LECTIO DIVINA 5.
QARI - Ġesù u l-agħma ta' Ġeriko
[Lq:18:35] Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. [Lq:18:36] Dan sama' l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x'ġara. [Lq:18:37] U qalulu li kien għaddej Ġesù ta' Nazaret. [Lq:18:38] Hu qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni?" [Lq:18:39] Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni?" [Lq:18:40] Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: [Lq:18:41] "Xi tridni nagħmillek?""Li nara, Mulej?" wieġbu dak. [Lq:18:42] U Ġesù qallu: "Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek." [Lq:18:43] U minnufih beda jara, u baqa' miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.
MEDITAZZJONI
[Lq:18:35] Ġara li, huwa u riesaq ... jittallab il-karità. - Huwa Ġesù nnifsu li għal darb’ oħra riesaq lejja... jiena nittallab il-karità u Ġesù lest jagħtini dak li mhux qed nittallab għalih.
[Lq:18:36] Dan sama' l-kotra tan-nies ... jistaqsi x'ġara. – Il-folla spiss tagħmel storbja aktar minn Ġesù. Jiena nistaqsi x’hemm wara dak l-istorbju.
[Lq:18:37] U qalulu li kien għaddej Ġesù ta' Nazaret. - Illum Gesù għadu għaddej. Intbaħt biH ? qatt wassalt din l-aħbar lill-oħrajn ?
[Lq:18:38] - jgħajjat - "Ġesù, ikollok ħniena minni, (msejken midneb)." – għajta li nista’ nagħmilha tiegħi.
[Lq:18:39] bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat – meta dawk li jħobbu jimxu quddiem ma jħalluniex nsejjaħ lil Ġesù, jiena x’nagħmel? Niskot?
[Lq:18:40] Ġesù waqaf – Tiftakar l-aħħar okkazzjoni li Ġesù waqaf ħdejk?
[Lq:18:41] "Xi tridni nagħmillek?" "Li nara, Mulej?" - Jiena naf x’irrid min għand Ġesù ?
[Lq:18:42] Il-fidi tiegħek salvatek. – U s-salvazzjoni tiegħi fuq xhiex qed nitfaħha ?
[Lq:18:43] U minnufih beda jara, u baqa' miexi warajh jagħti glorja lil Alla.– Jiena naħseb li miexi wara Ġesù – imma tassew nara? Ghax jekk ma narax, allura fejn naf wara min jiena miexi ?
... U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla. – Jiena qed inkun mezz biex il-poplu jfaħhar lil Alla ?
TALB
Mulej, li nara.
Mulej, tħallix l-għajjat tal-folla jtellifni milli nisma’ leħnek
Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni, midneb.
Mulej, tħallini qatt niskort insejjaħlek.
KONTEMPLAZZJONI (Insa ftit l-għajjat tal-folla u l-istorbju li hemm ġo fik. Minkejja li mhux qed tarah, emmen li ħdejk hemm Ġesù. Strieħ għal ftit ħin fil-kumpanija tiegħu.)
Dostları ilə paylaş: |