RIŻOLUZZJONI LI TAWTORIZZA L-GĦOTI MILL-FOND KONSOLIDAT U LI JITRESSAQ L-ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IT-TIENI APPROPRJAZZJONI 1996 (ORDNI PERMANENTI NRU. 82)
MADAM SPEAKER: Il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi.
ONOR. LINO SPITERI: Sinjura President, nipproponi:
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn dsatax-il miljun, seba' mija u tlett elef u seba' liri Maltin addebitata lill-Fond Konsolidat tiġi mogħtija għan-nefqa mill-Fond Konsolidat taħt il-Voti speċifikati fl-Iskedi approvati mill-Kumitat ta' Provvista; u
Illi l-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi jressaq l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Approprjazzjoni.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda jekk jogħġobkom?
ONOR. JOE MIZZI: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi r-Riżoluzzjoni kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-Riżoluzzjoni għaddiet u l-Abbozz ta' Liġi ġie meqjus li nqara l-Ewwel Darba skond Ordni Permanenti Nru. 82.
ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IT-TIENI APPROPRJAZZJONI (1996) SECOND (1996) APPROPRIATION BILL
MADAM SPEAKER: Dan l-Abbozz ta' Liġi huwa eżenti mill-pubblikazzjoni u bis-saħħa tal-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta' Jannar, 1997 jistgħu jittieħdu l-istadji kollha fl-istess seduta.
Il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi jekk jogħġbu jressaq it-Tieni Qari.
ONOR. LINO SPITERI: Sinjura President, nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi dwar it-Tieni Approprjazzjoni (1996).
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att għall-approprjazzjoni ta' somma ta' mhux iżjed minn dsatax-il miljun, seba' mija u tlett elef u seba' liri Maltin għas-servizz tas-sena finanzjarja 1996" ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-mozzjoni għaddiet u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.
L-ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresjedi.
ONOR. MICHAEL BONNICI: Skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta' Jannar, 1997 se ngħaddi biex inqiegħed il-mistoqsija fuq kull klawsola ta' dan l-Abbozz ta' Liġi mingħajr diskussjoni.
Klawsola 2 u l-Ewwel Skeda, Klawsola 3 u t-Tieni Skeda, Klawsola 1 u t-Titolu għaddew u ġew ordnati biex isiru parti mill-Abbozz ta' Liġi.
Fid-9.55 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-President tal-Kumitati rrapporta l-Abbozz ta' Liġi mgħoddi mingħajr emendi.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi jekk jogħġbu jressaq it-Tielet Qari.
ONOR. LINO SPITERI: Madam Speaker, nipproponi t-Tielet Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi dwar it-Tieni Approprjazzjoni (1996).
MADAM SPEAKER: Min jissekonda jekk jogħġobkom?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att għall-approprjazzjoni ta' somma ta' mhux iżjed minn dsatax-il miljun, seba' mija u tlett elef u seba' liri Maltin għas-servizz tas-sena finanzjarja 1996" ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-mozzjoni għaddiet u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjakom. Nitlob lill-Viċi Prim Ministru sabiex jekk jogħġbu jressaq l-Aġġornament tal-Kamra.
AĠĠORNAMENT
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 24 ta' Frar, 1997 fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa - it-Tieni Qari; u
Abbozz ta' Liġi dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji - it-Tieni Qari (Kont.).
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Skond il-Mozzjoni Nru. 37 tal-15 ta' Jannar, 1997 il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 24 ta' Frar, 1997 fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.
Fid-9.57 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
WSC - TALBIET PENDENTI
2719. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' talbiet għas-servizz ta' l-ilma li għandha pendenti il-Water Services Corporation raħal b'raħal?
Kemm minn dawn it-talbiet ilhom pendenti aktar minn sena? Kemm minnhom ilhom pendenti għal iktar minn sitt xhur? Fiż-żewġ każi f'liema lokalitajiet jinstabu dawn it-talbiet? X'wassal għal dan id-dewmien biex jingħata s-servizz ta' l-ilma f'dawn il-każi?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ġabret l-informazzjoni mitluba dwar is-servizzi ta' l-ilma.
(i) SERVIZZI ĠODDA PENDENTI F'KULL LOKALITA FEJN HEMM IS-SISTEMA TAD-DISTRIBUZZJONI INSTALLATTA
Dawn ilhom pendenti inqas minn tlett xhur.
Balzan 1 Marfa 1
San Gwann 1 Qormi 2
Zurrieq 1 Bahar ic-Caghaq 1
Kirkop 1 Dingli 1
Santa. Venera 1 Rabat 1
Paola 1 Sta. Lucija 1
Ghaxaq 2 Gharghur 1
Pembroke 2 Qawra 2
Birkirkara 4 Marsascala 2
Siggiewi 4 Zebbug 4
Mgarr 3 Marsaxlokk 1
Tarxien 1 Swieqi 1
Hamrun 3 Birzebbugia 3
San Pawl il-Bahar 1 Mqabba 1
Kappara 1 Mosta 5
Kalkara 3 Naxxar 1
Bugibba 2 Fgura 3
Mellieha 6 Total 67
(iia) SERVIZZI ĠODDA FEJN M'HEMMX IS-SISTEMA TAD-DISTRIBUZZJONI INSTALLATA:-
Dawn l-applikazzjonijiet ilhom iktar minn sena:-
Attard 11 Qormi 7
Birkirkara 11 Qrendi 1
Birzebbugia 9 Safi 1
Dingli 2 San Gwann 3
Fgura 3 Siggiewi 6
Ghaxaq 8 San Giljan 2
Gudja 1 Santa Venera 5
Hal-Far 1 San Pawl il-Bahar 10
Lija 2 Ta' Xbiex 2
Marsascala 13 Xghira 2
Marsaxlokk 3 Zabbar 8
Mellieha 9 Zejtun 5
Mqabba 1 Zurrieq 4
Mriehel 1 Zebbug 1
Msida 2 TOTAL 134
(iib) DAWN L-APPLIKAZZJONIJIET ILHOM AKTAR MINN SITT XHUR:-
Attard 7 Naxxar 1
Birkirkara 2 Qormi 1
Fgura 1 Siggiewi 2
Ghaxaq 1 Santa Venera 1
Manikata 1 Tarxien 1
Marsascala 7 Zabbar 4
Marsaxlokk 2 Lija 1
Mosta 2 Zejtun 1
Mellieha 4 Zurrieq 1
Mgarr 1 TOTAL 41
(iii) TISWIJIET FUQ SERVIZZI MINĦABBA LEAKAGES:-
Xogħlijiet pendenti xejn.
(iv) XOGĦLIJIET TA' BDIL TA' SERVICES FUQ TALBIET TA' KONSUMATUR:-
(a) applikazzjonijiet pendenti aktar minn sena xejn.
(b) applikazzjonijiet pendenti aktar minn 6 xhur:6. Erbgħa minn dawn l-każijiet jikkonċernaw il-Housing & Construction Maintenance Department, filwaqt li tnejn l-oħra il-konsumaturi ipposponew dawn is-servizzi.
Bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha madwar 45 kilometri ta' estenzjonijiet ta' mains fis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma, li huma mifruxa ma' Malta kollha u li għadhom pendenti. Dawn ma sarux minħabba li l-prijorita teknika kienet li tintensifika l-proġett ta' telf ta' l-ilma b'tiftix u tiswijiet tal-ħsarat fil-mains; xogħlijiet biex tissaħħaħ il-provvista u proġetti li jkabbru l-flessibilita' tas-sistema tad-distribuzzjoni.
Fattur ieħor ta' konsiderazzjoni huwa l-istat ta' toroq ġodda li m'humiex livellati u fformati. Meta t-toroq jkunu f'dan l-istat il-korporazzjoni ma tinstallax mains ġodda minħabba l-periklu ta' ħsarat waqt ix-xogħlijiet tal-formazzjoni tat-toroq.
SAN PAWL IL-BAĦAR - PUMPING STATION
2720. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Billi ripetutament qed jasluli ilmenti dwar irwejjaħ (gases) li qed joħorġu mill-pompa tad-drenaġġ ta' ħdejn l-iskola San Pawl il-Baħar (tal-għażżenin), jista' l-Ministru jekk jogħġbu jieħu l-passi neċessarji biex din il-pompa (b'mod partikolari minħabba l-fatt li tinsab ħdejn l-iskola) ma tibqax toħloq inkonvenjenti bl-irwejjaħ li qed toħroġ?
Kull kemm żmien isiru spezzjonijiet fuq din il-pompa? X'riżultati taw dawn l-ispezzjonijiet? X'tibdil hu mistenni li jsir f'dan il-lokal?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Fil-ġranet li ġejjin, id-dipartiment beħsiebu iniedi xogħlijiet biex isiru ventijiet tul il-medda ta' katusi li jwasslu d-drenaġġ għall-pumping station ta' ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar. Il-ħsieb wara dawn ix-xogħlijiet hu biex jinstab rimedju għall-gassijiet li qed jaslu fil-pumping station u li qed jikkawżaw l-inkonvenjent imsemmi.
Il-pompi li huma nstallati f'din il-pumping station kif ukoll il-kumplament tal-impjant jiġu spezzjonati regolarment. Hemm ukoll allokati numru ta' għassiesa ma' din il-pumping station biex f'każ ta' ħsara teknika, dawn jinformaw immedjatament is-sezzjoni tal-pompi biex it-tiswijiet neċessarji jsiru fl-iqsar żmien possibbli.
Fil-futur qarib, id-dipartiment beħsiebu jżid il-kapaċita' ta' din il-pumping station biex b'hekk tkun tista' tirċievi volum akbar ta' drenaġġ mill-inħawi. Ix-xogħlijiet konnessi ser jinkludu t-tibdil ta' pompi u makkinarju u alterazzjonijiet fis-sentina tal-bini. Se jittieħdu passi wkoll biex jitrażżan il-ħruġ ta' gassijiet fl-inħawi.
PULIZIJA - MEMBRI FIL-KORP
2732. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' pulizija (nisa u rġiel separatament) li qed jaħdmu bħalissa fil-Korp tal-Pulizija?
F'liema gradi jinsabu impjegati dawn il-pulizija? F'liema distretti tal-pulizija huma impjegati dawn il-pulizija?
Billi dan l-aħħar intqal li l-għassa tal-pulizija ta' Ħal Lija mhux se tinfetah, jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħid liema għases oħra mhux mistennija li jinfetħu, u jekk inhu l-każ liema għases hu mistenni li jingħalqu?
ONOR. ALFRED SANT: Fil-Korp tal-Pulizija hemm 204 nisa u 1645 irġiel. Dawn huma stazzjonati kif jidher fit-tabella li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2454.
UK - DEPARTMENT OF TRANSPORT
2975. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li ppreparaw l-esperti Ingliżi mill-United Kingdom Department of Transport dwar t-training u t-testing tax-xufiera u wkoll dwar it-testing tal-vetturi li għandna, jew li jista' jkollna fit-toroq Maltin?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li r-rapporti li qed isemmi l-Onor. Interpellant għadhom qed jiġu evalwati u għalhekk inħoss li għadu kmieni wisq biex dawn ir-rapporti jiġu ppublikati.
PUMPING STATIONS
2976. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema areas ta' Malta u Għawdex is-sistema tad-drenaġġ għandha bżonn pompi biex tkun tista' taħdem b'mod tajjeb? Kemm hu n-numru ta' pompi nvoluti fis-sistemi differenti (lokal lokal)? Kemm hu n-numru ta' persuni li jieħdu ħsieb dawn il-pompi lokal lokal? Il-persuni li qed jagħmlu x-xogħol marbut ma' dawn il-pompi, xi grad huma mpjegati fih? X'żieda ta' personnel hu mistenni li jkun hemm f'dan il-qasam matul ix-xhur li ġejjin?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-pumping stations li hawn jaħdmu bħalissa hawn Malta jammontaw għal 59.
Dawn jinstabu fil-lokalitajiet hawn taħt imsemmija: Ċirkewwa, Mtarfa, Għadira. Gerbulin, Selmun, Manikata u Għajn Żnuber limiti tal-Mellieħa, Pwales, Fekruna, Steps Street, Għażżelin, tax-Xama, Sirens, Buġibba u Kennedy Grove limiti ta' San Pawl il-Baħar, Mġarr, Rabat, Mosta, San Pawl tat-Tarġa, Attard, Dingli u Dingli HOS, limiti ta' Ħad-Dingli, Ta' Srina limiti ta' Ħaż-Żebbuġ, Siġġiewi u Ħandaq limiti ta' Ħal-Qormi. Baħar iċ-Ċagħaq, Pembroke, San Ġwann,San Ġorġ, Paceville, Cavallieri u Glenfel Street, limiti ta' San Ġiljan, Ta' Xbiex, Gżira, Msida u Pieta', Marsamxett, Dar il-Mediterran u Lascaris limiti tal-Belt, Marina Street, Fisherman Street, Ta' Ċejlu, Marsa, Shipbuilding 1 u Shipbuilding II limiti tal-Marsa. Għajn Dwieli, Birgu, Kalkara, Rinella, Xgħajra u Wied Għammieq limiti tax-Xgħajra, Żabbar, Għaxaq, Żurrieq, B'Buġia, M'Xlokk u l-Qajjenza limiti ta' B'Buġia, Wied il-Għajn u s-Siberia limiti ta' Wied il-Għajn.
Ta' min isemmi li b'kollox, f'dawn il-pumping stations, hemm installati 128 pompa.
In-numru ta' persuni li jaħdmu bħala attendants fissi ġewwa wħud mill-pumping stations jammonta għal 61 u dawn qegħdin fil-pumping stations hawn taħt imsemmija: Għajn Znuber, Manikata, Pwales, Tax-Xama, Gżira, Marsa, B'Buġia, Wied il-Għajn, M'Xlokk u Wied Għammieq.
Ma' dawn wieħed irid iżid 99 persuna oħra li jagħmlu xogħlijiet ta' tiswija u manutenzjoni kif meħtiega fil-pumping stations kollha hawn fuq imsemmija.
Il-gradi tan-nies kollha f'din is-sezzjoni tad-dipartiment jinkludi inġiniera, uffiċjali tekniċi, ħaddiema tas-sengħa u ħaddiema operattivi.
In-numru ta' personnel li jaħdmu fuq dan ix-xogħol jiġi stabbilit skond l-esiġenza tax-xogħol biss. Għalissa m' hemm l-ebda ħsieb li dan jinbidel.
MALTA RACING CLUB - PRESIDENT TAL-POLO
3041. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm raġuni għaliex il-President tal-Polo li hu membru ġdid fil-Kunsill tal-Malta Racing Club ma marx għall-Press Conference?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jien infurmat li l-membru msemmi ma attendiex għall-Press Conference minħabba raġunijiet ta' saħħa.
MALTA RACING CLUB - MEMBRU FIL-KUNSILL
3042. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma li persuna li isimha qed jintbagħat separatament trid xogħol fulltime b'kuntratt filwaqt li hija ukoll membru fil-Kunsill tal-Malta Racing Club?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Din hi materja li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kumitat. Il-persuna indikata għalkemm hi membru tal-Kumitat għandha kull dritt bħala ċittadin li tfittex xogħol fejn ikun hemm opportunita' ta' mpieg.
MALTA RACING CLUB - PRO ĠDIDA
3043. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma li l-PRO il-ġdida u membru fil-Kumitat tal-Malta Racing Club li isimha qed jintbagħat separatament mill-ewwel ħadet il-post tal-PRO ta' qabel mingħajr ma' ġiet imqarr informata l-impjegata ta' qabel?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-ħatra tal-PRO fil-Kumitat il-ġdid tħabbret pubblikament waqt Press Conference li saret fit-3 ta' Frar 1997. Il-persuna indikata bdiet ix-xogħol ta' PRO fl-4 ta' Frar 1997, jiġifieri l-impjegata ta' qabel kienet konxja ta' din il-ħatra.
TRIBUNAL TA'ARBITRAĠĠ
3169. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Peress li fid-diskors tal-budget il-Ministru qal li kien ġie ddentifikat post fil-Belt għat-Tribunal ta' Arbitraġġ, jista' l-Ministru jgħid fejn hu dan il-post u hux proprjeta tal-Gvern?
ONOR. CHARLES MANGION: Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-post li ġie identifikat għat-Tribunal ta' Arbitaġġ huwa 33, Triq Nofsinhar, il-Belt. Il-bini huwa propjeta' tal-Gvern.
JUDICIAL STAFF SALARIES
3170. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kif inhu maħsub li tintnefaq iż-żieda ta' Lm250,000 fil-Vot 33/12 Judicial Staff Salaries fl-Estimi?
ONOR. CHARLES MANGION:
Iż-żieda li tidher taħt il-vot imsemmi se tagħmel tajjeb għall-allowances fis-salarji tal-ġudikatura għal salarji ta' diversi impjegati ġodda fil-Qorti kif ukoll għal xi allowances li jridu jitħallsu bħala riżultat tar-riforma fis-Servizz Pubbliku.
WATER SERVICES CORPORATION - SUR RAY VELLA
3171. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-Sur Ray Vella Chairman tal-Water Services Corporation huwiex l-istess persuna li direttament jew permezz ta' kumpannija proprjeta' tiegħu, għamel xogħol ta' elettriku u/jew ilma fil-bini taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Is-Sur Ray Vella li ġie maħtur Chairman tal-Water Services Corporation hu propjetarju tad-Ditta Ray Vella & Co. li għamlet xi xogħlijiet fil-bini tac-Ċentru Nazzjonali Laburista bħal ma għamlu diversi kuntratturi oħrajn, wara li dan il-kuntrattur rebaħ tender pubblika għax-xogħlijiet li għamel.
SEGRETARJU PARLAMENTARI - SINDKI GĦAWDXIN
3172. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid ma' liema sindki Għawdxin ltaqa' l-Onor. Segretarju Parlamentari għal Għawdex sal-31 ta' Jannar, 1997?
ONOR. ALFRED SANT: Sal-31 ta Jannar 1997, is-Segretarju Parlamentari ghal Ghawdex ltaqa mas-Sindki Ghawdxin kollha.
KUNSILLI LOKALI
3173. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Peress li fil-programm elettorali tal-MLP intqal li "l-Kunsilli Lokali jingħataw rappreżentanza fuq il-bord tal-korporazzjonijiet statali li jipprovdu servizz essenzjali" (p.e. Awtorita' ta' l-Ippjanar, Enemalta, Telemalta eċċ.) jista' l-Ministru: (1) jagħti lista tal-korporazzjonijiet kollha li fihom se jkunu rappreżentati l-kunsilli lokali; (2) jindika kif u minn min se jiġi nominat ir-rappreżentant; (3) meta hu maħsub li tiġi implimentata l-proposta?
Kemm-il darba l-Ministru għadu mhux f'pożizzjoni li jagħti risposta għax qed isir xi studju jew konsultazzjoni? Jista' l-Ministru jgħid meta hu proġettat li l-istudju jispiċċa u jkun hemm proposti konkreti?
ONOR. CHARLES MANGION: Nassigura l-Onor. Interpellant li hija x-xewqa ta' din l-amministrazzjoni li din ir-rappreżentanza fil-bordijiet eċċ sseħħ fl-anqas żmien possibbli.
Kif qal tajjeb l-Onor. Membru għada qed issir konsultazzjoni ma l-assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex jiġi stabbilit f-liema korporazzjonijiet jkun l-aktar utli għall-Kunsilli Lokali li jkunu rappreżentati.
QRATI - MAĠISTRATI/IMĦALLFIN
3174. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid hux il-pjan tiegħu li matul din is-sena jżid in-numru ta' maġistrati u/jew imħallfin?
ONOR. CHARLES MANGION: Iż-żieda fin-numru ta' Maġistrati u Mħallfin issir fil-mument opportun u meta jiddeċiedi l-Gvern.
IMPJIEGI - KONDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL
3207. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Billi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2929 l-Ministru reġa' semma l-kummissjoni li dejjem jgħid li qed tagħmillu rapporti; billi kemm il-Prim Ministru u Ministri sħabu dejjem xandru l-ismijiet tan-nies fuq kummissjonijiet li ħejjew jew qed iħejju rapporti; jista' l-Ministru jgħid għaliex hu ma jridx jgħid fil-Kamra minn huma n-nies fuq din il-kummissjoni li skond l-istess ministru issa ilha mwaqqfa?
ONOR. EDWIN GRECH: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 1049 f'seduta numru 30, fejn għidt illi l-persuni nvoluti fit-tħejjija tar-rapporti xtaqu li isimhom ma jidhirx qabel ir-rapporti jkunu lesti.
UNJONI EWROPEA - SOCIAL CHARTER
3208. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2743 u t-tweġiba mogħtija fis-seduta tat-12 ta' Frar, 1997 dwar il-policy tal-Gvern dwar is-Social Charter ta' l-Għaqda Ewropea, jista' l-Ministru jgħid liema hi l-leġislazzjoni relevanti li beħsiebu jemenda? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hux qed iħejji xi leġislazzjoni ġdida dwar il-qasam soċjali?
ONOR. EDWIN GRECH: Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, wara t-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 2743, jiena ndikajt li l-Esperti Indipendenti li huma responsabbli biex jeżaminaw ir-rapporti tal-pajjiżi li rratifikaw is-Social Charter tal-Kunsill ta' l-Ewropa kienu taw ġudizzju negattiv dwar Malta fuq diversi artikoli:
Dwar ir-rapport għas-snin 1991 u 1992 il-Kumitat esprima ruħu li fl-artikoli li jidhru hawn taħt, Malta ma kinitx qegħda konformi mal-provedimenti taċ-Charter.
Numru ta' l-artikolu u dwar x'hiex jitratta
-----------------------------------------
5 Id-dritt ta' organizzazzjoni
6 Id-dritt ta' negozjar kollettiv
7 Id-dritt tat-tfal u żgħażagħ għall-protezzjoni
8 Id-dritt tan-nisa mpjegati għall-protezzjoni
10 Id-dritt ta' taħriġ vokazzjonali
13 Id-dritt għall-għajnuna soċjali u medika
16 Id-dritt tal-familja għall-ħarsien soċjali, legali u ekonomiku
17. Id-dritt ta' l-ommijiet u tfal għall-ħarsien soċjali u ekonomiku.
F'rapport sussegwenti, il-Kumitat żied ukoll l-artikolu 1 li jitratta dwar id-dritt għax-xogħol.
L-Onor. Interpellant jifhem li l-artikoli li semmejt jitrattaw diversi liġijiet fosthom dik taċ-CERA, l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali, l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u oħrajn.
L-impenn tal-Gvern Laburista hu li jeżamina dawn il-liġijiet biex sa fejn hu possibli jsiru l-emendi neċessarji li wħud minnhom jidher li kellhom jiġu ndirizzati mill-Amministrazzjoni Nazzjonalista snin ilu. Jidher ċar li bħal f'ħafna oqsma oħra, l-Amministrazzjoni ta' qabel kienet bid-diskors tgħid li qed tagħmel ħafna iżda bil-fatti ma sar xejn.
SKEJJEL - GUDJA - SKOLA PRIMARJA
3209. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jsir xogħol ta' manutenzjoni u riparazzjoni fl-iskola primarja fi Triq San Mark, il-Gudja?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jien infurmat li x-xogħol ta' manutenzjoni ta' l-iskola Primarja tal-Gudja sar kollu ħlief xi xogħlijiet żgħar.
Wieħed minn dawn ix-xogħlijiet hija t-tkomplija tat-tiswija tax-xifer tal-konkos sporġuta f'parti mill-faċċata li ma setgħetx issir minħabba wires tad-dawl.
It-tieni xogħol pendenti huwa l-bdil minn toilets normali għal dawk tal-Kinder.
DIPARTIMENTI TAL-GVERN - MOVIMENTI KOPERATTIVI
3210. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2928 dwar Koperattivi fi ħdan id-dipartiment, jista' l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jimxi fuq l-Iskemi "A" u "B" li kien xandar il-Gvern ta' qabel biex il-ħaddiema jieħdu sehem mill-qligħ?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Kif ġie spjegat tajjeb fil-budget il-koperattivi fi ħdan dan id-dipartiment se jitkomplew jissaħħu u qed isiru diġa arranġamenti biex jitwaqqfu żewġ koperattivi oħra. Żgur li hu l-interess ta' dan il-Gvern li l-ħaddiema jieħdu sehem mill-qliegħ tagħhom.
ELEZZJONI ĠENERALI 1996 - ASSISTENTI KUMMISSJONARJI
3211. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-assistenti kummissjonarji li taw il-ħidma tagħhom fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali?
Dostları ilə paylaş: |