Il-ktieb tas-salmi

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 1.16 Mb.
səhifə13/13
tarix15.01.2019
ölçüsü1.16 Mb.
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   13

[S:141:8] Imma lejk, Mulej Sidi, jiena ndawwar

għajnejja,

fik nistkenn, la tħallinix nintrema.

[S:141:9] Ħarisni mix-xibka li firxu għalija,

min-nassa ta' dawk li jagħmlu l-ħażen.



[S:141:10] Ħa jaqgħu l-ħżiena fix-xbiek tagħhom,

waqt li jiena waħdi neħlisha.


142 (141). Krib u tnehid fl-hemm
[S:142:1] Maskil. Ta' David meta kien fl-għar. Talba.
[S:142:2] B'leħen qawwi lill-Mulej insejjaħ,

b'leħen qawwi lill-Mulej nitlob.



[S:142:3] Nressaq quddiemu t-tnehid tiegħi,

id-dwejjaq tiegħi quddiemu nqiegħed.



[S:142:4] Xħin ruħi ġo fija tinfena,

int tkun taf minn xiex għaddej.

Fit-triq li fiha nimxi,

huma ħbew nassa għalija.



[S:142:5] Nħares fuq il-lemin u nara

li m'hemm ħadd min jagħti kasi,

m'hemmx mnejn nista' naħrab,

m'hemm ħadd min jieħu ħsiebi.



[S:142:6] Lilek, Mulej, nsejjaħ;

ngħidlek: "Inti l-kenn tiegħi,

inti sehmi f'art il-ħajjin.

[S:142:7] Agħti widen għall-għajta tiegħi,

għax ninsab mitluq għall-aħħar.

Eħlisni minn dawk li daru għalija,

għax huma aqwa minni.



[S:142:8] Mill-ħabs oħroġni, biex inrodd ħajr lil

ismek.


Madwari jduru l-ġusti, għax int timxi tajjeb miegħi."
143 (142). Talba umli u niedma
[S:143:1] Salm ta' David.
Mulej, isma' t-talba tiegħi,

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

[S:143:2] Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek,

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.


[S:143:3] Għax l-għadu għamel għalija,

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar,

bħal min imut għal dejjem,



[S:143:4] ruħi tinfena minn ġewwa,

qalbi titniehed ġewwa fija.



[S:143:5] Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi,

naħseb f'kull ma int għamilt,

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

[S:143:6] Lejk immidd idejja,

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.


[S:143:7] Fittex weġibni, Mulej!

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni,

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.



[S:143:8] Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek,

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi,

għax lejk jien nerfa' ruħi.



[S:143:9] Eħlisni mill-għedewwa, Mulej,

għax inti l-kenn tiegħi.


[S:143:10] Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi.

L-ispirtu tajjeb tiegħek

imexxini fuq art watja.



[S:143:11] F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja,

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.



[S:143:12] Fit-tjieba tiegħek xejjen l-għedewwa

tiegħi,


eqred 'il dawk kollha li huma kontrija;

għax jiena l-qaddej tiegħek.


144 (143). Rebħ, ġid u sliem
[S:144:1] Ta' David.
Mbierek il-Mulej, il-blata tiegħi,

li jħarriġli idejja għat-taqbida

u subgħajja għat-taqtigħa.

[S:144:2] Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi,

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn;

hu li jrażżan il-popli taħti.


[S:144:3] Mulej, x'inhu l-bniedem biex taħseb fih,

jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?



[S:144:4] Bħal daqsxejn ta' nifs hu l-bniedem;

bħal dell li jgħaddi huma jiemu.



[S:144:5] Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel;

miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.



[S:144:6] Agħmel il-beraq u xerridhom;

faqqa' s-sajjetti u ħarrabhom.



[S:144:7] Midd idek mill-għoli,aħtafni mill-ilma

kotran;


eħlisni minn id il-barrani,

[S:144:8] li b'fommu jgħid il-gideb,

u b'lemintu jixhed il-qerq.


[S:144:9] O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek,

fuq arpa ta' għaxar kordi ngħannihielek.



[S:144:10] Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek.



[S:144:11] Mis-sejf tal-ħażin ħarisni;

eħlisni minn id il-barrani,

li b'fommu jgħid il-gideb,

u b'lemintu jixhed il-qerq.



[S:144:12] Ħa jkunu wliedna f'żgħożithom

bħal xitel imlaħħaq sewwa;

uliedna l-bniet bħal kolonni minquxa,

iżejjnu l-irkejjen tal-palazzi.



[S:144:13] Ħa jkunu l-imħażen tagħna mfawwra,

u jagħtu kull xorta ta' ġid.

L-imrieħel bl-eluf iwelldu,

għaxriet ta' eluf fir-raba' tagħna;



[S:144:14] ħa jkunu mgħobbija il-bhejjem tagħna.

Ebda selħa fis-swar,

ħadd ma jaqa' lsir,

ma jkunx hemm biki fil-pjazez tagħna.



[S:144:15] Hieni l-poplu li għandu dan kollu!

Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!


145 (144). Alla kbir u tajjeb
[S:145:1] Tifħir. Ta' David.
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.



[S:145:2] Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.


[S:145:3] Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru bil-bosta,

bla tarf il-kobor tiegħu.



[S:145:4] Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,

u s-setgħa tiegħek ixandru.



[S:145:5] Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.



[S:145:6] Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża'

jxandru;

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

[S:145:7] It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.


[S:145:8] Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.



[S:145:9] Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel.



[S:145:10] Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.



[S:145:11] Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,



[S:145:12] biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.



[S:145:13] Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.


Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f'dak kollu li għamel.



[S:145:14] Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa',

iqajjem 'il kull min hu mitluq.



[S:145:15] Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,

u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.



[S:145:16] Int tiftaħ idek,

u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.


[S:145:17] Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f'dak kollu li għamel.



[S:145:18] Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.



[S:145:19] Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu

minnu,


jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

[S:145:20] Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha,

imma lill-ħżiena jeqridhom.


[S:145:21] Tifħir il-Mulej ixandar fommi;

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu

għal dejjem ta' dejjem!
146 (147). Tama f'Alla waħdu
[S:146:1] Hallelujah!
Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

[S:146:2] Nfaħħar il-Mulej tul ħajti kollha;

għanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.



[S:146:3] La tittamawx fil-kbarat,

għax il-bniedem ma jsalvakomx.



[S:146:4] Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa' jmur;

jintemmu dakinhar ħsibijietu.



[S:146:5] Hieni min f'Alla ta' Ġakobb isib

l-għajnuna tiegħu,

min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,

[S:146:6] li għamel is-sema, l-art u l-baħar,

u kull ma jinsab fihom;

hu li jżomm kelmtu għal dejjem,

[S:146:7] li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin;

[S:146:8] il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfa' lill-milwijin;

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

[S:146:9] il-Mulej li jħares lill-barranin;

hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
[S:146:10] Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.


Hallelujah!
147 (146+147). Il-Mulej benefattur ta' Iżrael
[S:147:1] Hallelujah!

Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna;

għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
[S:147:2] Jibni 'l Ġerusalemm il-Mulej,

jiġma' l-imxerrdin ta' Iżrael.



[S:147:3] Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,

hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.



[S:147:4] Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;

kollha jsejjħilhom b'isimhom.



[S:147:5] Kbir Sidna l-Mulej, u ta' qawwa kbira;

bla tarf id-dehen tiegħu.



[S:147:6] Jerfa' l-imsejknin il-Mulej,

u jniżżel sa l-art il-ħżiena.


[S:147:7] Għannu lill-Mulej innu ta' radd il-ħajr;

doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna.



[S:147:8] Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet,

iħejji għall-art ix-xita,

u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.

[S:147:9] Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom,

u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajjtu.



[S:147:10] Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel,

anqas b'riġlejn l-irġiel b'saħħithom.



[S:147:11] Jitgħaxxaq il-Mulej b'min għandu l-biża'

tiegħu,


u b'min jittama fit-tjieba tiegħu.
[S:147:12] Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!


[S:147:13] Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek,

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.



[S:147:14] Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek,

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.



[S:147:15] Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.


[S:147:16] Jibgħat is-silġ bħas-suf;

ixerred bħar-rmied il-ġlata.



[S:147:17] Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż;

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.



[S:147:18] Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ;

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!


[S:147:19] Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.


[S:147:20] Ma għamel hekk ma' ebda poplu;

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.


Hallelujah!
148. Il-ħlejjaq kollha jfaħħru lill-Ħallieq
[S:148:1] Hallelujah!
Faħħru l-Mulej mis-smewwiet,

faħħruh fl-ogħla smewwiet!



[S:148:2] Faħħruh, anġli tiegħu kollha,

faħħruh, eżerċti tiegħu kollha!


[S:148:3] Faħħruh, intom xemx u qamar,

faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu!



[S:148:4] Faħħruh, smewwiet l-aktar għolja,

u intom ilmijiet ta' fuq is-smewwiet!


[S:148:5] Ħa jfaħħru dawn kollha isem il-Mulej:

għax hu kkmanda, u huma nħolqu;



[S:148:6] hu waqqafhom għal dejjem ta' dejjem;

tahom ordni li qatt ma tgħaddi.



[S:148:7] Faħħru l-Mulej minn fuq l-art,

mostri tal-baħar u abbissi kollha.



[S:148:8] In-nar u s-silġ, il-borra u ċ-ċpar,

l-irwiefen, li jisimgħu kelmtu,



[S:148:9] il-muntanji u l-għoljiet kollha,

is-siġar tal-frott u ċ-ċedri kollha,



[S:148:10] il-bhejjem selvaġġi u l-annimali kollha,

il-bhejjem li jitkaxkru u l-għasafar li jtiru,



[S:148:11] is-slaten ta' l-art u l-ġnus kollha,

il-kbarat u l-imħallfin kollha ta' l-art,



[S:148:12] iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll,

ix-xjuħ flimkien mat-tfal:



[S:148:13] ħa jfaħħru isem il-Mulej,

għax ismu waħdu l-għoli,

sebħu 'l fuq mill-art u s-sema!
[S:148:14] Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu;

dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha,

għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu.
Hallelujah!
149. Għanja tar-rebħa
[S:149:1] Hallelujah!
Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta' ħbiebu t-tifħir tiegħu!



[S:149:2] Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!



[S:149:3] Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!



[S:149:4] Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.


[S:149:5] Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!



[S:149:6] It-tifħir ta' Alla jkun fuq fommhom,

u sjuf b'żewġt ixfar f'idejhom,



[S:149:7] biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus,

u jagħtu l-kastig lill-popli,



[S:149:8] jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom,

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,



[S:149:9] jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom;

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.


Hallelujah!
150. L-aħħar hallelujah
[S:150:1] Hallelujah!
Faħħru 'l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu,

faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!



[S:150:2] Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu,

faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf!



[S:150:3] Faħħruh bid-daqq tat-tromba,

faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!



[S:150:4] Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin,

faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar!



[S:150:5] Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali,

faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali!



[S:150:6] Kull ma jieħu nifs,ħa jfaħħar il-Mulej!
Hallelujah!





Dostları ilə paylaş:
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   13
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə