Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 0,68 Mb.
səhifə3/11
tarix03.01.2019
ölçüsü0,68 Mb.
#88945
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11

MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Helen D'Amato.
ONOR. HELEN D'AMATO: Madam Speaker, f'dan l-istadju ta' appropriation qaluli li nistgħu nitkellmu fuq kollox, of cabbages and kings, pero' peress li meta kien hemm id-diskussjoni fuq il-Vot tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa jien kont msiefra fuq xogħol parlamentari, ħassejt li kelli nieħu dan il-ħin sabiex nitkellem u nagħti l-opinjoni tiegħi fuq dan is-suġġett, minkejja li naf li dakinhar kien tkellem dwaru l-Onor. Richard Muscat. Jien nixtieq ngħid li anke fejn jidħol l-isem innifsu ta' dan is-segretarjat, jiġifieri "Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa" huwa xi ftit, kif narah jiena, barra minn żmienu. Illum m'għadniex nitkellmu fuq drittijiet tan-nisa. Dan kien diskors ta' snin ilu meta d-drittijiet l-iktar bażiċi tan-nisa kienu miċħuda lilhom u llum dawn id-drittijiet, permezz ta' tibdiliet kemm fil-liġijiet, kemm fir-regolamenti u anke fil-prattiċi wżati anke mid-dipartimenti tal-gvern ġew mogħtija lin-nisa Maltin. Fid-dinja tal-lum nitkellmu fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa u ta' l-irġiel u dan il-qasam beda anke jiġi diskuss miż-żewġ sessi.
Din il-ġimgħa kien hemm il-konferenza ta' l-IPU li saret f'New Delhi - attendejna għaliha jiena u l-Onor. Joseph Abela - li tatna indikazzjoni li dan is-suġġett ta' parteċipazzjoni qed jibda jiġi diskuss bejn in-nisa u l-irġiel u mhux iktar minn nisa waħedna, qisu aħna biss għandna din il-claim għal parteċipazzjoni! Iżda sfortunatament għall-Labour Party time stood still tul l-aħħar 10 snin ta' Amministrazzjoni Nazzjonalista f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tan-nisa. U issa qishom iridu jerġgħu jivvintaw ir-rota u jgħidu li jrid ikun għal darb'oħra l-Partit Laburista fil-gvern biex in-nisa jmisshom xi ħaġa. Imma fil-fatt il-verita' x'inhi? Il-verita' hi li veru li taħt Gvern Laburista kienu ttieħdu miżuri ta' titjib iżda kienu ttieħdu wkoll miżuri oħra li kienu sfaċċatament diskriminatorji kontra n-nisa bħal dak li l-mara ma setgħetx iżżomm jew tieħu xogħol li kien vakat minn raġel. Illum qed jgħidu li jridu jitnaqqew il-liġijiet biex titneħħa d-diskriminazzjoni. Iva, possibbli ma jafux li dawn il-liġijiet tnaqqew u ġew ukoll introdotti oħrajn ġodda?! Per eżempju, nistgħu nsemmu l-Liġi tal-Familja u l-European Convention on Human Rights. Jien m'iniex se noqgħod nidħol fid-dettall ta' liema liġijiet inbiddlu iżda nista' ngħid li minbarra l-bidliet fil-liġijiet sar ukoll tibdil fil-proċeduri dipartimentali sabiex ikun aktar assigurat l-implimentazzjoni ta' dawn il-bidliet u anke sabiex it-tibdil li sar jiġi rifless aktar. U hawn nixtieq insemmi wħud mill-prattiċi li nbiddlu.
Insemmu, per eżempju, l-bidliet li saru fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar il-formoli li jirrigwardaw l-awtorita' tal-ġenituri; il-bidliet li saru fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet fejn tidħol l-awtorita' tal-ġenituri fil-każ ta' tfal taħt l-eta' li jaħdmu; il-bidliet li saru fid-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi, fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern dwar formoli ta' kuntratti, fir-Reġistru Pubbliku u fid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Illum li jrid isir huwa li jitkompla x-xogħol fuq l-istess pedamenti li tħejjew mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern meta twaqqfu l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara u d-Dipartiment għall-Ugwaljanza u li fuqhom issa, tajjeb ngħidu, ġie mwaqqaf is-Segretarjat għad-Drittijiet tan-Nisa, għalkemm kif diġa' għidt l-isem li ingħata ma joġgħobnix. B'hekk dawn il-leġislazzjonijiet ġodda li jidħlu fis-seħħ ikunu monitored biex jirrispettaw l-ugwaljanza.
Fil-fatt jiena nara li l-aktar għan importanti li għandu jgħaqqad ix-xogħol kollu ta' dan is-segretarjat parlamentari f'kull qasam biex veru sseħħ l-ugwaljanza huwa dak tal-mainstreaming. Dan insibuh bħala prijorita', kif taf int, Madam Speaker, ukoll fil-"Platform for Action" li ħareġ minn Beijing u li ġie diskuss ukoll matul din il-ġimgħa f'New Delhi waqt il-Konferenza ta' l-IPU. Ħareġ ċar ukoll li d-deċiżjonijiet u l-inizjattivi li jittieħdu fejn tidħol l-ugwaljanza għandhom jirriflettu kif jaħsbuha mhux biss in-nisa imma wkoll l-irġiel. U l-ħsieb fundamentali tal-mainstreaming huwa li s-segretarjat għandu jassigura li f'kull liġi, inizjattiva jew proposta, tittieħed minn min tittieħed, sew jekk hija konsidrata bħala women's issue u sew jekk le, tkun tirrispetta l-prinċipju ta' l-ugwaljanza. Iżda dan ma jfissirx li kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx li hemm bżonn issir f'dan ir-rigward trid issir minn dan is-segretarjat parlamentari. Dan is-segretarjat irid jutilizza l-istrutturi u d-dipartimenti eżistenti u jara li dawn iwettqu x-xogħol. Per eżempju, jekk is-segretarjat iħoss li għandu jkun hemm well woman clinic m'huwiex ix-xogħol tas-segretarjat parlamentari li jwaqqfu imma x-xogħol tiegħu huwa li jara li dan jitwaqqaf mill-ministeru tas-saħħa.

Eżempju ieħor huwa dak li li hemm f'waħda mill-proposti li nsibu fil-mission statement - hawnhekk se nikkwota bl-Ingliż għalkemm kont nippreferi kieku dawn kienu bil-Malti - li hija "to increase employment and career opportunities for women who intend to join or rejoin the labour market by providing training and re-training programmes.". Jekk aħna se naħdmu fuq is-sistema tal-mainstreaming, li hija l-aħjar sistema, allura dan ix-xogħol mhux tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa imma huwa x-xogħol tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u ta' l-ETC li fil-fatt għandhom strutturi diġa' stabbiliti biex dan ix-xogħol isir kif fil-fatt diġa' kien qed isir. Hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi u ngħid li t-training u r-re-training m'hijiex xi inizjattiva ġdida ta' dan is-segretarjat imma huwa tkomplija tax-xogħol li diġa' kien isir fil-prattika. Meta wieħed iħares lejn in-numru ta' nisa li qed jaħdmu llum meta mqabbel ma' dak ta' 10 snin ilu ma jibqagħlu l-ebda dubju li n-nisa kellhom kemm opportunitajiet ta' xogħol kif ukoll opportunitajiet ta' training. Naturalment dan huwa proċess kontinwu li ma jistax jieqaf u naturalment jagħmel tajjeb is-Segretarjat Parlamentari li jagħraf din il-ħtieġa, imma jkun qed jagħmel tajjeb ukoll kieku jirrikonoxxi li dan ix-xogħol kien diġa' qed isir. Nixtieq nagħti eżempju ieħor ta' mainstreaming.


Filwaqt li naqbel li dan is-segretarjat parlamentari għandu jħeġġeġ it-twaqqif taċ-child care centres jien jidhirli li din il-funzjoni m'għandhiex tkun waħda tiegħu u se ngħid għaliex. Dan jista' jħalli riperkussjonijiet oħra anke fl-attitudnijiet u jkun żball jekk iċ-child care centres jitqiesu bħala xi miżura li hemm bżonnha biex jinkisbu d-drittijiet tan-nisa. Meta jtiwaqqfu ċ-child care centres dan isir għall-benefiċċju tan-nisa u ta' l-irġiel biex fost affarijiet oħra jkun jista' jinħoloq iktar bilanċ bejn familja u xogħol. Nerġa' ngħid li jkun żball jekk ngħaddu l-messaġġ li ċ-child care centres se jitwaqqfu biex jibbenefikaw biss in-nisa għaliex allura se nibqgħu nsostnu l-konċett li r-responsabbilta' tat-trobbija ta' l-ulied hija tal-mara. Allura nistgħu ngħidu addio lill-konċett li kien beda jiddaħħal taħt Amministrazzjoni Nazzjonalista, permezz tal-family law u permezz tal-parental leave, li r-responsabbilta' tat-trobbija ta' l-ulied huwa taż-żewġ ġenituri indaqs. Fil-mument li ngħaddu l-messaġġ li r-responsabbilta' ta' l-ulied hija ta' l-omm inkunu qed innaqqsu l-opportunitajiet ta' l-ugwaljanza.
Jien nara wkoll bħala żball jekk naħsbu li l-introduzzjoni taċ-child care centres huwa l-qofol għall-kisba ta' l-ugwaljanza u tal-parteċipazzjoni. Hemm numru ta' miżuri oħra li jridu jittieħdu - iċ-child care centres m'humiex il-magic potion li hekk kif tagħmel lilhom in-nisa se jkollhom l-ugwaljanza - flimkien ma' miżuri oħrajn li diġa' ttieħdu mill-Gvern Nazzjonalista li għenu lin-nisa u lill-irġiel jibbilanċjaw il-ħajja tal-familja u x-xogħol. Hawnhekk nistgħu nsemmu l-introduzzjoni tal-parental leave, titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol part-time - aħna nafu li ħafna nisa jidħlu għax-xogħol part-time sabiex ikunu jistgħu jibbilanċjaw iktar il-familja u x-xogħol - u anke affarijiet bħall-iskola-sajf u matul is-sena l-oħra ... (Interruzzjonijiet) Jien qatt ma nterrompejtek Onor. Camilleri. Hawnhekk nixtieq nistaqsi x'sar minnha l-inizjattiva li kienet ittieħdet mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, u li kienet qed tiġi diskussa flimkien ma' l-MUT, dwar programm fejn tfal tal-kindergarten u ta' l-iskola primarja li kienu ta' eta' żgħira jibqgħu l-iskola taħt supervision biex jieħdu sehem f'attivitajiet kurrikulari, jagħmlu l-homework u jistudjaw. Qed ngħid li l-child care centres m'għandhomx jaqgħu taħt il-kappa ta' dan id-dipartiment għaliex naħseb li dawn iċ-ċentri għandhom ikunu taħt qafas aktar wiesgħa u għandhom jaqgħu taħt il-ministeru li huwa responsabbli mill-affarijiet tal-familja.
Issa f'dawn l-Estimi xi nsibu? Insibu li min suppost għandu l-inkarigu li jħeġġeġ għandu Vot ta' Lm15,000 u li min suppost jimplimenta għandu Vot ta' Lm5,000. Dan ma jagħmilx sens għax min jimplimenta suppost li għandu jkollu Vot ħafna ikbar minn ta' min qiegħed iħeġġeġ. Issa meta nħarsu lejn il-Voti li hemm għat-twaqqif ta' dawn iċ-child care centres nindunaw li għadna fil-livell ta' diskors għaliex b'Lm20,000 ma tantx se jsiru affarijiet. Il-Kunsill Lokali ta' Birkirkara kien beda jagħmel xi xogħol - illum qed nisimgħu li ma kien hemm xejn ippreparat - u jkun ħażin ħafna u jkun ukoll ħela ta' ħin u ta' riżorsi jekk dan il-proġett inwarrbuh fil-ġenb.
Madam Speaker, ngħaddi issa biex nitkellem dwar qasam ieħor fejn ukoll donnu li time stood still. Qed nirriferi għall-parti tal-mission statement fejn tgħid dan li ġej:
"To develop campaigns against community and domestic violence together with sexual abuse and provide the relative social assistance when the need arises.".
Jien naħseb li kulħadd sema' - almenu hekk nispera - li diġa' jeżistu s-social welfare development unit u d-domestic violence unit li parti mix-xogħol tagħhom huwa proprju li jgħinu lill-vittmi ta' vjolenza u anke biex tinxtered il-kultura kontra l-vjolenza b'mod partikolari fuq in-nisa u t-tfal. Jekk nagħtu daqqa t'għajn lejn x'sar minn Gvern Nazzjonalista dwar il-problema ta' vjolenza domestika nsibu li fl-1994 twaqqfu, kif diġa' għidt, l-SWDP u d-DVU, li min-naħa tagħhom imbagħad ħadmu qagħtih billi taw servizz dirett lill-vittmi tal-vjolenza domestika u n-numru tagħhom li qed jitolbu din l-għajnuna qiegħed dejjem jiżdied għax probabbilment qed jaraw li dan hemm post fejn, iva, tista' ssib min jgħinek. Twaqqfu żewġ support groups għal nisa abbużati; twaqqaf support-line permezz ta' linji tat-telefon anke flimkien ma' għaqda tan-nisa volontarja u anke taħt is-superviżjoni ta' sitt social workers ta' l-SWDP biex ikunu ta' għajnuna mmedjata għal min ikollu bżonn; sar xogħol flimkien ma' "Dar Merħba Bik" li hija d-dar immexxija mis-sorijiet għal dawn in-nisa; sar training għall-probation officers u l-pulizija; u saru guidlines għat-tobba, nurses, għalliema, counsellors, social workers u anke qassisin biex dawn ikunu jistgħu jagħrfu s-sinjali ta' domestic violence. Issa dan ix-xogħol huwa lest u qed jistenna li jiġi approvat mill-awtoritajiet biex jiġi ppubblikat u mqassam. Sar ukoll xogħol fit-tqajjim tal-kuxjenza dwar dan permezz ta' lectures, programmi fuq ir-radju, programmi u slots fuq it-television u fuq il-gazzetti. Id-domestic violence unit ħejjiet ukoll proposti biex tkun tista' tiġi emendata l-leġislazzjoni u b'hekk fost affarijiet oħra jkun hemm numru sħiħ ta' tibdiliet li bihom ikun hemm protezzjoni għall-vittmi u homehomanke joħorġu protection safety orders, eċċ. U għalhekk nieħu pjaċir nisma' li qed isiru tħejjijiet biex ikun hemm it-tibdil fil-leġislazzjoni għaliex dan huwa l-pass li jmiss wara x-xogħol li sar tul dawn l-aħħar snin, pero' hawnhekk jien qed nara ftit ta' l-inkonsistenza bejn dak li qed jingħad u dak li qed iseħħ għax huwa faċli li tagħmel statements, imma wieħed irid ikun saqajh ma' l-art.
Li għandhom bżonn bħalissa l-SWDP m'huwiex il-kliem imma li jingħataw il-permess biex jingaġġaw aktar social workers sabiex ikunu jistgħu jagħtu dak is-servizz fil-livell mixtieq. Bħalissa l-ingaġġ tas-social workers ma jistax isir, mhux għaliex m'hawnx imma għaliex hemm employment freeze. Dan ir-recruitment għandu jsir qabel ma s-social workers li għadhom kif iggradwaw mill-Universita' jsibu xogħol x'imkien ieħor. Jiġifieri l-problema hija li l-SWDP għandhom bżonn ta' social workers, pero' jekk lil dawn m'aħniex se naqbdu u ningaġġawhom malajr, jistgħu jilħqu jsibu xogħol x'imkien ieħor u b'hekk inkunu tlifna l-opportunita' li nimpjegaw social workers kwalifikati u professjonali. F'din il-kwestjoni ma rridux inħarsu sal-ponta ta' mneħirna. Jekk aħna rridu nsostnu l-idea ta' strutturi li jgħinu lill-familja - mhux biss strutturi bħall-SWDP imma anke l-qorti tal-familija li jien naqbel ħafna magħha - allura ma naffordjawx li nibagħtu l-messaġġ li min jiggradwa mis-social work m'hemmx post għalih fejn jadħem. Jekk jiġri hekk allura minflok ikollna iżjed studenti - aħna nafu li bis-soċjeta' kif inhi miexja llum se jkollna bżonn ta' aktar social workers u mhux inqas - li jagħżlu din il-materja jkollna inqas.
Madam Speaker, nixtieq issa nsemmi inkonsistenza oħra li seħħet dan l-aħħar u li qrajt dwarha fil-gazzetti jien u ġejja minn New Delhi. Għandna s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa jgħid li jrid iħeġġeġ aktar nisa sabiex jipparteċipaw fil-kunsilli lokali - fuq din żgur li m'aħniex se niġġieldu, anzi naħseb naqbdu id f'id kollha kemm aħna u ngħidu li hekk għandu jkun - u saħansitra nieda kampanja - prosit! - u nieda kors għan-nisa kandidati - prosit ukoll! - imbagħad min-naħa l-oħra għandek lill-Prim Ministru jgħid li se jingħata transfer lil mara li attendiet għal dan il-kors u li taħdem il-Foreign Office għaliex il-parteċipazzjoni tagħha fil-kunsilli lokali tista' tkun konfliġġenti max-xogħol tagħha. Mela b'idejja l-leminija qed ngħidilha kemm hi brava u kemm irrid nagħmilha aktar brava permezz tal-kors, u b'idejja x-xellugija qed ngħidilha li ma tistax tipparteċipa ... (Interruzzjonijiet) Iva, setgħet kienet raġel imma issa aħna qegħdin nitkellmu fuq mara. Jiġifieri setgħet kienet raġel u xorta waħda konna ngħidu, imma l-fatt li hija mara forsi ngħid naqra iżjed jien. U ħadt bħala eżempju, par idejn għaliex dawn huma parti minn ġisem wieħed kif huma taħt l-istess dekasteru l-Onor. Alfred Sant u l-Onor. Helena Dalli. Ta' min wieħed ifakkar ukoll li m'hemm xejn fir-regolamenti tas-servizz pubbliku li jżommu lil din il-mara - setgħet kienet raġel - milli tikkontesta, la fuq livell lokali u lanqas fuq livell nazzjonali.

B'din il-mossa wieħed jista' jgħid li l-Partit Laburista jrid joħnoq id-dritt ta' parteċipazzjoni minn fost il-ħaddiema validi - u dawn hemm ħafna minnhom - li jagħtu sehemhom fis-servizz pubbliku. Jiena nistaqsi: Ma jaħsibx il-Prim Ministru li mossa bħal din se tkun kontroproduttiva meta wieħed iqis li s-servizz ċivili jagħmel parti konsiderevoli mill-workforce f'Malta? Tgħid il-konflitt kien jibqa' jeżisti kieku din il-kandidata prospettiva ħarġet bħala kandidat indipendenti? Jiena ma nafx.


Madam Speaker, fiż-żmien tal-lum m'għandniex nitkellmu fuq id-drittijiet tan-nisa jew ta' l-irġiel. Jekk verament irridu nimxu 'l quddiem, irridu naraw kif se nsaħħu l-parteċipazzjoni kemm tan-nisa u kif ukoll ta' l-irġiel f'kull qasam tas-socjeta'. Permezz ta' l-ideat tagħna u anke ta' kif nesprimu ruħna m'għandniex noħolqu ostakli u lanqas għedewwa u biex verament isseħħ l-ugwaljanza hemm bżonn l-impenn ta' kulħadd, tan-nisa u ta' l-irġiel.
Nagħlaq billi ngħid li tul l-Amministrazzjoni Nazzjonalista n-nisa Maltin għamlu passi kbar. Naturalment għad baqa' xi jsir pero' dawn l-avvanzi setgħu jsiru permezz ta' inizjattivi long-term li qegħdin naraw il-frott tagħhom illum. Hawnhekk qed nirriferi għall-edukazzjoni li tagħti lin-nisa l-kwalifiki neċessarji biex ikollhom aktar opportunitajiet ta' xogħol u karriera, u barra minn hekk il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika tkun iktar possibbli. Huwa inkoraġġanti li llum aktar minn nofs l-istudenti fl-Universita' huma nisa u jaqbżu t-3,000. Dan jindika li l-pass li jridu jagħmlu n-nisa Maltin għandu jkun ħafna iktar mgħaġġel minn dak li kien s'issa.
Nagħlaq, Madam Speaker, billi ngħid li l-edukazzjoni trid tkompli twassal biex tbiddel il-mentalita' tan-nisa u ta' l-irġiel - jiġifieri m'hux ta' l-irġiel biss imma anke ta' ċerti nisa - f'dawk l-irwoli sterjotipati fis-soċjeta' Maltija, u dan naturalment għall-istess ġid tagħna lkoll. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Jesmond Mugliett.
ONOR. JESMOND MUGLIETT: Madam Speaker, f'din l-aħħar ġurnata ta' diskussjoni dwar l-infiq tal-Gvern nixtieq nitkellem fuq suġġett li forsi ma jinvolvix xi nfiq enormi. Se nitkellem fuq ir-regolamenti tal-bini u standards relatati ma' health and safety regulations. Minkejja li l-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards u r-regoli ma tiġix tqum ħafna flus lill-Gvern, l-implikazzjoni fuq il-kwalita' tal-ħajja tan-nies li jabitaw f'dan il-bini u s-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema li jaħdmu fil-kostruzzjoni u servizzi tal-bini hija enormi. Din il-ġimgħa reġa' kellna inċident fatali fuq post tax-xogħol, u bil-permess tiegħek, Madam Speaker, nixtieq nagħti l-kondoljanzi lill-familja tal-vittma. Kieku ma kenitx il-fortuna jew l-id t'Alla, forsi n-numru tal-vittmi seta' kien akbar.
Il-Ministru Buhagiar f'diskors fl-għeluq ta' kors dwar is-sigurta' fuq il-postijiet tax-xogħol l-għada ta' l-inċident, qal li dan l-inċident seħħ bi traskuraġni. Ta' min jgħid li r-regoli dwar iċ-ċertifikar ta' cranes bħal dak involut fl-inċident in kwestjoni jeżistu, pero' dawn ir-regolamenti m'humiex aġġornati. Fil-każ tal-crane li tmiegħel, bħalissa r-regoli jgħidu biss li anke persuna sempliċement b'edukazzjoni sekondarja tista' tiċċertifikah u fil-fatt illum l-enġiniera qegħdin jitolbu li jkunu nies tekniċi li jagħmlu din iċ-ċertifikazzjoni.

Meta konna qed niddiskutu l-Estimi tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni, waqt il-winding-up, il-Ministru Charles Buhagiar kien semma t-twaqqif ta' building industry consultative committee u qal li wieħed mill-għanijiet ta' dan il-kumitat huwa li jinħoloq forum sabiex jibda jindirizza l-problema ta' l-istandards fuq il-post tax-xogħol u anke l-health and safety regulations.


Madam Speaker, huwa tajjeb li naqbdu din il-problema minn qrunha minħabba diversi raġunijiet. In-numru ta' mwiet li qed ikollna fuq is-siti ta' kostruzzjoni hija raġuni biżżejjed, pero' hemm raġunijiet oħra wkoll. Kulma jmur, l-industrija tal-bini qiegħda ssir dejjem aktar sofistikata. Aktar ma jogħla l-valur ta' l-art aktar qegħdin nipprovaw nisfruttaw dak li nieħdu mill-art billi nibnu aktar b'mod intensiv, ninżlu aktar fil-fond, nibnu aktar fl-għoli u nibnu differenti. Xahrejn ilu kien hawn il-polemika tal-car-park ta' Tas-Sliema, każ fejn l-issue kienet x'kondizzjonijiet u standards għandhom ikunu imposti ma' permess tal-bini. F'dan il-każ il-kondizzjonijiet kienu jirrigwardaw fire escapes u l-bdil ta' arja fil-basement ta' dan il-bini. F'din il-kwestjoni qed idejjaqni l-fatt li ħafna drabi qed inkunu arbitrarji meta niġu biex nimponu dawn il-kondizzjonijiet . Ma jidhirlix li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamlet ħażin li mponiet dawk il-kondizzjonijiet, imma nibża' li dawk il-kondizzjonijiet kienu mposti dak inhar għax kien hemm public awareness għolja, għax meta jkun hemm każijiet oħrajn fejn il-public awareness ma tkunx daqstant għolja l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma tidhirx li qed tkun daqshekk rigoruża fil-kondizzjonijiet li timponi.
F'din il-polemika ħareġ ukoll in-nuqqas ta' struttura li l-Gvern ikollu sabiex l-awtorita' tagħmel monitoring ta' l-istandards li timponi hija stess. Fil-fatt jien inħoss li jeżisti ħafna taħwid f'dan il-qasam. Fil-fatt f'dak li għandu x'jaqsam ma' kostruzzjoni għadhom fis-seħħ il-liġijiet sanitarji miktuba fl-1980 u mbagħad għandna xi regoli oħra li nsejħulhom id-DC1 ta' l-1988, pero' bini u funzjonijiet moderni m'humiex regolati, jiġifieri ma jeżisti l-ebda kodiċi fuq regolamenti dwar nar, kontroll ta' ħsejjes u kwalita' ta' l-arja. Kif qal ukoll il-Ministru tax-Xogħlijiet, il-kitba fuq dawn il-kodiċi nbeda, u fil-fatt jiena rajt diversi booklets li diġa' huma lesti li jittrattaw diversi suġġetti. Hemm seba' booklets; wieħed jitkellem fuq is-siti ta' kostruzzjoni u demolizzjoni, wieħed jitkellem fuq l-integrita' strutturali, ieħor fuq sigurta' f'każ ta' nar, ieħor fuq sigurta' waqt l-użu, ieħor fuq aspetti ambjentali, hemm oħrajn fuq konservazzjoni ta' fuel u power u standards għall-housing. Fil-fatt jien għamilt it-traduzzjoni ta' l-ismijiet ta' dawn il-booklets peress li nkitbu bl-Ingliż u l-pass li jmiss kien it-traduzzjoni mill-Ingliż għall-Malti ta' dawn il-kodiċijiet. Naħseb kien ovvju li jinkitbu bl-Ingliż għax meta wieħed jikteb dawn il-codes l-ewwel jibda minn dak li jeżisti u jikkonsulta mal-codes of practice Ingliżi, Ewropej jew Amerikani, jadattahom għall-kondizzjonijiet ta' Malta u mbagħad ngħadduhom bħala liġi. Fil-fatt dawn il-kodiċi, wara li kienu mħejjijin, intbagħtu lill-Kamra tal-Periti u lill-Kamra ta' l-Inġiniera u mbagħad dawn għamlu l-kummenti tagħhom u ressqu s-suġġerimenti biex issa x-xogħol waqaf hemm.
Meta tressqu l-Estimi l-Ministru Buhagiar kien qal li qabel ma titressaq il-liġi fil-Parlament għandu jingħata ċans lil dan il-kumitat sabiex jiddiskutiha għaliex skond hu waħda mill-ħafna implikazzjonijiet ta' dawn ir-regoli se tkun li l-prezzijiet tax-xogħol tal-bini se jogħla u għalhekk tajjeb li nistudjaw x'effetti se jkollhom. Anke jien naqbel li ssir diskussjoni wiesgħa. Dawn ir-regoli għandna nippubblikawhom biex inkunu nafu għalxiex qed nimmiraw għax ċerti investituri li jibnu qed jgħidu li aħjar ikunu jafu x'kondizzjonijiet se jiġu mposti fuqhom tliet snin oħra għax jibdew jibnu mill-ewwel u barra minn hekk ikun iktar diffiċli li dawk ir-requirements tipprovdihom meta l-bini jkun lest. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha timponi l-istess kondizzjonijiet għall-bini li jkun l-istess u mhux timponihom meta jidhrilha hi u jekk dawn ir-regoli jkunu pubblikati jkollha fuqhiex tirregola ruħha. Jien nemmen ukoll li fejn jidħol bini li jkun se jintuża għall-public use għandna ndaħħlu l-kondizzjonijiet, ir-regoli u l-standards tal-bini mill-ewwel.

Fl-istess ġurnata li tressqu l-Estimi l-Ministru Buhagiar kien tkellem ukoll dwar l-enforcement tal-building regulations u din hija żona oħra griża, Madam Speaker. Qabel kien hawn il-building inspectors jew il-health inspectors li fost affarijiet oħra kienu jaraw jekk il-katusi humiex tajbin, jekk il-qatran huwiex tajjeb u jekk il-bitħa tkunx kbira kemm suppost tkun. Dan ix-xogħol kien isir waqt li jkun tiela' l-bini. Kif qal tajjeb il-Ministru Buhagiar illum dawn il-building inspectors saru enforcement officers u xogħolhom hu primarjament li jiċċekkjaw il-kondizzjonijiet li jkunu imposti mal-permess. Għalhekk building inspections m'huma qed isiru xejn. Jekk se nibdew nimponu l-building regulations - dawn kont qed nitkellem fuqhom qabel - ikun ovvju li jkollna bżonn it-twaqqif ta' building services inspectors. Dawn m'humiex nies li jiċċekkjaw il-katusi u l-qatran imma huma nies li jiċċekkjaw kondizzjonijiet bħal mechanical ventilation - kondizzjoni li suppost nibdew nimponu llum - għax m'għandniex nies li huma conversant ma' dawn it-tip ta' kondizzjonijiet. Jekk inħarsu lejn x'ġara fil-każ tal-car-park insibu li l-Gvern kien dar għall-konsulenti u talabhom jiċċekkjaw il-kondizzjonijiet li kien impona hu stess. Pero' l-Gvern ma jistax jibqa' jiddependi fuq il-konsulenti għal dejjem u barra minn hekk dan ma jaffordjahx. Għalhekk irid ikollna dawn in-nies li jkunu mħarrġa tajjeb. Jien niskanta kif hemm ivvotata nefqa ta' Lm50,000 biss għal dan il-building industry consultative committee. Qed ngħid dan għax din is-somma żgur mhux se tkopri t-taħriġ ta' dawn in-nies li kważi jrid ikun fuq livell ta' universita'. Dawn in-nies iridu jħabbtuha ma' l-inġinieri u mal-periti tal-kuntratturi privati.


Madam Speaker, s'issa tkellimt biss fuq il-building regulations pero' fil-bidu tad-diskors irriferejt ukoll għall-health and safety regulations fuq il-post tax-xogħol. Ta' min isemmi li x-xogħol fuq dawn il-health and safety regulations kien inbeda mill-Kummissjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol. Din il-kummissjoni twaqqfet fl-1994 u hija magħmula minn tmien membri b'rappreżentanza ta' l-ETC, tad-Direttur tax-Xogħol u ta' l-għaqdiet tal-ħaddiema u ta' l-employers. Fost il-ħafna xogħol li għamlet din il-kummissjoni hemm speċifikament kodiċi ta' prattika għall-industrija tal-bini u kostruzzjoni li d-draft tiegħu huwa lest.
Li jħassibni huwa li l-Ministru Buhagiar meta kien qed jirriferi għall-building industry consultative committee kien jaf li x-xogħol fuq dan il-kodiċi ta' prattika huwa lest pero' ma nkwadrahx fil-viżjoni tiegħu ta' kif se nagħmlu r-regolamenti. Dan il-kodiċi ta' prattika m'huwiex dupplikazzjoni tar-regoli tal-bini li aċċennajt għalihom qabel, imma aktar jirregola il-makkinarju u l-għodda li tintuża fuq il-post tax-xogħol, bħall-iscaffolding, il-ħbula, l-bulldozers, il-cranes - bħalma ġara fl-inċident ta' din il-ġimgħa - u l-ilbies protettiv li għandu jintuża. Dan il-kodiċi ta' prattika jimponi wkoll li fuq il-lantijiet ta' kostruzzjoni, fejn ikun hemm aktar minn kuntrattur wieħed, ikun hemm safety co-ordinators. Hemm il-biża' li l-Ministru tal-Ħarsien Soċjali jgħaddi malajr dawn il-kodiċijiet mingħajr il-qbil ta' l-employers, tal-union u ta' l-FOI biex il-liġi ma tkunx shelved. Dan ikun pass ħażin għax anke f'dawn il-health and safety regulations għandna bżonn il-phasing minħabba li jgħollu wkoll l-ispiża tal-kostruzzjoni. Fil-fatt jekk nibdew nimponu dawn il-health and safety regulations, ħafna mill-għodda u scaffolding li hawn Malta bħalissa tista' ssir obsolete, jiġifieri hemm implikazzjoni ta' flus. Huwa tajjeb pero' li nippubblikawhom dawn il-kodiċijiet ħalli min ikun se jixtri makkinarju jkun jista' jirregola ruħu mill-ewwel. Pero' l-ispiża li qegħdin naraw ivvotata fil-budget ukoll ma tkoprix għall-inspectors li hemm bżonn. Ma nistgħux noqogħdu niddependu li jkollna l-pulizija jiċċekkjaw l-lantijiet tax-xogħol. Il-liġi timponi li jkun hemm inspectors u jekk ma nivvotawx flus għal dawn l-inspectors se ngħaddu dan il-kodiċi ta' prattika u nħalluh mingħajr is-snien neċessarji biex dan fil-fatt ikun effettiv.
Madam Speaker, l-agħar ħaġa li tista' sseħħ hi li minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni jew xi pika, xi wieħed minn dawn iż-żewġ aspetti ta' regolamentazzjoni li hemm bżonn fil-qasam tal-bini u kostruzzjoni jibqa' ma jkunx attwat. Fejn tidħol is-saħħa tal-ħaddiema u tan-nies li sejrin jużaw ċertu bini m'għandux ikun hemm pika. Kellna biżżejjed imwiet ta' persuni li jaħdmu f'dan ix-xogħol ta' kostruzzjoni għax f'dawn l-aħħar erba' xhur naħseb li mietu xi erbgħa min-nies. Sar ħafna xogħol fuq dawn il-kodiċijiet u jonqos biss l-aħħar spinta. Jekk ix-xogħol se jibqa' fuq il-karta r-responsabbilta' ta' l-imwiet fuq is-siti ta' kostruzzjoni tkun tagħna biss.
Yüklə 0,68 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin