Dibattiti tal-kamra tad-deputati

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 434.86 Kb.
səhifə2/7
tarix30.07.2018
ölçüsü434.86 Kb.
1   2   3   4   5   6   7

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. LAWRENCE GONZI: Sur President, inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:-
Tagħrif dwar rati applikabbli b’konnessjoni ma’ applikazzjonijiet ta’ garages fil-każ ta’ bini kummerċjali u fil-każ ta’ bdil ta’ użu, bi tweġiba għall-mistosija parlamentari numru 405.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru għal Għawdex.
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Sur President, f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 134 ta’ l-2008 – Regolamenti ta’ l-2008 li jemendaw ir-Regolamenti dwar l-Ogħla Livelli ta’ Residwi ta’ Pestiċidi li Joriġinaw minn Pjanti,
f’isem il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar l-għadd u t-tip ta’ reati mwettqa u l-għadd ta’ persuni misjuba ħatja ta’ reati kriminali bejn Ottubru 2007 u April 2008, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 289; u

Tagħrif dwar l-għadd u t-tip ta’ serqiet imwettqa u dwar l-għadd ta’ każi ta’ serq solvuti bejn Ottubru 2007 u April 2008, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 290.


MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:-
Sketch li turi l-qisien ta’ round-topped road hump, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 370.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet. Il-Ministru Gatt.

MOZZJONIJIET

ABBOZZ TA’ L-LIĠI LI JEMENDA

L-ORDINANZA DWAR L-ESPOLSIVI



ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, f’isem il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, nipproponi l-Ewwel Qari ta’ l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att ta’ l-2008 li jemenda l-Ordinanza dwar l-Esplosivi.”.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att ta’ l-2008 li jemenda l-Ordinanza dwar l-Esplosivi, Kap. 33” ikun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta’ Liġi nqara l-Ewwel Darba.
MR SPEAKER: Ngħaddu għall-Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IR-REĠISTRU ĊENTRALI

CENTRAL REGISTRY BILL



ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, għandi Messaġġ mingħand il-President ta’ Malta.
MR SPEAKER: Se naqra l-Messaġġ tal-President:
EDWARD FENECH ADAMI

PRESIDENT
Il-President wara li kien informat dwar is-suġġett ta’ l-Abbozz ta’ Liġi biex “iħassar u jerġa’ jdaħħal fis-seħħ l-Att dwar ir-Reġistru Pubbliku u l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ l-Artijiet, u biex jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni ċentrali waħda għar-reġistrazzjoni tal-ħwejjeġ kollha rigward il-persuna jew il-proprjeta` immobbli li jeħtieġu reġistrazzjoni biex ikollhom effett fir-rigward ta’ terzi”, jirrakkomandah għall-konsiderazzjoni tal-Kamra tad-Deputati.

21 ta’ Mejju 2008


ONOR AUSTIN GATT: Sur President, nipproponi t-Tieni Qari ta’ l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. EDWIN VASSALLO: Nissekonda.
MR SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, fir-realta` qiegħed inressaq dan l-abbozz ta’ liġi f’din il-Kamra għat-tieni darba għax dan kien diġa` ġie ppreżentat fil-leġislatura preċedenti permezz ta’ abbozz ta’ liġi ppubblikat f’Ottubru ta’ l-2003. Dak l-abbozz ta’ liġi kien ir-riżultat ta’ xogħol li kien sar minn grupp ta’ nutara flimkien ma’ grupp min-naħa tal-gvern li ħadmu għal diversi snin sabiex iressqu ‘l quddiem din l-idea ta’ reġistru ċentrali wieħed li ma jikkomprendix biss fih il-kwestjoni tal-proprjeta`, pero` jikkomprendi wkoll l-atti tas-civil status, u aktar ‘il quddiem irid jirrifletti wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ l-entitajiet legali.
Mela kif diġa` għedt, l-abbozz ta’ liġi relattiv kien ġie ppubblikat f’Ottubru ta’ l-2003 u kien ġie pilotat f’din il-Kamra mill-kollega tiegħi l-Onor. Tonio Borg bħala l-ministru responsabbli mill-ġustizzja u assistit mill-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici. It-Tieni Qari kien ġie wkoll approvat minn din il-Kamra bi qbil taż-żewġ naħat f’Ġunju ta’ l-2004. Għaldaqstant qegħdin nitkellmu fuq liġi li fil-prinċipju qegħdin naqblu magħha. Meta qrajt ir-records sibt li ż-żewġ naħat tal-Kamra kkontribwew fil-kumitat sabiex jagħmlu dan l-abbozz ta’ liġi aħjar milli kien. B’kollox dan l-abbozz ta’ liġi kien fih madwar 90 klawsola. U minkejja li fih kien hemm il-messaġġ tal-President u allura teknikament dan l-abbozz ta’ liġi kellu jiġi dibattut f’din il-Kamra, kien hawn qbil bejn iż-żewġ naħat li minħabba t-teknikalita` kbira li kellu, kien ikun ħafna aħjar li kieku mmorru fil-kumitat tal-konsiderazzjoni ta’ l-abbozzi ta’ liġi sabiex niddiskutuh aktar fil-fond u niddiskutuh klawsola klawsola.
Sur President, naħseb li l-mod li bih imxejna dakinhar kienet idea tajba u li nirrakkomandaha għal din id-darba wkoll għax hemmhekk kienet saret diskussjoni ħafna aktar profonda, twila u raffinata milli setgħet issir f’din il-Kamra. Fil-fatt, minn 90 klawsola li kellu l-att prinċipali, il-kumitat tal-Kamra, sakemm ġejna għax-xoljiment tal-parlament minħabba l-elezzjoni, kien diġa` għadda 49 klawsola fil-forma oriġinali tagħhom jew inkella hekk kif ġew emendati. L-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna llum jirrifletti dak kollu li kien ġie maqbul dakinhar. Mela l-ewwel 49 klawsola huma miktubin skond l-emendi li konna qbilna dwarhom qabel, mentri l-oħrajn għadhom fil-forma oriġinali tagħhom. Irrid ngħid ukoll li għalkemm jiena – biex inkun ġust maż-żewġ naħat tal-Kamra - rripproduċejt l-ewwel 49 klawsola, kien hemm xi żewġ klawsoli jew tlieta li għandhom x’jaqsmu mas-sistema ta’ l-IT, speċjalment fejn hemm id-deskrizzjoni tad-databank, li sfortunatament ma nikkonċepix x’inhu databank. Għalhekk naħseb li fil-kumitat inkunu nistgħu nirfinawhom ħafna aħjar ħalli b’hekk inkunu aktar in line mat-teknika kif għandha tkun.
Jien m’għandi assolutament l-ebda intenzjoni li niddevja minn dak li l-kollegi tiegħi kienu għamlu diġa` fil-kumitat. Għaldaqstant se nibda billi ngħid li, fl-opinjoni tiegħi, fuq dan l-abbozz ta’ liġi se nsibu l-kunsens tan-naħa l-oħra sabiex minflok niddiskutuh f’din il-Kamra, niddiskutuh fil-kumitat għal konsiderazzjoni ta’ l-abbozzi ta’ liġijiet għax hemmhekk ikollna aktar il-possibbilta` li niddiskutu f’atmosfera ħafna inqas formali milli jkollna hawnhekk. B’hekk inkunu nistgħu nagħtu lil pajjiż abbozz ta’ liġi li bih inkunu nistgħu verament nimmodernizzaw din l-area tant importanti, li sa ċertu punt għandha storja warajha, imma forsi minħabba li hija marbuta intimament mal-kamp legali, huwa notorju kemm iddum sabiex tbiddel xi ħaġa. Imma b’dan id-dewmien ibati l-pubbliku u jbatu wkoll l-avukati u n-nutara li jipprattikaw f’dan il-qasam minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għall-materja prima li tkun tant bżonnjuża.
Naħseb daqs kemm – ippermettuli ngħidha għax anke jien għamiltha – irrivoluzzjonajna l-mod ta’ kif issir ir-riċerka tal-liġi u tal-legal notices meta b’ċerti oġġezzjonijiet mill-kamp legali tradizzjonali għamilna l-liġijiet u l-legal notices kollha fuq database partikolari u searchable minn kulħadd, daqshekk ieħor inkunu rrivoluzzjonajna l-mod ta’ kif issir ir-riċerka f’dawn l-oqsma meta nagħmlu dan ir-reġistru ċentrali. Jiena nixtieq li fid-diskussjoni nżommu żewġ aspetti li forsi ntesew meta wieħed jitkellem fuq ir-reġistru ċentrali. Ir-reġistru ċentrali se jissostitwixxi l-insinwa, ir-reġistru pubbliku u l-land registry. Hawnhekk m’aħniex qegħdin nitkellmu biss fuq reġistru għal proprjeta` u lanqas qegħdin nitkellmu biss fuq metodu ġdid ta’ kif tfittex ta’ min hu dak il-post jew dik l-għalqa, imma qegħdin nitkellmu wkoll fuq żewġ affarijiet essenzjali li mingħajrhom dan ma jistax jaħdem.
Sur President, flimkien mar-reġistru tal-proprjeta` irridu noħolqu r-reġistru tal-persuni u r-reġistru ta’ l-entitajiet legali. Dan kollu jrid jorbot ma’ sistema sofistikata ta’ l-IT li tkun aċċessibbli minn kullimkien u searchable minn kulħadd. Mingħajr din is-sistema ma jkollna assolutament xejn u naqgħu fin-nassa li hemm illum fejn irridu niddependu minn terzi u rridu naħdmu kollox manwalment. Jekk f’din is-sistema kollha m’aħniex lesti li nikkommettu ruħna għal proċess li jkun IT driven u li sa ċertu punt ikun designed sabiex l-IT tkun tista’ tużah, allura ma nkunux ilħaqna l-għan aħħari tagħna, li huwa dak li noħolqu sistema komda għal min jipprattika f’dan il-qasam u anke sabiex tagħti lill-poplu sistema moderna ta’ riċerka u ħażna ta’ informazzjoni.
L-iskop primarju ta’ din is-sistema se jkun dak li noħolqu r-reġistru ċentrali. Illum qbadt il-kapitlu 56 ta’ l-Att dwar ir-Reġistru Pubbliku fejn tidħol l-insinwa. Imbagħad għandna l-Land Registry li saret fl-1981 – jekk niftakar sew - regolat bil-kapitlu 296 fejn għandna essenzjalment l-istess informazzjoni li għandek fl-insinwa b’ħafna iktar dettal u marbuta mal-lok fejn qiegħed il-post. Ir-reġistru ċentrali għandu skop wieħed. Irridu neliminaw id-duplikazzjoni għax dak li qed jiġi reġistrat fl-insinwa jrid jiġi reġistrat in parti fl-insinwa u in full fil-Land Registry. Madankollu dak li jidħol fl-insinwa ma jidħolx kollu fil-Land Registry, pero` dak li jidħol fil-Land Registry qiegħed kollu hemm hu sħiħ filwaqt li huwa in parti fl-insinwa.
L-ewwel skop tar-reġistru ċentrali huwa dak li titneħħa d-duplikazzjoni. It-tieni skop huwa dak li pajjiżna x’aktarx huwa wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li fl-aħħar se jkollu reġistru li jgħidlek min huwa s-sid tat-tali proprjeta` skond il-lokazzjoni ta’ dik il-proprjeta`. Jien noqgħod 227 Republic Street il-Belt, pero` jekk tmur tfittex ta’ min hu l-post li qiegħef f’227 Republic Street il-Belt m’intix se ssib lili. Biex issib lili trid tmur tfittex taħt Austin Gatt. Jerġa’, il-post iwrittu mingħand missieri u allura se ssibu taħt il-causa mortis. Għalhekk se nbiddlu dan kollu - nisperaw li ma ndumux ħafna - ħalli jkollna reġistru li bih tinqeda meta tagħmel ir-riċerka tiegħek. Mela, jekk tkun trid taf ta’ min hi dik l-għalqa jew dar, tagħti l-indirizz u ssib min għandu interess fuq dik l-art jew dar.
Kif għedt din hija kolonna waħda. Dan huwa r-reġistru tal-proprjeta` li se jkun driven mill-indirizz tal-proprjeta` u se jkollu aċċess faċli għal kulħadd ħalli dak li jkun ikun jista’ jiċċekkja ta’ min hi l-proprjeta`. Forsi l-aktar punt importanti, speċjalment mill-aspett legali, huwa dak li l-liġi, għall-ewwel darba, se tagħti ċertezza tat-titolu. Wara ċertu żmien li joħroġlok titolu mir-reġistru ċentrali, inti għandek ċertezza legali ta’ dak it-titolu. Ovvjament hawnhekk m’iniex se nidħol f’ħafna dettalji, pero` avukat japprezza li, per eżempju, meta nakkwista bil-preskrizzjoni, hemm ċerti diffikultajiet sabiex inti takkwista. Hemm ukoll diffikultajiet oħra fuq it-titoli li joħorġu mill-insinwa u li ma joħorġux mil-Land Registry. Imma ladarba jkollna sistema waħda, inti se jkollok ċertezza ta’ titolu. Ovvjament qegħdin ukoll nirregolaw il-mod ta’ kif wieħed jista’ jikkkontesta, pero` dik hija xi ħaġa li rridu niddiskutuha f’din il-Kamra għax hija xi ħaġa teknika ħafna. Għaldaqstant f’dan l-istadju m’iniex se noqgħod nidħol fil-legaliżmi u l-problemi legali li jistgħu jinqalgħu u l-mod ta’ kif qegħdin nipproponu li dawn jistgħu jiġu solvuti, imma se nħallihom għall-istadju ta’ kumitat. Mela kif għedt l-ewwel reġistru huwa r-reġistru tal-proprjeta`.
It-tieni reġistru huwa r-reġistru tal-persuni. Dan huwa reġistru li joħloq s-civil status. Illum diġa` għandna r-reġistru pubbliku insinwat, l-atti tat-twelid, l-atti taż-żwieġ, l-atti tal-mewt, l-atti ta’ l-adozzjoni u oħrajn. Illum minn dan ir-reġistru joħorġu żewġ affarijiet; għandek l-identity card u s-central database. Is-central database huwa l-metodu informali li ilu jeżisti għal dawn l-aħħar 20 sena u li bih, internament fil-gvern, tista’ tfittex min twieled, min miet u dawn l-affarijiet kollha. L-idea kienet li internament ma nibqgħux nistaqsu għaċ-ċertifikati, u allura meta tmur tapplika għall-pensjoni, l-iskrivan ma jgħidlekx biex tagħtih iċ-ċertifikat tat-twelid. Sfortunatament, minkejja li dan huwa aċċessibbli fid-dipartimenti kollha tal-gvern, xorta waħda għadna nistaqsu għaċ-ċertifikati. Ir-raġuni nterna li dejjem ingħatat kienet dik li huwa ċ-ċertifikat ut sic li għandu rabta legali. Din nista’ nikkontestaha, pero` se nsemmiha ħalli nkun għedtha. U allura d-dipartimenti jibqgħu jinsistu fuq li jingħataw kopja taċ-ċertifikat.
Ladarba f’din il-liġi nagħtu titolu legali, titniżżel fuq il-common database bħala d-database li għandha tiġi wżata biex jiġi ċertifikat s-civil status, noqtlu darba għal dejjem il-bżonn li meta inti tapplika għal xi ħaġa dawn jitolbuk iċ-ċertifikati kollha li diġa` hemm reġistrati x’imkien ieħor. Se nnaqqsu sostanzjalment mid-dħul għall-gvern għax din is-sistema tintuża wkoll biex il-gvern idaħħal il-flus meta wieħed jitlob iċ-ċertifikati, pero` ċertament se nagħmlu l-ħajja ta’ kulħadd faċli. Mir-reġistru tas-civil status, kif diġa` għedt, se joħorġu l-identity card. Eventwalment irridu nbiddlu wkoll il-liġi li tirregola l-identity card għal diversi raġunijiet li m’iniex se noqgħod nidħol fihom illum.
Din hija liġi antika li saret fl-1975, jekk niftakar sew, u ftit li xejn saru emendi minn dak iż-żmien u jeħtieġ naġġornawha għal raġuni importanti ħafna wkoll, li s-sena d-dieħla huwa maħsub li l-identity card il-ġdida jkollha electronic chip ġo fiha li nkunu nistgħu naħżnu ġo fiha dik l-informazzjoni li wieħed jidhirlu li għandu jaħżen. Fosthom, għalija importantissima, huwa l-health record individwali ta’ kull persuna li eventwalment jorbot mas-sistema li diġa` għamilna f’Mater Dei u eventwalment dik is-sistema rridu nniżżluha fil-polyclinics u fl-uffiċċji tat-tobba u eventwalment norbtu mal-health systems li qegħdin jiġu mibnija madwar l-Ewropa.
L-electronic chip tista’ torbot ukoll mal-banek jekk il-banek iridu jidħlu fis-sistemi. Tista’ torbot billi ġġorr l-identita` tiegħek u tgħaddiha minflok passaport. Tista’ tużaha għal mitt elf ħaġa li jkollok bżonn. Prattikament iċ-chip tista’ tintuża wkoll bħala wallet, li inti tħallas biha mhux biss bħala credit card imma anke bħala small change. Illum hemm sistemi kbar barra minn Malta fejn għal ammonti żgħar, €5 jew €6 fejn inti ma tistax tuża credit card, kemm tgħaddi din l-identity card li jkollha electronic chip u tinżamm bħala wallet ukoll. Jiġifieri qegħdin on line biex din nimplimentawha s-sena d-dieħla, pero` ovvjament dan jiddependi mill-fatt li jkollna s-civil status register up and running ukoll.
It-tielet prodott li joħroġ mis-civil status register huwa l-biometric passports. Naħseb li n-next generation tal-passaporti tagħna – ma rridx ngħid b’ċertezza, pero` naħseb li sa l-aħħar tas-sena se naslu – se jkollhom żgur one biometric li se jkun il-fingerprint. Pero` se jkollna l-possibbilta` li ndaħħlu t-tieni biometric ladarba jkun hemm qbil fuq x’għandu jkun it-tieni biometric, li probabbilment tkun l-iris ta’ l-għajnejn. Dawn inkunu nistgħu ndaħħluhom fil-passaporti tagħna wkoll għal iktar sigurta`. Dawn il-prodotti, is-CdB biex noqtlu ċ-ċertifikati internament, l-electronic chip fl-identity card tagħna u l-electronic passports huma tliet prodotti li se joħorġu mis-sistema ġdida li tkun qed tikkontrolla r-reġistru tal-persuni.
It-tielet kolonna tas-sistema trid tkun – irrid ngħid li fil-liġi ma teżistix pero` eventwalment se nipproponi l-emendi fl-istadju tal-kumitat – il-pilastru fejn nirreġistraw in-non-legal entities. Ir-raba’ waħda hija l-legal entities, il-commercial entities fejn għandna l-MFSA. Hemmhekk taħdem tajjeb, għandek il-memorandum and articles, għandek id-dokumenti kollha filed, kemm tidħol fis-sistema u ġġibhom. M’għandna ebda intenzjoni li niddupplikaw xi ħaġa li taħdem tajjeb. Pero` fejn jidħlu n-non-commercial entities għandna taħwid sħiħ. Per eżempju, għandna l-unions u l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem jirreġistraw biss u jibagħtu statut biss lid-direttur ta’ l-industrial relations. Entitajiet oħra sportivi jirreġistraw mal-kunsill nazzjonali Malti għall-isport, uħud minnhom.
Għandna l-liġi dwar l-organizzazzjonijiet li issa qed tirreġistra organizzazzjonijiet oħra. Ma rridu niddupplikaw ix-xogħol ta’ ħadd, pero` jidhrilna li billi dawn l-entitajiet għandhom ukoll rilevanza legali u wħud minnhom jew jikkummerċjaw b’xi mod, jew għandhom x’jaqsmu ma’ terzi, jew anke għandhom proprjeta`, u allura għandhom fiżjonomija legali, għandu jkollna reġistru ċentrali fejn dawn il-bodies u entitajiet ikunu reġistrati u jkun hemm l-informazzjoni minima tagħhom, bħall-istatut u min jirrappreżentahom. Dan għaliex mhux fair versu terzi, u mhuwiex fair anke vis-à-vis iċ-ċittadini, li kulħadd huwa reġistrabbli u għandna reġistrazzjoni, pero` jekk inti trid tagħmel kawża lill-Valletta Football Club, per eżempju, m’hemm ebda mod biex inti tkun taf lil min se tagħmel il-kawża. Irridu reġistru ċentrali ta’ dawn billi niġbru d-data li teżisti kullimkien, niċċentralizzawha u nagħmluha aċċessibbli.
Allura s-sistema tar-reġistru ċentrali se tkun tiġbor fiha erba’ affarijiet. Dawn huma r-reġistru tal-proprjeta`, ir-reġistru ta’ l-identita` personali, ir-reġistru ta’ l-identita` legali ta’ entitajiet li mhumiex kummerċjali, u r-reġistru diġa` eżistenti ta’ l-entitajiet kummerċjali. Dawn l-erba’ kolonni jgħaddu l-informazzjoni f’sistema kkontrollata ta’ l-IT li tkun aċċessibbli fuq il-platform li għandna diġa` eżistenti ta’ l-e-government biex minnha kulħadd jista’ jfittex u jaċċedi għall-informazzjoni – mhux neċessarjament b’xejn, għax dawn sistemi li jqumu l-flus u allura ċerti affarijiet tkun trid tagħmilhom bil-ħlas - fuq bażi ta’ kif jeżisti l-e-government illum, u cioe` mit-Tnejn sal-Ħadd 24 siegħa kuljum, bil-mezzi kollha differenti, mhux biss permezz tal-PCs u tal-laptops, imma anke permezz tal-mobiles u mezzi oħra li jkun hemm bżonn.
Kif għedt, dawn is-sistemi eventwalment iridu joħorġu s-servizzi għaċ-ċittadini. Ir-reġistru tal-proprjeta` jagħti l-faċilita` li inti tirreġistra t-titoli tal-proprjeta`, tfittex il-proprjeta` ta’ min hi, u tista’ wkoll tara xi djun hemm fuq il-proprjeta` u affarijiet oħra. Ir-reġistru ta’ l-identita` personali jagħti s-central database, jagħti l-electronic ID, jagħti l-identity card biċ-chip elettronika u jagħti l-biometric passports. Ir-reġistru ta’ l-entitajiet kummerċjali jagħti l-istess servizzi bħad-database ta’ l-MFSA. Kif diġa` għedt, dan kollu – u għalhekk għedtha fil-bidu – jiddependi mill-fatt li jkollna sistema robusta ta’ l-IT li tista’ tmexxina ‘l quddiem għax mingħajrha ma naslux. Anzi jien ngħid mingħajrha, u mingħajr tibdil f’ċerti prattiċi li imdorrijin bihom, speċjalment il-kollegi tiegħi tal-qasam legali, is-sistemi ta’ l-IT jagħtuk biss parti mit-triq, imma ma jwasslukx kullimkien. Parti mit-triq l-oħra trid timxiha l-professjoni legali li, fejn qabel forsi kienet timxi b’ċertu mod, issa xi prattiċi jridu jinbidlu.
Jien niftakar li meta kienet daħlet il-Eureka xi għaxar snin jew tmien snin ilu, kien hawn ħafna min qal: X’se nagħmlu? Se taqtgħu x-xogħol lil dawk, se tagħmel ix-xogħol lil ħaddieħor u kemm se jkun aktar diffiċli u kemm se jkun hekk! Meta għamilna l-liġijiet on line kien intqal l-istess, u meta daħħalt ċerti sistemi fil-qrati kien hemm avukat – ma nħobbx insemmi min, għax ħabib tiegħi wkoll – li għamilli protest legali u qalli li qed noqtol il-kitba mill-qorti. Deherlu li għandu xi dritt fundamentali li jikteb handwritten li ma tistax tneħħihulu! Jien naf li f’dan il-qasam m’aħniex se nsibu dawn it-tip ta’ attitudnijiet, pero` nagħmel appell li se jkun hemm bżonn ċertu tibdil dwar kif jidħlu l-kuntratti. Il-filing irid isir b’mod elettroniku, bis-site plans, bil-punti ta’ riferenza li kollha ssibhom, imma trid tidra kif taħdem mod ieħor. Jiġifieri se nkunu qed inbiddlu sistema li naħseb hija robusta ħafna. Irrid ngħid li jien diġa` kuntent - bil-ftit li ilni, xahar jew xahrejn, responsabbli għal dan il-qasam - li ħloqt grupp żgħir li qed jaħdem fuq dawn is-sistemi.
L-ewwelnett il-grupp huwa kappeġġjat mill-principal permanent secretary tal-gvern li ħabat tajjeb li huwa nutar di professione, Dr Godwin Grima, u għandu taħt idejh ukoll iċ-Ċivil, li sewwa ngħaqqduhom flimkien. Għandna wkoll lin-Nutar Pierre Attard li nnominajtu bħala rappreżentant tiegħi li naħseb ilkoll nafu l-integrita` tiegħu u kemm jaħdem. Għandna wkoll lin-Nutar Roland Wadge, ir-rappreżentant tal-kulleġġ tan-nutara biex ikollna l-input kostanti tan-nutara aħna u għaddejjin. Għandi wkoll żewġ persuni li llum qegħdin hawnhekk jassistu għad-dibattitu, Stephanie Pappalardo li hija d-direttriċi ta’ dan il-qasam, il-land registry flimkien mal-public registry, u daħħalt ukoll lis-Sur Noel Borg li se jagħti l-input tekniku mil-lat ta’ l-IT. Naħseb li dan huwa l-bilanċ li verament irridu nsibu; l-interessi tal-professjoni tan-nutara, l-interessi tal-pubbliku, l-interessi taċ-Ċivil u n-knowhow ta’ l-IT. Naħseb flimkien nistgħu noħolqu dik il-kollaborazzjoni li hija tant neċessarja sabiex mhux nagħmlu biss liġi tajba, imma nagħmlu wkoll sistema prattika u li tagħti lil kulħadd dak li jixtieq minn din is-sistema.
Issa għalkemm jiena għamilt introduzzjoni li pprovat titfa’ fuq equal footing l-erba’ reġistri li qegħdin naraw quddiemna, naħseb li l-liġi stess tirrifletti dan. U l-aktar parti tad-diskussjoni li se tokkupa lil din il-Kamra u lill-membri hija l-parti legali li għandha x’taqsam ma’ l-insinwa u mal-land registry. Kif nafu, din hija l-aktar parti kkomplikata, li hija legali ħafna u li allura trid attenzjoni partikolari minħabba li qed tbiddel ħafna minn dak li ilu għaddej għal ħafna żmien f’pajjiżna. Nistgħu nikkonsidraw ħaġa waħda biss; li l-kuntratti tagħna fir-reġistru pubbliku jmorru lura għal aktar minn 100 sena, u għaldaqstant nistgħu ngħidu li għandna insinwa storika. Għandna prattiċi li jmorru lura għal ħafna żmien u prattiċi li tant kienu b’saħħithom li minkejja li r-reġistru ta’ l-artijiet sar fl-1981, fejn l-intenzjoni kienet dik li r-reġistru ta’ l-artijiet jieħu over dak li kien qiegħed isir fl-insinwa, u minkejja l-isforzi kollha li saru minn diversi gvernijiet u ministri differenti, l-insinwa baqgħet kważi l-aktar qasam importanti mill-land registry. Issa x’inhuma d-differenzi?
Id-differenzi huma li fir-reġistru pubbliku, fl-insinwa, nutar ma jdaħħalx il-kuntratt jew it-testment. Nutar idaħħal dettalji qosra dwar il-kuntratt, l-ismijiet, il-location fejn qiegħda, il-parentela ta’ min qed jagħmel il-kuntratt u dawn l-affarijiet. Imma tant hija b’saħħitha t-tradizzjoni, li minkejja li fl-1973 daħħalna l-karta ta’ l-identita`, xi ħaġa li kienet tajba ħafna, in-nutar m’għandux l-obbligu li jinsinwa bl-identity card għax dejjem kienet tintuża dik il-prattika u hekk baqgħet. U din ġrat ukoll fil-land registry. L-idea fil-land registy kienet waħda brillanti, fejn dak li jkun ma joqgħodx ifittex fuq l-isem tat-tali persuna. Dan għaliex forsi Agostino Pio Gatt - kif jien irreġistrat u kif isiru l-kuntratti meta nidħol jien fihom - issib wieħed biss u forsi anke Luciano Busuttil, pero` ismijiet bħal Joe Borg u oħrajn li huma aktar kumuni, issib il-mijiet. Barra minn hekk, għandek komplikazzjoni oħra, fejn filli jsemmuk Joe, filli jsemmuk Joseph u mbagħad tiġi Giuseppe! Issa għandna wkoll it-tendenza li nbiddlu l-kunjomijiet fejn minn wieħed, issa qegħdin isiru tnejn! Naħseb li t-tfal tagħna se jispiċċaw b’erba’ kunjomijiet u t-tfal tat-tfal se jispiċċaw b’sitta u tmien kunjomijiet!!
Mela għandna reġistru, insinwa, li la għandha kuntratt sħiħ, la għandha pjanta tal-post fejn qiegħed u lanqas inti ċert min għamel dak il-kuntratt, u ħalhekk għandek problemi kbar fiha. Allura fl-1981 kienet saret il-liġi sabiex dan kollu jinqaleb u ndaħħlu s-sistema li hija kważi bħal dik tal-cadastre. Issa s-sistema tal-cadastre titla’ minn premessa waħda. Inti l-unika ħaġa li hija aktar ċerta mill-isem u mill-persuna huwa l-post fih innifsu, u allura trid tagħmel ir-reġistrazzjoni tiegħek ibbażata fuq il-post. Forsi n-nies jinteressahom aħna l-politiċi xi proprjeta` għandna, pero` l-aktar ħaġa importanti għal min qiegħed hemm barra huwa li jkunu jafu ta’ min hi dik l-għalqa jew maisonette li jkollhom xi interess fiha. Illum m’għandniex sistema ta’ kif tkun taf bl-eżatt ta’ min hi dik l-art jew post u allura tkun taf biss bejn wieħed u ieħor ta’ min hi.
Sur President, nerġa’ ngħid li l-land registry m’hijiex eżattament bħall-cadastre għax il-cadastre jipprova jindividwa kollox; it-toroq fejn qegħdin, il-monumenti fejn qegħdin, il-postijiet storiċi fejn qegħdin u dawn l-affarijiet kollha. Imma l-land registry hija parti mill-cadastre. Is-sistema tal-land registry hija premessa differenti. Nru. 227, Republic Street ta’ min hu? Jekk inti tfittex 227, Republic Street issib li huwa ta’ Agostino Pio Gatt, u allura inti titlaq minn hemm. Miegħu jkollok l-informazzjoni ta’ jekk hemmx djun fuq il-post, jekk hemmx servitujiet fuq il-post u fejn qiegħed dak il-post. Dan għaliex irid jintrabat ma’ dak li huwa msejjaħ il-geographical information system (il-GIS map) li għandna llum f’ħafna vetturi fejn abbażi ta’ mappa elettronika tkun tista’ ittella’ l-informazzjoni dwar fejn jinsab it-tali post.  
Minkejja li dan il-ħsieb tajjeb kien sar fit-tmenijiet, għal diversi raġunijiet li m’iniex se noqgħod nidħol fihom, xorta ma rebaħx lill-insinwa. Jiena ngħid li in parti kienet il-prattika. Fil-fatt, wara ċertu numru ta’ żmien, saru emendi għal-land registry act sabiex iħaffu l-proċess u jagħmluh aktar faċli sabiex tirreġistra. Imma in parti d-difett kien ukoll li għal diversi raġunijiet. L-ebda gvern ma qatt iddeċieda li l-area kollha ta’ Malta għandha tiġi reġistrabbli. S’issa dejjem għedna li l-Belt huwa reġistrabbli. Jekk inti tagħmel xi ħaġa, bħal per eżempju, issellef il-flus fuq il-post, tbiegħ il-post jew inkella tiret post, fil-Belt, inti trid tirreġistrah mal-land registry. Issa jekk dak l-istess post kien fl-Imġarr, peress li dak ir-raħal m’huwiex fir-registration area, allura dak il-post ma tirreġistrahx. Dan kien difett intrinsiku li ħadem kontra l-kunċett tal-land registry. Fil-fatt, hawnhekk qegħdin ngħidu li se nbiddlu dan il-kunċett billi se nagħmlu lil Malta kollha area reġistrabbli u b’hekk, fil-bidu, se nikkontrollaw aktar bit-tip ta’ kuntratti li tagħmel l-aktar żewġ areas li llum kważi ssibhom f’kollox u li allura huma l-aktar faċli li tattakkahom mill-ewwel.
Jekk inti tmur tissellef mill-bank sabiex tixtri xi proprjeta`, trid tgħaddi l-proċeduri kollha ta’ l-insurance. Jekk inti tiret il-proprjeta`, illum trid tagħmel id-dikjarazzjoni tal-causa mortis. U allura se naqbdu dawn l-ewwel żewġ areas sabiex nibdew nirreġistraw il-proprjeta` peress li f’dawn it-tnejn ix-xogħol kollu ta’ riċerka se jkun sar minn qabel. Se jkun hemm diversi stanzi fejn inkunu nistgħu nimxu u naħsbu li fi żmien 10 jew 15-il sena inkunu wasalna sabiex nirreġistraw il-proprjeta` kollha li se jkollna fuq il-land registry. Irrid nagħmilha ċara li dak kollu li qed ngħid ma jfissirx li aħna m’aħniex lesti li nbiddlu jew li nimxu mod ieħor. Nerġa’ ngħid li kollox miftuħ għad-diskussjoni. L-importanti hu li ndaħħlu sistema li eventwalment tħalli l-effett tagħha fuq perjodu ta’ żmien.
Ċertament ma rridu nisforzaw lil ħadd fuq kif jaħdem, pero` naħseb li l-iskop tagħna lkoll huwa li jkollna land registry li joffri lil kulħadd titolu ċert wara reġistrazzjoni ta’ 10 snin fejn se jkun hemm ukoll sistemi ta’ kif nindemnifikaw jekk jingħataw titoli li eventwalment jirriżultaw li m’humiex ċerti. Allura naħseb li jagħmel sens għal kulħadd li nitilqu b’sistema li tinkoraġixxi lin-nies sabiex jaqilbu malajr mal-land registry u mhux nibqgħu naħdmu bl-insinwa. Issa naqbel perfettament li fil-bidu mhux kollox se jkun faċli. Pero naħseb li llum ilkoll qegħdin nirrealizzaw li rridu nagħmlu dan l-isforz għax hemm wisq difetti. U din naħseb li hija l-ewwel u l-aktar raġuni mpellenti li forsi għandna sabiex nimxu lejn is-sistema tal-land registry.
Sur President, fid-dinja tal-lum, fejn trid tieħu deċiżjonijiet ħafna iktar malajr, fejn il-klijenti tan-nutara u ta’ l-avukati jesiġu ċertezza assoluta fuq it-titoli - għax il-flus involuti huma kbar - irridu nipprovdu sistema li tagħti titolu ċert. Din hija l-bażi ta’ kollox. Issa ċ-ċertezza tat-titolu tista’ toħroġ biss minn sistema li hija marbuta mal-lokazzjoni tal-proprjeta` u li tasal għat-titolu b’sistema ta’ riċerka li tista’ tagħmel in full. Naħseb l-ewwel raġuni li għandha twassalna għal dan hija proprju dik li nagħtu titolu ta’ ċertezza. It-tieni huwa li rridu nagħmlu sforz sabiex dan indaħħluh b’liġi u sa ċertu punt nimbottawh ‘il quddiem għax mill-1981 lil hawn irreġistrajna madwar 10% biss tal-proprjeta` li hemm fil-land registry. U allura, wara 27 sena, ma tistax tgħid ħlief li l-liġi li għandna s’issa falliet. It-tielet raġuni għalfejn għandna bżonn din l-emenda hija minħabba dak li għedt fil-bidu nett, jiġifieri li rridu nneħħu r-reġistrazzjoni doppja li qiegħda ssir kemm fil-land registry kif ukoll fl-insinwa. Għalhekk għandna nagħmlu linja waħda li tagħti ċertezza lil kulħadd.
Il-vantaġġ l-ieħor huwa li dan kollu issa nistgħu noħolquh b’mod sofistikat billi nagħmlu a one stop shop li jagħmel sens għal kulħadd, għan-nutara, għall-avukati, għall-klijenti tagħhom u għall-persuni li hemm hemm barra li jridu jagħmlu xi riċerka. Irridu noħolqu sistema li tkun IT driven u trid tkun sistema li tagħmilha sempliċi ħafna sabiex dak li jkun jaċċerta ruħu minn dik il-proprjeta`. Nerġa’ ngħid li aħna miftuħin għal kwalunkwe suġġeriment fuq kif għandna naħdmu fuq din il-biċċa tax-xogħol u ma jiena dommatiku xejn fuq dan il-qasam. Anzi ngħid li rridu noqogħdu attenti li filwaqt li nimbottaw ‘il quddiem, ma nagħtux shocks lis-sistema preżenti. Hemm bżonn li nedukaw u nitkellmu man-nutara u rridu wkoll nivvalorizzaw dak li diġa` għandna. Lanqas għandna narmu dak kollu li għandna bħallikieku m’hu tajjeb xejn.
Fl-opinjoni tiegħi rridu nsibu l-mod ta’ kif se mmorru minn sistema għal oħra, pero` żgur li rridu naslu għas-sistema l-oħra. Għalhekk irid ikun hemm a point in time fejn ngħidu - ħames snin oħra, sitt snin oħra, għaxar snin oħra u anke aktar jekk ikun hemm bżonn – li l-insinwa trid tispiċċa u tieħu over il-land registry. F’dan kollu nerġa’ ngħid li l-akbar vantaġġ huwa dak taċ-ċertezza tat-titolu. M’iniex, Sur President, se nipprova nagħmilha ta’ avukat, pero` is-sabiħ tal-liġi huwa li filwaqt li minn naħa timponi r-reġistrazzjoni fuq ċerti atti legali, min-naħa l-oħra tagħti lil min jikkonforma mal-liġi ċ-ċertezza legali tat-titolu li llum qatt ma kellna fil-liġi tagħna. Fid-dinja tal-lum il-proprjeta` ħadet importanza kbira għall-individwu, anke għal min ma jinnegozjax fiha.
Illum il-proprjeta` saret il-valur prinċipali ta’ l-assi kummerċjali, u allura ċ-ċertezza tat-titolu saret xi ħaġa li ma nistgħux nimxu mingħajrha f’pajjiżna. Pajjiżna differenti minn ħafna kompetituri kummerċjali oħra, speċjalment il-pajjiżi anglo-sassoni. Fil-fatt, pajjiżna għandu difett kbir f’dan il-qasam fejn minħabba li ġejjin minn sistemi li huma bbażati fuq il-liġi Rumana aktar milli mil-liġi anglo-sassona, aħna ma nagħtux iċ-ċertezza tat-titolu. Din hija problema li qegħdin niffaċċjawha f’din il-liġi. Ovvjament qegħdin nagħtu l-iżbokk ta’ kif għandha ssir il-kontestazzjoni tat-titolu. Qegħdin nagħtu l-metodoloġija ta’ kif jiġi kkontestat bejn il-partijiet, servitujiet u titoli temporanji, pero` qegħdin ngħidu wkoll li fejn jidħlu d-drittijiet reali, irridu naslu għaċ-ċertezza tat-titolu reali li fl-opinjoni tiegħi se jagħmel differenza kbira.
Xi ħaġa oħra li hija interessanti ħafna f’din il-liġi hija li se tagħti l-possibbilta` li anke t-titoli personali jiġu reġistrati meta jidħlu fuq il-proprjeta`. Hawnhekk qegħdin ngħidu li mhux qed nirreġistraw biss att ta’ bejgħ, ipoteka fuq il-bejgħ jew meta xi ħadd jagħmel subbasta fuq proprjeta` u din tiġi reġistrata, jew inkella fuq servituwijiet, imma qegħdin ngħidu li huma wkoll reġistrabbli atti bħal konvenji. Huma reġistrabbli wkoll l-ittri uffiċjali, l-enforcement orders tal-MEPA fuq il-proprjeta` u ċ-ċitazzjonijiet li jkunu qegħdin jikkontestaw xi ħaġa fuq il-proprjeta`. Naħseb din l-informazzjoni kollha, li tkun qiegħda tiġi marbuta mal-proprjeta` innifisha, se tagħti aktar trasparenza lil kulħadd u se tippermetti lil kulħadd ikun jaf preċiżament għal xiex dieħel meta jmur jixtri xi biċċa art. Sal-lum din ma sseħħx dejjem għax ċerti affarijiet m’humiex reġistrabbli.
Aħna llum fl-insinwa ndaħħlu l-atti ta’ bejgħ jew l-atti ta’ xiri, l-atti fejn inti tissellef u jsiru l-ipoteki jew privileġġi fuq dik il-proprjeta`, l-atti eċċezzjonali bħal subbasti, l-atti li joħorġu minn liġijiet speċjali bħalma hija dik tal-money laundering act, jew inkella meta tagħmel id-dikjarazzjoni tal-causa mortis wara t-testmenti u ninsinwaw ukoll it-testmenti ladarba dawn isiru pubbliċi. Din il-liġi tagħti ħafna iktar fakulta` ta’ atti li jistgħu jiġu reġistrati. Jiena m’għandi l-ebda dubju li ladarba tibda tiġi prattikata l-użu tagħha jikber, u huwa għalhekk li s-sistema ta’ l-IT hija xi ħaġa importanti. Dan għaliex l-inputs se jiġu minn ħafna areas differenti u se nibdew insibu li se tidħol ħafna aktar informazzjoni. Kif għedt, it-titolu ċert li jagħti l-proprjeta` huwa ċirkoskritt bil-possibbilta` reali ta’ konflitti. Hawnhekk nixtieq li jkollna diskussjoni wiesgħa fil-kumitat.
Il-proposta hi li s-sistema tal-konflitt, fejn xi ħadd jikkontesta, tiġi mogħtija sistema ta’ tribunali preseduti minn avukati li jkunu prattikaw għal aktar minn seba’ snin jew 12-il sena. Hemm l-iskola ta’ ħsieb li trid li dawn jibqgħu mansjoni tal-prim`awla tal-qorti ċivili. Irrid ngħid li jien m’iniex assolutist, la f’waħda u lanqas fl-oħra. Hawnhekk qegħdin nipprovdu tribunal ippresedut minn dawn l-avukati b’appell quddiem il-prim`awla tal-qorti ċivili li ġiet ippreseduta minn imħallef wieħed. L-alternattiva hija dik li nibqgħu kif aħna llum, jiġifieri l-kontestazzjonijiet isiru fil-prim`awla u mbagħad b’appell quddiem tliet imħallfin. Din it-tieni sistema indubbjament għandha difett kbir fil-prolungazzjoni taż-żmenijiet. Illum, wara r-riformi li għamilna fil-qrati tagħna, bl-ismall claims tribunals, b’ittra uffiċjali tat-titolu esekuttiv u miżuri oħra, m’hemm l-ebda dubju li parti kbira tal-kawżi pendenti li hemm quddiem il-qrati tagħna, speċjalment fil-prim`awla, huma kawżi ta’ proprjeta`.
Sur President, ilkoll nafu li xi kultant jista’ ikun hemm kawżi diffiċli ħafna. Jiena nemmen li jekk se nibqgħu bis-sistema tal-prim`awla, kif aħna llum, m’aħniex se nsibu xi diffikultajiet kbar sabiex niġġestixxu din il-liġi b’mod li naċċelleraw iż-żmenijiet. Sistema li forsi tista’ tiġi konsidrata bħala via di mezzo hija dik li l-ministru tal-ġustizzja jaqbel li, kif għandu l-poter li jagħmel taħt is-COCP, jagħmel sezzjoni partikolari tal-prim`awla li tiddilja biss mal-kawżi ta’ proprjeta`. B’hekk ikollna mħallef jew tnejn fil-prim`awla li jispeċjalizzaw biss fuq kontestazzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt dan l-att. Id-diffikulta` ta’ dan it-tribunal hija li se jkollok avukati – naħseb li jridu jkunu ilhom jipprattikaw għal 12-il sena - li qegħdin jipprattikaw u allura, filli jkunu fil-ġudikatura u filli se jkunu qegħdin miegħek jipprattikaw jew jidhru quddiem dawn it-tribunali. Ovvjament hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu fuq small claims fejn dawn l-affarijiet m’humiex daqstant importanti, pero` qegħdin nitkellmu fuq proprjetajiet li jistgħu jiswew ħafna flus.
Allura ma naħsibx li huwa aċċettabbli li jkollok din it-tip ta’ sistema fejn filli jkollok avukat prattikanti quddiem it-tribunal u filli jkun ġudikant. Tista’ toħloq sistemi differenti fejn min jaċċetta li jservi fuq dawn it-tribunali ma jistax ikun avukat prattikanti quddiem it-tribunal. Imma mbagħad tqum il-problema ta’ dawn il-ħafna firms li għandna llum, fejn suppost nibżgħu minn dawn il-famużi Chinese walls, li m’huma Chinese walls xejn, imma huma fl-opinjoni tiegħi ħmerijiet biss. U allura tgħid li jekk jiena għandi avukat li huwa membru ta’ dan it-tribunal, il-partner tiegħu jew l-impjegat tiegħu fil-firm jista’ jipprattika quddiemhom? Fl-opinjoni tiegħi għandu jgħid le, u allura trid teskludi l-firms kollha. Imma mbagħad jekk nibdew neskludu l-firms se jibqa’ avukati biżżejjed sabiex isiru dawn it-tribunali? Din hija mistoqsija problematika li fil-kumitat irridu nidħlu ftit fiha u nipprovaw insolvuha bil-buona volonta`. Kif għedt aktar qabel, m’għandix a preferred option u se nħalli d-diskussjoni tevolvi, imbagħad naraw kif nimxu minn hemmhekk.
Sur President, għamilna wkoll diversi affarijiet oħra fl-att li jipprovaw jikkumplimentaw lil xulxin. Qegħdin nipprovaw insolvu l-problema tat-toroq darba għal dejjem. Illum għandna provision ta’ min huma t-toroq. Issa għalija hija xi ħaġa ovvja ħafna ta’ min huma t-toroq u ta’ min huwa l-foreshore. Kulma għandna ftit provisions ‘l hawn u ‘l hinn fuq il-foreshore u fuq it-toroq, fejn waħda taqa’ taħt il-code of police laws u l-oħra taqa’ taħt xi liġi tat-turiżmu. Qegħdin indaħħluha hawnhekk sabiex niżguraw li nirregolawhom darba għal dejjem u kulħadd ikun jaf ta’ min hi l-proprjeta`. Qegħdin ukoll indaħħlu l-possibilita` li diversi atti legali oħra jiġu reġistrati taħt dan l-att. Pero`, fuq kollox, naħseb li dak li qegħdin nipprovaw nagħmlu hawnhekk se jkun ta’ żvolta importanti għal pajjiżna. Issa meta ngħid li qegħdin nipprovaw nagħmlu nkun qiegħed nirriferi għaż-żewġ naħat tal-Kamra, għax meta flejt ftit id-dibattiti li saru fil-leġislatura l-oħra, kif ukoll dak li ġara fil-kumitat, naħseb li kien hemm koperazzjoni kbira li tirrifletti tajjeb fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra u fuq il-membri individwali li ħadu sehem f’dan id-dibattitu.
U allura, Sur President, dak li se nagħmlu hawnhekk se jkun ta’ żvolta importanti għall-pajjiż. Jekk m’iniex sejjer żball f’pajjiżna għandna madwar 78% tan-nies li għandhom il-proprjeta` tad-dar tagħhom. Il-proprjeta` f’pajjiżna dejjem kienet xi ħaġa importanti ħafna kemm għall-individwu kif ukoll bħala bażi ta’ kummerċ. Pajjiżna wieħed mill-pajjiżi fejn ħafna mill-businesses tagħna jaħdmu minn proprjeta` li hija tagħhom. Din hija xi ħaġa li ma tantx hija komuni barra minn Malta u allura qegħdin nitkellmu fuq settur li għandu rilevanza sostanzjali għall-ekonomija kif ukoll għall-aspett soċjali ta’ pajjiżna. Il-gvern bil-politika tiegħu ta’ kif imexxi l-housing, speċjalment fis-social housing, b’sistemi bħal dawk tax-shared ownership, dejjem jinkoraġixxi li nkomplu deħlin f’dan il-qasam tal-property ownership individwali. Għaldaqstant irridu sistema b’saħħitha u li tagħti ċertezza. Bl-istess mod għar-reġistrazzjoni ta’ l-atti tas-civil status li huma atti li jiffundaw il-persuna. Per eżempju, m’għandna l-ebda att li jistabbilixxi l-persuna min hi. Aħna m’għandna l-ebda att li jgħid Austin Gatt huwa dak li ġie reġistrat fuq il-birth certificate u li huwa Austin Gatt li mar applika għall-identity card.
M’għandna l-ebda att li jiċċertifika dik il-persuna. Ma naħsibx li għandna ħafna nies li ma jeżistux, imma għall-formalita` m’għandna l-ebda att li jorbot il-birth certificate mal-persuna li tieħu l-ewwel ritratt. Dan l-aħħar kont qed nara l-passaport tat-tifel - li llum għalaq 16-il sena – li kien għamlu ħames snin ilu meta kellu 11-il sena. Jekk tara t-tifel tiegħi ta’ 11-il sena u tarah illum ta’ 16-il sena, mhux se ssib differenzi, pero` xorta waħda, sabiex seta’ jagħmel il-passaport ridt immur miegħu jien u nirrakkmandah għall-passaport u niċċertifika li dak huwa t-tifel tiegħi. Barra minn hekk, ried isib lil ħaddieħor li jiċċertifika li dak huwa t-tifel tiegħi. Min-naħa l-oħra għall-identity card, li huwa l-ewwel att uffiċjali, m’għandna lil ħadd li jiċċertifika li dik il-persuna hija realment dak li qed tiddikjara li hi. U dan meta l-loġika tgħidlek li trid tiċċertifikah l-ewwel darba għall-identity card u mbagħad, minn hemm ‘il quddiem, m’għandu bżonn ta’ l-ebda ċertifikazzjoni oħra, lanqas biex jagħmel il-passaporti.
L-identity card act saret fl-1973 jew fl-1975 u kienet liġi ideata tajba. Imma hemm bżonn li nbiddlu ħafna affarijiet fiha sabiex niżguraw li meta nibnu s-sistemi tagħna, inkunu qegħdin nibnuhom b’mod tajjeb. Jiena nagħlaq billi l-ewwel ħaġa nirringrazzja lil ħafna nies li ħadmu fuq dan l-att, il-kumitat oriġinali li ħadem fuq l-ewwel abbozz ta’ liġi sentejn ilu, lill-kollegi tiegħi Tonio Borg u lil Carmelo Mifsud Bonnici li ppilotaw dan l-att fil-leġislatura li għaddiet, lill-kollegi tiegħi tan-naħa l-oħra li diġa` ipparteċipaw f’din id-diskussjoni - u m’għandi l-ebda dubju li se jipparteċipaw b’mod tajjeb ħafna fid-diskussjonijiet li għad irridu nagħmlu - lill-kumitat li għandi bħalissa li qiegħed jorbot flimkien l-aspetti tekniċi kollha, lill-kulleġġ tan-nutara u lill-kamra ta’ l-avukati li kollha kkontribwew sabiex verament ikollna l-ewwel liġi li tixraq lil pajjiżna, it-tieni sistema li tgħin lil kulħadd sabiex ikollna ċertezza fl-identita` u fil-proprjeta`. Nirringrazzjak.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə