MR SPEAKER: Ngħaddu issa għall-kondoljanzi ta’ Dr Alexander Cachia Zammit, eks Membru Parlamentari, Ministru, u Ambaxxatur, li ġie nieqes fit-30 ta’ Lulju, 2014 fl-età ta’ 90 sena. Kif saret konswetudni f’dan il-Parlament, ħriġna ktejjeb għall-okkażjoni li tqassam lill-Membri u lill-familjari tiegħu.
Il-Prim Ministru.
ONOR. JOSEPH MUSCAT:Sur President, bla dubju ta’ xejn illum iż-żewġ naħat tal-Kamra qed jingħaqdu biex juru s-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ Dr Alexander Cachia Zammit. Nistqarr li fil-ftit snin li kont ilni nafu huwa dejjem laqatni bħala bniedem li jipprova jiżra’ l-kompromess, li jipprova jiżra’ d-djalogu u żgur li jista’ jkollna biss kliem ta’ tifħir fil-konfront tiegħu. Min-naħa tagħna se nistieden lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin sabiex jagħmel kelmtejn għax minn esperjenzi aktar personali u bħala konċittadin tiegħu naħseb li jista’ jagħtina apprezzament ferm aħjar.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA (Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, minkejja li dan mhuwiex avveniment sabiħ, nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru talli f’din l-okkażjoni qed jagħtini l-opportunità li nfakkar il-memorja ta’ persuna li nafha ħafna mill-qrib. Naħseb li f’din il-Kamra ftit għad fadal li jafuh għaliex ovvjament iż-żmien għadda.
Jien trabbejt fir-raħal fejn kien jipprattika bħala tabib tal-familja. Meta kont wasalt biex nagħmel l-O Levels kien diġà ilu sitta jew seba’ snin jaħdem bħala tabib u kien rispettat immens. Meta eventwalment iddeċieda li joħroġ għall-politika kważi kważi xxokkja lil ħafna nies u kif jiġri dejjem, ħafna minn dawk li kienu jħobbuh u jirrispettawh bdew iħarsu lejh b’ċerta ottika. Però rrid ngħid li jien rajtu għal snin twal jaħdem bħala tabib fid-distrett b’ċerta karità, b’ċerta attenzjoni u b’ċerta mħabba lejn il-pazjenti.
Segwejtu wkoll fil-politika fejn ovvjament it-triq ma tibqax daqshekk lixxa. Kien hemm anke żmien meta l-politika kienet tintlagħab kemm kemm b’mod aktar goff milli tintlagħab illum. Kellu żewġ Ministeri li xejn ma kienu ħfief għax għamel żmien responsabbli mill-qasam tas-servizzi soċjali u mbagħad mill-qasam tas-saħħa u wieħed irid jifhem il-kontest ta’ dak iż-żmien fejn il-pajjiż kien għadu qed jirpilja minn wara l-gwerra u fejn kien hemm l-emigrazzjoni li kienet qed tifred il-familji u toħloq ħafna sentimenti.
Matul is-snin bqajt dejjem inżomm kuntatt miegħu, dejjem induru fl-istess ċrieki. Niftakru hawnhekk bħala Ministru u niftakru wkoll bħala Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede u anke għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dak kien żmien fejn kien kuntent immens għaliex kien iħobb dawn iċ-ċerimonji u anke kellu ċerta flair għalihom, jiġifieri kien jieħu gost bihom. Kif diġà stqarrejt meta talabni biex nagħmel il-ftuħ tal-ktieb tal-awtobijografija tiegħu, meta tlajna fil-gvern jien kelli niffaċċja d-dwejjaq li ngħidlu li se nwaqqfu għaliex konna se nagħmlu lil xi ħaddieħor. Madankollu, kellu karattru tajjeb u bqajna ħbieb intimi, bqajna niltaqgħu b’mod regolari, speċjalment fil-każini u fl-okkażjonijiet tal-irħula bħal dawk tal-aħħar tas-sena fejn wieħed jibdel ix-xewqat.
Dr Alexander Cachia Zammit kien bniedem korrett u dejjem jistaqsik kif inhi l-familja, eċċ. Fil-fatt irrid ngħid li minkejja s-snin twal li ma konniex fuq l-istess naħa tal-politika partiġjana, aħna dejjem urejna rispett kbir lil xulxin, dejjem bqajt nammirah għall-mod korrett tiegħu u għal kif kien iġib ruħu u anke għad-dinjità li kien iġorr miegħu meta kien ikun fil-pubbliku.
Ma nistax ma nsemmix xi ħaġa li hija barra mill-politika u li jien ma nistax ngħid li naqsam miegħu għaliex m’iniex daqshekk akkanit bħalma kien hu. Hawn qed nirreferi għall-imħabba enormi li kellu għall-festa ta’ Santa Katerina. Tant kien iffissat li aħna b’ċajta konna ngħidu bħalma konna ngħidu fuq Serafin Zarb: Kieku ma teżistix Santa Katerina jekk imur il-ġenna jivvintawlu waħda ħalli ma jkunx diżappuntat!
Dr Cachia Zammit kien ukoll President tal-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun, fejn ġab id-dixxiplina u l-ordni, għal xejn inqas minn 50 sena. Fil-fatt konna ċċelebrajna l-50 sena anniversarju minn mindu sar President wara li kien segwa lil missieru li wkoll kien President ta’ dik l-għaqda. Huwa kien igawdi rispett enormi u ma niskantax li fil-ktejjeb li tqassam illum bħala tifkira tiegħu jinsab proprju liebes ingravata li fuqha għandha l-badge tal-Għaqda Mużikali Beland. Naħseb li kien kburi ħafna ħafna biha.
Il-festa għalih kienet avveniment li anke meta beda jbatti fis-saħħa kien jagħmel minn kollox biex ikun preżenti għaliha. L-aħħar laqgħa li kelli miegħu kienet meta kien f’Casa Antonia. Jien mort nittawwallu, moħħu kien għadu ċar ħafna, u tkellimna fuq ħafna affarijiet u kien ħa pjaċir isemmi meta konna nipprattikaw iż-Żejtun u mbagħad il-politika.
Fi kliem ieħor, huwa wieħed minn dawk l-irġiel li taw ħafna. Ovvjament hemm ħafna valutazzjonijiet x’wieħed jista’ jagħmel bħalma jsir fuq kull bniedem politiku però meta tqis li huwa seta’ liberament jibqa’ fil-ġenb, jaħdem bħala tabib u jgħix ħajja komda mingħajr ma jinvolvi ruħu, hemmhekk jien napprezza u nirringrazzjah tal-impenn tiegħu. Nies bħalu, minflok jibqgħu fil-ġenb jgħixu ħajja kwieta u jgawdu, jimpenjaw ruħhom għall-ħajja politika b’dak kollu li ġġib magħha.
Għaldaqstant f’isem din in-naħa tal-Kamra nirringrazzja lil Dr Cachia Zammit għax-xogħol li għamel għall-pajjiż. Jien grat għall-opportunità li kelli f’ħajti kollha, meta kelli kuntatt miegħu u ddiskutejna u ħdimna flimkien. Minn hawnhekk nixtieq inwassal il-kondoljanzi ta’ din in-naħa lis-Sinjura tiegħu u lit-tfal tiegħu John u Catherine. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear).
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Simon Busuttil.
ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jien ukoll nixtieq ningħaqad mal-Prim Ministru u mal-Ministru George Vella fl-apprezzament li huma għamlu ta’ Dr Alexander Cachia Zammit. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni u b’mod partikolari bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar u aktar jien nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi u nirringrazzja lil Dr Cachia Zammit għal dak kollu li huwa għamel primarjament għal pajjiżna, għal-lokalità tiegħu, iż-Żejtun, u żgur u mhux l-inqas għall-Partit Nazzjonalista.
Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex insellem lill-familjari ta’ Dr Cachia Zammit li qegħdin hawn preżenti llum. Nirringrazzjahom talli matul dawn is-snin kollha kienu parti mill-familja ta’ Dr Cachia Zammit li tant tat għal pajjiżna. Bil-permess tiegħek, Sur President, nixtieq ngħaddi l-kelma lid-Deputat Kap tal-Partit, l-Onor. Mario de Marco, sabiex jagħmel apprezzament fi ftit aktar dettall f’isem l-Oppożizzjoni. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, saret tradizzjoni li din il-Kamra tippubblika ktejjeb meta tiġi biex tagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta’ Deputat jew eks Deputat ta’ din il-Kamra wara li jkun ġie nieqes. Dan huwa interessanti u tajjeb għaliex jagħtina riflessjoni ta’ dawk li kienu l-valuri ta’ dak id-Deputat.
Jekk wieħed jara l-maiden speech ta’ Dr Alexander Cachia Zammit, li kien sar fit-28 ta’ Marzu, 1955 – leġiżlatura interessanti ħafna fis-sens storiku tagħha – mill-ewwel jara lil Dr Cachia Zammit bħala tabib politiku u d-dimensjoni soċjali tal-politika tiegħu. Dakinhar kienet qed tiġi diskussa ż-żieda li kien ippropona l-Gvern ta’ dak iż-żmien biex kull min kien qed jieħu l-pensjoni jkollu żieda ta’ erba’ xelini. Dr Cachia Zammit kien qal li filwaqt li din iż-żieda tista’ tkun tajba għal persuna li għandha introjtu u kapital normali, għal dawk il-familji li huma “destitutes”, dik hi l-kelma li kien uża hu, din iż-żieda ma kienet tajba xejn. L-argument tiegħu kien li għandna nagħmlu distinzjoni mhux tant li wieħed ma jagħtix pensjoni lil min għandu l-kapital però li jagħti pensjoni ogħla lil dawk il-familji li huma fil-bżonn. Jiġifieri l-argument tiegħu kien li wieħed irid jagħmel diskriminazzjoni pożittiva favur dawk in-nies li għandhom bżonn. Naħseb li dan kien argument soċjali qawwi ħafna.
Naħseb li Dr Cachia Zammit kien rabat l-argument tiegħu mal-esperjenza tiegħu ta’ tabib. Xi drabi aħna ninjoraw l-importanza li aħna bħala Deputati għandna x-xogħol normali tagħna li nagħmlu ta’ kuljum. Hawnhekk huwa qed juża l-esperjenzi tiegħu bħala tabib biex jgħid li hemm nies li anke bil-pensjoni kif kienu se jżiduhielhom, ma kenux se jkampaw u jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja u mal-bżonnijiet tagħhom ta’ dakinhar.
Wieħed irid jgħid li wara li għalaq id-diskors tiegħu ma kellux biss il-hear hear tal-membri sħabu min-naħa tal-Oppożizzjoni imma skont kif inhu kkwotat f’dan il-ktejjeb, kien qam ukoll il-Perit Dom Mintoff u kkongratula lil Dr Cachia Zammit għall-maiden speech tiegħu. Naħseb li mhijiex xi ħaġa normali li jqum xi ħadd min-naħa tal-Gvern u jikkongratula Deputat li jkun għadu kemm għalaq il-maiden speech tiegħu. Però dak kien Dr Cachia Zammit!
Qabelxejn Dr Cachia Zammit kien tabib u tabib tan-nies. Kif qal sew il-Ministru George Vella, huwa kien ħabb il-professjoni medika għaliex tatu l-possibilità li mhux biss jikkura lin-nies imma wkoll li jkollu kuntatt mar-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum tal-lokalità fejn huwa kien iżur. Din il-ħaġa żammha sal-aħħar ta’ ħajtu għax ried jibqa’ tabib u jagħti l-kura lill-pazjent.
Dr Cachia Zammit kien Deputat fi żmien interessanti. Il-leġiżlatura tal-1955 kienet qisha leġiżlatura determinanti għal-liema triq se tieħu Malta; jekk hux se tkun pajjiż li jmur lejn l-integrazzjoni mar-Renju Unit jew inkella pajjiż indipendenti. Ftit wara r-referendum li kien sar dwar l-integration, il-Perit Dom Mintoff kien irriżejna minn Prim Ministru ta’ Malta, kellna mbagħad il-Blood Commission u sussegwentement kellna l-elezzjoni tal-1962 li tat lok għall-indipendenza ta’ pajjiżna. Dakinhar Dr Cachia Zammit kien sar Ministru u allura membru tal-ewwel Kabinett ta’ pajjiżna wara l-Indipendenza.
Dak kien Kabinett u Gvern li kellu sfidi kbar, anke biex jagħti indipendenza ekonomika lil pajjiżna. Riedu jinħolqu industriji ġodda, bħat-turiżmu u l-manifattura, kif ukoll infrastruttura ġdida. Dawn kienu l-isfidi ta’ dak il-Kabinett u Dr Cachia Zammit kellu responsabilità ewlenija f’dak il-Kabinett li kien qed jirrappreżenta l-indipendenza ta’ pajjiżna li ftit ġimgħat ilu għadna kif iċċelebrajna l-50 sena anniversarju tagħha.
Rajna wkoll il-fiduċja ta’ Dr Cachia Zammit fis-sewwa. Meta kellu l-ġuritiegħu wara l-elezzjoni tal-1971, Dr Cachia Zammit dejjem kien konvint li huwa m’għamel xejn ħażin. Dik il-konvinzjoni wasslitu biex ma jibża’ minn xejn u l-fatt li kellu jgħaddi minn dak il-ġuri qatt ma żammu ġo fih u qatt ma kellu xi ħaġa kontra xi ħadd. Dan anke minħabba l-konvinzjoni morali tiegħu u dejjem ħares ʼil quddiem u mhux lura.
Dr Cachia Zammit serva wkoll bħala Ambaxxatur tas-Santa Sede għal għaxar snin. Huwa kien strumentali biex kellna l-ewwel żjara ta’ Papa ġewwa Malta. Jiġifieri meta l-Papa Gwanni Pawlu II żar pajjiżna fl-1992, dak sar ukoll b’mertu tiegħu bħala Ambaxxatur lejn is-Santa Sede.
Irrid ngħid li Dr Cachia Zammit kellu wkoll rabta mas-sens kulturali u l-patrimonju kulturali taż-Żejtun fejn huwa serva għal tant snin bħala President tal-Għaqda Mużika Beland. Dan l-aħħar kelli l-okkażjoni li nżur iż-Żejtun waqt il-festa ta’ Żejt iż-Żejtun u kelli l-okkażjoni li nżur il-każin fejn fis-sala prinċipali kien hemm frescos tal-Presidenti tagħhom ta’ dawn l-aħħar mitt sena u aktar. Ovvjament fost dawn il-Presidenti kien hemm Dr Cachia Zammit li baqa’ dedikat u leali lejn dak li tagħti l-attività kulturali tagħna. Irridu nirrealizzaw li l-każini tal-baned tagħna, li fl-aħħar mill-aħħar huma istituzzjonijiet mużikali, qed jagħtu ħafna liż-żgħażagħ ta’ kull raħal u belt fejn jinsabu.
Sur President, ningħaqad mal-kollegi tiegħi u f’isem id-Deputati ta’ dan il-Parlament, fejn tant serva b’dedikazzjoni Dr Cachia Zammit, nuri l-apprezzament tagħna lill-armla tiegħu s-Sinj. Cachia Zammit, lil John u lil Catherine. Fir-realtà dawn silfu lil żewġhom u lil missierhom lill-poplu. Ħafna drabi l-familjari tagħna li qegħdin fil-politika jkunu qegħdin jagħtuna lill-poplu Malti biex inkunu nistgħu naqdu l-interess tiegħu. Grazzi ta’ dak li għamiltu però fuq kollox grazzi lil Dr Cachia Zammit ta’ dak kollu li għamel għall-poplu Malti. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Kemm ilni Speaker Dr Alexander Cachia Zammit ġie jżurni, tkellem miegħi dwar esperjenzi li xtaq li jgħaddili bħala President tal-Kamra u xtaq li b’xi mod jibqa’ jikkontribwixxi f’dak kollu li jkollha bżonn din il-Kamra. Għalhekk ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tat-tabib Alexander Cachia Zammit.
Ngħaddu issa għall-kondoljanzi fir-rigward ta’ missier is-Segretarju Parlamentari Chris Agius. Il-Prim Ministru.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, minkejja li issa għadda ftit taż-żmien - għax konna f’recess parlamentari – huwa xieraq li din in-naħa tal-Kamra tagħti l-kondoljanzi tagħha lill-Onor. Chris Agius, kif diġà għamilna personalment, għat-telfa ta’ missieru. Missieru kien istituzzjoni ġewwa Bormla għal diversi raġunijiet u naħseb li r-rispett li ntwera waqt il-funeral tiegħu min-nies ta’ kull fehma juri dan. Il-mod kif missier l-Onor. Chris Agius kien involut fil-qasam edukattiv u fin-negozju u f’ħafna oqsma differenti, kważi kważi kollha kemm huma lil hinn mill-politika, ġibed l-ammirazzjoni ta’ ħafna.
Ma nistgħux ngħidu kliem li jista’ jfarraġ lill-Onor. Agius, li naf li hu u ħutu kienu qrib ħafna ta’ missierhom, imma żgur li nagħtuh il-kondoljanzi kollha tagħna. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nixtieq ningħaqad mal-Prim Ministru biex nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-kollega u ħabib tagħna l-Onor. Chris Agius. Xi darba jew oħra lkoll ngħaddu mill-mument fejn irridu nsellmu lil missirijietna.
Is-Sur Victor Agius ma tantx kont nafu personalment però ħafna drabi l-persuna tkun riflessa f’uliedha. L-Onor. Chris Agius nafu bħala persuna dedikata, affabbli u rispettata ħafna minn tant nies. Naf li l-kariga tiegħu jħobbha u jipprova jgħin lil ħaddieħor u, milli smajt, is-Sur Victor Agius kien hekk ukoll. Bil-ħanut tiegħu pprova jagħti servizz u mix-xogħol tiegħu ried jagħti mhux biss lin-nies li jmorru u jinqdew mingħandu. Fil-fatt is-Sur Agius kien maħbub minn ħafna nies tal-lokalità.
Kien persuna li riedet tagħti l-aħjar għall-familja tagħha u l-Onor. Agius irnexxielu jagħmel familja b’sens ta’ valuri u b’sens pożittiv ta’ ħidma. Minkejja li ħafna drabi mhijiex ħaġa faċli li l-ġenituri jagħtu u jimbuttaw lil uliedhom fil-politika, filwaqt li forsi ma kienx faċli għalih li jara lil Chris f’dan l-impenn, m’għandix dubju li tah il-valuri tajbin u l-prinċipji tajbin u li se jkun qiegħed jirrifletti dan kollu fil-ħidma tiegħu f’dan il-Parlament u fis-servizz li qed jagħti fil-Kabinett. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad ukoll mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Jien lis-Sur Victor Agius, Alla jaħfirlu, ilni nafu snin twal. Dejjem kont niltaqa’ miegħu għand “Iż-Żiemel” f’Bormla dak iż-żmien. Kien ikun ma’ Mattie Grima, Alla jaħfirlu wkoll, u t-tnejn ħabbew ħafna dak kollu li kienu jemmnu fih. Nista’ ngħid li kull min kien jaf lil Victor kien jafu bħala persuna maħbuba minn kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.
ONOR. CHRIS AGIUS (Segretarju Parlamentarigħar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport): Sur President, grazzi tal-kliem sabiħ li ntqal miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll min-naħa tiegħek. Nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor urew is-sogħba tagħhom magħna fit-telfa li sofrejna ta’ missieri.
Kif qal il-Prim Ministru, l-attendenza li kien hemm għall-funeral kienet turija tar-rispett kbir li kien igawdi missieri, rispett li żgur kien rifless ta’ dak li għamel matul ħajtu fil-ħidma tiegħu. Missieri għallimna l-importanza tal-irġulija, l-għaqda tal-familja, l-importanza tal-edukazzjoni u l-bżulija. Missieri kien raġel li l-esperjenza tal-ħajja għallmitu jħobb lil min hu inqas ixxurtjat minnu. Kien bniedem li għen ħafna nies, kien eżempju ħaj ta’ soċjaliżmu ta’ veru. Għalkemm kont naf kemm kien iħobb jgħin u jaqsam dak li għandu ma’ min għandu inqas minnu, wara mewtu resqu fuqi nies li ma kontx naf kemm kienu sabu għajnuna mingħandu meta seta’ u l-appoġġ tiegħu f’kull talba li ressqu għandu.
Flimkien ma’ ommi rabba familja magħquda u rabbiena nfittxu lil xulxin f’kull ħin. Kienet l-għaxqa tiegħu li kull nhar ta’ Sibt filgħaxija niltaqgħu l-familja kollha għandu biex ngħidu kelma. Għalija kien missier li għallimni nkun raġel dejjem u f’kull ċirkostanza. Għallimni li x-xogħol u l-bżulija huma doni li jagħmluk raġel. Kien missier iżda kien ukoll ħabib ta’ vera li miegħu qsamt ħafna mumenti sbieħ sal-aħħar żmien meta sejjaħlu l-Ħallieq. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja tal-Onor. Chris Agius.
Nixtieq ninforma lill-Kamra li fl-4 ta’ Ottubru, 2014 miet is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Parliamentary Association, Dr William F. Shija. Huwa serva bħala Segretarju Ġenerali tal-istess assoċjazzjoni għal kważi tmien snin, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2007 sakemm miet aktar kmieni dan ix-xahar eżattament waqt li d-delegazzjoni Maltija mmexxija minni u komposta mill-Onor. Carmelo Abela, l-Onor. Anthony Agius Decelis u l-Onor. David Agius kienet qed tattendi s-60 Konferenza tal-Commonwealth Parliamentary Association fil-Kamerun. Dr Shija żar Malta diversi drabi bl-aħħar żjara tiegħu tkun għas-sessjoni plenarja tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran li nżammet f’Malta fl-2012.
Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Il-Ministru Owen Bonnici.