Dibattiti tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 434,86 Kb.
səhifə5/7
tarix30.07.2018
ölçüsü434,86 Kb.
#64531
1   2   3   4   5   6   7

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB




MĠARR - BDIL TA' ARBLI TAD-DAWL
282. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex numru ta' arbli tad-dawl msaddin u mkissrin li hemm fit-telgħa tal-Palma l/o Mġarr jinqalgħu u jinbidlu ma' oħrajn ġodda, jew aħjar il-cable jgħaddi taħt l-art?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieg biex jinbidlu l-arbli msemmija diġa nbeda. Sebgħa (7) mill-ħdax (11) il-arblu li kellhom bżonn jinbidlu diġa’ nbidlu. Il-kumplament għandhom jinbidlu flimkien ma’ xogħlijiet oħra simili.

PULIZIJA – INKJESTA INTERNA
287. L-ONOR. GAVIN GULIA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-inkjesta interna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan billi għaddej iż-żmien ġmielu? Jista' jgħid jekk tax deadline biex l-inkjesta tagħlaq? Jista' jgħid jekk il-pulizija li kienu qegħdin għassa ma' din il-persuna fil-ħin li kien id-depot ġewx sospiżi jew le, pendenti ż-żewġ inkjesti li għaddejjin bħalissa?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ninsab infurmat li x-xiehda u l-provi fl-inkjesta pubblika ai termini tal-Kapitlu 273 tal-Liġijiet ta’ Malta qed jinġabru. Għalkemm ma ġietx pre-stabbilita ġurnata għall-għeluq tagħha, il-gvern talab sabiex din l-inkjesta tiġi konkluża fl-iqsar żmien possibbli. Ninsab infurmat ukoll li preżentement ebda membru ma ġie sospiż.

PULIZIJA - REATI
289. L-ONOR. GAVIN GULIA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati bejn Ottubru 2007 u April 2008 xahar b'xahar u jikklassifikahom? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati bejn Ottubru u April 2008 xahar b'xahar?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: It-tagħrif mitlub huwa kif jidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra aktra kmieni fis-seduta waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

PULIZIJA – KAŻI TA SERQ
290. L-ONOR. GAVIN GULIA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet bejn Ottubru 2007 u April 2008 xahar b'xahar u jikklassifikahom? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serqiet bejn Ottubru 2007 u April 2008 xahar b'xahar?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: It-tagħrif mitlub huwa kif jidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra aktra kmieni fis-seduta waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

GĦAWDEX - ŻWIĠIJIET ĊIVILI
292. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm żwiġijiet ċivili f'Għawdex bejn persuni Maltin u persuni ta' nazzjonalita' barranija f'dawn l-aħħar tliet snin separatament? Jista' jindika s-sess u l-eta' tal-partijiet u jgħid jekk tweldux tfal minn dawn iż-żwiġijiet?
ONOR. AUSTIN GATT: Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi il-mistoqsija tagħha lill- ministeru konċernat.

GĦAWDEX - DIVORZJI REĠISTRATI FIR-REĠISTRU PUBBLIKU
293. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati divorzji fir-Reġistru Pubbliku ta' Għawdex f'dawn l-aħħar tliet snin separatament u jindika l-pajjiżi ta' min fejn ġew ottenuti dawn id-divorzji?
ONOR. AUSTIN GATT: Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi il-mistoqsija tagħha lill-ministeru konċernat.


INIZJATTIVA EKO-GĦAWDEX
294. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru tgħid xi proġetti se jitwettqu matul is-sena kurrenti mill-gvern biex Għawdex ikun gżira ekoloġika, kif ukoll x'miżuri u x'passi konkreti se jittieħdu din is-sena biex Għawdex verament ikun mudell ta' żvilupp sostenibbli?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Bħalissa għaddejja l-ħidma biex jitħejja l-pjan għat-twettiq tal-viżjoni Eco-Għawdex li l-gvern għandu għal Għawdex. Il-proġetti u l-miżuri li se jitwettqu fil-kuntest tal-inizjattiva Eko-Għawdex jitħabbru aktar 'il quddiem.

GĦAWDEX - CHILD CARE CENTRES
295. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru tgħid jekk l-gvern għandux xi pjanijiet għall-ftuħ ta' child care centres u faċilitajiet oħra għat-tfal f'Għawdex fil-futur qrib?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Il-Ministeru qiegħed iħejji l-pjanijiet neċessarji għall-post ċentrali biex jintuża bħala child care centre. Il-ħsieb hu li dan iċ-child carecCentre l-ewwel jibda jilqa' fih t-tfal tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku u wara jista’ jinfetaħ ukoll għall-ħaddiema tal-privat.

FONDAZZJONIJIET GĦAL SKOPIJIET BENEFIĊI – EŻENZJONI MIS-SURCHARGE
297. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Peress li l-Fondazzjoni Arka u entitajiet oħra għal skopijiet benefiċi għandhom ħafna spejjeż inkluż dawk tad-dawl u ilma u surcharge, hemm xi ħsieb li din il-fondazzjoni u entitajiet simili oħrajn jiġu eżentati mill-ħlas tas-surcharge jew jingħataw xi forma ta' għajnuna oħra in konnessjoni ma' dawn l-utilitajiet biex itaffu ftit mill-ispejjeż tagħhom?
ONOR. AUSTIN GATT: Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-ministeru konċernat.

SERVIZZ PUBBLIKU - AĊĊESS GĦALL-INTERNET
330. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jispjega x'qiegħed iżomm lill-istess gvern milli jipprovdi l-aċċess għall-internet lill-ħaddiema kollha taċ-Ċivil speċjalment dawk il-ħaddiema fejn l-apparat u l-aċċessorji diġa' kollha jeżistu bħalma huma l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li preżentament fis-Servizz Pubbliku hemm 6,257 persuna li għandha aċċess għall-Internet. Dan huwa minn total ta’ 16,081 knowledge workers fis-Servizz Pubbliku. Partikularment fil-qasam tas-saħħa, hemm 1,368 persuna li għandha aċċess għall-Internet minn total ta’ 4,478 knowledge workers.
Huwa fid-diskrezzjoni tal-ministeru jew tad-dipartiment partikulari min għandu jingħata aċċess għall-Internet. Dan jiddependi fuq il-bżonnijiet li n-knowledge worker partikulari jkollu u fuq il-grad li l-istess persuna tokkupa.

SPTAR MATER DEI - PARKING GĦALL-ĦADDIEMA
331. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li l-inqas ħaddiema li għandhom paga fil-qasam tas-saħħa fl-iSptar Mater Dei huma l-uniċi ħaddiema li jħallsu għall-parking? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li lil dawn il-ħaddiema tinħarġilhom card speċjali jew permess biex jibdew jipparkjaw b'xejn bħall-ħaddiema l-oħrajn kollha li jaħdmu ġewwa l-iSptar Mater Dei?
ONOR. JOHN DALLI: Informat li fl-isptar San Luqa il-parkeġġ b’xejn kien aċċessibbli għall-impjegati sa skala 9. Il-parkeġġ b’xejn fl-isptar Mater Dei tela’ għall-impjegati fi skala 12.
Fl-istess waqt, dejjem b’arranġamenti mal-operaturi tal-parkeġġi rispettivi, il-ħlas għall-parkeġġ għall-impjegati ta’ l-isptar Mater Dei naqas għal rata minima ta’ ta’ €0.50 (Lm0.215) kuljum mir-rata ta’ Lm0.32 (€0.744) li kienet titħallas fil-parkeġġ tal-Pieta ħdejn l-isptar San Luqa.
STALLAZZJONI TA' LIFTS
332. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jispjega l-politika tal-gvern dwar twaħħil ta' lifts fi flats li ilhom iktar minn 10 snin mibnija? U liema kriterji jintużaw rigward il-prijorita' li tingħata?
ONOR. JOHN DALLI: Il-politika tal-gvern dwar is-suġġett tal-mistoqsija hi riflessa fil-kundizzjonijiet li fuqhom hi mfassla l-iskema relevanti kif ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta' April 2005.
Dwar il-kriterji għall-prijorita' ninsab informat li l-applikazzjonijiet jiġu proċessati fl-ordni li jkunu daħlu għand l-Awtorita' tad-Djar filwaqt li tingħata prijorita' lill-każijiet urġenti fuq bażi medika.

PENSJONI TA’ L-IRTIRAR
333. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament biex jieħu l-pensjoni ta' 61 sena?
ONOR. JOHN DALLI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

KUNSILLI LOKALI – MISMANAGEMENT BIL-FONDI PUBBLIĊI
334. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega x'follow up kien hemm min-naħa tad-dipartiment tal-kunsilli lokali ħalli l-ebda segretarju f'ebda kunsill ma jagħmel mismanagement bil-fondi pubbliċi?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta mill-istħarriġ jew tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jew ta’ l-Awdituri tal-Gvern Lokali jew xi rapport ieħor, jiġi stabbilit li jkun hemm mismanagement minn xi segretarju eżekuttiv, dan jiġi mitlub minnufih sabiex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu.
Peress li fil-każijiet ta’ mismanagement dan ikun dovut għal xi azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni minn xi uffiċjal tal-kunsill, wara taħditiet li saru sentejn ilu bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u entitajiet interessati (bħall-Assoċjazzjoni Segretarji Eżekuttivi Kunsilli Lokali Maltin), saru emendi fir-regolamenti finanzjarji tal-kunsilli lokali fejn flimkien mas-Sindku, is-Segretarju Eżekuttiv ingħata l-obbligu li jiffirma wkoll ir-risposta għall-Management Letter ta’ l-Udituri għall-Gvern Lokali, fejn tingħata spjega ta’ kif ikun maħsub li jiġu indirizzati l-irregolaritajiet li jkunu ġew identifikati mill-istess udituri.
Minbarra dan, peress li s-Segretarju Eżekuttiv hu impjegat ta’ l-istess kunsill lokali, il-kunsill jista’ wkoll jieħu dawk il-passi dixxiplinari li jidhirlu xierqa wara li jkun ta lis-Segretarju Eżekuttiv kull opportunità biex jiddefendi l-azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tiegħu. Ta’ min ifakkar li l-performance bonus tas-Segretarju Eżekuttiv jiġi evalwat mis-Sindku u diskuss mill-kunsill u r-rata tal-bonus tiġi stabbilita skond kemm il-kunsill jidhirlu li din timmerita lill-istess Segretarju Eżekuttiv. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali f’dan l-eżerċizzju m’għandu l-ebda diskrezzjoni, u dan peress li tali diskrezzjoni hi totalment tal-kunsill lokali rispettiv.
Ta’ min isemmi li konxji mill-ħtieġa li kull Segretarju Eżekuttiv ikun aġġornat fuq bażi regolari dwar l-obbligi amministrattivi u finanzjarji tiegħu, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali flimkien mal-Assoċjazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u s-Segretarji Eżekuttivi f’nofs is-sena li għaddiet organizza programm ta’ taħriġ dwar il-finanzi tal-kunsilli lokali miftuħ għas-sindki u s-segretarji eżekuttivi kollha. Dan il-programm sar kemm f’Malta kif ukoll Għawdex sabiex ikun aktar faċli li jattendu l-akbar numru ta’ segretarji eżekuttivi u l-attendenza għal dan il-programm kienet waħda tajba ħafna.
Ta’ min isemmi wkoll li t-Taqsima tal-Monitoring tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali tissorvelja l-operat tal-Kunsilli Lokali billi tevalwa l-minuti tal-Kunsill (li jinkludu l-Iskeda tal-Pagamenti), il-Budget u r-Rapport Finanzjarju ta’ kull Kwart, kif ukoll tistħarreġ rapporti dwar irregolaritajiet.
DIPARTIMENT TAS-SIGURTA’ SOĊJALI – TALBA GĦAL ĦLAS
335. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jara każ ta' sinjura li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li din qed tintalab tħallas is-somma ta' €969.34? Tista' tagħti spjegazzjoni ta' xiex huma dawn il-flus peress li bid-dħul li għandha qiegħda tbati biex tgħix?
ONOR. JOHN DALLI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

MOSTA - TRIQ IL-ĦTAJRIET
336. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jagħti ħjiel meta se jitlesta x-xogħol fuq Triq il-Ħtajriet ġewwa l-Mosta?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li x-xogħol mistenni li jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2009.

SKEJJEL – STUDENTI LI MA SPIĊĊAWX IL-KORS SKOLASTIKU
337. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Tista' l-Ministru tagħti statistika ta' dawn l-aħħar 5 snin dwar kemm tfal jitolbu permess biex ma jibqgħux imorru skola ħalli jmorru jaħdmu? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi oħrajn li ma jmorrux skola minħabba xi raġuni oħra? Xi tkun din ir-raġuni u min jieħu r-responsabilta' għaliha?
ONOR. DOLORES CRISTINA: In-numru ta’ tfal li talbu għal permess biex jiġu eżentati qabel ma spiċċaw il-kors skolastiku hu kif jidher hawn taħt:

 


 Sena Skolastika

Nru li talbu eżenzjoni biex jaħdmu

2003/04

116

2004/05

83

2005/06

85

2006/07

78

2007/08-21/05/08

50

Il-maġġor parti ta’ tfal li ma jmorrux skola jkunu koperti b’ċertifikat mediku. Hemm oħrajn li ma jmorrux l-iskola minħabba problemi fil-familja /soċjali.

 

Ir-responsabilita’ li tfal ta’ eta skolastika jattendu l-iskola hija tal-ġenituri. (Education Act Chapter 327-Duties of parents5.).



SKEJJEL – SERVIZZ TA’ FACILITATOR
338. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Jista' l-Ministru jara li jingħata facilitator lil tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u għandu bżonn urġenti ta' dan is-servizz?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-iStatement Moderating Panel irċieva l-applikkazzjoni għan-nom tat-tifel, fil-21 ta’ Mejju 2008. L-iskola applikat hekk kif kellha kopja tad-dokument tal-psikologu, fid- 19 ta’ Mejju 2008. Din l-applikazzjoni ġiet reġistrata u ser tingħata l-attenzjoni li jistħoqilha. Il-Bord  għamel kuntatt ma’ l-iskola biex jara li t-tifel jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa mis-servizzi  li diġa’ hemm fl-iskola.

 
BRING-IN SITES


342. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid liema lokalitajiet/kunsilli lokali qed jużaw il-faċilitajiet ta' bring-in sites u liema lokalitajiet/kunsilli lokali m'humiex qed jagħmlu użu minn din il-faċilita'?
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jien infurmat li l-lokalitajiet/kunsilli lokali ta’ Malta u Għawdex kollha qed jużaw il-faċilitajiet ta’ bring-in sites minbarra l-Ħamrun, l-Imdina u Ħaż-Żebbuġ Malta.

ŻEBBUĠ - VJAL IL-ĦELSIEN
343. L-ONOR. PHILIP MIFSUD staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Vjal il-Ħelsien, Ħaż-Żebbuġ, Malta? Jista' jgħid jekk id-disinn ta' din it-triq hux se jkun identiku għal dak preżenti jew jekk hux se jkun hemm disinji ġodda? Jekk se jkun hemm disinji ġodda, jista' jagħti d-dettalji ta' tagħhom?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li sa llum tlesta survey bil-livelli eżistenti u saru pjanti ġodda li jinkludu l-livelli proposti biex titranġa l-cross slope tat-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant. Saru wkoll laqgħat ta’ koordinazzjoni ma’ l-entitajiet, partikolarment mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma li ngħataw kopja tal-proposti biex ix-xogħol li jrid isir min-naħa tagħhom ikun koordinat.
Id-disinn se jibqa’ bażikament l-istess bil-bankini wesgħin, parking fuq iż-żewġ naħat u l-kareġġjati fin-nofs u mingħajr central strip.

RESERVED PARKING BAYS
344. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' l-ADT biex isiru reserved parking bays għall-muturi?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li filwaqt li l-car parking policy ta' ADT tistipula fejn tista' tiġi implimentata il-motor cycle bay u wkoll d-dimensjonijiet tagħha, il-policy speċifika għall-motor cycle parking tħejjiet imma għad trid tiġi approvata.

SPTARIJIET - ANGIOGRAMS
345. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid:
(i) jekk hemmx kriterji standard ta' kif nies li qed jistennew għal angiogram jintgħażlu biex isirilhom it-test?
(ii) kemm saru angiograms fis-sena 2008 u kemm ilhom fuq il-waiting list dawn il-pazjenti?
(iii) jista' jassigura li kulħadd qed jinqeda bil-fair u mhux skond lil min jaf?
(iv) kemm mill-angiograms li saru fis-sena 2008 kienu pazjenti fuq il-waiting list u tahom attakk tal-qalb biex sarilhom l-angiogram?
(v) kemm kien ilu fuq il-waiting list kull pazjent u minn liema raħal jew villaġġ kienu?
Jista' l-Ministru jirrispondi għal kull domanda individwali?
ONOR. JOHN DALLI: Informat li l-kriterji biex pazjenti minn Malta u Għawdex issirilhom angiogram huma bbażati fuq raġunijiet klinici u dan huwa rifless fiż-żmien li pazjent idum jistenna, li jvarja skond kull każ individwali.
Bejn Jannar u April 2008 saru 624 Coronary Angiograms fl-isptar Mater Dei.
Ninsab informat li kulħadd qiegħed jinqeda bil-fair kif spjegat hawn fuq.
L-informazzjoni mitluba dwar il-waiting lists tirrekjedi ħafna ricerka u għadha qiegħda tinġabar.

Infakkar lill-Onor. Interpellant li fl-isptar Mater Dei isiru aktar minn 95% ta’ l-angiograms li jsiru f’Malta u dawn isiru bl-aktar effiċjenza u sigurta' bħalma jsiru f’kull pajjiż ieħor fid-dinja.



TAX COMPLIANCE UNIT
346. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ li kien hemm quddiem it-tax compliance unit ġie konkluż fix-xhur Jannar 2008 sa Marzu 2008, xahar b'xahar? Kemm kien l-ammont miġbur f'taxxa kull xahar?
ONOR. TONIO FENECH: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

ĦOBŻ MALTI
347. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarx xi studju ekonomiku/soċjali fuq id-deċiżjoni tal-gvern li jilliberalizza s-suq tal-ħobż Malti?
Jista' jgħid jekk iż-żieda li l-gvern ta għall-għoli tal-ħajja, inkluż dik iż-żieda antiċipata, kienux jantiċipaw iż-żieda fil-prezz tal-ħobż u l-liberalizzazzjoni tiegħu?

ONOR. TONIO FENECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment ipprepara studju soċjo-ekonomiku dwar l-impatt tat-tneħħija tas-sussidju tal-gvern fuq il-ħobż Malti.
Iż-żieda antiċipata għall-għoli tal-ħajja ta’ EUR2.33 (Lm1) imħabbra fil-budget għas-sena 2008, ingħatat fiċ-ċirkostanzi straordinarji li kienu qegħdin jiżviluppaw dak iż-żmien, minħabba żidiet fil-prezzijiet internazzjonali ta’ diversi prodotti tal-ikel, inkluż iċ-ċereali. Il-COLA li se tingħata fil-budget li ġej tkun tirrefletti l-inflazzjoni fil-perjodu bejn Ottubru 2007 u Settembru 2008, wara li tittieħed in kunsiderazzjoni iż-żieda antiċipata msemmija iktar qabel.

EQUITY SHARING SCHEME
350. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Equity Sharing Scheme tal-Housing ġiet sospiża?
Hemm ħsieb li din l-iskema terġa' tiġi introdotta?
Jaf il-Ministru li din is-sospensjoni ta' l-iskema ħolqot inċertezza fl-industrija tal-kostruzzjoni u hardship fuq first time buyers?
ONOR. JOHN DALLI: Kif kelli l-opportunita' li ngħid pubblikament, inkluż permezz ta' stqarrija għall-istampa ppublikata fl-20 ta' Mejju 2008, l-Awtorita' tad-Djar mistennija timmodifika/ tirristruttura l-iskema li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant propju biex ikun assigurat li dawn it-tipi ta' skemi jkunu sostenibbli fil-futur u aktar koppji żgħażagħ ikunu jistgħu jgawdu minnhom.

SAN GWANN - TRIQ TAS-SLIEMA
357. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jinfurmani jekk Triq tas-Sliema, Kappara, San Gwann hux qiegħda f'xi programm ta' rranġar tat-toroq bħala triq prinċipali u iżjed issa bit-traffiku li jgħaddi għall-iSptar Mater Dei? In vista ta' l-istat ħażin li t-triq tinsab fiha, jista' jikkonsidra li jsiru xi xogħlijiet f'din it-triq?

ONOR. AUSTIN GATT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

IMPJIEGI - PERSUNI DISABLED
358. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali: Billi fl-imgħoddi kien hemm il-prassi li kumpanniji ta' ċertu daqs kienu jimpjegaw numru ta' persuni li huma registered disabled sabiex jgħinu lil dawn il-persuni bi bżonnijiet speċjali jintegraw ruħhom aktar fil-qasam tax-xogħol, jista' l-gvern jikkunsidra li tiġi riattivata din il-miżura?
ONOR. JOHN DALLI: Ninsab informat li fis-snin riċenti l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ħadmet biex jiżdied in-numru ta' persuna b'diżabilita' fl-impjieg permezz ta' inċentivi u kampanji li jenfasizzaw l-abilita' ta' l-individwi, finanzjati taħt programmi ta' l-Unjoni Ewropea.

ĦATRIET F'BORDIJIET
359. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 178 u jgħid meta l-gvern beħsiebu jġib fis-seħħ il-wegħda elettorali tiegħu numru 258 tal-manifest tal-PN li għal aktar trasparenza ħatriet f'bordijiet tal-gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni? Dan se jgħodd għall-bordijiet kollha inklużi dawk tal-kumpaniji parastatali jew le? U jekk le, għal liema bordijiet ser jgħodd?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Il-Programm Elettorali, kif jixhed it-titlu tiegħu (Iva, Flimkien Kollox Possibbli, Programm Elettorali, 2008-2013), huwa programm għal ħames snin.
Il-wegħda elettorali 258 hija ċara li ħatriet f’bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni.
Tajjeb li l-Onor. Intrerpellant jiftakar li huwa serva bħala ministru fi gvern li waħda mill-ewwel liġijiet li ressaq kienet Abbozz ta’ Liġi li jħassar l-Att ta’ l-1996 dwar in-Nomini ta’ l-Oppożizzjoni. B’hekk il-gvern neħħa d-dritt ta’ l-Oppożizzjoni li tinnomina persuna fuq il-bordijiet ta’ enti pubbliċi. Tajjeb infakkar ukoll li f’Mejju 2000, l-Oppożizzjoni kienet reġgħet irrifjutat offerta tal-gvern sabiex jerġa’ jiddaħħal dan id-dritt.

PROGRAMM TA’ PRIVATIZZAZZJONI
360. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 179 u jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-tarznari?
Yüklə 434,86 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin