Kamra tad-deputati


MR SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco. ONOR. MARIO DE MARCO



Yüklə 224,23 Kb.
səhifə3/3
tarix18.08.2018
ölçüsü224,23 Kb.
#72784
1   2   3

MR SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco.

ONOR. MARIO DE MARCO: Nista’ nissuġġerixxi xi ħaġa? Jien nifhem li ovvjament is-Sedja trid tieħu parir legali, ġeneralment mill-konsulent legali tal-Parlament, u hekk għandu jibqa’. Naħseb se mai hija kollha kwestjoni ta’ x’se jintalab bħala parir. Jien naħseb li kważi kważi jkun utli jekk is-Sedja tieħu l-konfort legali tagħha. Ħa niftehmu, meta aħna nitolbu li s-Sedja tagħti ruling ma noqogħdux niddiskutu jekk is-Sedja teħux il-parir legali tagħha ...
MR SPEAKER: Mhux se nwaqqfek. Inti taf li, fin-nuqqas ta’ qbil tal-Kumitat, is-Sedja trid tagħti direzzjoni tal-proċedura. Dik hija l-ewwel ħaġa. It-tieni ħaġa hija li jien ma nsib l-ebda problema, biex nagħmilha ċara.
ONOR. MARIO DE MARCO: Biex ma jkollniex il-preċedent li jista’ jiġi avukat hawnhekk biex lilna jagħtina parir legali.
MR SPEAKER: Le, assolutament.
ONOR. MARIO DE MARCO: Jekk is-Sedja trid tieħu ... (Interruzzjonijiet) Jien naħseb li s-Sedja għandha kull fakultà ... (Interruzzjonijiet) Jien ma nistax nindaħal lis-Sedja x’parir legali tixtieq tieħu, qed tifhimni? Meta s-Sedja tinterrompi biex tagħti ruling fil-Kamra ...
MR SPEAKER: Is-Sedja bilfors trid tagħti ruling, għax inkella ... (Interruzzjonijiet)
ONOR. MARIO DE MARCO: M’intix qed tifhimni. Meta s-Sedja tiġi biex tagħti ruling ... (Interruzzjonijiet) Aħna ma nindaħlux jekk is-Sedja teħux parir legali jew le. Nafu li mhux l-ewwel darba li l-Professur Refalo jew whoever jintalab l-opinjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ruling. Biex ma nifformalizzawx il-ħaġa beyond necessary formalities. Jien naħseb li, fil-fehma tiegħi, s-Sedja trid tieħu l-konfort tagħha. Biex ma nikkumplikawx il-ħajja, li kieku ż-żewġ naħat tal-Kamra kellhom jiftehmu li jirrikonoxxu l-validità tal-mozzjoni preċedenti, inkunu qed naqblu fuq xi ħaġa li hija invalida jew le? Jien naħseb li the easiest option hija li jkompli għaddej b’mozzjoni, u naħseb li għandha tara s-Sedja hu dan: jekk dan isir bi qbil taż-żewġ naħat, inkunux qed nagħmlu xi ħaġa legalment korretta jew le. Qed nifhem sew?
MR SPEAKER: Korrett. Naqblu perfettament.
ONOR. MARIO DE MARCO: Naħseb li l-punt ta’ partenza għandu jkun li, jekk iż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu li jkomplu għaddejjin bil-mozzjoni preċedenti, il-qbil qed jagħti ħajja b’mod legali għal xi ħaġa jew le?
ONOR. LOUIS GRECH: Il-mozzjoni tibqa’ valida ...
ONOR. MARIO DE MARCO: Il-mozzjoni tibqa’ valida minħabba l-fatt li hemm il-qbil? Jew inkella, minkejja l-qbil, xorta waħda tibqa’ invalida, allura hemm bżonn li ssir mozzjoni ġdida?
MR SPEAKER: That is the question that was asked at the beginning.
ONOR. MARIO DE MARCO: Din hija xi ħaġa li inti għandek issib il-konfort tiegħek dwarha. Dwar it-tieni ħaġa, naħseb li t-tieni punt huwa xi ħaġa li għandna nerfgħu aħna. Ma naħsibx li hija kwestjoni ... (Interruzzjonijiet) Ippermettili, imma, mingħajr ma rrid ... Dan bħal meta quddiem il-qorti jkun hemm kawża u jkun hemm rikors kostituzzjonali fuq punt ieħor. Fl-aħħar mill-aħħar, l-imħallef għandu jerfa’ jekk għandhiex tibqa’ l-kawża jew ... Naħseb li tifhimni l-qorti.
MR SPEAKER: Fhimtek ħafna. L-Onor. Deborah Schembri.

ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Jien naħseb li l-iktar ħaġa importanti hija l-ewwel waħda, għaliex eventwalment it-tieni waħda tiddependi fuq x’se nagħmlu fl-ewwel waħda. Inkella, kważi kważi, ma jkunx hemm għalfejn tiddeċiedi fuq it-tieni waħda. Jiddependi mill-interpretazzjoni.

It-tieni punt li xtaqt nagħmel huwa li aħna, iktar milli biex noqogħdu attenti li d-deċiżjoni tagħna ma tiġix jew tiġi issindikata f’xi qorti, irridu naraw li l-perkors tal-ġustizzja fil-fatt isir. At the end of the day, dik hija l-iktar ħaġa importanti, li l-ġustizzja ssir. Għalkemm għal ħafna jidher li dak li huwa sustantiv huwa importanti, u dak li huwa proċedurali forsi jkun naqra inqas, fil-perkors tal-ġustizzja t-tnejn iridu jmorru f’daqqa. Fejn sejrin, kważi kważi, m’hemmx dubju dwaru, bħalma qal il-Prim Ministru; li rridu nkunu ċerti hu li l-perkors tal-ġustizzja jkun sar kemm fuq is-sustantiv u kemm fuq il-proċedurali. Allura, ma naħsibx li hemm xejn ħazin li fil-verità dan il-punt ... U naqbel li l-mistoqsija għandha tkun inkwadrata fit-termini li qal l-Onor. De Marco, għaliex fil-fatt dak li huwa – jekk aħna nibqgħu għaddejjin b’dak li diġà kien hemm fil-mozzjoni, inkunu legalment sani? Il-proċedura tagħna tkun inkisret jew le?


MR SPEAKER: That is the question.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Jekk aħna nagħmlu dan, ma naħsibx li għandu jkun hemm problemi.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Mr Speaker, xtaqtek tikkunsidra wkoll punt ieħor fejn il-Commission for the Administration of Justice Act - Kap 369.95 - tgħid li, meta l-Kummissjoni tkun għamlet rapport u tkun instabet persuna prima facie ħatja, it shall be taken up for consideration by the House. Dak ir-rapport will be taken for the consideration of the House. Il-mozzjoni – jekk se nisimgħu ftit u noqgħodu attenti x’jgħid dan – irridu nimxu magħha. Allura, naħseb li dan kollu li qed ngħidu rridu ninkwadrawh fid-dawl ta’ dan. Il-mozzjoni f’dan is-sens, wara li jkollok deċiżjoni, hija deċiża. Allura, inti għandek dak ir-rapport u l-Kamra trid tikkunsidra dak ir-rapport li tkun għamlet il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Inkella, jekk se jiġri hekk, u aħna ma nikkunsidrawx għal xi raġuni jew oħra dak ir-rapport, inkunu wkoll qed niksru l-liġi aħna bħala Kumitat.
MR SPEAKER: L-Onor. Deborah Schembri.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Mr Speaker, nista’ nasal biex naqbel li hemm dik il-klawsola, imma wieħed irid ukoll joqgħod attent għaliex, jekk dak li sabet il-Kummissjoni tal-Ġustizzja has to be taken up by the House, imma m’hemmx mozzjoni li imbagħad trid timxi fuqha għall-impeachment tal-imħallef, allura imbagħad it would have been taken up by the House for nothing! At the end of the day, it-tnejn f’daqqa ... (Interruzzjoni)
MR SPEAKER: Irid ikun hemm il-complement tal-mozzjoni. L-Onor. Mario De Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Is-suġġeriment tiegħi huwa dan: iktar milli l-House Business Committee jieħu parir legali, jiena naħseb li jkun għaqli li s-Sedja tagħmel il-konsultazzjoni li tixtieq tagħmel, and we take it from there, mingħajr ma jkun hemm ... Però naħseb li in vista tad-direzzjoni ċara tal-Prim Ministru, naħseb li ma nistgħux nidhru li din il-Kamra qiegħda tittratjeni!
ONOR. LOUIS GRECH: Naħseb li dak la huwa dak li tixtiequ intom, u lanqas aħna, iktar u iktar li aħna qed nittratjenu. Kieku ħaġa li qamet meta Mr Speaker qal ‘Isma’, nixtieq li niċċara punt is-Sedja’, naħseb li diġà semmejtu u qbilt miegħu inti. Anke aħna, bħala membri, għalkemm mhux se nieħdu l-inizjattiva aħna, naħseb li kull wieħed minna jkun irid ikun jaf li għandu l-konfort li dik hija deċiżjoni kwadrata, kif għidt inti qabel, jekk ikun hemm qbil din hijiex kontra, allura naħseb il-konklużjoni għandha tkun – għax inkella se ntawlu d-diskussjoni għalxejn – li s-Sedja tagħmel ir-riċerki li għandha tagħmel, issib il-parir li għandha bżonn, tirrapporta lilha, imbagħad niġu għal deċiżjoni fuq il-proċedura darb’oħra.
MR SPEAKER: L-Onor. Mario De Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Jien naħseb li kull parti tista’ tieħu l-parir li tixtieq. Naħseb li dan qed ngħidu.
ONOR. LOUIS GRECH: Imma aħna li qed niddeċiedu li s-Sedja tieħu l-pariri hi ...
ONOR. MARIO DE MARCO: U m’hemm xejn iwaqqaf lilna jew lilkom milli tieħdu l-pariri neċessarji li hemm bżonn!
MR SPEAKER: Finalment, il-pariri legali teħodhom kull parti. Finalment, id-direzzjoni u d-deċiżjoni tkun dejjem tal- ...
ONOR. MARIO DE MARCO: Però jien qed ngħid li naħseb li huwa importanti ...
ONOR. LOUIS GRECH: Fhimnik aħna, Onor. De Marco, x’qed tipprova tgħid!
ONOR. DAVID AGIUS: Mr Speaker, jekk immorru lura għal-laqgħa 42 tal-4 ta’ Lulju 2001, li saret fid-disa’ Parlament, dwar it-tneħħija ta’ imħallef b’mozzjoni mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Politika Soċjali, insibu li dan kien ta ċar u tond x’għandu jiġri u x’għandu jsir. Jien naħseb li, jekk verament irridu l-kliem tal-Prim Ministru nagħmluh attwali, irridu nimxu bl-istess metodu jew simili għal dak li mxejna bih fil-passat. Jekk aħna ħa noqogħdu nivvintaw ir-rota ġdida, naħseb li dak il-kliem tal-Prim Ministru mhux se nagħtuh il-kredibilità tiegħu. Jien, at the end of the day, m’għandix diffikultà li ...
MR SPEAKER: Ħadd ma huwa qed jgħid hekk!
ONOR. LOUIS GRECH: ... parir legali nkwadrata fuq dak il-bażi u prinċipju li għidna issa. Naħseb li dik hija l-konklużjoni, u mhux għax qed nippruvaw nivvintaw ir-rota.
ONOR. DAVID AGIUS: Għaliex naħseb li biex immexxu dwar dan il-każ – li huwa serju ħafna – irid ikollna mozzjoni min-naħa tal-Gvern! Mozzjoni mhux biss ta’ kif se nimxu, imma anke x’proċedura ħa nużaw ġo dan il-Parlament! Mozzjoni formali fis-sens li ngħidu l-proċedura x’se tkun. Once li jkollna dik, x’se nagħmlu? Once li jkollna parir, x’se nagħmlu bih? Min se jipproponi dik il-proċedura?
MR SPEAKER: Ejja ma nagħmlux cross debate! Ħalli nħallu l-perspettiva kif żvolġiet id-diskussjoni. L-issue hija ovvjament żgur dwar jekk il-mozzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2012, li kienet ġiet ippreżentata mill-Onor. Gonzi, tistax tiġi sanata jew le. That is the issue. Naħseb li naqblu fuqha. Id-diskussjoni saret. Jekk fadal li xi ħadd li jrid jgħid xi ħaġa oħra, by all means, u s-Sedja trid tara u tieħu konfort jekk hemmx mod kif tiġi sanata u, jekk le, allura x’irid isir. Naqblu? Jekk ma naqblux, għiduli fejn ma naqblux. B’hekk, fil-House Business Committee li jmiss – issa nagħmlu data – is-Sedja se tiġi ppreparata bil-parir professjonali kif għandna nimxu. Imbagħad, id-deċiżjoni hija tagħkom. Jekk intom ma taqblux, jien ikolli nieħu deċiżjoni. Jekk intom tgħiduli aħna xorta m’aħniex naqblu u nitolbu lis-Sedja tagħti d-deċiżjoni, jien imbagħad hemmhekk irrid nagħti deċiżjoni kif se nimxu. In the absence of that, intom tistgħu tieħdu deċiżjoni. Tajjeb? ... Il-House Business Committee. Dan qed nagħmlu l-istess kif ġara fil-każ ta’ Depasquale. F’ta’ Depasquale, il-Kumitat iddeċieda. L-iSpeaker ma ddeċieda xejn. L-iSpeaker qagħad fuq li ddeċidew il-House Business Committee, u ovvjament imxew minn hemmhekk. Ma saret l-ebda deċiżjoni, u ma hemm l-ebda ruling, u lanqas ma hemm l-ebda preċedent dwar din il-kwestjoni. Li hemm huwa li, fis-seduta li qed jirreferi għaliha l-Onor. David Agius – u għamiltha apposta kronoloġikament kif saru l-affarijiet – kien li, fis-seduta tal-House Business Committee dakinhar tal-2001, iddeċidew il-grupp. Dak iż-żmien, kien hemm l-Onor. George Vella u l-istess Onor. Gonzi, li kien Viċi Prim Ministru, li ssanaw dik il-mozzjoni, li tmur lura għall-1995. L-Onor. Mario De Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Jiġifieri, għandna preċedent fejn kellek kumitat li bi qbil issana l-proċedura.
MR SPEAKER: Kien hemm xi mument fejn ma għidniex hekk aħna?
ONOR. MARIO DE MARCO: Le, le. Il-punt tiegħi huwa: Nistgħu nagħmlu hekk?
ONOR. LOUIS GRECH: Onor. De Marco, se nerġgħu nirrepetu u nerġgħu niftħuha. Inti kont għidt li s-Sedja tistaqsi l-mistoqsija fil-kuntest li jekk hemm iż-żewġ partijiet li jaqblu li jkomplu bl-istess mozzjoni, hemm bażi legali li jkomplu fuqha? Dik kienet kif fhimt jien, il-ġist li għidt int. Naħseb li kienet ir-rakkomandazzjoni tiegħek u dik il-proposta li qed naqblu magħha.
MR SPEAKER: To be fair tlaqna minnha wkoll fil-korrespondenza li rċeviet is-Sedja llum stess mill-avukati tal-istess imħallef, fejn tqajjem dan il-punt. Allura rridu nindirizzawha. Iktar kummenti? L-Onor. Mario De Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Nerġa’ ngħid, jekk is-Sedja tixtieq tieħu l-konfort legali tagħha, tieħdu kemm trid. Jekk in-naħa l-oħra qed jgħidu ...
MR SPEAKER: Onor. De Marco, jekk illejla stess intom tiddeċiedu li dik hija valida, jien m’għandi għalfejn nieħu konfort ta’ ħadd! Jien hawnhekk qed nitkellmu li l-Kumitat jirregola d-deċiżjoni hu. Jekk il-Kumitat imma ma jiħux id-deċiżjoni, jien imbagħad irrid nagħti r-ruling, irrid nintalab biex nagħti d-direzzjoni. Jien qiegħed hawn biex nagħti l-proċedura stabbilita. Jien konfort nieħdu jekk nintalab. Jekk kemm-il darba hawnhekk m’aħniex qegħdin ċari fuq dan il-punt li wieħed jista’ jasal bi qbil jew b’deċiżjoni, fair enough ...
ONOR. MARIO DE MARCO: Allura, jekk il-mod ta’ kif dan is-suġġett, forsi għax huwa sensittiv – m’hemmx bżonn li nkunu irritabbli lejn ħadd – u jirrikjedi l-kawtela u s-sensitività kollha fil-mod ta’ kif jiġi diskuss ... Din mhijiex kwestjoni li se niddiskutu l-impeachments tal-imħallfin kuljum. Dan huwa suġġett delikat; però – jekk allura qed nifhem sew – hija n-naħa tal-Gvern li qiegħda tħoss li tixtieq ... (Interruzzjonijiet) Ippermettili, Onor. Grech ...
ONOR. DAVID AGIUS: Jien konvint li aħna nieħdu deċiżjoni hawn! Jekk issa inti m’intiex konvint...
MR SPEAKER: Ħudu paċenżja, kif qal l-Onor. De Marco, li jkun hemm reazzjoni ta’ dan it-tip. Aħna hawnhekk qegħdin f’diskussjoni fuq punt interessanti u punt importanti, anke għall-istess amministrazzjoni tal-ġustizzja ...
ONOR. MARIO DE MARCO: Nerġa’ ngħid, fejn is-soltu l-Onor. Grech ikun paċjenzuż ħafna, imma illum ...
ONOR. LOUIS GRECH: Qbilna mal-proposta tiegħek, issa f’daqqa waħda qed nerġgħu mmorru lura!
ONOR. MARIO DE MARCO: Għax għall-ewwel jien bdejt naħseb li huwa l-iSpeaker li xtaq il-parir legali. Però, issa qed nifhem li qisu donnu l-iSpeaker, li kieku aħna ż-żewġ naħat niftehmu, m’hemmx bżonn li jieħu parir legali. Għalhekk, jien qed ngħid li allura – skużani – qed inbiddel daqsxejn l-istand tiegħi! Jien għall-ewwel ħsibt li kienet deċiżjoni tal-Kamra li xtaqet tieħu l-parir legali; però issa nifhem li jekk iż-żewġ naħat niftehmu, is-Sedja toqgħod fuq dak li nifthemu, jekk issa qed nifhmek sew, Sur President.
MR SPEAKER: Iva. Ħa nwieġbek mingħajr ebda problema!
ONOR. LOUIS GRECH: Però, il-punt tiegħek mhux dak kien, Onor. De Marco! Inti għidt li aħna jkollna bażi legali b’saħħitha jekk iż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu li jkomplu bil-mozzjoni. Għax dik li ridt tkun taf. Hija dik li aħna ridna nkunu nafu, u dik ukoll li s-Sedja riedet tkun taf. Aħna minn hemm bdejna. Għidt li, jekk aħna naqblu li l-mozzjoni hija valida, legalment għandha standing jew le? Naħseb li kienet il-mistoqsija leġittima tiegħek, u dik naħseb li s-Sedja staqsiet, u dik li aħna naqblu magħha.
MR SPEAKER: L-Onor. Deborah Schembri.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Sur President, jien ma kontx membru ta’ din il-Kamra meta ttieħdet id-deċiżjoni fi żmien l-Imħallef Depasquale. Jiena membru llum. Dak iż-żmien qegħdin ngħidu li kien hemm qbil bejn il-membri hawnhekk, ma tteħidx parir legali. Jien irrid inkun moralment konvinta li l-ġustizzja qed issir kemm fis-sustantiv u kemm fil-proċedura. Jekk dan il-parir jittieħed, inkun iktar moralment konvinta li l-affarijiet qed isiru sew. Jiena f’dan il-Kumitat ninsab. Naħseb li qegħdin naqblu ma’ dak li kontu qegħdin tgħidu intom; imma, fl-istess ħin, biex jien inkun moralment konvinta li qed nagħmel the right thing, u jien f’dan il-Kumitat qiegħda, tkun aħjar li kieku nkunu konfortati b’dan il-mod.
MR SPEAKER: L-Onor. Mario De Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Nista’ nipproponi suġġeriment li forsi jista’ – nittama – jirrisolvi dan il-impasse? Nistgħu nipposponu din id-deċiżjoni tal-lum għal seduta fil-qrib, għax naħseb li n-natura taċ-ċirkostanza tirrikjedi – u jekk hemm bżonn tkun biss fuq din il-ħaġa u mhux għal ħaġa oħra – fil-frattemp kull naħa, biex ma noqogħdux nifformalizzaw u noqgħodu ndawru opinjonijiet legali, bir-rispett kollu, tista’ tieħu l-konfort legali li tixtieq. Qed nifthemu? Għandna ittra li tqajjem punt, u naħseb li korrettament Dr Schembri qajmet il-punt li ... Jekk in-naħa tal-Gvern, jekk aħna l-Oppożizzjoni, kulħadd jagħti ż-żmien lis-Sede, li għadha kif irċeviet din l-ittra, li jekk ikollha tagħti ruling bejnietna se tieħu l-konfort legali, in-naħa tal-Gvern li se tiddeċiedi jekk hijiex se taqbel mal-Oppożizzjoni biex nerġgħu nagħtu validità lill-mozzjoni jekk tistax tagħmilha jew le. Kulħadd jieħu l-pariri legali li għandu bżonn jieħu, nerġgħu niġu hawnhekk, and we decide on the way forward. Qed naqblu?
ONOR. LOUIS GRECH: Qbilna.
ONOR. MARIO DE MARCO: Mingħajr ma noqogħdu nifformalizzaw il-pariri legali li kull parti forsi setgħet tirċievi.
MR SPEAKER: Però, biex niċċara punt li qajjimt int, Onor. De Marco, is-Sedja qalet li dak li jiġi deċiż f’dan il-Kumitat jorbot. Fin-nuqqas ta’ qbil, jien nista’ niġi mitlub li nagħti d-direzzjoni. Dak li ridt ngħid. Biex inkun ċar.
ONOR. DAVID AGIUS: Mr Speaker, ħaġa oħra importanti. Fejn m’hemm xejn li jirregola lil din il-Kamra, hija l-Kamra li tirregola ruħha, u l-ebda parir legali. Aħna, il-membri ta’ din il-Kamra, li niddeċiedu fejn m’hemmx affarijiet oħra fil-passat li ddeċidew diġà għalina jew jekk irridu nibdlu dawk kif kien deċiż dakinhar. Il-parir legali jrid jiġi a bażi ta’ dan il-Kumitat x’se jiddeċiedi!
MR SPEAKER: Kollox sew! Il-Kumitat se jiddeċiedi dejjem! L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Notwithstanding kull parir legali li jista’ jkun hawn, aħna nistgħu niddeċiedu bil-maqlub bħala membri. Imma, jekk ikollna xi ħaġa ...
MR SPEAKER: Naqblu! Il-konfort kollox! Niftehmu fuq data? Onor. David Agius, fuq l-iStanding Order hemm ukoll xi tgħid. Issa mhux se nidħlu fuq l-iStanding Order. (Interruzzjonijiet) Ħu paċenzja, ħalli ma nerġgħux niftħu d-diskussjoni. Nippruvaw nagħmlu data. Jiena għandi l-iSpeakers’ Conference. Nasal fil-25 jew fis-26. Fis-27 għandna l-Parlament, 28th għandna tal-Privileġġi. 29th x’għandna? (Interruzzjonijiet) Kif nistgħu nagħmluh qabel? Bir-rispett kollu, meta niltaqgħu? Agħtini data inti, Onor. de Marco. (Interruzzjonijiet) Mhux is-Sedja trid tkun preżenti? Jien irrid inkun preżenti jekk għandi l-iSpeakers’ Conference!
ONOR. CARMELO ABELA: Qabel il-Kumitat tal-Privileġġi, nistgħu niltaqgħu fit-28th?
MR SPEAKER: Nistgħu niltaqgħu fit-28th stess. Ikun it-Tlieta.
ONOR. MARIO DE MARCO: Meta se ssiefer?
MR SPEAKER: Għada.
ONOR. MARIO DE MARCO: Għada se ssiefer. Meta tiġi lura?
MR SPEAKER: Niġi lura on the 25th jew 26th. Nistgħu nagħmluha on the 28th stess. On the 28th qabel tal-Privileġġi? Ara d-data hijiex tajba għalik, Onor. de Marco. Fi x’ħin nagħmluha? Tal-Privileġġi fis-6.45 p.m. Nagħmluha kmieni. Nagħmluha fil-5.00 p.m.?
ONOR. LOUIS GRECH: Anke fuq il-kwestjoni l-oħra, niltaqgħu …
MR SPEAKER: Għalija mhijiex problema. Għalija, fit-27th tajjeb ukoll, jekk ma jinqala’ xejn ... (Interruzzjonijiet) 27 tajjeb ukoll. Kollox sew. Fis-27 fis-6.45 p.m. Ikun Monday 27 January. Naqblu?
ONOR. LOUIS GRECH: Qbilna.
ONOR. CARMELO ABELA: Għalija mhijiex problema.
MR SPEAKER: Kollox sew, imma importanti li jkunu kollha l-Membri. Hemm affarijiet oħra? L-Onor. Carmelo Abela.

XOGĦOL IEĦOR
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, quddiem il-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet għandna fost l-oħrajn il-liġi dwar is-Civil Union. Min-naħa tal-Gvern, jekk ikun hemm ftehim min-naħa tal-Oppożizzjoni, nixtiequ li, qabel il-Kumitat ikompli bix-xogħol normali tiegħu ta’ skrutinju klawsola klawsola bl-approvazzjoni tal-Abbozz ta’ Liġi tas-Civil Union fl-istadju ta’ Kumitat, l-istess Kumitat ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet, taħt il-presidenza tal-Onor. Luciano Busutil, u l-Membri li ż-żewġ naħat tal-Kamra jappuntaw għall-konsiderazjoni ta’ dan l-istess Abbozz ta’ Liġi, issir seduta fejn tkun miftuħa għall-pubbliku, speċjalment għal dawn l-għaqdiet u individwi li diġà tkellmu, urew interess u forsi juru interess, li jixtiequ juru u jesprimu ruħhom fuq dan l-Abbozz ta’ Liġi, forma ta’ hearing fejn il-Membri tal-Kumitat …
MR SPEAKER: Waqt il-Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġi?
ONOR. CARMELO ABELA: Il-Membri tal-Kumitat jisimgħu dak li għandhom xi jgħidu, jiġifieri f’dan il-każ ikun hemm sejħa biex ikun hemm dan il-hearing, u jkun hemm data stabbilita; imbagħad, wara li jisma’ dan kollu, il-Kumitat jiddeċiedi darb’oħra meta jiltaqa’ u jitkompla l-proċess fl-istadju ta’ kumitat. Il-Kumitat tal-Abbozzi ta’ Liġijiet, qabel jibda dan l-istadju tal-kumitat, qegħdin nissuġġerixxu li jkun hemm din is-seduta ta’ hearing.
MR SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco? L-Onor. David Agius?
ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, din hija xi ħaġa ġdida li qatt ma ġiet quddiem il-Parlament. Agħtuna żmien nikkonsidrawha, nitkellmu fil-Grupp, u niġu lura bid-deċiżjoni tagħna.
ONOR. LOUIS GRECH: Hija xi ħaġa komuni anke f’parlamenti oħrajn, jiġifieri din, anke jekk ma kenitx prassi qabel, ta’ min jibda …
MR SPEAKER: Kif qed jgħid l-Onor. David Agius, mhijiex prassi għax issir f’ħafna kumitati, imma hawn qed jitkellem fuq il-Kumitat tal-Abbozzi.
ONOR. DAVID AGIUS: Ma jidhirlix li r-remit tal-Kumitat tal-Abbozzi huwa dak, imma hemm kumitati oħrajn li jistgħu. Niddiskutuha; jiena la għandi naħa u lanqas oħra fuqha. Qatt ma tkellimna dwarha din.
MR SPEAKER: L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, aħna nafu li dan il-Kumitat jista’ jagħti biċċa xogħol lil kumitat ieħor. Issa l-Kumitat tal-Abbozzi ta’ Liġijiet kif kompost …
MR SPEAKER: Proċeduralment, qegħdin korretti. Li qed jgħid l-Onor. David Agius huwa li jixtieq jara ċerti affarijiet, u jsir avviċinament min-naħa tiegħu. Nistennew risposta, jiġifieri li min-naħa tagħkom tistennew risposta min-naħa tal-Oppożizzjoni. L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, fuq suġġetti differenti. Bħall-bieraħ, kellna stqarrija ministerjali mill-Prim Ministru. Ma nħossx li mxejna fair maż-żewġ naħat tal-Kamra, u naħseb aħjar nagħmlu proċedura ta’ kif se nibdew nimxu għax, safejn naf jien, konna qbilna li l-ewwel kelliem – kemm il-Prim Ministru, kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni – ma jkollhomx l-ebda limitu ta’ ħin, meta fil-fatt ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizjoni kellu limitu ta’ ħin. Fil-fatt, inti tlabtu għal darba, darbtejn biex jikkonkludi d-diskors tiegħu. Naħseb li rridu nagħmlu proċedura ta’ kif se naħdmu meta jkollna dawn l-istqarrijiet ministerjali.
MR SPEAKER: Hemm diġà ruling fuqha, u r-ruling li tajt huwa ruling li, meta jkun hemm stqarrijiet ministerjali, il-Ministru, jew f’dan il-każ, il-Prim Ministru, li jagħmel l-istqarrija ministerjali, l-istqarrija trid tkun fir-remit ta’ għaxar minuti. Il-persuna li tagħmel id-domandi jew tagħmel l-osservazzjonijiet, il-main spokesman, f’dan il-każ, il-Kap tal-Oppożizzjoni, jieħu mhux iktar minn ħames minuti. F’dan il-każ, għamilt l-osservazzjoni lill-Onor. Simon Busutil ilbieraħ meta kien fl-istadju li wasal fis-seba’ minuti, u fil-fatt għamel kważi 11-il minuta. B’xi mod għamel dak il-perijodu. Jiena mxejt ħafna iktar minn fair.
ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, jien qed nitlob li din il-Kamra nidderieġu lilek billi …
MR SPEAKER: Dan huwa r-ruling.
ONOR. DAVID AGIUS: Nistgħu nibdlu r-ruling billi din il-Kamra tiddeċiedi, billi dan il-Kumitat jiddeċiedi ...
MR SPEAKER: Reviżjoni tal-iStanding Orders trid issir. Impossibbli li l-Parlament ma jkollux direzzjoni mis-Sedja biex ix-xogħol isir. Immaġina – bħalma ġara, u inti taf għax kont kellimtek fuqha – li jkollok parlamentari li jagħmel domanda, idum tliet kwarti jdur jagħmel l-argumentazzjoni tagħha – xi ħaġa li kienet issir u m’għadhiex issir – imma lbieraħ il-Prim Ministru ħa 13-il minuta, u l-Kap tal-Oppożizzjoni ħa 11-il minuta jew viċin il-11-il minuta. Kont ħafna raġjonevoli meta tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni. Jiena stajt, wara ħames minuti, ngħidlu … (Interruzzjonijiet) Onor. David Agius, inti bdejt bil-premessa li s-Sedja ma mxietx sew. Is-Sedja mxiet ħafna sew, anzi mxejt b’mod korrettissimu ma’ dak li jien stess iddeċidejt.
ONOR. DAVID AGIUS: Jien qed ngħid li l-mod kif imxiet il-Kamra lbieraħ, is-Sedja, hemm bżonn li nirreveduh. Qed inqajjem dan il-punt f’din il-Kamra biex naqblu li l-ewwel kelliem, ikun min ikun, min-naħa tal-Gvern, u l-ewwel kelliem, ikun min ikun, min-naħa tal-Oppożizzjoni – li ġeneralment ikunu l-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizjoni, Ministru jew Shadow Minister tiegħu – ma jkunux soġġetti għal limitazzjoni.
MR SPEAKER: Jiddispjaċini ma naqbilx miegħek, u m’inix se naċċettaha. Tajt deċiżjoni fis-Seduta 27 tas-6 ta’ Ġunju u għamiltha ċara. Dan huwa ruling, u ruling irid jibqa’ hemmhekk u ma jistax jiġi kontestat, sakemm ma jkunx hemm bidliet fl-iStanding Orders. Ħu paċenzja, Onor. de Marco, ħa nagħmluha ċara din, fejn għedt hekk:
“Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Kamra fuq li nqala’ proprju f’dan il-ħin tal-mistoqisijiet u rimarki dwar l-istqarrija, il-proċedura tal-Parlament, skont deċiżjoni 13 tas-Seduta 233 tal-25 ta’ Frar 1985, kienet li, meta ssir stqarrija ministerjali, isiru domandi biss. Veru li hemm il-custom li wieħed jagħmel mistoqsijiet u jagħmel argument magħha. Tajjeb ngħid ukoll li, għall-benefiċċju ta’ kulħadd li, skont il-proċedura kif aħna nimxu taħt l-Ordnijiet Permanenti 197 ta’ proċedura, hija li, in the absence ta’ dak li huwa mod dettaljat fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, nimxu ma’ dak li jgħidilna l-Erskine May. L-Erskine May jagħmilha ċara li statement ta’ ministru kemm jista’ jkun ikun konċiż u ma jkunx itwal minn għaxar minuti. Replika tal-Oppożizzjoni għal kull membru ma tkunx iktar minn ħames minuti. Qed ngħid dan mhux biex nimxu fuqhom b’mod strett, imma qed ngħid dan biex kemm jista’ jkun nagħtu spazju lil kulħadd.”
Dak kien ir-ruling. Issa, ovvjament, il-Kamra f’xi mument, f’xi ħin, trid tirregola, imma allaħares il-proposta tiegħek li jqum il-Prim Ministru u jgħid li jrid jagħmel sagħtejn, u l-Kap tal-Oppożizzjoni jagħmel sagħtejn, u allura s-seduta, sakemm ikun hemm qbil ... Ġieli kien hemm qbil. Pereżempju, kien hemm stqarrija – mingħalija tal-Prim Ministru fuq il-kwestjoni tal-immigrazzjoni – fejn kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat li kemm il-Prim Ministru, kif ukoll il-Kap tal-Oppożizjoni, jieħdu ċertu ħin. Hemmhekk hemm il-qbil. Meta ma jkunx hemm il-qbil, bir-rispett kollu, jien irrid nimxi fuq ir-ruling li għandna. L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, fl-assenza ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat, mhux qegħdin nitkellmu li hemm bżonn li jinbidel l-iStanding Order. Jekk il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni …
MR SPEAKER: Jekk tbiddlu l-iStanding Order, nimxu mal-iStanding Order.
ONOR. MARIO DE MARCO: Jekk jinbidlu l-iStanding Orders, jinbidel kollox, ovvja; imma jiena qed ngħid li fl-assenza ta’ bdil fl-iStanding Orders
MR SPEAKER: Timxi mar-ruling.
ONOR. MARIO DE MARCO: Jekk ikun hemm qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni …
MR SPEAKER: Dik m’hemmx problema fil-Kamra. Meta jkun hemm qbil, jiġi ddikjarat, kif fil-fatt ġieli ġie ddikjarat.
ONOR. DAVID AGIUS: Qed nipprova nsib qbil fil-House Business biex ma jkollniex għalfejn, qabel kull stqarrija ministerjali, nagħmlu dan il-qbil. Niddikjarawh hawn ġew.
MR SPEAKER: Bir-rispett kollu, ma tistax fuq l-istqarrija.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, ippermettili. Naħseb li, jekk iż-żewġ naħat jaqblu li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, jew il-kelliem minfloku, jista’ jkollhom iktar minn għaxar minuti kull darba li l-Prim Ministru se jagħmel stqarrija ministerjali, niffrankaw li noqogħdu nidħlu fil-kwestjoni kollha tal-iStanding Orders u l-kwestjoni kollha tar-ruling. Fl-assenza ta’ qbil, japplika r-ruling.
MR SPEAKER: Onor. de Marco, meta jkun hemm qbil m’hemmx problema. Jekk il-Prim Ministru, qabel ma jibda jagħmel l-istqarrija, jgħid … (Interruzzjonijiet) Jiena dejjem nibgħat osservazzjoni li m’għandux jaqbeż l-għaxar minuti, il-Prim Ministru hu min hu, jien qiegħed hemmhekk biex immexxi l-Kamra.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, qed naqblu. Kulma qed jitlob l-Onor. Agius huwa li, minflok noqogħdu nagħmlu qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra f’kull udjenza, nagħmlu l-qbil hawnhekk. Dan li qed jgħid l-Onor. Agius.
MR SPEAKER: Prattiku, imma dak arawh intom. Meta jkun hemm il-qbil fil-Kamra, hemm qbil. Jekk, qabel ma jibda stqarrija, ministru jgħid: ‘Jien se nieħu iktar minn għaxar minuti’, ovvjament ikun hemm qbil li l-parti l-oħra tista’ tieħu iktar minn ħames minuti. Imma, meta m’hemmx qbil, ir-ruling huwa ruling. Inkella x-xogħol tal-Kamra ma jsirx. (Interruzzjonijiet) Onor. de Marco, meta ma nforzajtx ir-ruling, ħlejna seduta nisimgħu d-domandi, u x-xogħol tal-Kamra mar lura b’żewġ seduti. Hawn iktar rimarki jew xi ħaġa oħra?
Mela nirringrazzjakom.
Fit-8.52 p.m., il-Kumitat aġġorna għat-Tnejn, 27 ta’ Jannar 2014, fis-6.45 p.m.



Yüklə 224,23 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin