Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 287,8 Kb.
səhifə5/6
tarix07.01.2019
ölçüsü287,8 Kb.
#91053
1   2   3   4   5   6

AĠĠORNAMENT



ONOR. LAWRENCE GONZI (Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali): Mr Speaker, nippropona l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar l-Erbgħa, 19 ta' Jannar 2000 fid-9.00 a.m. b'din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att ta’ l-1993 dwar Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurezza tan-Nazzjonijiet Uniti – Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar ir-Rifuġjati - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 2) – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li Jemenda Diversi Liġijiet dwar Servizzi fl-Ajruport – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar it-Tismija ta’ Ministri f’Diversi Liġijiet – Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar Drittijiet dwar Proprjeta’ Intellettwali (Miżuri Intrakonfini) - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Erarju – Tieni Qari (Kont.); u
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta – Tielet Qari.
--------------------------
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi – Kumitat Permanenti.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Anthony Abela.
ONOR. ANTHONY ABELA: Mr Speaker, kulħadd jaf li waqt l-aġġornament nistgħu nitkellmu fuq kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx, on cabbages and kings. Sfortunatament ħin bħal dan xi drabi jittieħed biex nitkellmu fuq affarijiet li m'humiex attwali u jkun aħjar li nibdew niddeliberaw u ngħaddu kummenti fuq affarijiet illi huma attwali u li qegħdin jolqtu lill-poplu inġenerali, ġieli b'mod attiv, ġieli b'mod konkret, ġieli b'mod pożittiv u ġieli wkoll b'mod negattiv. Matul iż-żmien tal-festi din is-sena ddeċidejt li minflok kartolina nibgħat messaġġ żgħir lill-kostitwenti, fejn informajthom li r-riżoluzzjoni tiegħi għal din is-sena hi li nimpenja ruħi aktar sabiex nipprova ngħin biex ċerti inġustizzji li jeżistu fostna jitneħħew, aktar u aktar meta bħala l-ewwel Att ta' din is-sena għaddejna liġi biex nagħtu opportunitajiet indaqs lil nies b'diżabilita'.
Mr Speaker, forsi l-poplu tagħna fil-maġġoranza tiegħu ma jafx li jeżistu ċerti inġustizzji, jew inkella jagħżel li jinjorahom għaliex ma jkunux jikkonċernawh. Fil-fatt niftakru fi żmenijiet fejn il-poplu Malti kien ħareġ jipprotesta kontra l-gvern tal-ġurnata minħabba li kienu qed isiru inġustizzji fil-konfront ta' l-iskejjel għax kienu qed jaffettwawlhom lil uliedhom; niftakru meta saru inġustizzji ma' tal-ħobż għax ma sabux jixtru ħobż; u meta saru inġustizzji ma' nies li ġew imsawta sempliċement għax esprimew l-opinjoni politika tagħhom. Infatti kull wieħed u waħda minna għandna t-tendenza li nieħdu azzjoni biss meta l-affarijiet jibdew jaffettwaw lilna.
Sfortunatament ukoll, jekk tagħmel pubbliċita' l-affarijiet isiru u jitranġaw imma jekk toqgħod bi kwietek l-affarijiet jibqgħu ma jitranġawx. Infatti naraw illi min jikteb "On The Dot" f'''The Times'' jirnexxielu b'xi mod jirranġa l-affarijiet, u min jilmenta f'''in-nazzjon'' jew f'''l-orizzont'' fuq ċerti affarijiet illi qegħdin jiġru jirnexxielu jasal għal xi forma ta' soluzzjoni. Dan minħabba li fil-korpi parastatali, fid-dipartimenti tal-gvern u f'istituzzjonijiet oħra hawn ċertu sens ta' biża' li jiġu kkritikati mill-mezzi tax-xandir. Forsi hawnhekk il-mezzi tax-xandir huwa arma tajba sabiex inwasslu l-propaganda u l-pubbliċita' li hemm bżonn f'ċerti setturi u f'dawn il-ftit minuti nixtieq nikkummenta xi ftit fuq uħud minn dawn.
Nibda biex ngħid li 2000 sena wara l-miġja ta' Sidna Ġesu Kristu - issa skond il-kristjaneżmu suppost li wieħed iħenn għall-ieħor - pajjiżna, li jissejjaħ pajjiż nisrani, għad fadallu nuqqas sostanzjali ta' residenzi soċjali għal dawk fil-bżonn. F'ċerti rħula f'Malta l-problema hija iżjed akuta minn bnadi oħra u hemm pockets fejn issib nuqqas ta' residenzi soċjali. Mhux biss ikun hemm min jiġi jkellmek fuq sitwazzjoni xejn feliċi pero' jkun hemm min saħansitra jgħidlek li ma jixtieqikx tmur f'daru għax iħoss li l-istess abitazzjoni m'hijiex preżentabbli, minkejja l-isforzi li jkun għamel biex jirranġa s-sitwazzjoni. Il-liġi li tagħti opportunitajiet indaqs lil nies b'diżabilita' hija liġi importanti pero' forsi issa li għaddiet mit-Tielet Qari hemm bżonn illi nibdew nattwawha.
F'dan il-kuntest hawn ammont sostanzjali ta' familji - dawn jammontaw għal aktar minn 1,000 - li qegħdin jgħixu mhux biss f'postijiet substandard iżda qegħdin jgħixu anke f'ċerti sitwazzjonijiet fejn ma jkollhomx neċessitajiet sanitarji. Hawn min qed jgħix f'postijiet fil-livell ta' kantina bla qatran, b'nuqqas akut ta' ambjent diċenti, oltre diffikultajiet fiżiċi bħalma huwa n-nuqqas ta' privatezza, fejn allura anke d-dekor uman jitbaxxa ħafna. Insemmi biss każ wieħed illi rajt din il-ġimgħa, fejn familja qiegħda tabita fi kmamar taħt l-art, illi biex tgħaddi għalihom trid tinżel ma skalapiża minn ġo garaxx. Sabiex din il-familja jkollha dar għaliha u ma toqgħodx mal-ġenituri, kellha tmur toqgħod f'dawn il-kmamar. Nies bħal dawn għandhom bżonn min jgħinhom għax minħabba ċ-ċirkostanzi soċjali, kważi kważi jibżgħu jmorru jitolbu l-għajnuna. Jiddispjaċini ngħid illi minkejja x-xogħol kollu li qed isir mill-awtorita' tad-djar, ma tantx għadna nisimgħu bi blokki ta' bini li qed jitlestew biex joħorġu għall-kiri min-naħa tal-gvern, bil-lista ta' applikanti quddiem il-housing dejjem tikber.
Jiena nistaqsi: Il-gvernijiet differenti qegħdin jirbħu din il-problema soċjali? Ma nistgħux nistennew li kulħadd ikun kapaċi li jaqla' biżżejjed sabiex jixtri proprjeta' u ma nistgħux nippretendu li kull familja tkun kapaċi ġġemma. Min qed jgħix b'paga minima ma jistax iġemma għax il-kliem ''paga minima'' fihom infushom ifissru li familja jew persuna għandha bżonn dak l-ammont ta' flus biex tgħix bil-qies. Jiena llum ma nistax nimmaġina kif min hu għaddej bil-minimum wage jista' jixtri proprjeta' jew inkella jikri bil-kera li qed tintalab, anke jekk jingħata s-sussidju. Mhux faċli li wieħed jintalab Lm60 jew Lm70 kera fix-xahar mill-partikolar imbagħad il-gvern jagħtih Lm300 sussidju f'sena. Id-differenza ta' Lm400 jew Lm500 xorta huwa ammont li din it-tip ta' persuna ma tistax tlaħħaq miegħu meta tipproġetta l-ispejjeż ta' matul is-sena.
Forsi nazzarda ngħid illi hemm il-bżonn urġenti li l-gvern tal-lum u gvernijiet futuri - u nemmen li f'dan il-każ il-gvern għandu jsib l-appoġġ ta' l-oppożizzjoni - jirriflettu mill-ġdid il-mission statement u l-miri kemm ta' l-awtorita' tad-djar kif ukoll tad-dipartiment tad-djar, sabiex ngħinu iżjed lil dawk il-persuni li jġorru diżabilita' kkawżata miċ-ċirkostanzi Nerġa' nafferma li wasal iż-żmien li l-gvern tal-ġurnata jippjana u jibni mijiet ta' residenzi għall-kiri għax m'għandux ikun li l-maġġoranza tagħhom ikunu għax-xiri. Il-ħtieġa soċjali ta min hu f'sitwazzjoni ħażina titlob illi napprezzaw tali sitwazzjoni u jekk hu veru li rridu nissejħu nsara u nirrispettaw lil xulxin, allura rridu nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji anke finanzjarji, fejn minflok nibnu bini sabiħ u nsejħulu proġett tal-millennju, noffru lil min għad m'għandux saqaf diċenti d-dritt illi jgħix b'mod dinjituż mal-familja tiegħu.
Mr. Speaker, kif rajna l-bieraħ fil-gazzetti, persuna flimkien ma' oħrajn xejn inqas fortunati minnha - forsi fortunati għax ma mietux imma ċ-ċirkostanzi huma sfortunati - mietet għax baqgħet tokkupa post li kien ilu kkundannat għal ħafna snin. Dan ġara għax min suppost li kien jikkmanda m'għamel xejn - hu min hu, la qed inwaħħal f'awtorita' u lanqas f'oħra - u d-diffikultajiet tħallew jissuperaw l-intenzjonijiet it-tajba, jiġifieri the spirit was willing but the flesh was weak. Is-Sur Cesare miet u jiddispjaċini ngħid li jekk ma noqogħdux attenti minn hawn u ftit xhur oħra kulħadd jinsa x'ġara, dan jitniżżel bħala wieħed mill-inċidenti li ġraw matul din is-sena u tal-familja tiegħu biss jibqgħu jiftakru fil-memorji sbieħ tiegħu. Ikun aħjar illi nieħdu tagħlima minn dak li ġara. F'dan il-każ wieħed għandu jieħu azzjoni sabiex dawk iżjed sfortunati ma jibqgħux jabitaw f'residenzi perikolużi għax ma jaffordjawx aħjar. X'hemm għall-ġejjieni f'dan il-kuntest?
Veru li hemm it-tama pero' din żgur għandha tiġi sostnuta b'azzjoni. Il-qawl jgħid illi min jistenna jithenna pero' xi nies tant damu jistennew li miflok thennew spiċċaw biex therrew! Ma nafx għal dawn it-tip ta' nies liema qawl japplika l-iżjed. Il-verita' hi li bdejna millennju ġdid pero' dawk li kellhom file mal-housing tliet snin ilu, il-file tagħhom hemm għadu pendenti. Issa qed jissemma Pembroke u l-Viċi Prim Ministru semma' illi dalwaqt ikun hemm bini bi skop ta' kera għal dawn l-inħawi. Minkejja dan nafu wkoll illi l-pjanti għal dawn il-proġetti jridu jgħaddu mill-martirju tal-planning authority. J'Alla dan il-martirju ma jkunx twil sabiex in-nies illi qegħdin jgħixu bit-tama li jingħataw post b'kiri, jaslu li matul ħajjithom dan jeħduh. Mr Speaker, ladarba semmejt il-planning authority u la hemm indikazzjonijiet illi dalwaqt għandhom jaslu quddiem din il-Kamra diversi emendi għal-liġi dwar l-istess awtorita', ikun tajjeb illi nwassal ftit mid-domandi li jasluli f'dan ir-rigward.
Jiddispjaċini ngħid illi persentaġġ sostanzjali minn dawk li jiġu jkellmuni jsibu problemi ma' l-awtorita' ta' l-ippjanar. Xi darba jkunu problemi tort tan-nies pero' ħafna drabi nsib illi dawn ikunu problemi ta' dewmien żejjed ta' proċessar ta' files u deċiżjonijiet fin-negattiv meta bi ftit sens uman kellhom jiġu aċċettati. Fid-distrett tiegħi waħda mill-problemi li tolqot lin-nies hija l-ammont ta' nies illi jaħdmu u jgħixu fil-kampanja li jkunu jixtiequ jtellgħu kmamar jew anke jirranġaw kmamar li jkunu qegħdin jaqgħu. Sfortunatament il-case officer jew l-awtorita' jagħtu l-parir li lanqas it-tranġar jew spustar ta' tali kmamar ma jkun jista' jsir. Jiena naħseb li wasal iż-żmien illi ċerti affarijiet m'għandhomx jibqgħu taħt il-kompetenza tant ristretta tal-planning authority. Fl-opinjoni tiegħi wieħed għandu sempliċement javża lill-planning authority li se jagħmel xi xogħlijiet u mhux jitlob permess. Taħt il-kappa tal-GDO, in-nies qed jinnotifikaw lill-awtorita' ta' l-ippjanar b'xogħlijiet li jridu jagħmlu - u skond il-liġi, jekk ma jirċevux risposta fi żmien tliet ġimgħat dak ikun ifisser li jkunu ntitolati li jagħmlu dawk ix-xogħlijiet - pero' imbagħad xahrejn wara jirċievu rifjut. Oħrajn applikaw għal permess normali tal-bini f'Awissu li għadda u minflok ingħataw is-soltu risposta li fi żmien 13-il ġimgħa l-applikazzjoni kellha tiġi deċiża, ntbagħtitilhom ittra fejn informawhom illi l-każ tagħhom se jiġi deċiż fuq perijodu ta' sitt xhur. Jiena ma nistax nifhem għaliex sitt xhur u mhux tliet xhur. F'każi oħrajn jiġu rifjutati permessi fejn is-sens komun jitlob illi jiġu approvati.
Per eżempju, wieħed jista' jsemmi każ illi nqala' fl-area tal-Gżira u l-bidu ta' Tas-Sliema, fejn nies jiġu rifjutati permess ta' ċerti sulari, imbagħad il-każ tagħhom jiġi mirbuħ quddiem il-bord ta' l-appell. Dan kollu jfisser ħela ta' żmien, spejjeż żejda għall-klijent u tgergir kontra awtorita' li suppost għandha taħdem tajjeb, pero' min imexxiha qed iħalli ħafna dubbju f'imħuħ in-nies. Aktar minn hekk issib nies illi japplikaw għal change of use biex garaxx jew maħżen żgħir isir ħanut għall-bejgħ bl-imnut, u l-permess jiġi rifjutat għal raġunijiet assurdi u redikoli. Każ tipiku huwa garaxx f'Ferris Street, ir-Rabat, quddiem l-iskola tal-gvern, fejn il-case officer qed jgħid li m'għandux jingħata permess biex jinfetaħ stationery għax il-bini ta' fuq hu proprjeta' ta' ħaddieħor u allura għandu jkollu l-parking. Jekk il-proprjeta' hija ta' nies differenti, x'hemm xi jżomm li dan jiftaħ stationery meta 20 pied 'il bogħod hemm pjazza li tesa ħafna karozzi? Mingħajr ma rrid, ċerti affarijiet f'moħħi jaħħluli d-dubbji .
Mr Speaker, barra minn hekk sfortunatament hemm ukoll min jabbuża mill-post tax-xogħol tiegħu, bħal dak l-uffiċjal li b'daqqa ta' pinna bejn it-8.00 a.m. u l-10.00 a.m. ta' permess biex parti mill-pjazza ta' San Duminku fir-Rabat tiġi taken over minn ċertu żviluppatur, li għamel bankina u spiċċa biex dejjaq it-triq li mill-istess pjazza tieħu għall-Buskett. Issa jidher li fejn taħdem l-istess persuna u sabiex jinqeda ħu perit ħabib mill-Mosta, saret applikazzjoni mill-istess planning authority - u hemm bżonn illi n-nies ikunu jafuhom b'dawn l-affarijiet - ħalli fit-tela' tax-Xemxija, minn ħdejn Sirens Building għal quddiem il-Beachaven, tinħoloq a secondary service road. Jiena u diversi nies ipprovajna naraw għaliex setgħet saret din l-applikazzjoni peress li hemmhekk m'hemmx lok u lanqas hemm il-ħtieġa ta' service road. Hemm forsi l-ħtieġa biex ċerta persuna li għandha biċċa art faċċata, fuq it-triq ta' fuq, jekk issir din is-service road dan il-perit ħabib ta' din il-persuna jkollu faċċata fuq iż-żewġ toroq, u f'kemm ili ngħidlek il-valur ta' dik il-plot jirdoppja jew isir naqra' iżjed mid-doppju. Veru pjaċir mill-qalb jew, kif jgħid il-qawl, pjaċir jitpatta b'ieħor għada. Dan imur totalment kontra kull etika tax-xogħol u kontra l-ħruġ ta' permessi li ħarġu ftit xhur ilu fl-istess triq.
Mr Speaker, jien minn hawn nitlob li l-awtorita' ta' l-ippjanar tinvestiga kif hemm min qed jibqa' jippersisti biex jitlob dawn l-applikazzjonijiet u nitlobha tara wkoll għaliex il-karta li suppost teħel mal-ħajt tkun fil-post il-Ġimgħa filgħaxija - dan isir biex min ikun irid jipprotesta jkollu biss ċans sat-Tnejn filgħodu, minħabba li s-Sibt u l-Ħadd huma festa - iżda għax l-applikazzjoni tkun tal-planning authority stess din lanqas biss tħalli l-avviż imwaħħal mal-ħajt tul it-tliet ġimgħat li titlob il-liġi. Ta dan għandi x-xhieda u lest biex nesibixxi karti ġuramentati. Malta hija pajjiż kattoliku u dan huwa veru att kristjan. Ma kenitx l-intenzjoni tiegħi li nirrapporta lil xi ħadd pero' l-gambetti u l-vleġeġ idejquni, speċjalment meta jsiru sabiex jibbenefika wieħed u jissalbu oħrajn. Ma jistax wieħed jibqa' kwiet jekk jemmen fil-ġustizzja soċjali. Mr Speaker, nixtieq issa naqleb is-suġġett u nitkellem b'ton iżjed ħafif.
Ma nistax minn hawn ma nagħtix il-prosit kemm lill-organizzaturi kif ukoll lil dawk kollha li matul il-weekend li għadda pparteċipaw u għal darb'oħra organizzaw il-festival tal-kanzunetta Maltija. Miegħi jingħaqdu l-maġġoranza tal-Maltin li mhux biss jifirħu lil Claudette Pace għall-interpretazzjoni li tat u għas-suċċess tagħha, imma anke jawgurawlha li taffronta l-isfida li tidħol għaliha Malta kull sena f'ambjent ta' festival ta' kant bl-istess persistenza li wriet matul dawn l-aħħar tmien snin kemm ilha tipparteċipa fl-istess festival. Minn hawnhekk nawgurawlha li jkollha riżultat tajjeb fl-Isvezja minn hawn u ftit żmien ieħor. Nixtieq minn hawnhekk ngħid prosit ukoll lill-PBS, li taw servizz tajjeb ħafna u nagħti l-prosit ukoll lil min fil-ġurnata ta' qabel organizza serata li tat sodisfazzjon lill-poplu Malti kollu, li fiha smajna kanzunetti Maltin li kważi konna nsejnihom jew li ż-żgħażagħ tagħna ma jiftakrux, ta' meta Malta bdiet tipparteċipa 'l bogħod minn xtutna f'dawn il-festivals. Hawn nixtieq inwassal messaġġ żgħir lill-PBS fejn ngħidilhom illi n-naħa tat-tramuntana ta' Malta nhar il-Ġimgħa u s-Sibt konna mingħajr dawl. Hemm mijiet ta' familji li ġew miċħuda milli jgawdu din il-festa ta' mużika u esibizzjoni tal-kapaċita' tal-poplu Malti u jixtiequ li jkollhom iċ-ċans jaraw dan il-festival. Japprezzaw ħafna jekk dan jerġa' jiġi muri fil-futur qarib. Issa ngħaddi biex nitkellem fuq is-sitwazzjoni dwar il-kunsilli lokali tar-Rabat u ta' l-Imtarfa.
Mr Speaker, min jitla' n-naħa ta' fuq ta' Malta - ħafna nies għandhom id-drawwa li jitilgħu meta toħroġ xi ġurnata sabiħa, anke jekk ikun il-bard, speċjalment fil-weekend - jista' jara kemm f'dawn l-aħħar snin kibru l-inħawi tal-Baħrija kif ukoll l-Imtarfa. Minkejja li l-Baħrija għadha parti mir-Rabat, illum tista' kważi titqies bħala lokalita żgħira għaliha, fuq l-istess bażi li qed jitqiesu postijiet bħall-Manikata, u għaldaqstant naħseb illi jkun tajjeb illi min hu nkarigat mill-kunsilli lokali jitfa' daqsxejn għajnejh fuq din il-lokalita', li għandha bżonn l-amor proprio tan-nies sabiex jieħdu ħsieb aħjar il-ħteġijiet tal-lokalita'. Biżżejjed ngħid illi kemm minn din in-naħa u anke minn naħa l-oħra ilna snin twal nitolbu li t-triq li tieħu minn naħa ta' Għajn Qajjed għal Manikata tingħata facelift jekk ma tistax terġa' ssir mill-ġdid. Din tinsab f'sitwazzjoni deterjorata u hemm bżonn xogħol sostanzjali fuqha malajr kemm jista' jkun.

Il-lokalita' l-oħra li nħolqot ġdida hija l-lokalita' ta' l-Imtarfa, li tikkonsisti fl-Imtarfa l-antika, li fiha żewġ jew tliet toroq qodma li kienu abitati mill-Maltin fi żmien is-servizzi, u fl-Imtarfa l-ġdida, abitata min-nies li telgħu joqogħdu hemmhekk ftit wara l-1979 meta l-postijiet fejn kienu joqogħdu n-nies tas-servizzi Ingliżi kienu ngħataw b'kera jew inbiegħu. (Interruzzjonijiet) Kienu nbiegħu ħafna u li kien għad baqa' kienu ngħataw b'kera qabel l-elezzjoni. F'din il-parti hemm ukoll id-djar, il-flats u l-maisonettes li nbnew u nbiegħu mid-diversi gvernijiet. Illum għandek lokalita' b'maġġoranza sostanzjali ta' nies żgħażagħ li se jkollhom l-ewwel darba d-dritt li jagħżlu nies minn fosthom stess biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-lokalita' tagħhom. Kien hemm diversi kumitati li pprovaw joħolqu din il-kultura fil-lokalita' pero' issa kien wasal iż-żmien li n-nies ta' l-Imtarfa jimxu dan il-pass 'il quddiem. Dawn għandhom iċ-ċans, għandhom il-mezzi, għandhom post ċiviku mibni u hemm anke facilities sportivi. Kważi kważi ngħid li hemm facilities aħjar milli hemm ir-Rabat.


Issa li nfirxet is-sodda u tneħħa l-friex hemm bżonn illi din is-sodda tinħadem u minn hawnhekk nawgura li n-nies kollha ta' l-Imtarfa japprezzaw ix-xogħol li sar u li jeleġġu nies fil-kunsill tagħhom li huma tajbin, illi joqogħdu fosthom u nies li diġa' għandhom esperjenza fid-diversi kumitati tal-knisja jew ċiviċi li għandhom illum. Fosthom ukoll hemm Dar il-Kaptan li tieħu ħsieb il-bżonnijet ta' nies b'diżabilita' u nies li jridu jrabbu amor proprio għal-lokalita' tagħhom. Grazzi.
MR SPEAKER: Nirringrazzjak. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal għada l-Erbgħa, 19 ta' Jannar, 2000 fid-9.00 a.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 287,8 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin