MALTA
DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)
IT-TMIEN PARLAMENT
Seduta Nru. 34
Il-Ġimgħa, 21 ta'Frar, 1997
Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan
Kamra tad-Deputati
MALTA
Prezz Lm1
IT-TMIEN PARLAMENT
Seduta Nru. 34
Il-Ġimgħa, 21 ta' Frar, 1997
Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,
il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.08 p.m.
Talba
SEDUTA NRU. 34
Il-Ġimgħa, 21 ta' Frar, 1997
WERREJ
MINUTI 20
MISTOQSIJIET -TWEĠIBIET ORALI 20
TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA 29
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 30
ESTIMI ĠENERALI 1996 30
RIŻOLUZZJONI LI TAWTORIZZA L-GĦOTI MILL-FOND KONSOLIDAT U LI JITRESSAQ L-ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-APPROPRAZZJONI (ORDNI PERMANENTI NRU. 82) 30
ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-APPROPRJAZZJONI (1997) 62
APPROPRIATION (1997) BILL 62
ESTIMI SUPPLIMENTARI 1996 63
MOZZJONI BIEX IL-KAMRA TMUR F'KUMITAT TA' PROVVISTA GĦALL-KONSIDERAZZJONI TA' L-ESTIMI SUPPLIMENTARI 1996 63
RIŻOLUZZJONI LI TAWTORIZZA L-GĦOTI MILL-FOND KONSOLIDAT U LI JITRESSAQ L-ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IT-TIENI APPROPRJAZZJONI 1996 (ORDNI PERMANENTI NRU. 82) 65
ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IT-TIENI APPROPRJAZZJONI (1996) 65
SECOND (1996) APPROPRIATION BILL 65
AĠĠORNAMENT 66
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 67
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 90
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 33 li saret fid-19 ta' Frar, 1997 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET -TWEĠIBIET ORALI
MALTA LABOUR PARTY - PROPRJETA'
1073. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid xi proprjeta' tal-gvern hi mogħtija lill-Malta Labour Party; taħt liema titolu hi mogħtija; għal kemm kera/ċens fis-sena, meta sar l-aħħar ħlas tal-kera/ċens; jekk hemmx arretrati x'jitħallsu; u jekk iva, kemm hemm; u jekk ittieħditx xi azzjoni legali s'issa?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): B'riferenza ghall-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi d-dettalji mitluba, kif ukoll tabella oħra li tagħti l-istess informazzjoni għall-proprjeta' mikrija lill-Partit Nazzjonalista.
Wieħed irid jinnota li bħalissa l-Partit Laburista għaddej b'diskussjonijiet mad-Dipartiment ta' l-Artijiet sabiex il-proprjeta tiegħu magħrufa bħala Il-Macina, Store 2, Senglea Bastion u Detached Hall, St. Angelo terġa tiġi mgħoddija lura lill-gvern.
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, ma nafx jekk il-Ministru Mizzi jistax jirrispondini - xtaqt li kien hawn preżenti l-ministru konċernat - pero' xorta waħda se nistaqsih jekk jafx fiex jikkonsistu dawn id-diskussjonijiet u għaliex qed isiru, għaliex biex tgħaddi proprjeta' lura lill-gvern tista' sempliċement tirrinunzja għall-kera.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Kif qal l-Onor. Interpellant jien ma nafx nirrispondih, pero' jien persważ li jekk jagħmel mistoqsija bil-miktub l-ministru konċernat jagħtih l-informazzjoni li jkun jixtieq.
LISBONA - EXPO '98
2232. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. George Pullicino) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk Malta għadhiex se tipparteċipa fl-Expo '98 li se ssir ġewwa Lisbona s-sena li ġejja? Jekk fl-affermattiv, jikkonferma li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija se jikkoordina din il-parteċipazzjoni, kif kien mitlub jagħmel dan il-kunsill mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Gvern preċedenti?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Ir-risposta għall-ewwel domanda hija "iva" u r-risposta għat-tieni domanda hija "le".
FIS - RIĊERKA
2341. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali għandhiex xi lanċa jew dgħajsa li sservi għar-riċerka? Jista' l-Ministru jgħid, jekk fl-affermattiv, kif inxtrat, meta, mingħand min, b'liema sejħa għal offerti, min ħa d-deċiżjoni li tinxtara u xi tħallas biex inxtrat? Jista' l-Ministru jgħid għaldaqstant x'dgħajjes jew laneċ oħra ġew ikkonsidrati qabel inxtrat din u għaliex intgħażlet din id-dgħajsa? Jista' l-Ministru, b'mod dettaljat, jagħti x'intnefaq fuq din id-dgħajsa bħala spejjeż rikorrenti minn mindu nxtrat sa l-aħħar ta' Diċembru ta' l-1996? Jista' l-Ministru jgħid kif intużat din id-dgħajsa xahar b'xahar fl-istess perijodu msemmi, kif ukoll x'inhu l-pjan ta' kif se tintuża din id-dgħajsa fit-tliet snin li ġejjin u x'inhu antiċipat li jintnefaq fuqha? Jista' l-Ministru jgħid ukoll fejn qiegħda din id-dgħajsa fil-preżent u x'inhu l-valur mekkaniku tagħha?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Id-dgħajsa msemmija fid-domanda tappartjeni lis-centre for insular and coastal dynamics li hu ċentru maħluq mill-Kunsill ta' l-Ewropa u jirċievi mill-kunsill sussidju annwali li jkopri l-ispejjeż kollha minbarra s-salarji.
Skond il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali, id-dgħajsa nxtrat f'Awissu 1991 mingħand id-direttur ġenerali fuq deċiżjoni tal-kumitat xjentifiku ta' l-ICOD u l-għażla, wara li ġew ikkonsidrati diversi alternattivi fuq is-suq Malti, saret fuq parir ta' rappreżentant tal-Inter-Governmental Oceanographic Commission u tal-Kunsill tal-Ewropa li kienu rawha. Skond il-Fondazzjoni l-lanċa ġiet magħżula għax kellha l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji u kienet mgħammra bl-istrumentazzjonijiet aġġornati. Id-dgħajsa li kellha valur ta' madwar Lm22,000 fl-1989 - jeżistu dokumenti dettaljati dwar dan - inxtrat wara valutazzjonijiet professjonali b'Lm15,000, liema ħlas sar mill-flus li ġew mill-Kunsill ta' l-Ewropa. Biex jgħin liċ-ċentru l-bejjiegħ aċċetta li l-ħlas isir fuq medda ta' żmien u aċċetta wkoll Lm2,000 anqas mill-valutazzjoni l-iktar baxxa. Din il-lanċa ġiet magħżula għaliex kienet ikkonsidrata li setgħet taqdi l-bżonnijiet taċ-ċentru biex jagħti bidu għal programm ta' riċerka fil-kosta ta' madwar Malta.
Il-programm ta' riċerka nvolva diversi esperti nternazzjonali u tħaddem hekk:
1991: Costal geomorphological survey in co-operation with University of Durham and MCST;
1992: Oceanographic related survey measuring currents and other related activities in co-operation with University of Southampton and MCST;
1993: Bathymetric surveying at Mellieħa Bay in co-operation with CERP (Costal Environment Research Programme);
1994: Sediment sampling exercises in Mellieħa Bay in co-operation with CERP.
Bħalissa, id-dgħajsa qiegħda f'Manoel Island Repair Yard għal xogħol ta' manutenzjoni. L-aħħar valuation li sar fuqha kien fl-1993 u kien ta' Lm13,000. Minħabba li l-programm ta' riċerka fuq l-oceanography f'Malta ma żviluppax kif kien mistenni, il-pjan taċ-ċentru hu li d-dagħjsa tiġi mibjuha fix-xhur li ġejjin.
Skeda ta' l-ispejjeż rikorrenti matul is-snin tidher hawn taħt:
Il-medja ta' l-ispejjeż kull xahar għar-reġistrazzjoni u manutenzjoni tad-dgħajsa kienet:
1992 Lm142
1993 Lm169*
1994 Lm 95
1995 Lm 76
1996 Lm 76
* F'din is-sena saret bidla fl-istruttura tal-hull biex takkomoda apparat xjentifiku tar-riċerka li qamet Lm2,500.
UNIVERSITA' - SPOTLESS COPERATIVE
2373. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid: x'inhu x-xogħol ta' l-iSpotless Co-operative fl-Universita' u jekk tagħmilx xogħol barra l-Universita';
Mindu ġiet imwaqqfa kemm intnefqu flus f'xogħol u materjal, sena sena, fl-Universita u lejn min hija accountable din il-koperattiva;
Kien hemm koperattivi oħra involuti f'xogħol ta' kostruzzjoni fl-Universita'; u jekk
iva, meta sar dan ix-xogħol, x'tip ta' xogħol sar u kemm kienet l-ispiża?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali) : Ix-xogħol ta' l-iSpotless Co-operative fl-Universita' hu dak ta' tindif fuq barra kollu tal-campus u manutenzjoni u kull xogħol ieħor relatat mal-manutenzjoni u l-upkeep, kif stipulat f'tender pubbliku maħruġ apposta.
L-iSpotless Co-operative taħdem bħala kumpanija privata u għalhekk għandha d-dritt li tagħmel ix-xogħol kollu li trid u fejn trid. Jekk għandhiex xogħol ieħor barra l-Universita', wieħed irid jistaqsi lill-istess koperativa.
Minħabba l-fatt li l-Koperativa Spotless taħroġ kontijiet għal kollox - materjal u xogħol inkluż - m'huwiex possibbli li tinħareġ lista separata kull sena għal xogħol u materjal. Pero' dawn li ġejjin huma l-ammont ta' invoices maħruġa minn u mħallsa lill-Koperativa Spotless fis-snin indikati:
Sena Ammont
1993 Lm 28,052
1994 Lm 41,361
1995 Lm 42,574
1996 Lm 39,019
F'dak li hu xogħol ta' tindif, manutenzjoni u upkeep tal-Campus il-Koperativa hi accountable lejn il-Precincts Office.
Iva, kien hemm koperattivi oħra nvoluti f'xogħol ta' kostruzzjoni fl-Universita'.
Dan ix-xogħol sar minn 1993 sal-1996 u kienu pjuttost xogħlijiet żgħar li ma kenux ta' idejn il-kuntratturi kbar li kienu qegħdin jaħdmu fuq il-bini ta' l-Universita'. L-ispiża sena b'sena fis-snin indikati kienet:
Sena Ammont
1993 Lm51,175
1994 Lm62,835
1995 Lm35,303
1996 Lm27,278
MADAM SPEAKER: L-Onor. Lawrence Gonzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, jista' l-Ministru - ma nafx jekk għandux l-informazzjoni hawnhekk - jgħidilna kif tqassmu l-profitti ta' din il-koperativa lill-ħaddiema li jifformaw membri tagħha? Peress li din hija koperativa jien għandi nassumi li l-ħaddiema jieħdu sehem mill-profitti li jsiru.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, jien m'għandix din l-informazzjoni hawnhekk, pero' jekk l-Onor. Interpellant jixtieq din l-informazzjoni jista' jagħmel mistoqsija bil-miktub lill-ministru konċernat.
UNIVERSITA' - PERIT JOE FALZON
2382. L-ONOR. CHRIS CARDONA (f'isem l-Onor. Bertu Pace) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk fiż-żmien ir-rettorat ta' Prof. Peter Serracino Inglott fl-Universita' tqabbadx il-Perit Joe Falzon mill-Fakulta' ta' l-Arkitettura u l-Inġinerija Ċivili biex jagħmel rapport dwar superviżjoni u kejl ta' xogħol li sar kejl tiegħu mingħajr qatt ma fil-fatt sar jew li inkella tħallas darbtejn u li sar fuq diversi bini fil-precincts ta' l-Universita?
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport u jgħid x'passi ttieħdu u se jittieħdu fil-konfront ta' dawk li kienu responsabbli minn dawn in-nuqqasijiet?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Mill-mistoqsijiet li għamilna lil żewġ individwi li għalihom qed jirriferi l-Onor. Interpellant ma sirna nafu li hemm xejn minn dak li qed jistaqsi l-Onor. Interpellant.
RCC - ĦLAS TA' DANNI
2556. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Prim Ministru: Imbilli Richard Cachia Caruana, l-assistent personali ta' l-ex-Prim Ministru, ġie rrapportat li ngħata Lm30,000 wara l-inċident li kellu, jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet deċiża din is-somma meta wieħed iqis li numru kbir ta' ċittadini sofrew danni bħal Cachia Caruana u ma ngħataw l-ebda kumpens?
ONOR. ALFRED SANT: Il-Gvern ta' qabel kien iddeċieda li talbiet għall-ħlas ta' kumpens ex-gratia lill-vittmi ta' xi att kriminali, inklużi dawk ta splużżjoni bil-bomba, kellhom jiġu kkonsidrati biss f'dawk il-każijiet li jinvolvu atti kriminali kontra l-interess pubbliku. Fil-każ tas-Sur Richard Cachia Caruana, l-Kabinett qabel li l-att kriminali kontrih kien wieħed li jaqa taħt id-deċiżjoni msemmija. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kabinett fis-16 ta' Settembru, 1996 u ġiet approvata mill-Prim Ministru fit-22 ta Ottubru, 1996. Il-payment voucher għal Lm30,000 inħareġ fit-22 ta' Ottubru, 1996 stess.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Louis Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LOUIS GALEA: Madam Speaker, jista' l-Prim Ministru jgħidilna jekk il-policy f'dan il-qasam għadhiex l-istess waħda li kienet tiġi segwita mill-Gvern preċedenti f'każ li jkun hawn xi każijiet li jaqgħu f'dan il-kamp ta' atti kriminali li jsiru, per eżempju, kontra uffiċjali pubbliċi jew inkella b'konnessjonijiet evidenti ta' natura pubblika? Għar-rigward ta' kumpens, il-Gvern qed jadotta l-istess policy ta' qabel jew kien hemm xi okkażjoni fejn din setgħet tiġi riveduta?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Għad ma kienx hemm okkażjoni fejn din tiġi riveduta imma se tiġi riveduta, mhux lanqas in vista ta' ċerti inkonsistenzi li jidher li l-politika antika kienet tiġi applikata biha. Jien għandi anke talba jew kummenti mingħand xi ħaddieħor li ħass ruħu "offiż", għall-fatt li l-każ li huwa qies li kien jaqa' taħt din il-politika u ma ġiex ittrattat bl-istess kriterji bħall-każ imsemmi f'din l-interpellanza.
KUNSILL NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
2884. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Richard Muscat) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2495 f'paragrafu 1, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ħa sal-lum is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ biex jipprovdi staff li jagħmel it-tindif ġenerali tal-post tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u mil-liema Vot ġew meħudin l-ispejjeż konnessi?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): B'riferenza għall-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant, nixtieq ninformah li kienu ttieħdu passi mmedjati biex ikun hemm tindif ġenerali tal-post tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ wara li s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u l-Arti kien iltaqa' mal-membri tal-kunsill. Għaldaqstant tqabbad ħaddiem mid-Dipartiment tal-Kultura biex darbterjn fil-ġimgħa jwettaq xogħol ta' tindif ġenerali fil-post tal-kunsill. Ma jitħallsu ebda spejjeż żejda ta' dan ix-xogħol.
MALTA UNIVERSITY SERVICES LTD. - PROJECT MANAGEMENT OFFICE
2902. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Project Management Office tal-Malta University Services Ltd. għandux xi kuntratt mad-Diviżjoni tas-Saħħa biex dan jirċievi servizzi ta' project management fit-twettiq tar-refurbishment ta' l-Isptar San Luqa? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jikkonferma li l-Project Management Office ta' l-MUS Ltd għandu jieħu madwar Lm0.25 miljun fi spejjeż u fees mid-Diviżjoni tas-Saħħa għal servizzi li ta bejn l-1993 u l-1996 li tagħhom għadha ma tħallset l-ebda lira? Jista' l-Ministru jgħid fil-fatt jekk il-Project Management Office għadx għandu uffiċċju u x'sehem għandu fil-programm ta' refurbishment ta' l-Isptar San Luqa?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Il-Project Management Office m'huwiex biss tal-Malta University Services Ltd imma huwa joint venture bejn l-Universita', il-Malta University Services Ltd, li hija kumpanija ta' l-Universita', u l-Works Division fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni.
Il-Project Management Office kien qiegħed jinnegozja kuntratt mad-Diviżjoni tas-Saħħa għal servizzi ta' project management ta' l-Isptar San Luqa, iżda s'issa ma sar l-ebda ftehim. Il-Project Management Office għandu jieħu Lm206,551 għal spejjeż li għamel f'konnessjoni mar-refurbishment ta' l-isptar, imma s'issa għadu ma tħallasx. L-uffiċċju tal-Project Management Office fl-Isptar San Luqa se jingħalaq fl-aħħar ta' dan ix-xahar.
UNIVERSITA' - ENTRATURA
2903. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-entratura li twassal għall-Universita' s-sena l-oħra kenitx bdiet tinbena mingħajr il-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jista' l-Ministru jgħid min iddisinja din l-entratura, xi flus tħallsu biex sar dan id-disinn, kif ukoll igħid x'inhi l-istima biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa li jonqos fuq din l-entratura? Jista' l-Ministru jagħti wkoll b'mod dettaljat x'intnefaq fuq xogħlijiet ċivili ta' kostruzzjoni bejn l-1 ta' Jannar 1995 u l-aħħar ta' Novembru 1996 u lil min tħallsu l-pagamenti relattivi fuq din l-entratura?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Ix-xogħol li sar fl-entratura l-ġdida sar fl-1995 u kien jikkonsisti prinċipalment fuq xogħol ta' pedamenti, biex ma jkunx hemm il-bżonn li terġa' tinqala' t-triq meta fil-fatt tinbena l-entratura kollha. Il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħareġ fil-21 t'Ottubru 1996.
L-entratura ġiet iddisinjata mill-konsulenti England and England. L-Universita' ħallset Lm1,000 biex sar id-disinn. L-istima biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa li jonqos huwa proġettat li se jiswa Lm80,000. Id-disinn ta' l-entratura jinkludi minbarra security guard room, faċilitajiet għal information and reception office, messengers office, kif ukoll l-uffiċini tal-Precincts Office.
Fuq din l-entratura, l-Universita' ma ħallset xejn għal xogħlijiet ċivili ta' kostruzzjoni bejn l-1 ta' Jannar 1995 u l-aħħar ta' Novembru 1996.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, jista' l-Ministru jgħidilna meta jaħseb li bejn wieħed u ieħor ikun lest ix-xogħol?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Mill-iktar fis possibbli. Dan suppost li kien tlesta fl-1995 u jien persważ li mhux se jieħu daqskemm ilu biex jitlesta.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, jista' l-Ministru jkun ftit iktar preċiż fid-dati?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Naċċerta lill-Onor. Interpellant li mhux se jdum daqskemm dam taħt l-Ammistrazzjoni preċedenti.
UNIVERSITA' - VOT KAPITALI
2904. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni b'mod dettaljat dwar x'kienu l-ħlasijiet li saru mill-Vot Kapitali ta' l-Universita' bejn l-1 ta' Jannar ta' l-1996 u l-aħħar Novembru ta' l-1996; lil min saru; fuq liema proġetti;u kif dawn il-ħlasijiet li saru li qed tintalab breakdown tagħhom jirrelataw ma' tenders pubbliċi li kienu pubblikati mill-Universita' jew mid-Dipartiment tal-Kuntratti? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'inhu l-programm ta' xogħlijiet li l-Universita' triq twettaq tul l-1997 mill-Vot Kapitali tagħha u jgħid ukoll x'inhi l-istima ta' kull proġett li jrid li jitwettaq?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari.
UNIVERSITA' - PROJECT MANAGEMENT SERVICES
2905. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi kuntratt bejn il-Project Management Office tal-Malta University Services Ltd. u l-Universita' ta' Malta biex din ta' l-aħħar tirċievi project management services? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid b'mod dettaljat xi tħallas lill-Project Management Office mill-Universita' għal servizzi li ta bejn l-1 ta' Jannar 1992 u l-aħħar ta' Novembru 1996?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Il-Project Management Office m'huwiex biss tal-Malta University Services Ltd. imma huwa joint venture bejn l-Universita', il-Malta University Services Ltd, li hija kumpanija ta' l-Universita', u l-Works Division fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni. Il-Project Management Office ġie mwaqqaf sabiex primarjament jieħu ħsieb il-building programme ta' l-Universita' u jitħallas mill-Universita' skond it-Tariffa fi Skeda K ta' l-Ordinanza li tirregola t-Tariffi tal-Periti.
Il-Project Management Office tħallas kif jidher hawn taħt. Il-Project Management Office tħallas dawn il-flus għal servizzi professjonali ta' "Perit", jiġifieri disinn ta' bini, preparazzjoni ta' pjanti u d-dokumenti kollha neċessarji biex jinħarġu t-tenders, superviżjoni tal-bini, etċ, skond l-imsemmija skeda. Minn dawn il-flus, il-Project Management Office ħallas il-periti li għamlu d-disnn u x-xogħol ieħor fuq il-bini kif ukoll ħallas in-nies impjegati fil-Project Management Office u spejjeż oħra ta' l-uffiċċju.
Sena Finanzjarja Ammont
1991/92 Lm 31,997
1992/93 Lm 31,311
1993/94 Lm163,496
1994/95 Lm135,420
1995/96 Lm 57,246
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, jista' l-Ministru jgħidilna x'inhuma r-raġunijiet li l-Project Management Office ġie deċiż li jingħalaq?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel domanda bil-miktub lill-ministru konċernat sabiex ikun jista' jieħu l-informazzjoni li talab.
SKEJJEL - GĦAWDEX - SKOLA PRIMARJA
3008. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-estensjoni fil-bini ta' l-Iskola Primarja ta' Sannat, Għawdex li kellha tipprovdi iktar spazju ta' kmamar għall-klassijiet, hijiex se ssir jew le? Jekk le, x'żamm lura x-xogħlijiet meħtieġa?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Peress li l-estensjoni fil-bini ta' l-iskola msemmija hija fil-ħsieb tas-Segretarjat Parlamentari għal Għawdex nissuġġerilu li jikkomunika mas-Segretarju Parlamentari għal-Għawdex, l-Onor. Anton Refalo.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tabone, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANTON TABONE: Madam Speaker, qed nifhem sew li jien intlabt nagħmel din id-domanda lil xi ħaddieħor?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Iva, qed jifhem sew.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tabone.
ONOR. ANTON TABONE: Imma lil min irrid nagħmilha?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Hemm il-proċedura normali; għamel il-mistoqsija u jgħidulek lil min tirriferiha.
ONOR. ANTON TABONE: Madam Speaker, jien qed nistaqsi biex inkun naf x'għandi nagħmel. Jiġifieri d-domanda nagħmilha lill-Prim Ministru? Għaliex normalment ma jsirux domandi lis-segretarji parlamentari.
ONOR. JOE MIZZI: Is-Segretajat għal Għawdex jaqa' taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u allura d-domanda għandha ssir lill-Prim Ministru.
KUMPANNIJI TA' L-INSURANCE - WATER SPORTS OPERATORS
655. L-ONOR. CHRIS CARDONA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Fid-dawl tar-regolamenti dwar l-ispeedboats li huma inadegwati u li ftit li xejn qed jiġu nforzati, jista' l-Ministru jara li dawn ir-regolamenti jinbidlu biex kumpanniji ta' l-insurance jibdew jagħtu wkoll coverage lill-water sports operators?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi): Ir-regolamenti msemmija mill-Onor. Interpellant m'humiex ir-responsabbilta' ta' dan il-Ministeru.
QRATI - LEĠISLAZZJONI TA' NATURA SUSSIDJARJA
656. L-ONOR. CHRIS CARDONA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess tal-pubblikazzjoni f'volumi tal-leġislazzjoni ta' natura sussidjarja -delegated legislation fid-Dritt Amministrattiv - li suppost inbeda taħt il-Gvern Nazzjonalista?
ONOR. CHARLES MANGION (Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol meħtieġ għall-pubblikazzjoni sussidjarja mill-Law Revision Commission huwa fi stadju avvanzat iżda mhux mistenni li l-pubblikazzjoni ta' din il-leġislazzjoni ssir fil-futur viċin għaliex il-kummissjoni qed tagħti prijorita' lill-aġġornament tal-leġislazzjoni prinċipali li f'dan l-aħħar żmien żdiedet u tbiddlet ħafna.
DJAR - POSTIJIET BATTALA
657. L-ONOR. CHRIS CARDONA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern fejn jirrigwarda postijiet vojta u li huma tal-privat biex fil-ħarsien sħiħ tad-drittijiet tas-sidien isir l-aqwa użu tagħhom u ma jitħallewx vojta? Sar xi studju f'dan is-sens?
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar): Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jara r-risposta li jien tajt għall-mistoqsija numru 2489 fis-seduta numru 23.
QRATI - KAWŻI TA' SEPARAZZJONI
658. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew inizjati kawżi ta' separazzjoni quddiem il-qorti tul l-1995-1996? Kemm ġew inizjati kawżi ta' annullament quddiem il-qorti tul l-1995-1996? X'emendi fil-Liġi taż-Żwieġ 1975, kif sussegwentement emendata u kif emendata dan l-aħħar taħt Gvern Nazzjonalista bi kritika ta' l-Oppożizzjoni Laburista, se jiġu ppreżentati?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kawżi ta' separazzjoni li ġew ippreżentati fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili fl-1995 jammontaw għal 116 filwaqt li fl-1996 kienu jammontaw għal 148.
Kawżi ta' annullament li ġew ippreżentati fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili fl-1995 jammontaw għal 70 filwaqt li fl-1996 jammontaw għal 60.
Meta jasal il-waqt, l-emendi meħtieġa jitressqu skond il-proċeduri parlamentari stabbiliti.
SPEEDBOAT REGULATIONS
659. L-ONOR. CHRIS CARDONA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iSpeedboat Regulations ta' l-1985 jiġu emendati biex jirriflettu l-esiġenzi u l-ħteġijiet tal-lum? Per eżempju, l-Prim Ministru konxju li r-regolamenti ma jagħmlux riferenza għall-użu ta' jetskis iżda jirriferu biss għall-ispeedboats u water skiing, u dan meta il-jetskiing żdied b'mod qawwi tul is-snin u dawn jinkrew f'Malta u f'Għawdex minn turisti u Maltin, u ġieli ssib anke tfal jużaw is-seacraft tagħhom?
ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Membru jirriferi din il-mistoqsija lill-Ministru tat-Trasport u Portijiet.
MINISTERU TA' L-AFFARIJIET BARRANIN - INFIQ F'RIĊEVIMENTI
660. L-ONOR. CHRIS CARDONA (f'isem l-Onor. Sandro Schembri Adami) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti li saru fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jew saru bl-użu tal-voti ta' flus li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin sena b'sena bejn l-1990 u 1996?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
SANT'ANTIN - IMPJANT TA' RIĊIKLAĠĠ
2718. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Ċensu Galea) staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' mpjegati li fil-preżent qed jaħdmu mal-purification plant li hemm f'Sant'Antnin?
Jista' l-Ministru jara li l-impjant jitħaddem kontinwament, b'mod li l-ilma li hemm meħtieġ mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għall-bdiewa, fil-fatt jiġi pprovdut lil dan id-dipartiment?
Lil min aktar jiġi pprovdut ilma minn dan l-impjant? X'persentaġġi ta' l-ilma jintuża għall-industrija, u x'jifdal għall-agrikoltura?
Kull kemm żmien isiru testijiet fuq dan l-ilma u x'riżultati qed joħorġu minn dawn it-testijiet?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): In-numru ta' mpjegati fl-impjant ta' Sant'Antin huwa ta' 46. Minn dawn 32 jaħdmu fuq sistema ta' 4 shifts, waqt li l-bqija jaħdmu bil-ġurnata.
L-impjant ta' Sant'Antnin jaħdem fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum, jiġifieri kontinwament. Madankollu s-sistema li biha jaħdem l-impjant hija waħda bioloġika u għaldaqstant xi drabi jista jkun hemm waqfien sakemm is-sistema terġa tiġi lura f'posta. Jista' ukoll ikun hemm waqfien minħabba raġunijiet ta' ħsara fl-apparat jew makkinarju. Il-waqfien fil-produzzjoni ta' l-ilma dejjem jinżammu qosra kemm hu teknikament possibli. L-ilma ta' l-impjant jintuża l-aktar mill-bdiewi, iżda persentaġġ ta' 25% jintuża mill-industrija (i.e. l-agrikoltura tieħu 75% ta' l-ilma).
Testijiet fuq l-ilma, u anke fuq il-proċess tat-tisfija kollu, jsiru kuljum u r-riżultati jkunu fil-limitu kif stabbilit mill-WHO standards for irrigation of crops eaten raw. Jekk dawn il-limiti jinqabżu d-distribuzzjoni ta' l-ilma tieqaf sakemm ir-riżultati jerġgħu jiġu għan-normal.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għal Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.
Dostları ilə paylaş: |