Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,86 Mb.
səhifə1/12
tarix13.12.2017
ölçüsü0,86 Mb.
#34668
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   12

MALTA
DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI

(Rapport Uffiċjali u Rivedut)

IT-TNAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru 185


It-Tnejn 13 ta’ Ottubru, 2014


Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz €2.50

IT-TNAX-IL PARLAMENT


Seduta Nru 185

It-Tnejn 13 ta’ Ottubru, 2014

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.01 p.m.

Talba

Seduta Nru 185
It-Tnejn 13 ta’ Ottubru, 2014

WERREJ



MINUTI 6

KUNSENS GĦALL-ATTI 6

INFORMAZZJONI MILL-ISPEAKER 7

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI 8

TQEGĦID TA’ KARTI 16

KONDOLJANZI 25

MOZZJONIJIET 30

ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JIPPROVDI GĦAD-DRITTIJIET, APPOĠĠ U L-PROTEZZJONI TA’ VITTMI, U BIEX JIPPROVDI GĦAL KULL ĦAĠA KONNESSA MA’ JEW INĊIDENTALI GĦAL DAN 30

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 31

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI 31

Social Security (Amendment) Bill 31

AĠĠORNAMENT 47



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 52


MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru 184 li saret fil-25 ta’ Lulju, 2014 ġew konfermati.

KUNSENS GĦALL-ATTI



MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Ninforma lill-Kamra li l-President ta’ Malta għoġobha tagħti l-kunsens tagħha għal:
Att Nru XXIV tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda Diversi Liġijiet li jirrigwardaw materji kriminali (Emenda Nru. 2);
Att Nru XXV tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda l-Kodiċi Ċivili;
Att Nru XXVI tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda l-Att dwar l-Intrepretazzjoni;
Att Nru XXVII tal-2014 – Att tal-2014 dwar ir-Responsabilità Fiskali;
Att Nru XXVIII tal-2014 – Att tal-2014 dwar il-Blata Kontinentali;
Att Nru XXIX tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda l-Att dwar l-Ibħra Territorjali u Żona Kontigwa;
Att Nru XXX tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda l-Att dwar il-Privattivi Industrijali u d-Disinni;
Att Nru XXXI tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru 5);
Att Nru XXXII tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda l-Att dwar ix-Xandir;
Att Nru XXXIII tal-2014 – Att tal-2014 li jemenda l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien); u
Att Nru XXXIV tal-2014 – Att tal-2014 dwar it-Trasferiment tal-Attiv, id-Drittijiet, id-Debiti u l-Obbligi tal-Enemalta.

INFORMAZZJONI MILL-ISPEAKER



MR SPEAKER: Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Ir-rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-iSpeaker fl-Eleventh Workshop of Parliamentary Scholars and Parliamentarians li sar fis-26 u s-27 ta’ Lulju 2014 f’Oxfordshire ir-Renju Unit, organizzat mill-Inter-Parliamentary Union u s-Centre for Legislative Studies tal-Università ta’ Hull;
Ir-rapport dwar l-11th General Meeting of the International Parliamentarians’ Coalition for North Korea Refugees and Human Rights (IPCNKR) li saret bejn il-21 u t-23 ta’ Awwissu 2014 f’Bucharest ir-Rumanija li attendew għaliha delegazzjoni mmexxija mill-iSpeaker flimkien maż-żewġ Whips, l-Onor. Carmelo Abela u l-Onor. David Agius;
Ir-rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-iSpeaker u l-Onor. Carmelo Abela f’Forum li sar fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2014 f’Washington l-Istati Uniti, dwar il-Parliamentary Intelligence-Security fuq stedina mill-Kungress Amerikan;
Ir-rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-iSpeaker fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Istati Żgħar Ewropej li saret fil-25 u s-26 ta’ Settembru 2014 ġewwa Andorra; u
Ir-rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-Onor. Tonio Fenech, President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, fil-laqgħa mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Parlament Ewropew fuq is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: Implimentazzjoni tal-Prijoritajiet 2014, li nżammet fit-23 ta’ Settembru 2014 fi Brussell.


MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI




KORP TAL-PULIZIJA - INGAĠĠ TA' INSTRUCTORS
9171. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat ġiex ingaġġat instructor ġdid li mhuwiex membru tal-Korp tal-Pulizija biex jgħallem fl-Akkademja tal-Pulizija? Jekk iva, min hu? Kien hemm sejħa pubblika u x'qed jgħallem?
ONOR. EMANUEL MALLIA (Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm persuna waħda li ġiet ingaġġata mit-2 ta’ Jannar, 2014 bħala Training Manager, Security and Self-Defence fl-Akkademja tal-Pulizija kif ukoll fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. It-Taħriġ jingħata kemm fil-Faċilità tal-Akkademja tal-Pulizija u anke dik fl-RIU. Il-persuna konċernata hija s-Sur Vincent Cilia. F’dak li jirrigwarda l-Akkademja tal-Pulizija, ta’ min ifakkar li ftit jiem ilu għall-ewwel darba kien hemm il-passingout parade ta’ 113–il Pulizija ġdid f’din l-akkademja.
Nixtieq nirrimarka wkoll li beda l-proċess biex din l-Akkademja tieħu l-istruttura ta’ kulleġġ b’għalliema full-timers. Il-Pulizija se jottjenu ċertifikati li jkollhom ekwivalenza ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħra f’pajjiżna. Qed isir ukoll xogħol biex dan il-kulleġġ jikkollabora ma’ ċentri ta’ studji oħra ta’ Korpi tal-Pulizija barranin.

PULIZIJA TAD-DISTRETT - TAĦRIĠ
9172. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa taħriġ, fiżiku u akkademiku, core combat jew le, kull xahar qed jagħmel kull membru tal-Pulizija tad-Distretti fil-perijodu li fih qed issir din l-interpellanza?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-in-service training beda jingħata mill-ġdid. Fil-fatt l-ewwel uffiċjali tal-Pulizija bdew jattendu dan it-taħriġ minn nhar it-Tnejn, 29 ta’ Settembru, 2014. Fil-preżent kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn is-7.30 a.m. u 3.30 p.m. qed ikun hemm 31 membru tal-Korp għal taħriġ akkademiku (policies, ċirkolarijiet u liġijiet). Dawn jiġu mill-ħin tax-xogħol għax jew ikunu 1st watch jew mill-uffiċini. Bejn is-1.00 p.m. u l-5.00 p.m. ikun hemm tmien membri tal-Korp għal taħrig fl-armi. Dawn ukoll jiġu mill-ħin tax-xogħol (2nd watch). Għaddej ukoll kors bejn it-8.00 a.m. u l-4.00 p.m. għal għoxrin immigration officers (pajzana u pulizija) dwar document examination.
Minn nhar it-Tnejn, 6 ta’ Ottubru beda wkoll il-kors ta’ filgħaxija għal 31 officer cadet. Kuljum qed ikun hemm 90 persuna jieħdu t-taħrig fl-Akkademja tal-Pulizija.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm jaħseb li se jieħu żmien biex finalment kull membru tal-Korp ikun ħa dan it-training service?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: L-iskop huwa li kemm jista’ jkun membri tal-Korp jieħdu dan it-taħriġ però l-għan aħħari huwa li kif ikun hemm kulleġġ tal-pulizija, li ovvjament għad irid jiġi diskuss f’dan il-Parlament biex jidħlu ċerti emendi għal-liġi appożita, ikun hemm korsijiet apposta b’lecturers full-time f’kull livell. Effettivament m’għandniex time-plan ta’ kemm dan jista’ jieħu, però qed isir l-aħjar possibbli. Nassigura lill-Onor. Interpellant li dawn il-korsijiet, bħala sustanza, huma ferm aħjar minn dak li kien hemm qabel.
MR SPEAKER: L-Onor. Anthony Agius Decelis, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk dawn il-korsijiet humiex fuq bażi volontarja jew inkella hemmx xi metodu kif qegħdin jintgħażlu n-nies? Dawn il-korsijiet huma mmirati lejn xi rank partikolari jew inkella għall-Korp kollu?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: L-iskop huwa li ovvjament jiġi mmirat kull livell li għandna fil-Korp. Ovvjament il-livell akkademiku tal-membri tal-Korp huwa differenti wkoll. Għalhekk dan it-taħriġ irid ikun immirat biex naraw ir-riżorsi umani li għandna fil-Korp biex imbagħad id-Dipartiment appożitu li għandna fil-Korp tal-Pulizija jagħmel l-eżerċizzju meħtieġ. Irrid ngħid li dan id-Dipartiment għamel dan l-eżerċizzju fuq kull membru tal-Korp biex jara l-kapaċitajiet li għandu kull membru ħalli wieħed ikun jista’ jirristruttura, jagħti t-taħriġ u x-xogħol tal-membri jkun addett għall-postijiet skont il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet tagħhom.

PULIZIJA – PULIZIJA TA’ RIŻERVA
9252. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pulizija ta' riżerva, minn Marzu 2013 sad-data tat-tweġiba ta' din l-interpellanza, ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija fl-età ta' bejn 25 sena u 35 sena, bejn 35 sena u 45 sena, bejn 45 sena u 55 sena, bejn 55 sena u 65 sena, bejn 65 sena u 70 sena u bejn 70 sena u 80 sena?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Din il-mistoqsija saret fit-2 ta’ Mejju, 2014, jiġifieri ħames xhur ilu. X’inhi d-diffikultà għat-tweġiba ta’ mistoqsija bħal din fejn kulma qed jintalab hawnhekk huwa kemm-il pulizija ta’ riżerva kien hemm, maqsumin bl-etajiet, minn Marzu sal-lum? Ma nafx x’inhi d-diffikultà!
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: Nassigura lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda diffikultà. Però, proprju fil-jiem li ġejjin, jidhirli li din il-ġimgħa jew fil-bidu tal-ġimgħa li ġejja, se jidħlu iżjed pulizija ta’ riżerva. Min ra din il-mistoqsija, deherlu li jkun aħjar jekk nagħtu tweġiba komplessiva li tinkludi dawn l-għexieren li deħlin din il-ġimgħa.


FAĊILITÀ KORRETTIVA TA' KORDIN - PRIĠUNIERI F'DIVISION 6
9298. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ż-żmien massimu, jekk hemm, li skont ir-regolamenti tal-ħabs, priġunier jista' jdum f'Division 6 tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-regolamenti tal-ħabs, m’hemmx indikat żmien massimu kemm priġunier jista’ jdum f’Diviżjoni 6.

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA' KORDIN - DIRETTUR
9299. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid min hu d-Direttur (mhux Aġent) tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fil-jum li fih qed titwieġeb din l-Interpellanza?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li hemm Aġent Direttur ovvjament il-pożizzjoni ta’ Direttur għadha vakanti.

MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Jista’ l-Ministru jgħid lil din il-Kamra jekk għandux il-ħsieb li l-Aġent Direttur finalment isir direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew jekk hemmx xi ħsebijiet oħrajn?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: Fil-fatt kien hemm diversi sejħiet imma ma kienx hemm min applika għalihom. Illum hemm l-Aġent Direttur u għall-mument inħoss li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed tiġi imexxiha tajjeb ħafna. Ovvjament huwa l-ħsieb tal-Gvern li jappunta Direttur għal din il-faċilità.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Il-Ministru qal li kien hemm diversi sejħiet. Jista’ jgħidilna kemm-il sejħa kien hemm?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: Bl-amment ma ngħidlekx imma jidhirli li fl-aħħar sejħa li kien hemm ma kien hemm ħadd li applika! Però żgur li kien hemm sejħiet.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk is-sejħiet kenux interni jew esterni?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: Is-sejħiet jistgħu jkunu kemm interni kif ukoll esterni.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Qed nifhem sew li l-ebda Malti ma kien interessat li jsir Direttur tal-Ħabs ta’ pajjiżna?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.

ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien m’għedtx hekk! Peress li l-mistoqsija prinċipali ma kenitx din, jien għedt li kien hemm sejħiet u jien jidhirli li f’okkażjoni minnhom ma kien hemm ħadd li kien interessat. Però, jekk l-Onor. Interpellant irid risposta aktar ċara u definittiva, inkun nista’ nistħarreġ biex niġbor l-informazzjoni mitluba.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Hija sitwazzjoni inkwetanti li f’dan il-pajjiż ikollok sejħa għall-pożizzjoni tant importanti għal pajjiżna u ma jkollokx lanqas kandidat wieħed għal din il-pożizzjoni! Jaħseb il-Ministru li forsi l-kondizzjonijiet offruti għal din il-pożizzjoni għandhom jitjiebu, biex jattiraw l-aħjar nies biex iservu f’pożizzjoni diffiċli bħal din?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: Din hija konsiderazzjoni li wieħed jista’ jieħu. Però naħseb li din mhijiex ir-raġuni għaliex għad hemm dan il-post vakanti.

KORP TAL-PULIZIJA - DIRETTUR JEW AĠENT DIRETTUR
9300. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena l-aħħar li kien hemm l-istess persuna li qed tokkupa l-kariga ta' Direttur/Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fl-istess waqt li jkollha kariga oħra fil-Korp tal-Pulizija?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bidu tas-snin disgħin kien hemm żewġ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li kienu nħatru Aġent Direttur tal-Ħabs fl-istess waqt li żammew il-kariga li kellhom fil-Korp tal-Pulizija.

GĦAWDEX – FONDI EWROPEJ
10427. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm kumpaniji privati f’Għawdex jew individwi Għawdxin ibbenefikaw minn fondi Ewropej fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Taħt liema programm ħadu l-fondi u kemm kien l-ammont f’kull każ? X’tip ta’ proġetti jew inizjattivi f’Għawdex saru jew se jsiru b’dawn il-fondi?
ONOR. IAN BORG (Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej) (f’isem id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li kien hemm 1,597 benefiċjarju li bejniethom ibbenefikaw minn total ta’ €4,299,570.76 f’fondi Ewropej.
MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CHRIS SAID: Filwaqt li nirringrazzja lill-Ministru li wieġeb l-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija, nixtieq niġbed l-attenzjoni li t-tliet mistoqsijiet l-oħrajn li hemm fl-istess mistoqsija ma ġewx imwieġba. Hemm xi raġuni partikolari għalfejn dawn il-mistoqsijiet ma ġewx imwieġba?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda raġuni partikolari. Il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant kienet dwar kemm kien hemm kumpaniji u individwi Għawdxin li bbenefikaw minn fondi Ewropej. Jien tajt l-ammont ta’ benefiċjarji kif ukoll l-ammont ta’ fondi Ewropej li minnhom ibbenefikaw dawn il-benefiċjarji. Jekk għall-mod tal-kelma wieħed se jsemmi l-kumpaniji jew il-benefiċjarji li bbenefikaw mill-Employment Aid Programme, allura n-natura ta’ dawn l-għajnuniet hija relatata ma’ inizjattivi relatati mal-impjegabilità. Jekk wieħed se jmur għat-turiżmu sostenibbli, is-sejħa minna nnifisha kienet tispjega x’tip ta’ intervent se jkun hemm. Allura ma nistax nifhem il-mistoqsija supplimentari tal-Onor. Interpellant.
MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CHRIS SAID: Sur President, il-mistoqsija supplimentari mhi supplimentari xejn! Fil-fatt fil-mistoqsija oriġinali għamilt xi mistoqsijiet dwar taħt liema programm jew programmi dawn il-benefiċjarji ħadu l-fondi, kemm kien l-ammont f’kull każ u x’tip ta’ proġetti u inizjattivi saru f’Għawdex b’dawn il-fondi. Jien ma nistax insib it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet fir-risposta. Għaldaqstant nistaqsi lis-Segretarju Parlamentari jekk jistax iwieġeb dawn il-mistoqsijiet li kienu diġà fil-mistoqsija oriġinali.
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: Essenzjalment it-tliet programmi li minnhom l-1,597 benefiċjarju bbenefikaw aktar minn €4 miljun huma l-Employment Aid Programme, programmi taħt l-iskema għat-turiżmu sostenibbli u programmi taħt l-għajnuna tal-fondi għall-iżvilupp rurali.
MR SPEAKER: L-Onor. Franco Mercieca, mistoqsija supplimentari.

ONOR. FRANCO MERCIECA: Jista’ s-Segretarju Parlamentari jgħid fiex wasalna fl-infiq tal-10% tal-fondi li kienu dejjem iddedikati għal Għawdex u li nafu li qabel ma kenux qed jintnefqu? Qegħdin inkopru dawn l-10%? Se naslu biex dawn il-fondi jaslu għall-gżira Għawdxija?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: Kif kelli l-okkażjoni ngħid aktar minn darba f’din il-Kamra, is-sitwazzjoni li sibna f’Marzu 2013 kienet li għalkemm din kienet l-aħħar sena tal-programm 2007 – 2013, madwar 7% kienu kommessi għall-gżira Għawdxija. Matul il-kumplament tad-disa’ xhur matul is-sena 2013, aħna kkommettejna t-3% sabiex niħlqu l-mira li kellna mal-poplu Għawdxi. Allura issa l-10% huma kommessi. Ovvjament wieħed irid isegwi l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti għal din is-sena u ftit aktar li fadlilna biex nagħlqu l-programm li għadda.
MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CHRIS SAID: Is-Segretarju Parlamentari semma t-tliet programmi li essenzjalment ittieħdu l-fondi minnhom. Jista’ jagħtina l-ammont ta’ fondi taħt kull programm u jgħidilna min kienu l-benefiċjarji taħt kull programm? Din kienet il-mistoqsija oriġinali u li s’issa għadha ma ġietx imwieġba.
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: M’għandi l-ebda problema li nagħti din l-informazzjoni imma parti kbira minnha diġà hija pubblika fuq is-sit elettroniku. Jien qed nagħtih it-totali u għalhekk naħseb li ssodisfajt il-mistoqsija tiegħu. Jekk le, nerġa’ nagħtihomlu, imma bħalissa m’għandix iċ-ċifri miegħi maqsumin programm pragramm.
MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CHRIS SAID: Il-mistoqsija oriġinali li ilha li saret mis-17 ta’ Lulju, 2014 kienet biex jingħataw dawn iċ-ċifri. Qed nifhem sew, li s-Segretarju Parlamentari qed jikkommetti ruħu li jippreżenta dawn iċ-ċifri u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: Jien m’għandi l-ebda problema li nippreżenta dawn iċ-ċifri fuq il-Mejda tal-Kamra. Jekk l-Onor. Interpellant isibha aktar faċli, qabel ma nippreżentahom, jista’ jaċċessahom direttament fuq l-internet. Ovvjament jien se npoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll.

GĦAWDEX – KUNSILLI LOKALI – FONDI EWROPEJ
10428. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali f’Għawdex ibbenefika minn fondi Ewropej fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Taħt liema programmi ħadu l-fondi u kemm kien l-ammont f’kull każ? X’tip ta’ proġetti jew inizjattivi fil-lokalitajiet f’Għawdex saru jew se jsiru b’dawn il-fondi?
ONOR. IAN BORG (f’isem id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li kien hemm tmien kunsilli lokali li bejniethom ibbenefikaw minn total ta’ €321,945.40 f’fondi Ewropej.
MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CHRIS SAID: Nixtieq nistaqsi lis-Segretarju Parlamentari taħt liema programmi ttieħdu l-fondi u kemm kien l-ammont f’kull każ u x’tip ta’ proġetti u inizjattivi saru jew se jsiru fil-lokalijiet f’Għawdex għax it-tieni parti tal-mistoqsija oriġinali ma ġietx imwieġba.
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: L-Onor. Interpellant jifhem li tmien benefiċjarji huwa differenti minn 1,600 benefiċjarju. Għalhekk għal din il-mistoqsija supplimentari għandi l-informazzjoni, li naħseb li nista’ naqraha hawnhekk. Kien hemm seba’ kunsilli lokali li bbenefikaw taħt il-miżura 313 ta’ inkoraġġament għall-attivitajiet turisitiċi, li taqa’ taħt il-fond Ewropew agrikolu u għall-iżvilupp rurali, fejn bejniethom dawn ibbenefikaw minn €344,000. Ovvjament wieħed irid jara x-share li huwa EU funded, allura ċ-ċifra hija ta’ €258,000. Kien hemm ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem li bbenefika taħt il-programm Interrag, b’total ta’ €63,000.

GĦAWDEX – GĦAQDIET MHUX GOVERNATTIVI – FONDI EWROPEJ
10429. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il għaqda mhux governattiva Għawdxija bbenefikat minn fondi Ewropej fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Taħt liema programmi ħadu l-fondi u kemm kien l-ammont f’kull każ? X’tip ta’ proġetti jew inizjattivi f’Għawdex saru jew se jsiru b’dawn il-fondi?
ONOR. IAN BORG (f’isem id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda applikazzjoni sottomessa minn għaqdiet mhux governattivi Għawdxin.

GOZO CHANNEL –APPARAT ELETTRONIKU - MANUTENZJONI
10443. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed titħallas fis-siegħa tax-xogħol tagħha l-kumpanija u/jew persuni responsabbli mill-manutenzjoni tal-apparat elettroniku tal-vapuri tal-Gozo Channel u jgħid kif ġew mogħtija x-xogħlijiet u ċjoè jekk hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet u/jew b’direct order?
ONOR. ANTON REFALO (Ministru għal Għawdex): Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija Gozo Channel Company Ltd tqabbad diversi kumpaniji u individwi biex jagħmlu l-manutenzjoni tal-apparat elettroniku tal-vapuri. L-informazzjoni hija ta’ natura kummerċjali.
MR SPEAKER: L-Onor. Robert Cutajar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ROBERT CUTAJAR: Ma jaħsibx il-Ministru li l-fatt li qed nitkellmu fuq fondi pubbliċi u f’ġieħ it-trasparenza, għandu jagħti aktar dettalji minn din ir-risposta li għadu kif ta?
MR SPEAKER: Il-Ministru Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Naħseb li kont trasparenti biżżejjed u naħseb ukoll li l-mistoqsija sussegwenti turi l-ammont li ntnefaq.
MR SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Peress li qed nitkellmu fuq kumpanija pubblika, il-Ministru jħoss li almenu għandu jagħti l-lista ta’ dawn il-kumpaniji u l-kuntratti li ngħataw? Il-Ministru ma jistax jinħeba wara t-tarka kummerċjali meta hu qed jaġixxi għan-nom ta’ kumpanija li qiegħda toffri servizz pubbliku u anke topera b’użu ta’ fondi pubbliċi.
MR SPEAKER: Il-Ministru Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Sur President, inħoss li din hija informazzjoni kummerċjali u jekk tingħata tista’ tkun ta’ detriment għall-kumpanija.
MR SPEAKER: L-Onor. Robert Cutajar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ROBERT CUTAJAR: Biex inkompli ma’ dak li qal il-Ministru nixtieq ngħid li meta għamiltlu l-mistoqsija supplimentari, qal li kien trasparenti fil-mistoqsija preċedenti. Allura ladarba kien trasparenti f’dik il-mistoqsija għaliex mhuwiex iwieġeb il-mistoqsija li għamiltu li hija fuq l-istess linja?
MR SPEAKER: Il-Ministru Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Sur President, jien naħseb li m’għandix naħli ħin tal-Kamra. Naħseb li l-mistoqsija sussegwenti turi l-ammont li ntnefaq fuq dan ix-xogħol. Irrid ngħid li fil-Gozo Channel illum qed isir skrutinju kbir u fil-fatt hija l-ewwel darba li l-kumpanija għamlet profitt. Matul 25 sena li damet taħt il-Gvern Nazzjonalista dejjem tilfet il-miljuni. Fil-fatt il-projected loss kien ta’ €1.9 miljun. Nista’ ninforma lil din il-Kamra li sa Awwissu ta’ din is-sena din il-kumpanija rreġistrat profitt ta’ €75,000.
MR SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Ladabra qed nitkellmu fuq direct orders, il-Ministru jaħseb li l-ewwel ħaġa li jrid jagħmel quddiem din il-Kamra hija li jagħti ġustifikazzjoni għaliex uża l-proċedura ta’ direct orders? X’inhuma dawn id-direct orders u lil min ingħataw? Meta l-Ministru qed jitkellem fuq direct orders ifisser li ġie sorpassat kull proċess ta’ tendering u allura l-Gvern għandu obbligu akbar li jagħti d-dettalji kollha tad-direct orders li ngħataw, għaliex ingħataw, lil min ingħataw u għal kemm ingħataw. Din hija r-regola ta’ trasparenza li hija fundamentali għal dan il-Parlament.
MR SPEAKER: Il-Ministru Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Sur President, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmilli l-mistoqsija bil-miktub u nirrispondih. Però nixtieq ngħid li l-mistoqsija kif saret hija ta’ natura kummerċjali u għalhekk ma nħossx li għandha tingħata informazzjoni ulterjuri.
MR SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Il-Ministru jħoss li peress li l-mistoqsija li għandu quddiemu diġà saret bil-miktub, m’għandux għalfejn jerġa’ jaraha bil-miktub? Jew qaraha tajjeb l-ewwel darba jew mhux kapaċi jaqraha! Il-mistoqsija hija bil-miktub u l-Ministru għandu jwieġeb ġo dan il-Parlament!
MR SPEAKER: Il-Ministru Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Sur President, jien weġibt skont l-iStanding Orders. Dak li kelli ngħid għedtu u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri tkun kontra l-interessi tal-kumpanija.
MR SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jista’ l-Ministru jikkwotalna l-iStanding Order li qed jirreferi għaliha?

MR SPEAKER: Il-Ministru Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Jien irrispondejt skont kif jidhirli li huwa l-aħjar, fl-interess tal-kumpanija.
MR SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco, mistoqsija supplimentari.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nitlob lis-Sedja tagħti ruling dwar jekk Ministru huwiex awtorizzat, skont l-iStanding Orders, li jirrifjuta li jagħti informazzjoni għaliex hija informazzjoni kummerċjali. Bir-rispett kollu, jista’ l-Ministru jgħidilna taħt liema Standing Order qed jirrifjuta li jagħti din l-informazzjoni?
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għat-Tqegħid ta’ Karti u nsejjaħ lill-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, jiddispjaċini li se jkolli nerġa’ niġbed l-attenzjoni għall-fatt li għall-mistoqsija W339, għal darb’oħra, qed niġu referuti biex immorru nfittxu l-informazzjoni fuq il-website tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta. Naħseb li hawn ruling ċar li jgħid li għal kull deċiżjoni li jkun hemm, għandu jkun hemm il-hard copy.
MR SPEAKER: M’għandekx għalfejn tkompli! Hemm ir-ruling preċedenti u ċar tas-Sedja.
ONOR. ĊENSU GALEA: Barra minn hekk naħseb li t-traduzzjoni għall-kelma “policy” f’dan il-kontest mhijiex polza imma politika.
MR SPEAKER: Kollox sew. Id-domanda hija W339 u għamiltha inti stess, Onor. Ċensu Galea lill-Ministru Joe Mizzi. Nissolleċita lill-Ministru biex minflok issir referenza għall-website, id-dokumenti jiġu ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra, skont ruling preċedenti li sar mis-Sedja.
Ngħaddu issa għal Tqegħid ta’ Karti u nsejjaħ lill-Prim Ministru.

Yüklə 0,86 Mb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   12




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin