingħata t-tilqim kontra l-influwenza miċ-ċentri tas-saħħa? Jista’ jagħti timetable ta’ kif se jsir dan it-tilqim?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li t-tilqim kontra l-influwenza beda jingħata miċ-Ċentri tas-Saħħa mit-Tnejn, 22 ta’ Ottubru.
It-tilqim miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha jingħata:
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 10.00 a.m sa 1.30 p.m.
Is-Sibtijiet 10.00 a.m sa 12.30 p.m.
It- tilqim wara nofsinhar fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ B’Kara, il-Furjana u Raħal Ġdid jingħata:
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn 2.00 p.m. u 7.00 p.m.
Is-Sibtijiet 1.00 p.m u 7.00 p.m.
KAMPANJA BIEX STUDENTI JIEKLU FROTT FRISK
37530. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kampanja biex iħeġġu t-tfal jieklu frott frisk ġewwa l-iskejjel hijiex se titkompla din is-sena wkoll?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-iskema tal-Frott u l-Ħaxix se titkompla din is-sena.
Dostları ilə paylaş: |