ONOR. TONIO BORG (Ministru ta' l-Intern): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta' ħabtiet ta' vetturi rapportati lill-pulizija bejn l-24 ta' Diċembru 1999 u l-1 ta' Jannar 2000, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12392.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Debono.
ONOR. GIOVANNA DEBONO (Ministru għal Għawdex): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista li turi l-għadd ta' files mibgħuta bejn dipartimenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12399.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IT-TARZNA TA' MALTA
THE MALTA DOCKYARD (AMENDMENT) BILL
MR SPEAKER: Il-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi, jekk jogħġbu, iressaq it-Tielet Qari.
ONOR. JOSEF BONNICI: Mr Speaker, nippropona t-Tielet Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi dwar it-Tarzna ta' Malta.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. LOUIS DEGUARA (Ministru tas-Saħħa): Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att dwar it-Tarzna ta' Malta, Kap. 207" ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-mozzjoni għaddiet u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
CONSTITUTION OF MALTA (AMENDMENT) BILL
L-ordni għal Kumitat ġie moqri FIL-KUMITAT L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresjedi. Klawsola 2 - Sostituzzjoni ta' l-artikolu 22 tal-Kostituzzjoni
Clause 2 -Substitution of section 22 of the Constitution.
THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG:Sur President, fi klawsola 2 qed nintroduċu artiklu 22, liema artiklu se jkun il-qofol ta' chapter 3. Ta' min jgħid li chapter 3 jirrigwarda ċ-ċittadinanza u dan se jiġi ttrasferit kollu fil-liġi ordinarja, jiġifieri fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija. Issa hawn forsi wieħed jistaqsi: X'qed jiġi propost li jibqa' fil-kostituzzjoni? Fil-fatt qed jiġi propost li jibqa' l-ksib, il-pussess, ir-rinunzja u t-telfien taċ-ċittadinanza Maltija. B'hekk inkunu qed nagħmlu dak li jsir f'diversi kostituzzjonijiet oħra, fejn fihom jiġu msemmija biss il-prinċipji, u mbagħad id-dettalji ssibhom fil-liġi ordinarja.
Sur President, subartiklu (2) ta' artiklu 22 kif propost fi klawsola 2 jgħid li:
"Iċ-ċittadinanza doppja jew multipla hija permessa skond kull liġi li f'dak iż-żmien tkun fis-seħħ f'Malta.".
Hawnhekk qed naffermaw il-prinċipju li issa ċ-ċittadinanza doppja jew multipla m'għadhiex iktar l-eċċezzjoni imma saret ir-regola. Jiġifieri ġaladarba wieħed jikkwalifika bħala ċittadin Malti, mhux biss jista' żżomm passaport ieħor barrani imma anke żewġ passaporti oħra barranin.
THE CHAIRMAN: Iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 2. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 2 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-abbozz ta' liġi. Klawsola 3 - Tħassir ta' l-artikoli 23, 24, 25, 26, 27, 30 u 31 tal-Kostituzzjoni.
Clause 3 -Deletion of sections 23, 24, 25, 26, 27, 30 and 31 of the Constitution.
THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, peress li, kif għedna diġa', permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi l-artikli kollha tal-kostituzzjoni li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadinanza se jiġu ttrasferiti għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-artikli 23, 24, 25, 26, 27, 30 u 31 tal-Kostituzzjoni se jiġu mħassra.
THE CHAIRMAN: Iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 3. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 3 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-abbozz ta' liġi. Klawsola 4 - Enumerazzjoni mill-ġdid ta' l-artikolu 28 tal-Kostituzzjoni.
Clause 4 -Renumbering of section 28 of the Constitution.
THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, l-artiklu 28 tal-kostituzzjoni li jirregola min hu ċittadin tal-commonwealth se jibqa' hemm pero' se nenumerawh mill-ġdid u minflok artiklu 28 se jsir artiklu 23.
THE CHAIRMAN: Iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 4. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 4 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-abbozz ta' liġi. Klawsola 5 - Emenda ta' l-artikolu 29 tal-Kostituzzjoni.
Clause 5 -Amendment of section 29 of the Constitution. THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, klawsola 5 qed temenda artiklu 29 tal-kostituzzjoni, li jirrigwarda l-criminal liability of commonwealth citizens. F'din il-klawsola m'hawnx emendi ta' sustanza lanqas - kulma qed tagħmel hija li tenumera artiklu 29 bħala artiklu 24 - pero` mbagħad f'subartiklu (2) daħħalna tliet definizzjonijiet oħra li kienu diġa' jeżistu fil-kostituzzjoni imma kienu f'dawk l-artikli li ġew imħassra.
THE CHAIRMAN: Iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 5. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 5 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-abbozz ta' liġi. Klawsola 6 - Emenda tar-Raba' Skeda li tinsab mal-Kostituzzjoni.
Clause 6 -Amendment to Fourth Schedule to the Constitution.
THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, klawsola 6 hija waħda konsegwenzjali għax peress li artiklu 28 ġie enumerat bħala artiklu 23 u r-Raba' Skeda, li tinsab mal-Kostituzzjoni, għadha qed tagħmel riferenza għal artiklu 28, issa klawsola 6 qed temendaha biex tagħmilha tirriferi għal artiklu 23.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 6. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 6 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-abbozz ta' liġi. Klawsola 1 - Titolu fil-qosor u bidu fis-seħħ.
Clause 1 -Short title and commencment.
THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, għal klawsola 1 għandi din l-emenda:
"A" Fis-subklawsola (1) tal-klawsola 1 minflok il-kliem "l-1999" għandhom jidħlu l-kliem "l-2000".
"A" In subclause (1) of clause 1 for the words "Act, 1999", there shall be substituted the words "Act, 2000". THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-emenda kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-emenda ''A'' għaddiet nem. con. THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi klawsola 1 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 1, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-abbozz ta' liġi. It-Titolu għadda nem. con. u ġie ordnat biex isir parti mill-abbozz ta' liġi. THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, nitlob il-permess biex inkunu nistgħu nawtorizzaw lill-Iskrivan tal-Kamra li jikkoreġi xi żbalji ta' l-ortografija, jagħmel xi emendi żgħar u r-renumbering li jista' jkun hemm bżonn.
THE CHAIRMAN: Hawn il-permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata. Il-Kamra rriżumiet u l-Ministru ta' l-Intern irrapporta l-abbozz ta' liġi mgħoddi b'emenda.