[S:118:10] Il-ġnus kollha dawwruni;
imma f'isem il-Mulej irbaħthom.
[S:118:11] Dawwruni, minn kull naħa rassewni;
imma f'isem il-Mulej irbaħthom.
[S:118:12] Bħan-naħal daru miegħi,
bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu;
imma f'isem il-Mulej irbaħthom.
[S:118:13] B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa';
imma l-Mulej tani l-għajnuna.
[S:118:14] Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;
hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.
[S:118:15] Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex
tat-tajbin:
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!
[S:118:16] Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.
[S:118:17] Ma mmutx, imma nibqa' ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
[S:118:18] Ħaqarni tassew il-Mulej,
iżda ma telaqnix għall-mewt.
[S:118:19] Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja;
ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.
[S:118:20] Dan hu bieb il-Mulej;
il-ġusti jidħlu minnu.
[S:118:21] Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.
[S:118:22] Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
[S:118:23] Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.
[S:118:24] Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
[S:118:25] Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!
Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
[S:118:26] Mbierek minn ġej f'isem il-Mulej!
Nberkukom minn dar il-Mulej.
[S:118:27] Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna.
Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom sa ħdejn
l-artal.
[S:118:28] Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr;
Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.
[S:118:29] Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
119 (118). Il-ġmiel tal-Liġi ta' Alla
Alef
[S:119:1] Henjin dawk li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
[S:119:2] Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,
u li jfittxuh b'qalbhom kollha.
[S:119:3] Huma ma jagħmlux ħażen,
imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.
[S:119:4] Int tajt il-preċetti tiegħek,
biex inħarsuhom bir-reqqa.
[S:119:5] Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!
[S:119:6] Mbagħad ma jkollix għax nistħi,
la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.
[S:119:7] Mbagħad infaħħrek b'qalb safja.
Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.
[S:119:8] Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek;
la tħallinix għalkollox!
Bet
[S:119:9] Kif jista' żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?
Billi jħares il-kelma tiegħek.
[S:119:10] B'qalbi kollha jiena nfittxek;
tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.
[S:119:11] Jien żammejt kelmtek f'qalbi,
biex ma nidneb qatt kontrik.
[S:119:12] Mbierek int, Mulej!
Għallimni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:13] B'xufftejja jiena nxandar
id-digrieti kollha ta' fommok.
[S:119:14] Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek,
daqs kieku kelli l-għana kollu.
[S:119:15] Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb,
u nżomm għajnejja fuq triqatek.
[S:119:16] Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq,
qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.
Gimel
[S:119:17] Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,
agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.
[S:119:18] Iftaħli għajnejja,
biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.
[S:119:19] Barrani jien fuq l-art;
taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:20] Tinfena qalbi l-ħin kollu
bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.
[S:119:21] Il-kburin inti ċċanfarhom;
misħut min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.
[S:119:22] Neħħi minn fuqi t-tagħjir u tkasbir
tagħhom,
għax jiena nħares il-preċetti tiegħek.
[S:119:23] Mqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi,
fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa' jaħseb il-qaddej
tiegħek.
[S:119:24] Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi,
huma jagħtuni l-parir tajjeb.
Dalet
[S:119:25] Mixħuta fit-trab hi ruħi;
aħjini int skond kelmtek.
[S:119:26] Triqati wrejtek, u int weġibtni;
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:27] Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek,
biex naħseb fuq għeġubijietek.
[S:119:28] Jiena nfejt bin-niket;
erfagħni int skond kelmtek.
[S:119:29] Biegħed minni triq il-gideb;
agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.
[S:119:30] Jiena għażilt it-triq tas-sewwa;
ħtart għalija d-digrieti tiegħek.
[S:119:31] Nżomm sħiħ mal-preċetti tiegħek;
Mulej, tħallinix naqa' fil-mistħija.
[S:119:32] Jien niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek,
għax int saħħaħtli qalbi.
He
[S:119:33] Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti
tiegħek;
jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.
[S:119:34] Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b'qalbi kollha.
[S:119:35] Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti
tiegħek,
għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.
[S:119:36] Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek,
u mhux lejn ir-regħba.
[S:119:37] Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa;
agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.
[S:119:38] Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej
tiegħek,
li int għamilt ma' dawk li jibżgħu minnek.
[S:119:39] Warrab minni l-għajb li nibża' minnu,
għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.
[S:119:40] Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti
tiegħek;
fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.
[S:119:41] Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej,
u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda tiegħek.
[S:119:42] Mbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni,
għax jien nafda fil-kelma tiegħek.
Waw
[S:119:43] Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa,
għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.
[S:119:44] Nħares il-liġi tiegħek għal dejjem,
u għal dejjem ta' dejjem.
[S:119:45] U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi,
għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.
[S:119:46] U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek
quddiem is-slaten, u ma nistħix.
[S:119:47] Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek,
li jiena ħabbejt.
[S:119:48] Nerfa' idejja lejn il-kmandamenti tiegħek,
u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.
Żajin
[S:119:49] Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek,
li biha inti ttamajtni.
[S:119:50] Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi:
li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.
[S:119:51] Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar;
imma jiena ma nitbigħedx mil-liġi tiegħek.
[S:119:52] Niftakar fid-digrieti tiegħek ta' dari;
fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.
[S:119:53] Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena
li jitilqu l-liġi tiegħek.
[S:119:54] L-għanja tiegħi l-kmandamenti tiegħek,
f'dan il-post fejn jien barrani.
[S:119:55] Billejl f'ismek niftakar, Mulej,
u nħares il-liġi tiegħek.
[S:119:56] Din hi l-barka li messet lili:
li jiena nħares il-preċetti tiegħek.
Ħet
[S:119:57] Jien għedt, Mulej: "Dan hu sehmi,
li nħares il-kelma tiegħek."
[S:119:58] Quddiemek nitlob b'qalbi kollha;
ħenn għalija skond il-wegħda tiegħek.
[S:119:59] Jien qist sewwa l-mixi tiegħi,
u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.
[S:119:60] Ngħaġġel u ma nitnikkirx,
biex inħares il-kmandamenti tiegħek.
[S:119:61] Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni,
imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.
[S:119:62] F'nofs il-lejl inqum infaħħrek
minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.
[S:119:63] Nissieħeb ma' kull min għandu l-biża'
tiegħek,
ma' dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.
[S:119:64] Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek;
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
Tet
[S:119:65] Ġid għamilt mal-qaddej tiegħek,
Mulej, skond il-kelma tiegħek.
[S:119:66] Fehma tajba u għerf għallimni,
għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.
[S:119:67] Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball;
imma issa nħares il-kelma tiegħek.
[S:119:68] Twajjeb int, u l-ġid tagħmel;
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:69] Jixluni l-kburin bil-gideb;
imma jien b'qalbi kollha nħares il-preċetti tiegħek.
[S:119:70] Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom;
imma jien bil-liġi tiegħek nitgħaxxaq.
[S:119:71] Swieli ta' ġid li għakkistni,
għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek.
[S:119:72] Aħjar għalija l-liġi ta' fommok
mill-eluf ta' flejjes tad-deheb u l-fidda.
Jod
[S:119:73] Idejk għamluni u sawwruni;
fehemni u għallimni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:74] Jarani u jifraħ min għandu l-biża' tiegħek,
għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.
[S:119:75] Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek;
u li skond is-sewwa għakkistni.
[S:119:76] Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,
[S:119:77] Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.
[S:119:78] Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni;
imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.
[S:119:79] Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek,
dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.
[S:119:80] Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti
tiegħek,
biex ma jkollix għax nistħi.
Kof
[S:119:81] Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek;
jien nittama fil-kelma tiegħek.
[S:119:82] Għejew għajnejja jistennew il-wegħda
tiegħek;
u jien jistaqsi: "Meta se tfarraġni?"
[S:119:83] Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan;
imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.
[S:119:84] Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek?
Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?
[S:119:85] Ħaffru l-kburin ħofra għalija,
dawk li ma jimxux skond il-liġi tiegħek.
[S:119:86] Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha;
għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.
[S:119:87] Għal ftit ma qerdunix minn din l-art;
imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.
[S:119:88] Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja;
u jiena nħares il-preċetti ta' fommok.
Lamed
[S:119:89] Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek;
hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.
[S:119:90] Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek;
fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod.
[S:119:91] B'digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum;
għax kollox hu għall-qadi tiegħek.
[S:119:92] Li ma sibtx l-hena fil-liġi tiegħek,
kont nintemm fin-niket tiegħi.
[S:119:93] Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek,
għax bihom int tagħtini l-ħajja.
[S:119:94] Tiegħek jien; salvani int!
Jiena nfittex il-preċetti tiegħek.
[S:119:95] Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni;
imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.
[S:119:96] Jien rajt it-tmiem ta' kull ma jgħaddi;
imma bla tarf il-kmandamenti tiegħek.
Mem
[S:119:97] Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!
Il-jum kollu ħsiebi fiha.
[S:119:98] Il-kmandament tiegħek għal dejjem
miegħi,
jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi.
[S:119:99] Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi
kollha,
għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.
[S:119:100] Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal,
għax inħares il-preċetti tiegħek.
[S:119:101] Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja,
biex inħares il-kelma tiegħek.
[S:119:102] Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed,
għax int kont li għallimthomli.
[S:119:103] Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!
Oħla mill-għasel għal fommi.
[S:119:104] Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek;
għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.
Nun
[S:119:105] Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,
u dawl fil-mogħdija tiegħi.
[S:119:106] Ħlift, u rrid inżomm kelmti,
li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.
[S:119:107] Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej;
agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.
[S:119:108] Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi,
u għallimni d-digrieti tiegħek.
[S:119:109] Ħajti dejjem fit-tiġrif,
imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.
[S:119:110] Il-ħżiena nasbuli x-xibka,
imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.
[S:119:111] Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem;
huma l-għaxqa ta' qalbi.
[S:119:112] Nħajjar 'il qalbi biex tħares
il-kmandamenti tiegħek,
għal dejjem u sa l-aħħar.
Samek
[S:119:113] In-nies ta' żewġt iqlub nobgħodhom;
imma l-liġi tiegħek inħobbha.
[S:119:114] Inti l-kenn u t-tarka tiegħi;
fil-kelma tiegħek jien nittama.
[S:119:115] Tbiegħdu minni, intom nies ħżiena,
biex inħares il-kmandamenti ta' Alla tiegħi.
[S:119:116] Żommni skond il-wegħda tiegħek, biex
nibqa' ħaj;
tħallix bla temma t-tama tiegħi.
[S:119:117] Għinni int, u jiena nsalva;
u ħsiebi jkun dejjem fil-kmandamenti tiegħek.
[S:119:118] Int tistmell 'il kull min jitbiegħed
mill-kmandamenti tiegħek,
għax qarrieqa l-fehma tagħhom.
[S:119:119] Bħal skart għalik il-ħżiena ta' l-art;
għalhekk inħobb il-preċetti tiegħek.
[S:119:120] Jitkexkex ġismi bil-biża' tiegħek;
mid-digrieti tiegħek nibża'.
Għajn
[S:119:121] Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa;
titlaqnix f'idejn dawk li jaħqruni.
[S:119:122] Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid;
tħallix li l-kburin jgħakksuni.
[S:119:123] Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni
tiegħek,
u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.
[S:119:124] Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba
tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:125] Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen,
biex nagħraf il-preċetti tiegħek.
[S:119:126] Issa l-waqt li tindaħal, Mulej,
għax kisru l-liġi tiegħek.
[S:119:127] Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.
[S:119:128] Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti
tiegħek,
u nobgħod kull triq qarrieqa.
Pe
[S:119:129] Ta' l-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,
għalhekk tħarishom qalbi.
[S:119:130] It-tifsir ta' kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx.
[S:119:131] Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,
għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.
[S:119:132] Dur lejja u ħenn għalija,
kif dejjem tagħmel ma' min iħobb 'l ismek.
[S:119:133] Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond
il-wegħda tiegħek,
u ebda deni ma jaħkem fuqi.
[S:119:134] Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem,
u nħares il-preċetti tiegħek.
[S:119:135] Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:136] Id-dmugħ bħal wied iġelben minn
għajnejja,
għax ma jħarsux il-bnedmin il-liġi tiegħek.
Sade
[S:119:137] Ġust int, Mulej;
u sewwa d-digrieti tiegħek.
[S:119:138] Bil-ġustizzja għamilt il-preċetti tiegħek,
u b'fedeltà mill-akbar.
[S:119:139] Tifnini l-ħeġġa tiegħi,
għax insew kelmtek l-għedewwa tiegħi.
[S:119:140] Il-wegħda tiegħek jien ippruvajtha;
għalhekk iħobbha l-qaddej tiegħek.
[S:119:141] Għalkemm jien żgħir u mżeblaħ,
ma ninsiex il-preċetti tiegħek.
[S:119:142] Ġustizzja ta' dejjem hi l-ġustizzja
tiegħek,
u sewwa l-liġi tiegħek.
[S:119:143] Għalkemm id-diqa u n-niket waqgħu
fuqi,
il-kmandamenti tiegħek baqgħu l-għaxqa tiegħi.
[S:119:144] Ġustizzja ta' dejjem il-preċetti tiegħek;
agħtini d-dehen biex ikolli l-ħajja.
Kof
[S:119:145] B'qalbi kollha ngħajjatlek; weġibni, Mulej;
irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.
[S:119:146] Lilek insejjaħ: salvani int;
u nħares il-preċetti tiegħek.
[S:119:147] Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna;
u fi kliemek jien nittama.
[S:119:148] B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl,
jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.
[S:119:149] Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek;
u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.
[S:119:150] Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen,
dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.
[S:119:151] Imm'inti ħdejja, Mulej;
sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:152] Jien ili naf mill-preċetti tiegħek
li għal dejjem int waqqafthom.
Rex
[S:119:153] Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni,
għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.
[S:119:154] Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini;
agħtini l-ħajja skond il-wegħda tiegħek.
[S:119:155] 'Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni,
għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.
[S:119:156] Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej;
agħtini l-ħajja skond id-digrieti tiegħek.
[S:119:157] Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni;
imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.
[S:119:158] Nara 'l dawk li ħallewk u nistkerrahhom,
għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.
[S:119:159] Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej;
agħtini l-ħajja skond it-tjieba tiegħek.
[S:119:160] Is-sewwa tiegħek il-qofol ta' kelmtek;
għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.
Sin
[S:119:161] Il-kbarat għal xejn b'xejn jagħmlu għalija,
imma minn kelmtek tibża' qalbi.
[S:119:162] Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek,
bħal min isib xi priża kbira.
[S:119:163] Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu,
imma l-liġi tiegħek inħobbha.
[S:119:164] Seba' darbiet kull jum infaħħrek
għad-digrieti ġusti tiegħek.
[S:119:165] Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi
tiegħek;
ma hemm ebda tfixkil għalihom.
[S:119:166] Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej;
u nħares il-kmandamenti tiegħek.
[S:119:167] Ruħi tħares il-preċetti tiegħek;
u jiena nħobbhom ħafna.
[S:119:168] Nħares il-preċetti u l-kmandamenti
tiegħek;
quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.
Taw
[S:119:169] Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta
tiegħi;
agħtini d-dehen skond il-kelma tiegħek.
[S:119:170] Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi;
eħlisni skond il-wegħda tiegħek.
[S:119:171] Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek,
għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:172] Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek,
għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.
[S:119:173] Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi,
għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.
[S:119:174] Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej;
il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.
[S:119:175] Ħa nibqa' ħaj, biex infaħħrek!
Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi!
[S:119:176] Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa;
fittex il-qaddej tiegħek,
għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.
120 (119). Lment kontra l-ilsna qarrieqa
[S:120:1] Għanja tat-Telgħat.
Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt;
u hu weġibni.
[S:120:2] Mulej, eħlisni mix-xufftejn giddieba u
mill-ilsna qarrieqa.
[S:120:3] X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, lsien
qarrieq?
[S:120:4] Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu,
u ġamar tal-ġummar.
[S:120:5] Msejken jien, li ngħix barrani f'Mesek;
li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!
[S:120:6] Ili ngħix biżżejjed
ma' dawk li jobogħdu s-sliem.
[S:120:7] Jien sliem irrid; imma malli nitkellem,
nsibhom lesti għall-ġlied.
121 (120). Il-Mulej jgħasses fuqna
[S:121:1] Għanja tat-Telgħat.
Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet;
mnejn se tiġini l-għajnuna?
[S:121:2] L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,
li għamel is-sema u l-art.
[S:121:3] Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;
ma jongħosx dak li jħarsek.
[S:121:4] Ara, la jongħos u lanqas jorqod
dak li jħares lil Iżrael.
[S:121:5] Il-Mulej hu dak li jħarsek;
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
[S:121:6] Ma tolqtokx ix-xemx binhar,
anqas il-qamar billejl.
[S:121:7] Iħarsek il-Mulej minn kull deni;
hu jħarislek ħajtek.
[S:121:8] Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,
minn issa u għal dejjem.
122 (121). Pellegrinaġġ għal Ġerusalemm
[S:122:1] Għanja tat-Telgħat. Ta' David.
Fraħt meta qaluli:
"Sejrin f'dar il-Mulej!"
Dostları ilə paylaş: |