Fteħim mal-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq Artisans Incubation Centre ġewwa Ta’ Qali
Jiġi konkluz il-fteħim mad-Dipartiment tal-Artijiet, fuq il-binja li ser tkun tista’ tintuża bħala Artisans’ Incubation Centre amministrata mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, fil-Villaġġ tal-Artiġjanat il-ġdid f’Ta’ Qali.
X’qed isir
Għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni dwar din l-inizjattiva. Konklużjoni dwar din il-proposta mistennija tintlaħaq fil-bidu tas-sena li ġejja.
Inizjattiva 59
Kampanji Edukattivi ġewwa żoni industrijali
Jiġu organizzati aktar kampanji edukattivi fost sidien ta’ negozji f’żoni industrijali, u fost ħwienet f’ċentri Kummerċjali:
kampanja sabiex jintuża aktar l-IT
kampanja sabiex jitħarrgu l-ħaddiema fil-Customer Care
kampanja biex nibdew nemmnu aktar fil corporate image ta’ negozju
X’qed isir
L-ETC għamlet stħarriġ biex tara x’inhuma l-bżonnijiet (għal dak li għandu x’jaqsam sengħat) ta’ l-imprendituri li jaħdmu fiż-żona industrijali tal-Mosta u li jixtiequ jimpjegaw nies magħhom. Dan kien proġett pilota li beħsiebu jiġi ripetut f’żoni oħra.
Inizjattiva 60
Facelift liż-żoni industrijali kollha
Impenn sabiex tingħata facelift liż-żoni industrijali kollha u titkompla ħidma f’żoni industrijali oħra bħalma huma iż-żona kollha t’Albert Town, iż-żona ta’ Ħal-Qormi faċċata tal-Maltapost, il-Marsa ħdejn iċ-ċimiterju tat-torok, fil-Gudja iż-żona magħrufa bħala ta’ Dalli.
X’qed isir
Din l-inizjattiva hi mistennija li tingħata prijorità fil-ġimgħat li ġejjin.
Inizjattiva 61
Użu aħjar ta’ l-enerġija ġewwa żoni industrijali
Jiġu diskussi proġetti ta’ taħriġ u firxa ta’ informazzjoni ta’ kif sidien ta’ negozji żgħar jistgħu jiġu mgħallma dwar użu aħjar mill-energija, u kif dawn jistgħu jirrikorru għal sistemi alternattivi.
X’qed isir
Saru laqgħat preliminari fuq dan is-suġġett imma għad fadal ħafna xi jsir.
Inizjattiva 62
Promozzjoni ta’ snajjiet
Is-Segretarjat, flimkien mal-MCAST u sidien ta’negozji żgħar kif rapprezentati f’diversi għaqdiet, iwettaq ħidma li permezz tagħha tippromwovi aħjar il-karriera u opportunità ta’ xogħol f’diversi snajjiet. Din il-ħidma għandha tressaq aktar flimkien sidien ta’ negozji li jkollhom bżonn ħaddiema imħarrġa li jiltaqghu ma’ studenti li jkunu ġew imħarrġa f’dik is-sengħa rispettiva u jkunu qed ifittxu x-xogħol.
X’qed isir
Din l-inizjattiva qed tiġi diskussa
F. Intejbu l-aċċess permezz tal-Internet
Inizjattiva 63
Webpages għal negozji ġewwa żoni industrijali
Tkompli tkun aġġornata u żviluppata l-website www.smemalta.com sabiex tkompli tesponi ix-xogħolijiet ta’ negozji li jaħdmu ġewwa ż-żoni industrijali tal-Ħandaq, Mrieħel, Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta kif ukoll f’ċentri kummerċjali f’Malta u Għawdex. Permezz ta’ din il-website n-negozji kollha li isimhom diġa jidher ippublikat fid-direttorji taż-żoni industrijali u ta’ ċentri kummerċjali rispettivi, ser ikollhom webpage aċċessibbli fuq sit elettroniku.
X’qed isir
Din il-website ġiet mnedijja fl-20 ta’ Novembru 2007.
www.smemalta.com huwa one-stop-shop portal bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar ‘who’s who’ tan-negozji żgħar fiż-żoni industrijali ta’ pajjiżna. Din hija website li se tkompli tevolvi maż-żmien u hija kontinwazzjoni tax-xogħol li diġà sar fiż-żoni industrijali msemmija, fejn kien hemm żvilupp infrastrutturali, u għalhekk titjib sostanzjali tal-loġistika minn fejn qegħdin jaħdmu ħafna negozji żgħar. Bl-iżvilupp ta’ din il-website, il-Gvern qiegħed, għall-ewwel darba, iwettaq eżerċizzju ta’ marketing favur dawn il-bosta sidien ta’ negozji żgħar, bil-ħsieb li jipprovdi l-aħjar informazzjoni possibbli kemm għal konsumaturi li jżuru ż-żoni industrijali, kif ukoll għal sidien ta’ negozji żgħar li joperaw minn dawn iż-żoni biex ikollhom l-aħjar informazzjoni possibbli dwar dak li jaffettwa s-settur kummerċjali.
L-informazzjoni f’din il-website tiswa wkoll għal negozji oħrajn li jissupplixxu servizzi lil dawn in-negozji. Għalhekk, fiha nfisha, din il-website hija għodda li tgħin fil-komunikazzjoni anke ta’ business to business, u l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u Self Employed ser ikompli jsegwi l-iżvilupp ta’ dan l-esperiment permezz ta’ din il-website, sabiex dak li nitgħallmu minn dan l-eżerċizzju nkomplu ntejbuh maż-żmien. Bħala Gvern miftuħin għal kull suġġeriment f’dan il-kuntest u fil-ġejjieni ser inkunu qegħdin nevalwaw il-possibilità li din il-website tagħti lok għal numru ta’ websites oħrajn li jkunu qegħdin isostnu l-corporate image ta’ kull żona industrijali. Aħna ser inkunu qegħdin naħdmu flimkien mal-GRTU biex intejbu s-sit u nipprovdu l-aħjar servizzi. Permezz ta’ dan is-sit, konsumaturi li jixtiequ jkunu jafu fejn isibu negozju li jkollhom bżonn, bħal, eżempju, mastrudaxxa jew xogħol ta’ aluminium, jista’ jagħmel dan bl-aktar mod faċli billi jfittex fuq is-sit. Fis-sit hemm ukoll mapep taż-żoni, ritratti mill-ajru u ritratti oħra, kif ukoll direttorju komplut tan-negozji żgħar kollha li jinsabu fiż-żoni industrijali.
4. It-tnedija ta’ dan is-sit elettroniku hi parti minn inizjattiva tas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed biex ikun hemm branding aħjar ta’ negozji żgħar. Eżerċizzji oħra ta’ branding ta’ żoni industrijali inkludew propju l-pubblikazzjoni tad-direttorji, t-twaħħil ta’ tabelli biex il-konsumaturi jkollhom aċċess aħjar għal din iż-żona, u l-pubblikazzjoni regolari ta’ gazzetta li tagħti l-aħħar informazzjoni dwar iż-żoni industrijali.6