Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 434,86 Kb.
səhifə4/7
tarix30.07.2018
ölçüsü434,86 Kb.
#64531
1   2   3   4   5   6   7

AĠĠORNAMENT



ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tlieta, 27 ta’ Mejju 2008 fis-6.00 p.m. b’din l-aġenda:-
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali - Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Rifuġjati - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika - Tieni Qari; u
Abbozz ta’ Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika - Tieni Qari.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki. L-Onor. Anthony Agius Decelis.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Mr Speaker, nibda l-Aġġornament tiegħi billi nfakkar li għandi responsabbilta` doppja f’din il-Kamra, waħda li nuri r-rispett lejn din il-Kamra, għax minnha joħorġu l-liġijiet tal-pajjiż, u t-tieni li nara li dawn il-liġijiet iħarsu l-ġid soċjali tal-poplu kollu. Jiena nqis li l-verita` għandha tkun għodda importanti fix-xogħol ta’ kuljum tagħna għax in-nies li qegħdin hawnhekk nirrappreżentaw lill-poplu. Irrid li jkun hemm trasparenza fil-valuri li nħaddnu, u jiena llum fuq dan xtaqt nitkellem.
Qabel nibda nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ferħu lill-familja tiegħi minħabba t-tarbija li kellna ftit tal-ġranet ilu. Nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lill-ispeċjalista brava Dr. Isabel Saliba tal-paċenzja kbira li ħadet bina, l-istaff kollu kemm tal-post kif ukoll ta’ l-ante-natal ta’ l-Isptar Mater Die, li huwa staff professjonali, dedikat immens u li jagħmlu xogħolhom b’reqqa kbira. Nirringrazzja ħafna lin-nurses, lit-tobba, lill-midwives, lill-cleaners u lil kulħadd pero` nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lill-midwife Emily Scerri minn Ħaż-Żabbar għall-mod professjonali u dedikat li bih imxiet mal-mara tiegħi Josette tul il-proċess tal-ħlas kollu. Nirringrazzja wkoll lil Alla li għoġbu jibagħtilna dan l-anġlu żgħir fil-familja tagħna qawwi u sħiħ.
Minn hawn nixtieq nisħaq li kemm jien u l-partit tiegħi għandhom għal qalbhom il-valur tal-ħajja. Dan jgħodd għal kull stadju mill-konċepiment sat-twelid tat-tarbija. Għalhekk irridu naraw kif il-maternita`, li hi valur daqshekk għoli, tiġi msaħħa u tkun imħarsa. Jekk il-familja għandha tkun in-nukleu tas-soċjeta` tagħna, għandna nfittxu li noħolqu sistemi flessibbli ta’ xogħol biex iktar nisa jitħajru għall-maternita` biex ikunu l-ommijiet stess li jħarsu lil uliedhom. F’dan is-sens irridu nsibu inċentivi neċessarji biex naraw li d-divesi postijiet tax-xogħol fejn irridu li ommijiet jitħajru jkomplu jaħdmu jinbnew apposta biċ-ċentri għal kura tat-tfal, iċ-childcare centres, fejn l-ommijiet inħajruhom u nagħmlulhom il-kuraġġ joħorġu fid-dinja tax-xogħol. Fl-istess ħin ikunu jistgħu jmantnu lil uliedhom. Mingħajr ma nkun negattiv, għax jiena ma nħobbx inkun negattiv, irrid ngħid li naħseb li f’dan ir-rigward qegħdin neħduha daqsxejn bil-mod wisq. Skond l-informazzjoni li għandi, hemm bżonn ta’ iktar ċentri minn dawn għax dan ikun ta’ serħan il-moħħ għall-ommijiet li meta jkunu x-xogħol uliedhom ikunu f’dawn il-postijiet li jkun faċli għalihom jilħquhom.
Fix-xogħol tiegħi bħala rappreżentant tal-poplu f’dan il-parlament inħossni obbligat li ngħid il-verita` u xejn inqas mill-verita`, irrelevanti jekk inkunx se nidher ikrah jew le ma’ xi ħadd partikolari. Nispera li l-Mulej jagħtini d-don li ma nweġġa’ lil ħadd personali, għax mhux l-iskop tiegħi li nweġġa’ lil xi ħadd personali u partikolari. Jekk imbagħad għax ngħid il-verita` jkun hawn min ma jridx jisma’, allura dik is-sitwazzjoni ma tkunx tort tiegħi imma tkun tort ta’ dak l-individwu. Dan ma jkunx irid jisma’ mhux dak li ngħid jien, imma leħen il-poplu, għax jiena nitkellem wara li nkun ġbart il-feedback u dwar dak li jkun jixtieq jgħid il-poplu. Wara kollox jiena qiegħed hawnhekk biex ngħid dak li l-poplu jkun jixtieq jgħid u dak li l-poplu jkun qed jgħix f’kull ħin u f’kull jum.
Naf li l-verita` hija iebsa, u ħafna drabi sussegwentement wara l-verita` jkun hemm sitwazzjoni iktar iebsa. Imma liema pazjent jifraħ jekk jissuġġerulu li għandu bżonn jagħmel operazzjoni? Ftit tal-ħin ilu kont qed nitkellem ma’ sieħbi l-Onor. Zammit. Naħseb l-ebda pazjent ma jifraħ jekk l-Onor. Zammit jgħidlu li għandu bżonn jagħmel operazzjoni. Ħadd ma jifraħ jekk, agħar minn hekk, jgħidulu li jekk l-operazzjoni ma ssirx u l-marda tidħol iktar ‘il ġewwa jista’ jkun tard wisq li tirranġa. Dan huwa l-ewwel aġġornament tiegħi, u b’wiċċi minn quddiem ngħid li quddiem Alla jrid ikolli kuxjenza safja u nadifa. Dak li ngħid irid ikun il-kliem, l-aspirazzjonijiet, l-aspettattivi, ix-xewqat tal-poplu li jien qiegħed hawn biex nirrappreżenta.
Irrid ngħid ukoll li huwa veru li l-burokrazija hija valur tajjeb, imma ħafna drabi tintuża b’mod ħażin. Ħafna drabi ċ-ċittadini, minħabba d-dewmien żejjed, jiġu affettwati b’mod ħażin. Għalhekk ma rridux inkunu membri li nsibu s-soluzzjoni ta’ malajr darba kull ħames snin għax tkun ġejja elezzjoni, imma kuljum fis-setgħa limitata tagħna rridu nfittxu kif il-makkinarju burokratiku jaħdem b’mod effiċjenti u mingħajr diskriminazzjoni. B’hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jħarsu lejna u jkunu qegħdin jaraw lilna l-politiċi bħala nies li nagħtu servizz effiċjenti. Il-perikli, minn żgħar sa kbar, għandhom jiġu ffaċċjati b’responsabbilta` biex tabilħaqq il-poplu jħoss li l-politika hija mezz li qed ittejjeb għall-aħjar il-ħajja privata ta’ kull individwu kif ukoll tal-komunita` li aħna lkoll ngħixu fiha.
Nistaqsi lil sħabi kollha ta’ din il-Kamra kemm ilhom ma jiltaqgħu ma’ priġunieri ġewwa darhom! Hawn jiena nixtieq nirrakkonta esperjenza xejn sabiħa, imma li għaddejt minnha jiena. Ftit tal-ġranet ilu mort nara persuna ħabiba tiegħi ġewwa wieħed mill-flats li l-gvern Laburista kien rinomat li bena, ħafna minnhom fis-snin 70 u fis-snin 80. Dawn kienu jitqassmu lill-poplu. Iltqajt ma’ mara mnikkta għax issa li għandha 70 sena spiċċat priġuniera ġewwa darha. Dik id-dar li fiha rabbiet il-familja ta’ erbgħa, dak il-post li rabbiet lil uliedha fih li kibru u li żżewġu, dak il-post li tgħidx kemm argumentaw, tkellmu, iġġieldu u nħabbu hi u żewġha fih, issa spiċċa l-ħabs tagħha. Lil din is-sinjura 35 sena ilu ħadd ma kien jgħidilha li se tispiċċa hekk ġewwa darha. Ħamsa u tletin sena ilu din is-sinjura kienet tiflaħ ittir, u mhux titla’ dawk il-ħames sulari taraġ! Kik is-sinjura, 35 sena ilu, kienet titla’ dawk it-turġien kollha b’xirja mdendla ma’ daharha u b’żewġ ulied wieħed fuq kull naħa mingħajr problemi ta’ xejn!
Dakinhar dik il-mara rringrazzjat lill-ħanin Alla li kellhom saqaf fuq rashom. Illum l-affarijiet inbidlu, l-artrite kilitilha l-għadam kollu, u saqajha spiċċaw. Illum hija diffiċli ħafna għaliha li tinżel u titla’ dawk it-turġien jekk ma jkunx hemm xi ruħ tajba tagħtiha l-għajnuna. Insa li ttella’ xi xirja, insa li ttella’ xi ċilindru gass, insa li tkun tielgħa u terfa’ xi neputi biex tasal fil-ħames sular fejn tgħix kif kienet tagħmel dari. Illum il-ġurnata minħabba din il-kondizzjoni li tinsab fiha, l-affarijiet saru kbar għaliha. Ix-xirjiet li kienet titla’ bihom huma affarijiet tal-passat. Illum bi tbatija kbira tifraħ jekk wara li ma ngħidlekx kemm-il darba tieqaf f’dawn l-indani taraġ jirnexxilha titla’ fil-flat tagħha. Kull rokna tad-dar għaliha fiha ħafna memorji marbuta magħha, kull kamra ġġorr storja, imma madanakollu pprovat kemm-il darba titlob li jsirilha trasferiment biex tmur tgħix x’imkien isfel fuq livell tat-triq ħalli ma jkollhiex dan l-impediment, dan l-uġigħ, dan id-dwejjaq biex tkun tista’ toħroġ barra.
Biex inkun onest ukoll, li diffiċli ħafna ssib post isfel biex tbiddlu. Illum fis-sena 2008 hawn diversi soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet bħal dawn u nemmen li huwa hawnhekk fejn għandna nidħlu aħna. Hemm bżonn li f’dan il-pajjiż ikollna pjan ta’ malajr biex fejn hemm każi urġenti jiġu rrimedjati malajr, bħalma hu l-każ li semmejt. Hemm bżonn ukoll pjan iktar irpużat għal sitwazzjonijiet ta’ fejn jistgħu jistennew ftit jew iktar fit-tul. Irid ikun hemm pjan, irid ikun hemm programm li permezz tiegħu dawn iċ-ċittadini jkunu jafu meta se jmisshom jew meta l-flats tagħhom se jsirulhom l-arranġamenti meħtieġa. Ma rrid nipponta subgħajja lejn ħadd, imma meta marru jipprovaw jieħdu daqsxejn sodisfazzjon fiex waslu u ma waslux ma tantx ħarġu bi tbissma sabiħa fuq wiċċhom! Naħseb li dan mhux fair ma’ nies li jkunu għaddejjin minn dawn is-sitwazzjonijiet.
F’ċerti sitwazzjonijiet il-lifts jistgħu jitqiesu bħala libertaċ lura lil dawn iċ-ċittadini li huma msakkra f’darhom għax fiżikament huwa diffiċli għalihom li joħorġu minn darhom minħabba l-istat ħażin ta’ saħħithom. Jekk isiru dawn il-lifts ħadd ma jkollu x-xewqa li jbiddel il-post li fih ikun jgħix. Dawn ikunu nies li m’humiex imdejqin għax il-post huwa ikrah, imma mdejqin minħabba sitwazzjoni li ma riduhiex li tasal fuqhom, imma minħabba ż-żmien waslet fuqhom. Din hija sitwazzjoni li toħloq dwejjaq żejda fuqhom għax l-ewwelnett saħħithom marret lura u t-tieni għax huma m’għadhomx jagħmlu l-affarijiet normali li kulħadd jagħmel fil-ħajja ta’ kuljum. Ma jistgħux, per eżempju, jinżlu għall-quddies filgħodu, għax il-battikata li jieħdu biex jitilgħu lura hija ta’ tbatija kbira. Jiena nemmen li għandna nimbuttaw ‘il quddiem pjan biex dawn in-nies ikunu jafu eżattament fejn jinsabu.
Hawn nixtieq nirrakkonta storja oħra li ltqajt magħha ftit ilu. Iltqajt ma’ persuna rrabjata għax kienet għadha kemm qasmet tyre tal-karozza minħabba l-istat ħażin li jinsabu fih ċerti toroq fil-Mosta, u mhux fil-Mosta biss. Kulmin jiġri ma’ Malta u Għawdex jinduna kemm għandna toroq fi stat ħażin. Dan li qasam it-tyre inzerta li qasmu f’waħda mit-toroq li għandna l-Mosta. Fost it-toroq li hemm imkissra ġewwa l-lokalita` minn fejn ġej jiena, il-Mosta, u li għandhom bżonn kisja tajba hemm Triq l-Ortolan, Triq l-Antenni, Triq id-Dawl, Triq E.B. Vella, Dr Chetcuti Street, Triq il-Ħtajriet, Pjazza Nerik Mizzi, Ta’ Mliet, Triq il-Battaljun. Tista’ tgħid it-triqat kollha tal-Blata l-għolja, ħafna mit-triqat ta’ Santa Margherita u diversi toroq fil-Mosta l-antika. Biex inkun ġust hemm ħafna mit-toroq li ngħataw manutenzjoni waħda u sew.
Ikun tajjeb li nagħmlu ftit riċerka qabel ma nippreżentaw ruħna, u allura jiena pprovajt nagħmel ftit riċerka biex nara min hu responsabbli u ta’ xiex. Jekk ikollok bżonn manutenzjoni qaluli li jekk tkun triq prinċipali, dawn jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-gvern ċentrali. Toroq sekondarji li jkunu diġa` xi darba ġew asfaltati u jkollhom bżonn manutenzjoni, jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tal-gvern lokali. Jiġifieri r-responsabbilta` tal-kunsill lokali u toroq li qatt ma jkunu għadhom ġew asfaltati, anke jekk ikunu sekondarji, jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tal-gvern ċentrali. Mela jekk triq ġiet mibnija reċenti, kif tingħata wiċċ bl-asfalt jew bit-tarmac mingħand il-gvern ċentrali tgħaddi taħt ir-responsabbilta` tal-gvern lokali. Jekk issib triq li diġa` saret xi darba bl-asfalt, għalkemm hija sekondarja, xorta taqa’ taħt ir-responsabbilta` tal-kunsill.
Sur President, jiena mort inkellem lil sħabi - u nsellmilhom għax-xogħol volontarju kbir u b’dedikazzjoni kbira li qed jagħmlu ġewwa l-Mosta, kunsill li s-sena l-oħra nbidel u għadu ġdid – u meta tistaqsihom x’inhi s-sitwazzjoni, issib li dan il-kunsill sab ma’ wiċċu kontijiet jaslu kuljum fil-letterbox li jammontaw għal Lm180,000. Minħabba f’hekk m’għandhomx minn fejn iġibu l-flus ħalli jsewwu dawn it-toroq imkissrin. Veru, biex inkunu għedna kollox u nkunu fair, il-gvern ċentrali għandu sistema kif iqassam il-flus lill-kunsilli, imma huwa fatt li tista’ tħossu kull meta tmiss mat-toroq tagħna li din is-somma li l-gvern ċentrali jqassam lill-kunsilli lokali m’hijiex biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda u mal-bżonnijiet li kull post u lokalita` għandu. Jien qed ngħid li żgur li s-somma li l-gvern ċentrali qed jagħti lill-Mosta, nistgħu ngħidu t-tieni l-ikbar belt f’Malta, m’hijiex biżżejjed biex tlaħħaq mal-bżonnijiet li għandhom ħafna mit-toroq.
Nasal biex b’dispjaċir ngħid ukoll li wħud minn dawn it-toroq jagħmlu ħafna ħsara lill-karozzi tar-residenti, u llum kulmin għandu karozza jaf kemm tiġi tiswa meta tkisser xi ħaġa fil-karozza. Dan apparti mit-trabijiet enormi li jkollna fis-sajf. Qabel ma ġejt hawnhekk tkellimt ma’ dealer tal-karozzi u qalli li l-karozzi jaħsilhom u wara ftit jiġu kollha trab. Dan jistħi mit-turisti li jiġu biex jaraw il-knisja. Nirringrazzjaw lill-antenati tagħna li aħna għandna waħda mill-isbaħ knejjes li hawn f’Malta, u allura jiġu ħafna turisti biex jarawha. Issa nixtiequ li barra l-knisja jibdew imorru jaraw il-katakombi tal-Bistra u forsi, jekk ikollna flus, nirranġaw il-wied u nibdew inniżżluhom sal-wied ukoll. Il-punt huwa li minħabba t-tkissir fit-toroq, it-trab huwa tal-mistħija għaż-żmenijiet tal-lum. Dan apparti miċ-ċaflis u t-tajn li jkollna fix-xitwa minħabba l-istess ħofor, gandotti u ħotob. Hemm bżonn li nkunu ta’ kelma u mhux qabel kull elezzjoni nwiegħdu kollox, u kif tgħaddi l-elezzjoni ninsew dak li nkunu wegħedna jew noqogħdu nġibu xi skuża li ġej il-maltemp u mhux maltemp u sħab iswed, u mbagħad ninsew li sa qabel l-elezzjoni konna ngħidu li ġejja rebbiegħa ġdida!!
Issa ilna kważi 20 sena f’din is-sitwazzjoni. Issa l-partit Nazzjonalista rebaħ il-gvern, imma xorta għadha tidwi f’widnejja dik il-wegħda li kienet saret minnu li t-toroq ikunu bla ħofor u bla ħotob. Possibbli wara 20 sena din il-wegħda għadna ma wettaqnihiex? Biżżejjed ngħid li għandna toroq imfarrkin li tant huma perikolużi li ħafna mir-residenti jieħdu triq itwal biex jaslu fejn jixtiequ jaslu, mbasta jevitawhom. Tkellimt ma’ l-anzjan, u ma kontx se ngħidha din, pero` ddeċidejt li ngħidha għax insista li għandi ngħidha. Tant għandna toroq imfarrkin li dan l-anzjan stess qalli li wara t-tieni gwerra dinjija t-toroq tagħna kienu fi stat aħjar milli huma llum.
Sur President, qed ngħid dan għax il-gvern ċentrali għandu l-magna ta’ kif iqassam ir-riżorsi pubbliċi, u dan l-aspett irid jieħdu iktar in konsiderazzjoni. Mhux sewwa li qegħdin jeħlu l-kunsilliera tagħna. Il-kunsilliera li qegħdin hemmhekk biex jagħmlu xogħol volontarju għax verament iħobbu r-raħal fejn huma trabbew, twieldu u għexu. Ix-xogħol mhux qed jagħmluh għax sempliċement m’għandhomx ir-riżorsi. Li kieku għandhom ir-riżorsi żgur jagħmluh. Jien insellem lil kull sindku u kull viċi-sindku, lil kull kunsillier u kull minority leader li qed jagħti servizz f’dawn il-lokalitajiet, għax mhux faċli li tkun tixtieq timplimenta u tara l-post fejn tgħix aħjar imma ma jkollokx riżorsi u ma tkunx tista’ twettaq dak li tkun tixtieq.
Sur President, f’dan il-pajjiż żgħir tagħna hemm bżonn li l-gvern jieħu iktar bis-serjeta` s-sitwazzjoni dinjija u l-konsegwenzi li qed iġibu magħhom l-għoli taż-żejt, taċ-ċereali u l-qmuħ. Inħoss li bqajna ċassi quddiem dawn l-eventwalitajiet. Hawn uħud ukoll, biex inkun onest, qishom qed jieħdu gost jitfgħu t-tbatija li qed iħoss il-poplu fuq is-sitwazzjoni dinjija mingħajr ma’ jippruvaw iċaqilqu ftit ħalli jaraw jekk hemmx xi alternattivi oħra f’dawn iċ-ċirkostanzi. Naħseb li mingħajr ma nweġġa’ lil ħadd, qegħdin nieħdu l-eħfef triq u qed inġibu l-iskużi li mhux tort tagħna u li qed jiżdiedu l-prezzijiet ta’ l-affarijiet l-iktar essenzjali. Huwa hawnhekk allura fejn tibda tinkwieta, għax min għandu d-dħul tajjeb, il-piż ta’ l-għoli tal-ħajja jħossu ftit inqas. Jalla jkollna ħafna nies li sejrin tajjeb!
Hekk nieħu pjaċir u hekk nixtieq, u aħna għalhekk qegħdin hawnhekk, biex intejbu l-livell ta’ l-għajxien tal-poplu tagħna. Jalla kulħadd ikun għaddej komdu mingħajr ma jħoss dawn it-tibdiliet ġodda li l-għoli tal-ħajja titfa’ fuq il-familja tagħna. Imma din m’hijiex ir-realta`. Inutli li aħna nixtiequ li kulħadd imur tajjeb. Dażgur li nixtiequ li kulħadd imur tajjeb, u żgur li nixtiequ li kulħadd ikollu d-doni. Dażgur li nixtiequ li kulħadd ikun komdu u li ma jkollniex għalfejn noqogħdu ninkwetaw jekk jogħlew ċ-ċereali, jekk jogħla ż-żejt u jekk jogħla l-fuel surcharge. Kieku kulħadd ikun komdu m’għandniex għalfejn ninkwetaw, imma r-realtajiet tal-ħajja m’humiex dawk. Ir-realta` tal-ħajja hija li dawn il-prezzijiet qed iġibu tbatija kbira speċjalment fuq dawk in-nies l-inqas li għandhom dħul. U allura jien nixtieq li ma noqogħdux daqshekk kalmi quddiem din is-sitwazzjoni.
Sur President, nixtieq nagħmel il-punt li l-poplu għandu dritt ikun jaf x’inhu jagħmel il-gvern tiegħu. Ma tkunx ġusta l-kritika jekk il-gvern ikun qiegħed jagħmel xi ħaġa u l-poplu ma jkunx jaf biha. Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-gvern tiegħu x’inhu jagħmel ħalli l-poplu jkun jista’ jiġġudika jekk dak li qed jagħmel huwiex biżżejjed jew le. Per eżempju, il-gvern għandu jinforma lill-poplu dwar x’qed jagħmel dwar dawn l-eventwalitajiet. Dawn il-prodotti li għolew huma vitali, u biex tkompli tagħqad, aħna nimportaw kważi kollox. Huwa vitali li nippruvaw nagħmlu xi pjan kemm għall-immedjat u kemm fit-tul. Jidher li l-ekonomija taċ-Ċina se tkompli tikber, u jekk din tkompli tikber u tissaħħaħ se nkomplu għaddejjin fis-sitwazzjoni li qegħdin illum. Ma’ l-ekonomija taċ-Ċina qed tiżdied ukoll l-ekonomija ta’ l-Indja, u jekk dawn iż-żewġ ekonomiji jkomplu jiżdiedu u jimxu ‘l quddiem b’dan il-mod, l-affarijiet se jibqgħu kif inhuma llum jekk ma jeħżinux.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Sur President, naħseb li hemm bżonn li aħna bħala nies li nirrapprentaw lill-poplu nħarsu lejn din il-problema b’serjeta` kbira u naraw x’inhu l-interess tal-poplu tagħna. Jien ma niħux pjaċir li l-poplu tagħna jkun għaddej minn tbatija. Ma niħux pjaċir li l-poplu tagħna jkun għaddej minn sagrifiċċji, imma fl-istess ħin irridu nippjanaw. Irridu nagħmlu proġetti biex jekk jista’ jkun nilqgħu kemm għal dak li hu immedjat kif ukoll għall-futur. Meta nitkellmu mal-familji u man-nies fid-djar jgħidulna kemm qegħdin iħossu t-tbatija ta’ l-għoli tal-ħajja. Hawn mhux qed ngħid biss għall-pensjonanti. Il-pensjonanti, in-nies bla xogħol u dawk li jinsabu fuq benefiċċji soċjali huma l-iktar li jħossu dan, pero` mhux huma biss. Illum il-ġurnata nies li għandhom degree, nies li għandhom job fiss, nies li għandhom paga li sa ftit ta’ żmien ilu kienet konsidrata tajba ħafna wkoll qegħdin iħossu dan il-piż.
Sur President, jien nsostni li din hija xi ħaġa li qed tolqot lill-poplu kollu u speċjalment lill-familji. Kont qiegħed nitkellem ma’ familja partikolari u qaltli: “Tony, jien ġejt f’dubju x’għandi żejjed fid-dar. Din bdiet tistaqsi jekk huwiex l-internet tat-tfal li huwa żejjed. Mela llum tista’ timmaġina li llum ikollha nuqqas ta’ l-internet meta t-tfal tagħna jridu jistudjaw u jagħmlu riċerka? X’għandi żejjed? Għax il-mara tmur taħdem u għandha karozza wkoll? Jien ngħid ejja ma noqogħdux nippuntaw lejn ħadd. Ejja kulħadd, b’mod responsabbli, ngħidu li aħna rridu l-ġid lill-poplu tagħna u flimkien, mingħajr ma noqogħdu nużaw l-ebda slogan, naraw kif nirranġaw din is-sitwazzjoni. Ġo fija jiena nħoss li żgur li jkun hawn kulħadd lest jagħti kontribut ħalli naraw x’miżuri nieħdu bħala pajjiż biex lill-poplu tagħna nevitawlu daqqa. Aħna bħala poplu żgħir b’qatra ilma niskru, u jekk dik il-qatra ilma ma tiġix, immutu bil-għatx!
Sur President, nagħmel l-aħħar punt tiegħi, għax l-arloġġ qed idur. Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil dawk kollha li s-Sibt li għadda ġewwa l-Imtarfa jagħmlu eżerċizzju demokratiku u ħarġu jivvotaw fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali. Jien minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lit-timijiet kollha. Kien hemm team indipendenti u team tal-partit nazzjonalista. Imma ippermettili li minn qalbi nirringrazzja lil kulħadd, b’mod speċjali lil Bernard Borg, lil Helen Bugeja u lil Pawlu Muscat li tul dawn l-aħħar tliet ġimgħat ħdimna flimkien fuq it-team tagħna bħala partit laburista ġewwa l-Imtarfa. Nirringrazzja lil dawk kollha li ħarġu jivvotaw għax din hija d-demokrazija. Kulħadd għandu jagħti l-vot u l-espressjoni tiegħu, u għax aħna għal dan qegħdin naħdmu. Aħna nixtiequ li dan il-pajjiż ikompli miexi b’mod demokratiku u b’liberta` fejn kulħadd jista’ jesprimi dak li jifhem u jemmen mingħajr ħafna tfixkil. Grazzi, Sur President.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kamra hija aġġornata għal għada t-Tlieta, 27 ta’ Mejju 2008 fis-6.00 pm. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 434,86 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin