ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat li bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, ma saru ebda ħlasijiet lill-kumpaniji indikati mill-Onor. Interpellant mill-Ministeru, Segretarjat Parlamentari, Direttorati u entitajiet fi ħdan l-istess Ministeru.
MINISTERU GĦALL-FINANZI – XOGĦOL MOGĦTI LI KUMPANIJI 10615. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u l-korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità, tiegħu bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
ONOR. EDWARD SCICLUNA (Ministru għall-Finanzi): Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Fil-każ tal-FIAU, Teżor, Commissioner for Revenue, MFSA, Contracts, IRD, Stock Exchange, VAT, Customs, Lotto, EPD u NSO, ir-risposta hija fin-negattiv.
L-informazzjoni mitluba ma tinkludix il-Bank Ċentrali.
TRASPORT PUBBLIKU – DEĊIŻJONIJIET DWAR ROTOT 10626. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10131, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fil-fatt id-deċiżjonijiet fuq ir-rotot li jsiru mill-kuntratturi privati u minn liema kuntratturi jsiru, humiex jittieħdu mill-Operations Director wara diskussjonijiet diretti li l-istess Operations Directorikollu mal-kuntratturi?
ONOR. JOE MIZZI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10131.
GĦAWDEX – XOGĦLIJIET FUQ TOROQ 10627. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fit-toroq li saru ġodda jew ġew irranġati, is-servizzi f’dawn it-toroq, bħal ilma, dawl, telefon u drenaġġ, hux qegħdin jinbidlu, jiġu rranġati jew jingħataw manutenzjoni? Kemm huwa ppjanat li jservu dawn it-toroq li qegħdin jiġu rranġati u x’garanziji qegħdin jingħataw għax-xogħol li qed isir? Sar xi xogħol u/jew traqqigħ f’toroq li huma ppjanati li fil-ġejjieni qrib jew fil-futur jinbnew mill-ġdid?
ONOR. ANTON REFALO: Ninsab infurmat li fejn saru xogħlijiet ta’ asfaltar ta’ toroq kien hemm bdil ta’ servizzi skont il-bżonn.
Jien infurmat ukoll li ma sarux xogħlijiet fuq toroq li fil-ġejjieni qrib mistennija jinbnew mill-ġdid u li x-xogħol ta’ traqqigħ li sar kien xogħol urġenti minħabba l-istat ħażin tat-toroq u biex jitnaqqas il-periklu lis-sewwieqa. Fuq ix-xogħlijiet tinżamm retention money bħala garanzija.
SPTAR MATER DEI – MEAL ALLOWANCE LILL-ĦADDIEMA 10628. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u li huma intitolati li jieħdu l-ikel, mhux jitħallew jieħdu l-meal allowance kif kienu jagħmlu qabel, minflok ikel?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninsab infurmat li m’hemm ebda ħaddiem li qabel kien jingħata l-meal allowance u li issa twaqqaf.
TRASPORT PUBBLIKU – SPIŻA FUQ KAROZZI SUBCONTRACTED WAQT AZZJONIJIET INDUSTRIJALI 10629. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-karozzi subcontracted li nqalgħu extra fil-jumejn meta saru l-azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema tal-Malta Public Transport?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża għal karozzi tal-linja subcontracted li nqalgħu extra meta saru l-azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema tal-Malta Public Transport, kienet ta’ €5,619.00.
TIFTIX GĦAŻ-ŻEJT – BIR ĦAĠAR QIM 10630. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jagħti l-koordinati tal-oil rig li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li kien qed iħaffer il-bir Ħagar Qim fin-Nofsinhar ta' Malta?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-rig Noble Paul Romano telaq mill-post tat-tħaffir tal-Bir Ħaġar Qim fis-7 ta’ Lulju 2014 wara li temm it-tħaffir tal-bir. Ġaladarba r-rig telaq mill-post tat-tħaffir u ħareg mill-ibħra Maltin, il-Gvern ma jkollux il-koordinati ta’ fejn ikun jinsab ir-rig.
SKEMI TAL-UNJONI EWROPEA - APPLIKAZZJONIJIET MINN KUNSILLI LOKALI LI ĠEW MIĊĦUDA 10638. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm applikazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, il-Furjana, il-Ħamrun, Pietà/Gwardamangia, Santa Venera u l-Marsa għall-iskemi tal-Unjoni Ewropea li ma ġewx aċċettati? Jista' jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet u x'kienu jirrigwardaw dawn l-applikazzjonijiet?
ONOR. LOUIS GRECH (Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda applikazzjoni għal skemi tal-Unjoni Ewropea li ma ġewx aċċettati mill-kunsilli lokali kkonċernati.
NATIONAL CENTRE FOR QUALITY AND SCIENTIFIC AFFAIRS 10640. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6058, tista’ l-Ministru tgħid xi progress sar fit-twaqqif tan-National Centre for Quality and Scientific Affairs (NCQSA) minn dakinhar sal-lum.
ONOR. HELENA DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol preparatorju biex jitwettaq dan il-proġett għadu għaddej.
ATT DWAR IL-PROĊEDIMENTI KOLLETTIVI - KAWŻI 10641. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru kawżi a tenur tal-Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi (Kap. 520 tal-Liġijiet ta’ Malta) mill-1 ta’ Awwissu 2012 sal-lum? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn ġew deċiżi u kemm minnhom kienu jittrattaw xi allegat ksur ta’ liġi relatata mal-ħarsien tal-konsumatur?
ONOR. HELENA DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm kawża waħda a tenur tal-Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi mill-1 ta’ Awwissu 2012 sal-lum. S’issa l-kawża ma ġietx deċiża u tittratta allegat ksur ta’ liġi relatata mal-ħarsien tal-konsumatur.
ATT DWAR IL-PROĊEDIMENTI KOLLETTIVI – LIĠIJIET KOPERTI 10642. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-Kap. 520 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi) baqa’ ristrett biss għal ċertu liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-konsumatur u mal-kompetitzzjoni?
ONOR. HELENA DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop oriġinali tal-Kap. 520 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi) kien li jipprovdi rimedju kollettiv għall-ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni u l-Artikoli 101 jew 102 tat-TFUE, tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u tal-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti. Il-Kap. 520, però jagħti lok fl-artikolu 24(a) għall-possibilità li l-Prim Ministru jestendi l-applikazzjoni tiegħu għal-liġijiet oħra permezz ta’ regolamenti.
IMPLIMENTAZZJONI TAL-MORTGAGE DIRECTIVE 10643. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu s’issa mill-Gvern biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea numru 2014/17UE, l-hekk imsejha Mortgage Directive?
ONOR. HELENA DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li beda x-xogħol biex jiġu identifikati x’emendi għandhom isiru fir-Regolamenti dwar Self għal Dar (home loan) sabiex dawn jirriflettu l-artikoli tad-Direttiva dwar Kuntratti ta’ Kreditu għall-Konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali.
POLITIKA NAZZJONALI DWAR IT-TFAL 10644. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji u dati tal-proċess tat-tfassil tal-Politika Nazzjonali ġdida dwar it-Tfal?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din l-aħħar sena u nofs saret konsultazzjoni mat-tfal, żgħażagħ u adoloxxenti dwar il-ħatra tal-Kummissrju tat-Tfal u ġie ppubblikat dokument f’Diċembru 2013 bl-isem A Voice for Your Voice. F’April 2014 ġiet ippubblikata strateġija għat-tfal li jkunu taħt ordni ta’ ħarsien bl-isem The Voice of the Child in Care. Qiegħda tkompli wkoll ir-reviżjoni ta’ policy ġdida dwar it-tfal.
POLITIKA NAZZJONALI DWAR IT-TFAL 10645. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx użu mill-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal - u l-proċess ta’ konsultazzjoni dwarha - li kienet tfasslet mill-Gvern preċedenti?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10644.
POLITIKA NAZZJONALI DWAR IT-TFAL 10646. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżżid politika nazzjonali ġdida dwar it-tfal fuq dik li kienet diġà tfasslet fis-snin li għaddew?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10644.
STUDJU DWAR IR-REALTAJIET LI QED JIFFAĊĊJAW IT-TFAL 10647. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju dwar ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw it-tfal fosthom cyber bullying, imħabbar f’Novembru 2013?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li għandu dan il-Ministeru, l-istudju dwar ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw it-tfal kien ikkummissjonat mill-Università ta’ Malta.
KNPD – PJANIJIET GĦAL TISĦIĦ 10648. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet biex tissaħħaħ il-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità (KNPD) fix-xogħol regolatorju tagħha?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan tal-Gvern huwa li jsaħħaħ il-KNPD u r-rwol tagħha u bħalissa qiegħda ssir l-analiżi meħtieġa.
KLABB 3-16 U SKOLASAJF – SCREENING TAL-IMPJEGATI 10683. L-ONOR. JOSEPH CASSAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista' l-Ministru jgħid jekk meta ta d-direzzjoni biex jiġu impjegati aktar ħaddiema ma' Klabb 3-16 u Skolasajf, ħax ħsieb ukoll li jassigura li l-ħaddiema kollha li kellhom jiġu impjegati jsirilhom l-iscreening meħtieġ u r-reklutaġġ tagħhom ikun skont il-liġi?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Infurmat li l-persuni li ġew impjegati sabiex fis-sajf jaħdmu fi Klabb 3-16 u Skolasajf ġejjin jew mill-iskejjel tal-Istat jew mill-iskejjel tal-Knisja jew iskejjel Indipendenti. Dan ifisser li dawn il-persuni kienu approvati mid-DQSE jew mill-PSC.
Bħalma ġara fi snin oħra, intużaw ukoll studenti tal-Università u/jew MCAST bħala parti mill-University Student Summer Work Opportunities.
FONDAZZJONI GĦAS-SERVIZZI EDUKATTIVI – IMPJIEG TA’ COORDINATORS, CHILD SUPPORT WORKERS U PLAYWORKERS 10684. L-ONOR. JOSEPH CASSAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista' l-Ministru jgħid meta l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi ngħatat l-awtorizzazzjoni bil-miktub biex timpjega Coordinators, Child Support Workers u Playworkers biex dan is-sajf jaħdmu ma' Skolasajf u Klabb 3-16? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema f'kull kategorija li kienu awtorizzati li jimpjegaw? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-awtorizzazzjoni li ngħatat biex il-Fondazzjoni tkun tista' timpjega l-ħaddiema li kien hemm bżonn?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat li fis-6 ta’ Mejju 2014 il-Fondazzjoni ngħatat permess sabiex timpjega 12-il kordinatur, 140 Child Support Worker u 300 Playworker bejn Lulju u Settembru 2014. Kopji tal-awtorizzazzjoni li ngħatat biex il-Fondazzjoni tkun tista' timpjega dawn il-ħaddiema (indikati bħala Dok. A, B u Ċ) tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
FONDAZZJONI GĦAS-SERVIZZI EDUKATTIVI – FONDI GĦALL-KLABB 3-16 U SKOLASAJF 10685. L-ONOR. JOSEPH CASSAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tingħata fondi iktar milli hemm allokati fil-baġit imressaq mill-Gvern sabiex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż kollha li huma marbuta ma' Klabb 3-16 u Skolasajf matul din is-sena kollha? Jista' jgħid kemm huwa x-shortfall ta' Klabb 3-16 u Skolasajf li huwa kkalkulat li għandha l-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi għal matul din is-sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi s’issa ngħatat fondi addizzjonali biex ikopru spejjeż relatati ma’ Klabb 3-16 u Skolasajf li jammontaw għal €901,467.56. Ngħataw ukoll €200,000 għas-salarji tal-part-time cleaners.
KAMPANJA VOT-16 - NEFQA 10705. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s’issa l-kampanja Vot 16 li nieda l-Gvern ftit aktar minn sena ilu?
ONOR. OWEN BONNICI: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika eżatt il-perjodu taż-żmien.
KAMPANJA VOT-16 – NEFQA MILL-VOT TAS-SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-ISPORT 10706. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s’issa l-kampanja Vot 16 li nieda l-Gvern ftit aktar minn sena ilu mill-vot tas-Segretarjat responsabbli miż-żgħażagħ u l-isport?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Infurmat li s'issa l-kampanja Vot 16 ġiet tiswa total ta` €2,361.50 li kienu parti minn proġett tal-Unjoni Ewropeja.
SEMINAR FIL-PALAZZ TA’ VERDALA 10707. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir is-seminar li kellu jsir fl-ewwel jiem ta' Lulju fil-Palazz tal-Verdala, liema seminar ġie pospost minħabba hekk imsejħa "raġunijiet loġistiċi"?
ONOR. OWEN BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 10071.
DIPARTIMENT TAL-ARTIJIET – ĦLASIJIET TA’ KERA 10712. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet u/jew l-Uffiċċju Konġunt bagħtux lill-inkwilini ta' diversi postijiet tal-Gvern talbiet għall-ħlasijiet b'lura ta' kirjiet ta' diversi snin meta dawn il-ħlasijiet kienu diġà saru mill-inkwilini? Jista' jgħid, jekk dan huwa l-każ, kemm–il talba saret u għaliex reġgħu ntbagħtu dawn it-talbiet? Jista’ jgħid jekk l-ammont tal-ħlas lura tal-kera mitluba kienx akbar mill-ammont ta' kera li l-inkwilini huma marbuta li jħallsu?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu l-inkarigu tal-ġbir ta’ kera mingħand inkwilini li għandhom proprjetà tal-Gvern mikrija lilhom. Dan l-inkarigu jinkludi wkoll talbiet għall-ħlasijiet b’lura ta’ arretrati mingħand inkwilini li jkunu jew waqgħu lura fil-ħlas tagħhom, jew inkella għax ikollhom reviżjoni fl-ammont ta’ ħlas ta’ kera skont il-kundizzjoni tal-kuntratt ta’ kera jew skont kif titlob il-Liġi tal-Kera. Meta l-ħlas tal-arretrati jkun ikopri diversi snin, l-ammont tal-ħlas lura tal-kera mitluba jkun akbar mill-ammont ta' kera annwali li l-inkwilini huma marbuta li jħallsu.
AĠENZIJA SAPPORT – KAŻ TA’ INDIVIDWU 10714. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10333 u jara li jsir kuntatt ma’ dan il-missier li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fuq każ ta’ għajnuna soċjali għal tifel bi bżonnijiet soċjali?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10700.
Ħ’ATTARD - TRIQ L-IMDINA – TRAFFIC LIGHTS 10723. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex Transport Malta teżamina mill-ġdid l-iskop tat-traffic lights li twaħħlu fi Triq l-Imdina, direzzjoni lejn Ħ'Attard, u kantuniera ma’ Vjal l-Istadium Nazzjonali, u jekk hemm bżonn jiġu mmexxija jew eliminati minħabba l-problema evidenti ta' ġġammjar ta' traffiku li ħolqu?
ONOR. JOE MIZZI: Jien infurmat li uffiċjali tal-Awtorità tat-Trasport għamlu monitoraġġ tal-operat ta’ dawn it-traffic lights u ma jirriżultax li dawn qed jikkreaw konġestjoni tat-traffiku.
DIRETTORAT TAT-TRADE - APPLIKAZZJONIJIET GĦAL-LIĊENZJA TA’ BROKERING 10753. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet approvati u dawk mhux approvati mid-Direttorat tat-Trade għal-liċenzja ta’ brokering taħt il-Military Equipment (Export Control) Regulations (S.L. 365.13) kull sena mill-2007 sal-2014? Jista’ jagħti d-dettalji tad-data ta’ kull applikazzjoni, kemm dawk li ġew approvati kif ukoll dawk li ma ġewx, jew li għadhom pendenti?
ONOR. CHRIS CARDONA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
METER TAL-ILMA – KAŻ INDIVIDWALI 10754. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar meter tal-ilma li jinsab wieqaf u li rapport tiegħu mal-ARMS sar madwar tliet snin ilu mingħajr ma ttieħdet l-ebda azzjoni?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata sabiex isir ix-xogħol neċessarju.
METER TAL-ILMA – KAŻ TA’ INDIVIDWU 10755. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar każ ta’ meter tal-ilma?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar ix-xogħol meħtieġ u l-każ ġie solvut.
MEDIĊINA – KAŻ TA’ INDIVIDWU 10756. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10294, jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx soluzzjoni fuq il-każ tagħha?
ONOR. KONRAD MIZZI: Il-każ qiegħed jiġi investigat.
PROBLEMA TA’ SANITÀ – KAŻ TA’ PERSUNA MILL-GUDJA 10757. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problemi ta’ sanità?
ONOR. KONRAD MIZZI: Il-każ qiegħed jiġi investigat.
KUNTRATT TA’ XIRI TA’ QABAR 10758. L-ONOR. RYAN CALLUS staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jinvestiga għalfejn l-iffirmar tal-kuntratt tax-xiri ta’ qabar mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fiċ-ċimiterju tal-Addolorata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika skedat għall-20 ta’ Awwissu 2013 ġie mħassar fl-aħħar minuti? Jista’ jagħti data oħra għall-iffirmar tal-konvenju?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninsab infurmat li minħabba dewmien mill-amministrazzjoni preċedenti, il-permess tal-MEPA għall-estensjoni tal-Addolorata kien waqa’.
PROGRAMMI OPERATTIVI TAL-UNJONI EWROPEA 2014-2020 10759. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-approvazzjoni tal-programmi operattivi 2014-2020?
ONOR. LOUIS GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programmi qed jiġu diskussi mal-Unjoni Ewropea.
KONT TAD-DAWL – KAŻ TA’ INDIVIDWU MILL-MARSA 10760. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jara li jiġi studjat il-każ tal-individwu mill-Marsa, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li għandu problema fil-qari tal-meter?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru tal-arloġġ ġie rranġat skont l-ispezzjonijiet li saru fuq il-post konċernat. Dan ġie kkomunikat lill-individwu msemmi.
ĦAL KIRKOP – XOGĦLIJIET FIL-PJAZZA 10762. L-ONOR. LUCIANO BUSUTTIL staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop milli jkompli u jlesti x-xogħlijiet fil-pjazza ta’ wara l-knisja parrokkjali? Jista’ jgħid min hu l-perit li qed jieħu ħsieb il-proġett inkwestjoni?
ONOR. OWEN BONNICI: Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li x-xogħol fuq il-proġett fi Pjazza Żerniq huwa lest. Madankollu, id-dawra tal-ġnien għadha bla tarmak. Infurmat li l-Kunsill Lokali talab lil Transport Malta biex isir dan it-tarmak iżda s'issa għadu ma ħa l-ebda rispons konkret. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-kunsill lokali jħoss li l-Pjazza ma tistax tinfetaħ qabel jitlesta t-tarmak. Il-perit tal-kunsill, Toni Bezzina, huwa inkarigat minn dan il-proġett.
CHILDREN’S ALLOWANCE – KAŻ TA’ INDIVIDWU 10766. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jindaga għalfejn l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, inqata’ mir-reġistrazzjoni għax-xogħol u tnaqqsitlu ċ-children’s allowance suppost massima li jieħu fuq it-tliet ulied tiegħu?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta persuna tinqata’ mir-reġistrar ma tibqax intitolata għall-Għajnuna Soċjali għall-Qgħad u b’riżultat ta’ hekk, ma jkollhiex dritt għall-ogħla rata tal-allowance għat-tfal.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu jirreferi l-parti tal-mistoqsija rigward ir-raġuni għalfejn inqata’ mir-reġistrazzjoni għax-xogħol lill-Ministeru kkonċernat.
IL-GĦARGĦUR – TRIQ MATTIA PRETI – RESERVED PARKING BAYS 10778. L-ONOR. LUCIANO BUSUTTIL staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fi Triq Mattia Preti, il-Għargħur, tneħħew ir-reserved parking bays?
ONOR. JOE MIZZI: Jien infurmat li minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport tal-aħħar sentejn, irriżulta li l-Awtorità ma neħħiet l-ebda parkeġġ riżervat minn Triq Mattia Preti, Ħal Għargħur.
INVESTIGAZZJONI TAL-PULIZIJA DWAR ALLEGAT KORRUZZJONI TA’ ĦLASIJIET TA’ COMMISSIONS 10779. L-ONOR. RYAN CALLUS staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-investigazzjoni tal-pulizija fuq l-allegat korruzzjoni fil-każ ta’ bailout ta’ €4.3 miljun għall-entità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġietx konkluża sad-data li fiha tkun inwieġba din id-domanda?