Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,86 Mb.
səhifə11/12
tarix13.12.2017
ölçüsü0,86 Mb.
#34668
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   12

GŻEJJER TA’ SAN PAWL
W297. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’investiment sar fuq il-Gżejjer ta' San Pawl, liema gżejjer jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern ċentrali minkejja li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa, bħala kunsill lokali?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar restawr fuq l-istatwa ta’ San Pawl li hemm fuq il-gżejjer, liema restawr sar minn għaqda non-governattiva fl-2007.
GŻEJJER TA’ SAN PAWL - AMMINISTRAZZJONI
W298. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gżejjer ta' San Pawl humiex amministrati mid-dipartiment li hu responsabbli mill-proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, x'tip ta' kontroll għandu l-istess dipartiment fuq dawn l-inħawi u l-proprjetajiet li hemm mibnija fuqhom?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gżejjer ta’ San Pawl huma proprjetà tal-Gvern u amministrati mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern.

GŻEJJER TA’ SAN PAWL – INVESTIMENT MINN FONDI EWROPEJ
W299. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jagħmel xi investiment partikolari fuq il-Gżejjer ta' San Pawl, liema gżejjer jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern ċentrali, u dan minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi sottomissjoni partikolari għal dak li jikkonċerna nfiq fuq dawn il-gżejjer, kemm mill-privat kif ukoll mill-Gvern ċentrali?
ONOR. LOUIS GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju l-Gvern mhu qed jikkunsidra l-ebda investiment partikolari fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl minn fondi Strutturali u ta’ Investiment.

GŻEJJER TA’ SAN PAWL - INVESTIMENT
W300. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Billi l-Gżejjer ta' San Pawl huma meqjusa bħala attrazzjoni turistika mil-lat reliġjuż, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, permezz tal-Awtorità tat-Turżmu ta’ Malta, hux se jwettaq xi investiment partikolari fuq dawn il-Gżejjer?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Il-Ministeru għat-Turiżmu għandu ferm għal qalbu dawn il-Gżejjer, kemm bħala parti mill-wirt kulturali tagħna kif ukoll bħala parti mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Fil-fatt, l-Awtorità Maltija għat-Turizmu qed tassumi n-nefqa finanzjarja tar-restawr tal-istatwa ta’ San Pawl li hemm fuq dawn il-Gżejjer. Dan ir-restawr qed tieħu ħsiebu l-organizzazzjoni Din l-Art Ħelwa. Wara li jitlesta dan ir-restawr, l-Awtorità għandha l-ħsieb li tħares lejn ir-restawr ta’ elementi oħra ta’ dan is-sit sabiex ikun aktar aċċessibbli u ta’ dehra isbaħ.

SAN PAWL IL-BAĦAR – TRIQ IL-MOSTA – SIĠAR TAL-PALM
W301. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew xi dipartiment li jaqa’ taħtu rċeviex talbiet biex fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, jinqalgħu iktar minn għoxrin palma li hemm f'din l-istess triq? Jekk irċieva tali talba, x'kienet ir-reazzjoni tal-Ministeru? Jekk ma rċeviex talba bħal din, jista' jinvestiga jekk hux se jinqalgħu dawn il-palm li hawn f'din it-triq?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ma rċieva l-ebda talba biex il-palm li jinsab fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar jiġi maqlugħ. Minn spezzjoni li saret mill-istess dipartiment fl-10 t’Ottubru 2014, jirriżulta li dawn is-siġar tal-palm jinsabu fl-istess post.

KAXXI ĠODDA GĦALL-UŻU TAL-BDIEWA
W302. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kaxxi l-ġodda li suppost kellhom jidħlu fiċ-ċirkulazzjoni għall-użu mill-bdiewa, bdewx jintużaw? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar kemm daħlu kaxxi ġodda fis-sistema u kemm għad fadal ħtieġa ta’ iktar kaxxi biex il-ħtiġijiet tal-bdiewa jkunu moqdija?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, minn April tas-sena l-oħra sal-lum, inħarġu 32,000 kaxxa ġdida li qegħdin jaqdu l-ħtiġijiet tal-bdiewa.

KONSULTAZZJONI FIR-RIGWARD TA’ BDIEWA, RAĦĦALA U SAJJIEDA
W303. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-suġġetti li bħalissa l-Ministeru qed jagħmel konsultazzjoni dwarhom għal dak li jikkonċerna bdiewa, raħħala u sajjieda? Kif jista’ wieħed jagħti s-sehem tiegħu f'dawn il-konsultazzjonijiet?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-konsultazzjonijiet isiru regolarment u kontinwament skont il-ħtieġa.

PROĠETTI MARBUTA MAL-QASAM TAS-SAJD
W304. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti marbutin mal-oqsma tas-sajd, fil-fatt għaddej ix-xogħol fuqhom min-naħa tal-Ministeru? Fejn jinsabu dawn ix-xogħlijiet u meta hu mistenni li jitlestew l-istess xogħlijiet?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħalissa qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet u mistenni li jitlestlew kif ġej:


Lokal

Natura

tax-Xogħol

Data tat-Tlestija

 

 

 

Mġarr, Għawdex

Landing Office

Diċembru 2014

Marsa

Pixkerija Ġdida

Marzu 2015

Marsa

Landing Site

Awwissu 2015

Marsaxlokk

Landing Site

Awwissu 2015

Veċċja, San Pawl il-Baħar

Landing Site

Ottubru 2015

Marsaskala

Slipway

Marzu 2015

Xemxija

Slipway

Marzu 2015

Marsaxlokk

Breakwaters

Diċembru 2017


PARKEĠĠI RISERVATI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
W305. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Billi f’diversi nħawi qed jinżebgħu sinjali ta’ parkeġġi riservati li qed ikollhom in-numru tal-vettura miktuba fil-parkeġġ, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari bejn Transport Malta u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità? Jekk iva, x’kienu dawn l-iżviluppi?
ONOR. JOE MIZZI: Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7994.

MELLIEĦA – ŻVILUPP TAL-INĦAWI
W306. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Billi waqt laqgħa ta' diskussjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa saret riferenza għall-proġetti li kienu msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8348 u li kienu riferuti wkoll fil-mistoqsija parlamentari 8389, billi fil-laqgħa tal-Mellieħa ngħatat l-impressjoni li dalwaqt ikun hemm sejħiet għall-iżvilupp tal-inħawi msemmija, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx hemm żviluppi konkreti, u allura jista' jagħti tagħrif dwar liema proġetti se jsiru mill-Gvern, liema se jsiru mill-privat u liema se jsiru bejn il-Gvern u l-privat?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Il-MEPA għandha kuntratt mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar sabiex mill-fondi tal-UIF tħallas għall-ispejjeż li kellhom isiru fil-proġett sabiex jiġu mtejbin il-bandli magħrufa bħala Thalassalejn biswit l-iskola ta' San Pawl il-Baħar. Madankollu, il-kunsill lokali informa lill-MEPA sabiex dan il-kuntratt jiġi estiż indefinittivament sakemm tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-art imsemmija hiex se tibqa’ bandli jew jekk il-Gvern ċentrali jagħmilx użu ieħor minnha.

PARK TAN-NOFSINHAR
W307. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-iżviluppi li seħħew bejn Marzu u llum għal dak li jirrigwarda offerti ta' kummerċ kif mistoqsi fil-mistoqsija parlamentari 8404?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħalissa qed isiru taħdidiet mad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern li ovvjament għandu l-esperjenza u l-kapaċità teknika meħtieġa sabiex ikunu ffinalizzati l-offerti u l-kundizzjonijiet għall-kirjiet. Is-sejħa għall-offerti mistennija tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin.

KUNSILL MALTI GĦALL-ISPORT – GĦAQDIET SPORTIVI REĠISTRATI

W308. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-għaqdiet sportivi mis-7, id-9 u t-12-il distrett elettorali, raħal b’raħal, li huma reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isport?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat illi l-għaqdiet sportivi rreġistrati mal-KMS skont id-distretti indikati mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fil-lista li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin ta’ Tqegħid ta’ Karti.

AĠENZIJA ŻGĦAŻAGĦ ORGANIZZAZZJONIJIET REĠISTRATI LI JAĦDMU MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
W309. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ li huma rikonoxxuti bħala tali mill-Ministeru? F'liema lokalitajiet huma rreġistrati dawn l-istess għaqdiet? Kemm ilhom hekk irreġistrati dawn l-istess għaqdiet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat li l-għaqdiet taż-żgħażagħ li huma rreġistrati mal-Aġenzija Żgħażagħ minn kemm ilha mwaqqfa fl-2011 huma kif jidher fil-lista li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin ta’ Tqegħid ta’ Karti.
TRANSPORT MALTA – ŻVILUPP TA’ YACHT MARINAS
W311. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-yacht marinas li għadhom qed jiġu kkunsidrati għall-iżvilupp min-naħa ta' Transport Malta? Fejn jinsabu, u f'kull każ, fejn wasal il-proċess li nbeda?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadu għaddej il-proċess għas-sejħa għall-proposti (RFP) għall-iżvilupp ta’ yacht marina ġewwa Sa Maison.
Transport Malta qiegħda wkoll fil-proċess li tibda l-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-marina ġewwa l-Gżira kif ukoll, b’koordinament mal-Ministeru t’Għawdex, qed tevalwa l-possibbiltà għat-tkabbir tal-Port tal-Imġarr. L-Awtorità qed tikkunsidra wkoll pjanijiet għall-iżvilupp tal-Baċir Nru 1.

POLICY DWAR PARKEĠĠ
W312. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn wasal il-proċess marbut mal-policies ta' parking madwar Malta? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġi finalizzat dan l-l-istess proċess?
ONOR. JOE MIZZI: Jien infurmat li wara li saru konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati, din il-policy tal-parkeġġ reġgħet ġiet riveduta u diskussa internament. Il-pass li jmiss hu li din ser tiġi mnedija u miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika.

SAN PAWL IL-BAĦAR – PROĠETT TA’ SPORTS COMPLEX
W313. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Billi riċentement kien hemm dikjarazzjonijiet pubbliċi li kienu jgħidu li l-proġett ta' sports complex fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar kien se jitkompla, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda xi xogħol fuq dan l-istess proġett?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom għaddejjin il-proposti sabiex jiġi assigurat l-użu massimu tal-art li ġiet identifikata għal dan il-proġett, liema proġett se jkun jikkonsisti mhux biss f’bini ta’ kumpless sportiv iżda se jintuża wkoll għal faċilitajiet soċjo-edukattivi oħra.

PROBLEMA FUQ KONT TAD-DAWL - KAŻ TA’ PERSUNA
W319. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema fuq kont tad-dawl?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata u l-każ huwa solvut.

IL-MARSA - TRIQ GARIBALDI - INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU (OVERTURNING)
W320. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm inċidenti ta' qlib (overturning) fi Triq Garibaldi fil-Marsa matul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hijiex qed tippjana xi bidliet partikolari għal din il-parti tat-triq li minn żmien għal żmien fiha jkun hemm inċidenti pjuttost kbar?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika mitluba minnu tinżamm mill-Pulizija li għandhom isiru r-rapporti dwar inċidenti tat-traffiku. Mal-proġett ta’ Triq Garibaldi kien sar xi titjib fil-liwja msemmija fis-sens li tjiebet il-qlib tat-triq favur il-liwja u li l-asfalt il-ġdid sar bi żrara iktar b’saħħitha li toffri skid resistance aħjar. Madankollu, bħala liwja baqgħet hemm minħabba li dak il-proġett kien jasal sat-tarf ta’ Triq Garibaldi u allura fl-aħħar ix-xogħol kellu jagħqad mat-triq eżistenti.
Sadanittant, din il-parti tat-triq imsemmija hija inkluża fil-proġett tal-junction tal-Marsa (ta’ ħdejn l-Addolorata) fejn qed jiġi propost li titjieb il-kurva li minn Triq Garibaldi teħdok għal Triq Aldo Moro billi l-vetturi jgħaddu minn quddiem il-fabbriki. Dawn il-pjanti ġew sottomessi lill-MEPA mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta permezz ta’ applikazzjoni numru PA 2309/14.

SAN PAWL IL-BAĦAR – TRIQ IT-TURISTI - BANKINA
W321. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista' l-Ministru jagħti tagħirf dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4760?
ONOR. JOE MIZZI: Jien infurmat li l-azzjoni ta’ infurzar fi Triq it-Turisti kienet dwar estenzjoni ta’ bankina mingħajr il-permessi neċessarji u wara li ttieħdu l-passi ta’ infurzar, din il-bankina reġgħet ġiet mibnija kif kienet oriġinarjament.

QABDA TAT-TONN
W323. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Billi jidher li mill-informazzjoni dwar il-qabda tat-tonn, u b'mod partikulari billi ġie ppubblikat li din is-sena l-qabda kienet iktar minn 80% iżjed mis-sena li għaddiet, u billi Malta għandha kwoti partikulari li jistgħu jinqabdu u li għandhom jiġu osservati, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub li jagħti spjegazzjonijiet dwar din iż-żieda fil-qabda? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi investigazzjoni dwar din l-informazzjoni, u jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar x'irriżulta minn dan?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-kwota tat-tonn għal Malta qatt ma nqabżet. Jidher li l-Onor. Interpellant qed jagħmel użu minn figuri tal-qabda tat-tonn ta’ din is-sena ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li jinkludu l-ħut maqbud ħaj għall-akkwakultura, filwaqt li dawk tas-sena ta’ qabel kien jinkludu biss it-tonn maqbud mis-sajjieda tradizzjonali permezz tal-konz.


TANKER LI “ĦARAB” MINN MALTA - INVESTIGAZZJONI
W324. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Billi issa għaddew diversi xhur minn mindu tanker 'ħarab' mill-ibħra Maltin u suppost li saret investigazzjoni dwar x'ġara f'dan il-każ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet?
ONOR. JOE MIZZI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

QABDA TAT-TONN – ĊIFRI ŻBALJATI
W325. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal għal dawk li jidhru li huma ċifri żbaljati dwar il-qabda tat-tonn matul din is-sena?
ONOR. EDWARD SCICLUNA: Iċ-ċifri li kienu mgħoddija lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għat-tieni kwart ta’ din is-sena, mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ma kinux komparabbli maċ-ċifri għall-istess perjodu tal-2013. L-NSO kien talab kjarifika mid-Dipartiment dwar dawn iċ-ċifri u rriżulta li l qabda tat-tonn kienet tinkludi tonn li nqabad mill-purse seining. Wara li l-NSO ippubblika n-news release, dawn iċ-ċifri kienu riveduti. Għaldaqstant, l-NSO kien fid-dover li jippubblika errata corrige għall-istess news release.

IX-XEMXIJA - ĠBID TA’ FILM
W326. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx xi arranġamenti partikulari biex ikun jista' jinġibed film fix-Xemxija, fl-inħawi fejn hemm it-Triq Rumana, u jekk l-istess MEPA awtorizzatx lil min se jiġbed/ġibed dan il-film biex ineħħi l-injam li kien hemm fl-istess post? Jekk iva, meta sar dan u xi ħlas sar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt sarx xi ħlas lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal dan u jekk il-kunsill lokali kienx ikkonsultat? Jekk kien, x'kienet ir-reazzjoni tal-istess kunsill?

ONOR. JOSEPH MUSCAT: Il-MEPA tirregola attivitajiet f'dawn it-tip ta' siti billi tirċievi applikazzjonijiet speċjali għal Organised Outdoor Activities.
Isir assessment fuq kull applikazzjoni imbagħad jinħareġ permess b'numru ta' kundizzjonijiet annessi mal-permess.
Fuq il-każ ta' ffilmjar fil-Heritage Trail tax-Xemxija, inħareġ permess fil-11 ta' Awwissu 2014. Fost il-kundizzjonijiet hemm dawk numri 12 u 13 riprodotti hawn taht.
12. This consent does not remove or replace the need to obtain the consent of the land/building owner for this activity before it is carried out. Furthermore, it does not imply that consent will necessarily be forthcoming nor does it bind the land/building owner to agree to this activity. Where the land/building is owned or administered by the Government of Malta a specific clearance and agreement must be obtained for this development from the Land and/or Estate Management Departments.
13. This consent is granted saving third party rights. The applicant is not excused from obtaining any other permission required by law.
Dan ifisser li l-applikant obbligat jikkuntattja lill-awtoritajiet kollha kkonċernati u jġib il-permessi kollha meħtieġa sabiex jagħmel din l-attività.

SAN PAWL IL-BAĦAR – KENNEDY DRIVE – ĠIEBJA/KAMRA ANTIKA
W327. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx xi kundizzjoni partikulari biex il-bini tal-kamra/ġiebja antika li hemm ħdejn Kennedy Drive, San Pawl il-Baħar, fil-parti fejn qed isir xogħol ta' twessigħ tal-istess triq, jiġi b'xi mod protett jew rilokat? Jekk iva, kif se jiġi protett dan il-bini u fejn se jiġi rilokat?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Fir-rapport li tħejja bħala parti mis-sottomissjonijiet tal-Istudju dwar l-Impatti Ambjentali (EIA) għall-applikazzjoni inkwistjoni, il-kamra msemmija ġiet indikata bħala waħda fi stat dilapidat u li għandha titneħħa. Saru konsultazzjonijiet mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u din il-kamra ma kenitx identifikata bħala waħda li għandha tiġi kkonservata.

SAN PAWL IL-BAĦAR – IMPJEGATI TA’ TRANSPORT MALTA FUQ IL-BUS STOPS
W328. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li qed iwettqu diversi persuni li qed ikunu fuq il-bus stops fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar libsin uniformi ta' Transport Malta? X'inhu l-iskop ta' dan ix-xogħol, meta nbeda u għal kemm żmien se jkompli jitwettaq? X'użu se ssir/qed isir mill-informazzjoni li qiegħda tinġabar?
ONOR. JOE MIZZI: Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew uffiċjali ta’ Transport Malta wettqu eżerċizzji ta’ monitoraġġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll taw informazzjoni lill-passiġġiera li kienu qed jistennew fuq il-bus stop “Wileġ” minħabba li riċentement dan il-bus stop ġie rilokat.
L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ isir b’mod regolari fuq diversi rotot madwar Malta u Għawdex bil-għan li jiġi monitorjat l-andament tas-servizz fir-rigward ta’ frekwenza u puntwalità. Barra minn hekk, tkun moniterjata wkoll id-domanda għas-servizz. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, Transport Malta tidentifika problemi li jista’ jkun hemm fuq ir-rotot u jiġu senjalati lill-operatur sabiex jieħu l-azzjoni neċessarja.

GĦAWDEX - PORT TAL-IMĠARR - BREAKWATER
W329. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tagħmel użu mill-Environment and Feasibility Study li kien sar dwar il-bini ta' breakwater fil-Port tal-Imġarr, Għawdex? Jekk iva, x'użu qed isir minn dan l-istess studju?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tikkoordina proġetti infrastrutturali f’Għawdex mal-Ministeru kkonċernat. Dan jinkludi l-użu ta’ rapporti li jkunu saru, fosthom dak dwar it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.

SELMUN PALACE HOTEL
W332. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm dwar is-Selmun Palace Hotel wara li ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3253? Meta hu mistenni li jiġu ffinalizzati l-proċeduri biex din l-istess lukanda tkun tista’ terġa’ tibda tintuża?
Yüklə 0,86 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   12




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin