MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Edwin Vassallo.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, meta kien qiegħed jagħmel id-diskors tiegħu b'risposta għal dak li konna għidna minn din in-naħa, l-Onor. Charles Mangion irrifera għalija bħala bniedem "akkanit ħafna" fuq il-kunsilli lokali. Nirringrazzjah ta' dan il-kumpliment, pero' jien nemmen li huwa d-dmir politiku tiegħi, anke mill-esperjenza li għandi bħala ex-kunsillier u bħala membru u president ta' l-Assoċjazzjoni Kulleġġ tal-Kunsilliera, li anke hawnhekk fil-Parlament inkompli naħdem biex kemm jista' jkun il-kunsilli lokali nkomplu niżviluppawhom. Qiegħed ngħid hekk għaliex meta aħna niżviluppaw il-kunsilli lokali inkunu qegħdin naħdmu biex niżviluppaw il-komunitajiet.
Madam Speaker, jien hawnhekk ukoll irrid nawgura lill-Onor. Charles Mangion għaliex għalkemm kull ministeru għandu r-responsabbiltajiet tiegħu, pero' jien nemmen li l-Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali huwa vitali ħafna għall-iżvilupp tal-ħajja tagħna. Ir-responsabbilta' li għandu hija kbira għaliex meta qegħdin nitkellmu fuq il-kunsilli lokali qegħdin nitkellmu fuq l-iżvilupp tal-mod kif ngħixu. Allura importanti wkoll li f'dan il-Parlament nifhmu li d-dmir tagħna huwa li nħarsu l-eżistenza tal-kunsilli lokali kif imwaqqfa mill-Gvern preċedenti. Importanti li nifhmuh dan għaliex nerġa' ntenni li se niġu f'ċirkostanzi - se nitkellem dwarhom minn hawn u ftit ieħor - li se jipperikolaw l-iżvilupp tal-komunitajiet tagħna. Aħna responsabbli ta' dan kollu u rridu noqogħdu attenti li b'dak li nagħmlu ma nipperikolawx dak kollu li l-kunsilli lokali għandhom d-dmir politiku li jwettqu. Id-dmir tal-kunsilli lokali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadin. Għandhom ukoll id-dmir li jsaħħu l-għaqda fost il-komunita' u li jippromwovu l-prinċipji demokratiċi u b'hekk ukoll jaslu biex jipproteġu l-ambjent.
Nerġa' ntenni - dak li forsi l-Ministru Mangion seta' ma qisux daqshekk importanti - li dan kollu jgħin biex insaħħu s-suċċess ekonomiku ta' pajjiżna. Fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultat ta' dak kollu li nagħmlu hawnhekk u dak kollu li qed jagħmlu l-kunsilli lokali huwa biex lill-poplu ntejbulu l-kwalita' tal-ħajja li jgħix. Jekk inħarsu lura naraw li l-Gvern preċedenti ħadem biex il-poplu jgawdi livell għoli ta' ħajja, pero' ma riedx li jkun hu biss, bħala gvern, li jgħolli l-livell tal-kwalita' ta' ħajja, imma ried li jagħti l-inizjattiva u l-opportunita' lill-poplu stess li jieħu deċiżjonijiet fejn meħtieġa biex hu jtejjeb il-kwalita' tal-ħajja tiegħu. Allura ħadem biex ipprovda x-xogħol, iggarantixxa s-suq ħieles u offra wkoll it-trankwillita' u s-serħan tal-moħħ, f'kelma waħda kompla jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija. Dan kollu għen sabiex ikun hawn is-suċċess ekonomiku li jirrendi l-impjiegi u l-istabbilita' fil-ħajja tagħna. Issa rridu naraw li dak li akkwistajna ma nitilfuhx. Dan huwa mument importanti għax dak li akkwistajna malajr jista' jintilef jekk lill-kunsilli lokali nnaqqsulhom mill-effiċjenza fis-servizz ta' kwalita' u mill-organizzazzjoni tajba u adegwata li s'issa kienu l-hallmarks ta' dawn il-kunsilli.
Għandna naraw ukoll l-importanza tal-kunsilli fit-tqassim ta' l-informazzjoni. Minn hawn u ftit ġimgħat oħra se jkollna l-elezzjonijiet għall-ewwel grupp ta' kunsilli lokali li proprju se jagħlqu l-ewwel full term tagħhom, jiġifieri tliet snin. Naturalment f'din l-esperjenza kollox għadu fil-bidu tiegħu u kulma qiegħed isir huwa bidu ta' tradizzjoni u bidu ta' regola ta' ħidma. Irridu naraw ukoll li l-ħidma tal-kunsilli lokali tieħu dimensjoni ekonomika għaliex din taffettwa wkoll il-qasam u l-ambjent tax-xogħol fil-komunita' u anke l-ħolqien tax-xogħol permezz ta' proġetti. J'Alla li 'l quddiem nisimgħu kemm kiber in-numru ta' ħaddiema li huma mpjegati mal-kunsilli lokali, kemm b'mod dirett kif ukoll b'mod inidrett, permezz tal-kuntratturi.
Sabiex inkomplu nsaħħu dan kollu li semmejt rridu naraw li jissaħħaħ l-operat tal-kunsilli lokali u huwa f'dan il-kontest fejn jidħol id-dmir tagħna bħala membri parlamentari. It-tisħiħ ta' l-operat tal-kunsilli lokali nistgħu naslu għalih b'iżjed għarfien u rikonoxximent għall-politika u s-servizz li jagħtu l-istess kunsilli lokali, b'għarfien għan-nobbilta' tal-volontarjat u bil-parteċipazzjoni organizzata tal-poplu tagħna. Irridu nifhmu li meta qed nittrattaw il-kunsilli lokali nkunu qed nittrattaw xi ħaġa ħajja, produttiva u li hija forza li tista' verament ittejjeb il-livell tal-ħajja tal-poplu tagħna. Din għandha tkun ħidma li tissodisfa ċerti standards u 'l quddiem irridu nibdew nitkellmu anke minn dan il-Parlament sabiex infiehmu iktar x'għandha tkun l-aspettattiva tal-poplu tagħna fir-rigward ta' x'għandhom ikunu l-istandards fejn jidħol ix-xogħol tal-kunsilli lokali sabiex b'hekk huma jilħqu l-effiċjenza tagħhom.
Meta l-Ministru Mangion tkellem fuq il-kunsilli lokali fid-diskussjoni tal-Voti tal-ministeru tiegħu kien ikkritika prinċipalment erba' punti; in-nuqqas ta' koordinament bejn il-kunsilli lokali u d-dipartimenti, il-kwestjoni tat-toroq, il-fondi u l-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi. Ħalli nibda mill-ewwel punt, ċioe' in-nuqqas ta' koordinament. Dwar dan l-Onor. Mangion qal li fl-esperjenza tiegħu bħala shadow minister kien sab li problema komuni kienet in-nuqqas ta' xi koordinament mad-dipartimenti tal-gvern. U allura l-ewwel ħaġa li għamel, u forsi sab soluzzjoni għaliha, kienet il-famuża memo 95/96, u għal dawk li qegħdin jismimgħu se naqra silta minnha.
"Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali huwa l-awtorita' li jamministra r-relazzjonijiet bejn il-kunsilli lokali u d-dipartimenti. Għalhekk dan id-dipartiment ħass il-ħtieġa li jfakkar lill-kunsill lokali li kull inizjattiva li tista' tinvolvi xi ministeru jew dipartiment ieħor għandha tiġi koordinata minn qabel ma' dan id-dipartiment.
"Il-ħidma tal-kunsilli tkun effettiva skond kemm jirnexxielu joħloq u jtejjeb dan id-djalogu mad-dipartiment u l-awtoritajiet konċernati."
Iva, aħna nemmnu li għandu jkun hemm koordinament, pero' il-biża' tagħna - mhux biss tagħna iżda ta' dawk kollha nvoluti - hija fir-rigward ta' fejn irid jasal dan il-Gvern b'dik iċ-ċirkolari u fejn irid jasal bil-koordinament li jrid joħloq. Dawk kollha li għandhom konnessjoni max-xogħol tal-kunsilli lokali għadhom m'humiex sodisfatti bir-risposta li ta l-Ministru Mangion. Għadha teżisti l-biża' fil-mod ta' kif qiegħed jinħadem dan il-koordinament u aħna minn hawnhekk nitolbu lill-Gvern biex jekk għandu xi programm malizzjuż f'dan il-konfront iwaqqfu u jekk għandu xi pjanijiet li huma perikolużi jħassarhom. Noqogħdu attenti li dak li nkunu qegħdin nagħmlu ma nagħmluhx b'intenzjoni li nistgħu nsejħulha tajba, pero' li l-eżitu tiegħu jkun kollu kemm hu diżastruż.
F'Għawdex ma tantx jidher li hemm koordinament serju u nispera li l-Ministru Mangion jaf x'inhu jiġri f'dan ir-rigward. Kien hawn min iddeskriva lil Għawdex bħala kolonja. Ma nistgħux nitrattaw lil Għawdex b'mod totalment differenti, pero' qegħdin jiġru affarijiet fejn donnu min għandu l-liġi f'idejh qiegħed jagħmel li jrid. Hawnhekk qed nirriferi għal-laqgħat li saru iżjed minn darba, anke wara li tkellimna dwarhom, fejn is-Segretarju Parlamentari għal Għawdex qed jiltaqa' mas-segretarji. Dawn il-laqgħat qegħdin isiru bi ksur tar-regolamenti - qed nirriferi għall-Avviż Legali Nru. 198 ta' l-1996 - anzi biex inkun iżjed speċifiku ngħid li dawn ir-regolamenti kienu ħarġu fil-Gazzetta tal-Gvern Nru. 16,379 tat-3 ta' Diċembru, 1996 u hawnhekk wisq nibża' li s-Segretarju Parlamentari għal Għawdex qiegħed jikser artiklu 25 li jgħid:
"Is-segretarju ...."
- qed jirriferi għas-segretarju tal-kunsilli lokali -
"... jew xi impjegat ieħor ma jistax jiġi intervistat jew jagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi, lanqas jikxef xi tgħarif li jkun sar jaf bih waqt il-qadi ta' dmirijietu, jekk ma jkunx hekk meħtieġ li jagħmel skond l-Att jew jekk ma jkunx hekk awtorizzat bil-miktub mis-sindku".
Jien hawnhekk qed nagħmel rakkmandazzjoni oħra lill-Onor. Charles Mangion sabiex jiġbed l-attenzjoni tas-Segretarju Parlamentari għal Għawdex biex jekk irid jgħin fl-iżvilupp tal-kunsilli lokali jiltaqa' mas-sindki jew mal-kunsilliera. Jien nissuġġerilu li jara min hu li għandu rwol speċifiku għal dak ix-xogħol u jiltaqa' miegħu. Ma jistax ikompli jiltaqa mas-segretarji jekk dawn ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni tas-sindki. Nerġa' ntenni li jekk is-Segretarju Parlamentari se jibqa' sejjer b'dan il-mod ta' ħidma se jkun qiegħed itellef mill-kordinament li tant jixtieq l-Onor. Mangion.
Il-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali tkellem ukoll dwar it-toroq. Jien niftakar li meta l-Onor. Mangion kien fuq din in-naħa tal-Kamra kien jilmenta - mhux hu biss, anke il-gazzetti li jissapportjaw lill-Labour Party - li l-kunsilli lokali ma kenux jingħataw flus biżżejjed. Gazzetta minnhom, kull nhar ta' Tlieta, kienet iġġib paġna fuq il-ħidma tal-kunsilli lokali u ħlief ħofor ma kenitx issemmi. Illum donnu li għall-gazzetti ta' l-Oppożizzjoni il-ħofor spiċċaw. L-impressjoni li qed tingħata hija li l-kunsilliera Indipendenti Laburisti solvew dawn il-problemi . L-uniku bniedem li donnu għadu jehda bil-ħofor huwa l-Prim Ministru. Naħseb li jekk irid isolvi l-problema tal-ħofor aħjar imur għand xi sindku Laburist ħalli jgħidlu xi jrid jagħmel! Il-Ministru tal-Finanzi qiegħed jitbissem bħalissa u naħseb li fil-ministeru tiegħu solvewha l-problema tal-ħofor għaliex m'għadhomx isemmuha. Jien ngħid li rridu nkunu attenti u prattiċi għaliex il-problemi tal-ħofor illum għadhom hemm, pero' f'sens ieħor.
Skond il-Ministru Mangion qegħdin jagħmlu eżerċizzju biex jipprovaw jiddefinixxu liema huma dawk it-toroq li jaqgħu taħt il-kunsilli lokali u liema jaqgħu taħt il-gvern ċentrali. Il-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali tgħid proprju fejn jidħol il-kunsill lokali u fejn jidħol il-gvern ċentrali. Din tiddefinixxi wkoll liema huma l-arterial roads, id-distributory roads, eċċ. L-Onor. Mangion qal li:
".... il-poplu b'hekk jista' jkun jara min qed jaqdi dmiru, jekk hux il-gvern ċentrali - u aħna nassumu dik ir-responsabbilta' - jew inkella l-kunsilli lokali".
Huwa tajjeb li naraw min qed jaqdi dmiru, pero' l-kunsilli lokali ma jistgħux jaqdu dmirhom jekk se nkomplu nnaqqsulhom il-fondi. Din hija interessanti. Meta nsemmu l-problema tal-fondi nsibu konċett interessanti ferm u hawn se nikkwota eżatt x'qal l-Onor. Mangion:
"Naqqasna ¥1 miljun lill-kunsilli lokali, pero' m'hux biex nissikkaw iċ-ċintorin, għaliex xorta se nispiċċaw b'deficit ta' Lm82 miljun. Din m'hijiex xi ħaġa li għamilna biex nibbilanċjaw il-budget għaliex xorta se jibqa' dan id-deficit. Aħna nemmnu li l-kunsilli lokali se jaħdmu id f'id mal-gvern ċentrali għax jifhmu li rridu nekonomizzaw, u jien insistejt li jkun hemm value for money.".
Għax ma jgħidx il-Ministru Mangion li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern qatt m'għamel ekonomija mal-kunsilli lokali! Jekk il-Ministru jaħseb li se jieħu value for money billi jagħmel ekonomija mal-kunsilli lokali u jnaqqsilhom Lm1 miljun, jiena ngħidlu li lil dawn se jġibhom f'pożizzjoni li ma jkunux jistgħu jiffunzjonaw b'mod responsabbli. Aħjar noqogħdu attenti għaliex jekk l-idea tal-Gvern preżenti hija li l-kunsilli lokali jagħtu value for money u fl-istess ħin il-Gvern qiegħed jippretendi li dan ix-xogħol iridu jagħmluh b'inqas flus f'idejhom, dan ikun ifisser li aħna qegħdin nagħmlu ekonomija ma' l-iżvilupp tal-komunitajiet tagħna. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Adrian Vassallo.
ONOR. ADRIAN VASSALLO: Madam Speaker, il-Gvern Laburista li ġie elett f'Ottubru li għadda wara disa' snin u nofs ta' tmexxija Nazzjonalista, m'ilux li għalaq l-ewwel mitt ġurnata fl-amministrazzjoni u llum wasalna biex intemmu d-dibattitu dwar dan l-ewwel budget tiegħu. Kieku l-affarijiet ħadu l-kors normali tagħhom, kieku dan il-budget suppost tressaq mill-Gvern ta' qabel lejn tmiem is-sena l-oħra. Iżda bħalma deher ċar fl-aħħar xhur, wara li bdew jinkixfu ħafna borom, il-Gvern ta' qabel beda jinduna li l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż kienet qed taħrab minn taħt il-kontroll tiegħu u allura għażel li jagħmel elezzjoni kmieni. Il-Gvern ta' qabel immexxi mill-Onor. Fenech Adami għażel li ma jerfax ir-responsabbilta' quddiem l-elettorat dwar kif kienu qegħdin jitmexxew il-finanzi tiegħu.
L-elettorat kellu ħjiel huwa wkoll dwar ħafna tberbiq żejjed u dwar nuqqas ta' trasparenza. Barra minn hekk ħafna ministri bdew isiru arroganti u l-Amministrazzjoni kienet qiegħda ssir kapriċċjuża ż-żejjed. Issa l-elezzjoni saret u r-riżultat jafu kulħadd. Iż-żmien ma jistenna lil ħadd u ż-żejt beda tiela' f'wiċċ l-ilma. Sibna ħafna ħofor kbar finanzjarji - biex nerġa' nuża l-istess kelma li uża l-Prim Ministru - mentri tan-naħa l-oħra jgħidu li dan m'huwiex minnu. B'riżultat ta' dan it-tberbiq kollu, il-pajjiż jinsab mgħobbi b'piżijiet kbar li ħallielu Gvern Nazzjonalista.
Fid-dibattitu dwar il-budget, min-naħa l-oħra tal-Kamra, saru diskorsi biex jipperswadu lill-opinjoni pubblika li l-Gvern ivvinta ħafna ħofor artifiċjali. Qalu li dawn il-ħofor kabbarnihom peress li ċerti taxxi kienu għadhom ma nġabrux u affarijiet simili. Imma dawn ma kienu xejn ħlief diversivi biex jaljenaw u jfixklu lill-poplu. Wieħed wara l-ieħor qalu li taħthom kollox kien sejjer tajjeb u li ma kien hawn problemi ta' xejn, pero' għaliex għażlu li jagħmlu l-elezzjoni proprju xahar qabel meta suppost kellu jsir il-budget ħadd ma qal. Għamlu plejtu għaliex il-Gvern għolla s-sigaretti, ix-xorb, il-petrol, id-diesel u l-liċenzji, li huma affarijiet li huma għamluhom diġa'. Wieħed għandu jgħid hawnhekk: Meta inti ssib deficit ta' dan il-kobor kollu, allura ġġib ruħek qisu ma ġara xejn! Dan kif se tilqa' għalih? Kif kienu se jirranġaw il-problema huma kieku telgħu fil-gvern, bħalma kien għadu qed joħlom l-ex-Prim Ministru meta semma l-photo finish? Kieku rebħuha din x'kienu se jagħmlu? Kienu jgħollu l-VAT, kienu jgħollu l-bolla - taħt il-Gvern preċedenti sena wara sena din baqgħet togħla u minn balla saret bomba - u kienu jnaqqsu s-servizzi soċjali bħalma għamlu fl-aħħar budget tagħhom meta bdew inaqqsu ċ-children's allowance lil ċerti nies. Din kienet is-sitwazzjoni u qed ngħid dan biex kulħadd jinduna x'kien qed isir. Ma kienx hemm triq oħra għalihom u ma nistax nimmaġina x'setgħu jagħmlu.
Il-punt kruċjali ta' dan kollu huwa li sa minn Lulju tas-sena l-ex-Ministru tal-Finanzi, l-Onor. John Dalli, beda juri tħassib serju mal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien li d-deficit kien se jkun ħafna akbar mis-snin ta' qabel. Il-qagħda finanzjarja kienet imwiegħra għax sa nofs is-sena li għaddiet id-deficit kien diġa' laħaq is-6% tal-prodott gross nazzjonali. Hawnhekk wieħed irid ifakkar li meta l-Onor. Dalli ressaq l-ewwel budget tiegħu erba' snin ilu kien daqq ħafna trombi u trumbetti u kien iddikjara li għal li ġej id-deficit kien se jinżamm fuq livell mhux aktar għoli minn 3% tal-prodott grossnazzjonali. Sa nofs is-sena li għaddiet id-deficit irdoppja u d-delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali li eżaminat il-finanzji tal-gvern stmat li kieku l-Gvern Nazzjonalista kellu jibqa' sejjer bl-istess ritmu d-deficit seta' jitla' anke għal 12%. Fil-fatt spiċċajna b'deficit qrib ħafna ta' 12% u dan ifisser li konna qegħdin nikkonsmaw ħafna iktar milli konna qegħdin nipproduċu.
Il-kelliema ta' l-Oppożizzjoni għamlu minn kollox biex iħarsu x'imkien ieħor minflok lejn ir-realta'. Għamlu kapital mill-fatt li matul is-sena li għaddiet l-ekonomija kibret b'rata ta' madwar 4% fejn qalu li għolew il-profitti, żdiedu l-flus fil-banek, żdiedu l-impjiegi u ħafna affarijiet oħra. Ħadd minnhom ma qal - għax dan ma kienx jaqblilhom jgħiduh - li fis-snin ta' qabel l-ekonomija kibret bl-istess rata u d-deficit qatt ma kien ogħla mill-medja ta' 3% tal-prodott grossnazzjonali. Is-sena l-oħra - inneħħu s-settur pubbliku - id-deficit kien ta' madwar Lm112 miljun, minflok it-Lm38 miljun tas-sena ta' qabel. Meta jkunu qegħdin jiġu ppompjati daqshekk miljuni ta' liri mhux bilfors li l-ekonomija tikber! Kieku għamlu deficit akbar l-ekonomija kienet tikber aktar, imma kemm minn dan il-kobor huwa reali? Il-punt kollu huwa illi l-Gvern Nazzjonalista fl-aħħar snin tilef il-kontroll u ġie jaqa' u jqum minn kriterji li hu stess kien stabilixxa u minflok ma żamm il-brejkijiet kif kellu l-obbligu morali li jagħmel, beda jirrejżja. GĦalhekk illum ninsabu f'hiex ninsabu. Dan żgur ħadd ma jista' jgħid li huwa tort ta' Gvern Laburista u kellhom raġun tan-naħa l-oħra li tathom rashom u għamlu elezzjoni bikrija u llum għandhom raġun ukoll li qed jagħmlu l-almu tagħhom ħalli dnubiethom ma jidhrux bil-beraħ.
Madam Speaker, dnubiethom huma ħafna akbar minn hekk għaliex meta telgħu fil-gvern fl-1987, wara 16-il sena ta' tmexxija Laburista, dawn sabu dejn ta' Lm86 miljun u dak iż-żmien qalu li sabu gvern fallut, li sabu poplu batut u li ma kien hawn xejn. Illum wara għaxar snin ta' tmexxija Nazzjonalista d-dejn tal-gvern tela' għal kważi Lm500 miljun u ma' dan wieħed irid iżid ukoll li l-Gvern Nazzjonalista kien għamel garanzija uffiċjali - jew inkella letter of comfort - għal djun oħra li jwasslu għal kważi Lm500 miljun. Dawn ma jidhrux fl-estimi li għadna kif tkellimna fuqhom, pero' daħlu għalihom korporazzjonijiet, intrapriżi u awtoritajiet fis-settur pubbliku li jaqgħu taħt l-isfera jew inkella taħt l-umbrella tal-gvern. Mela dan ifisser li filwaqt li l-gvern kien qiegħed jgħid illi l-pajjiż kien qed isir aktar sinjur, konna qegħdin insiru ħafna aktar midjunin u b'rata kbira ħafna. Mela żieda ta' Lm1,000 miljun dejn f'għaxar snin hija ċajta! Mela meta kellna dejn ta' ¥86 miljun kellna poplu fallut, u b'dejn ta' ¥1,000 miljun x'għandna! (Onor. Membri: Hear, hear) Din is-somma, Madam Speaker, tirrappreżenta kważi l-valur tal-cake nazzjonali għal sena sħiħa jew inkella tqarreb ħafna s-somma totali ta' flus li għandhom imfaddlin il-Maltin kollha fil-banek ta' Malta. Dan id-dejn wikkewh lill-poplu Malti u b'xi mod iridu jħallsuh il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu, jew jekk ma jħallsuhx, iridu jħallsu l-imgħaxijiet fuqu kull sena għal għomorhom, li jfisser kważi daqs id-dejn li aħna ħallejna warajna għal 15-il sena.
Hawnhekk wieħed irid jgħid x'sar minn dawn l-Lm1,000 miljun għaliex kieku t-toroq ta' Malta huma miksijin bid-deheb u d-djamanti forsi tifhimha, imma dawn ħofor ukoll fihom! U l-mezzi tax-xandir jagħmlu tajjeb li dan li qed jingħad jispjegawh. Biex nibdew infejqu s-sitwazzjoni, l-ewwelnett irridu nrażżnu l-ħela u t-tberbiq. Aħna m'aħniex se nissikkaw ċinturini, kif qegħdin jgħidu tan-naħa l-oħra. Aħna rridu nkattru iktar ġid, irridu nsaħħu u nimmodernizzaw l-amministrazzjoni u rridu nentużjażmaw lill-Maltin, speċjalment liż-żgħażagħ, biex ir-riżorsi umani tagħna jkunu ħafna iktar imħarrġa għall-bżonnijiet tal-lum u rridu nfittxu metodi kif il-pajjiż ifittex iktar qligħ barrani.
Wieħed irid jgħid ukoll, Madam Speaker, li taħt l-Amministrazzjoni l-oħra mhux kollox kien ħażin. Kien hawn affarijiet tajbin, u dan aħna se nagħrfuh u se nibnu fuqu pero' l-ħażin irridu nidentifikawh u nwarrbuh. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, wieħed aktar jiskanta kif l-Oppożizzjoni tieħu atteġġament negattiv u tirrifjuta li tagħraf il-ħtija tagħha. Il-poplu dan għarfu u bagħathom fl-Oppożizzjoni, u billi joqgħodu joħolqu diversivi u jipprovaw jgħattu l-ħsara li għamlu f'għaxar snin, aktar jagħmlu ħsara lilhom infushom u aktar ikomplu jitilfu l-kredibilita'. Dawn għall-ewwel qalu li l-poplu injorant, li ma fehemhomx u li ġie mqarraq bil-wegħdiet li se nneħħu l-cash registers u ħafna affarijiet oħra. Imma dawn huma affarijiet li ma jinżlux tajjeb mal-poplu u lanqas m'huma se jimpressjonawh. Id-diska l-ġdida wara li semgħu l-budget issa hija li l-Gvern m'għandu l-ebda direzzjoni u li ma konniex ippreparati biex immexxu l-gvern. Dawn huma affarijiet li huma tad-daħk daqskemm huma tal-biki. Is-sens ta' direzzjoni kien ċar sa minn qabel l-elezzjoni.
Kien hawn min ried ibella' lill-poplu li dak iż-żmien konna qed inwiegħdu ħafna affarijiet u li ma konna se nwettqu xejn, imma aħna sa minn meta tlajna fil-gvern wrejna li konna nafu fejn sejrin u fejn irridu naslu. Kif wegħedna lill-poplu Malti ħriġna mill-Partnership for Peace, l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea poġġejniha fil-friża u ħadna l-ewwel inizjattivi biex Malta tinseġ rabtiet iktar adattati kemm ma' l-Ewropa kif ukoll fil-Mediterran. Hawnhekk ta' min jgħid x'puplesija għandhom fuqhom l-Oppożizzjoni bil-konferenza li se ssir is-sena d-dieħla. Barra minn hekk waqqafna task force fit-Tarzna, lill-MSU tajniha dimensjoni ġdida, abbandunajna l-proġett ta' l-airstrip f'Għawdex u l-bini amministrattiv, saru ħafna rapporti strateġiċi u waqqafna ħafna bordijiet. Ma rridx ninsa wkoll, Madam Speaker, il-miżuri li ħadna biex mill-iktar fis possibbli nibdew inneħħu l-VAT.
Il-budget li qiegħda tiddiskuti l-Kamra juri f'liema direzzjoni l-Gvern impenja ruħu li jmur, u l-impenn tiegħu diġa' beda jwettqu. Jekk tħares lejn il-miżuri li hawn fil-budget, li naf ċert li l-poplu semagħhom diġa', issib miżura wara l-oħra. Ikolli nieħu wisq tul biex insemmihom kollha u għalhekk se nsemmi ftit minnhom. Aħna ħadna miżuri biex insaħħu d-drittijiet tan-nisa u tas-self-employed ubiex nimmodernizzaw is-servizz pubbliku. Għall-Korp tal-Pulizija għandna lista ta' miżuri li permezz tagħhom se nibnu xi blokkijiet u nsaħħu units strateġiċi u se nimmodernizzaw ħafna sections tal-ħabs. Dwar it-Tarzna ħadna l-passi neċessarji u ma qgħadniex nitlajjaw bħalma għamlu tan-naħa l-oħra għal għaxar snin sħaħ bil-konsegwenza li intrapriża bħal dik kienet qed tiżvina. Fl-ambjent sibna diżastru sħiħ u mhux talli ma sibniex fjuri, bħalma qalu huma, talli sibna intejjen u miżbliet. Fil-qasam ta' l-edukazzjoni sibna skejjel li ħafna minnhom għandhom bżonn ħafna xogħol ta' refurbishing. Ħadna passi fuq iż-żgħażagħ, fuq l-industrija, fuq is-saħħa, fuq il-housing u jekk toqgħod tfittex issib lista sħiħa. Aħna tajna Lm1.50c żieda fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja u l-pensjonanti tal-Gvern Ingliż minn Ottubru li ġej se jieħdu l-pensjoni kollha. Il-poplu jaf b'dawn l-affarijiet u jien ipprovajt insemmi xi ħaġa fuq fuq.
Dan il-Gvern huwa kommess li jimxi b'metodi moderni. Fil-fatt se nagħmlu riformi mingħajr skossi. Dan huwa kollu magħruf għax illum il-poplu għandu l-mezzi kif jisma' x'inhu jintqal hawn ġew u għalhekk jisma' l-qanpiena ta' kulħadd. Il-Gvern u l-poplu għandhom quddiemhom problemi kbar u huwa dnub li jkun hawn min joqgħod jinħela fil-frivolita' ta' l-Oppożizzjoni li mhux biss hija bla sens imma hija skreditata bil-kbir fid-dawl ta' dak kollu li wettaq il-Gvern s'issa. Dan deher fl-aħħar elezzjoni. Dan huwa budget li ta r-riħ fil-qala lill-Gvern Laburista għaliex il-poplu wera li hu għatxan għal amministrazzjoni serja u moderna. Il-budget huwa mmirat biex jissodisfa dawn l-aspirazzjonijiet u t-tnassis u l-gideb ta' l-Oppożizzjoni m'huma se jxellfu xejn r-rieda u d-determinazzjoni tal-Gvern. Biex tiġbor ġieħha l-Oppożizzjoni trid tibda tfassal programmi li jkunu ta' fejda għaċ-ċittadin ħafna aktar minn dawk li qed ifassal il-Gvern. Fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom il-poplu jrid azzjoni u jrid jara u jmiss b'idejh għax m'huwiex se jikkuntenta bit-tlablib. Kulħadd jiftakar li qabel ma telgħu fil-gvern tan-naħa l-oħra kienu qalu li se jeqirdu l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel, li se jwaqqfu s-servizz ta' tabib b'xejn, li l-poplu se jgħammar f'daru bla biża', li se jkun hawn fjuri telgħin ma' kullimkien u li se jkunu garanzija ta' trasparenza. Madam Speaker, jien nistaqsi lill-poplu jekk dan kienx kollu kliem fil-vojt li għadu jirbombja ġo widnejn il-poplu bħalma għadhom jirbombjaw il-wegħdiet kollha li ma wettqux.
Dan kien budget realistiku, budget li għandu timbru ta' gvern serju u budget ta' gvern li jiffaċċja l-problemi u jipprova jilqa' għalihom. Il-Gvern se jagħmel dan kollu waqt li qal il-verita' kollha. Illum permezz tal-mezzi tax-xandir min jaħbi se jinkixef. Fil-fatt dak li għamlu fis-snin ta' qabel diġa' nkixef, għalkemm naħseb li ħafna affarijiet għadhom ma nkixfux u 'l quddiem għad iridu jinkixfu. Il-Gvern tal-lum impenja ruħu li jimxi fid-direzzjoni tat-trasparenza, sħiħa u assoluta. Is-serjeta' m'għandhiex prezz pero' magħha jrid ikun hemm ukoll l-effiċjenza li tikkaratterizza stil ta' gvern modern. Jien nittama li l-Gvern jidentifika kemm hawn dipartimenti li baqgħu lura fil-ġbir ta' taxxi dovuti lilu u hemm bżonn li nieħdu passi konkreti u malajr ħalli dak li huwa ta' Ċesri nagħtuh lil Ċesri. Jien naħseb li dan huwa budget modern, budget li jixraq il-poplu ta' Malta u Għawdex kollu u l-poplu huwa kuntent bih. (Onor. Membri: Hear, hear) Grazzi.