MISTOQSIJET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
OPM - KARTOLINI
12306. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil min intbagħtu dawn il-kartolini?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Sakemm ma ningħatax raġuni għaliex qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
GĦAWDEX - RIGALI
12307. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000, mill-uffiċċju tagħha u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, separatament? Tista' tgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Tista' tgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Ma ngħataw ebda rigali minni lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 minħabba l-kariga tiegħi. Barra min hekk, ninsab infurmata li lanqas jirriżulta li ngħata xi rigal għall-istess okkażjoni mill-uffiċċju tiegħi.
TURIŻMU - RIGALI
12308. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
ONOR. MICHAEL REFALO: Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għat-tliet mistoqsijiet hi fin-negattiv.
SAĦĦA - RIGALI
12309. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
ONOR. LOUIS DEGUARA: L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f`seduta oħra.
SAĦĦA - RIĊEVIMENTI
12310. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000, mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull okkażjoni minn fejn ġie ordnat l-ikel u x-xorb u jekk f'kull każ intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid min ġie mistieden għal dawn ir-riċevimenti?
ONOR. LOUIS DEGUARA: Bħala pajjiż ċivili hija użanza li jsiru riċevimenti fl-okkażjoni tal-Milied. Dan il-gvern m'għandu ebda ħsieb li jibdel din l-użanza. Jekk l-Onor. Interpellant jispjega sodisfaċentement għaliex qed jitlob l-informazzjoni dettaljata inkun f'pożizzjoni li nordna li din tinġabar.
TURIŻMU - RIĊEVIMENTI
12311. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000, mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, separatament? Jista' jgħid f'kull okkażjoni minn fejn ġie ordnat l-ikel u x-xorb u jekk f'kull każ intalbux kwotazzjonijiet? Jista' jgħid min ġie mistieden għal dawn ir-riċevimenti?
ONOR. MICHAEL REFALO: Bħala pajjiż ċivili hija użanza li jsiru riċevimenti fl-okkażjoni tal-Milied. Dan il-gvern m'għandu ebda ħsieb jibdel din l-użanza. Jekk l-Onor. Interpellant jispjega sodisfaċentement għaliex qed jitlob l-informazzjoni dettaljata, inkun f'pożizzjoni li nordna li tinġabar din l-informazzjoni.
ENEMALTA - NUQQAS TA' BOZOZ
12341. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Enemalta nqabdet bla bozoz bil-konsegwenza li hemm volum ta' bozoz maqtugħa?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, għaliex min kien responsabbli ma ordnax bozoz minkejja li kienet ġejja x-xitwa u allura minħabba l-maltemp kellu jkun ovvju li t-talba kienet se tiżdied?
ONOR. JOSEF BONNICI: Jien infurmat li fil-fatt kien hemm problema fil-kuntratt tat-tender li wassal biex ikun hemm skarsezza ta` bozoz fl-Enemalta. Li ġara kien li f`dawn iċ-ċirkostanzi l-Korporazzjoni Enemalta kellha toħroġ letter of acceptance lill-kuntrattur ieħor skond kif jesiġu r-regolamenti finanzjarji li jorbtu din it-tender. Sabiex tkun tista` tlaħħaq mad-domanda, il-korporazzjoni kellha anke toħroġ direct orders għax-xiri ta` bozoz ġodda wara diversi sejħiet għall-kwotazzjonijiet. Ninsab infurmat li l-bozoz ġodda li se jinxtraw skond il-kuntratt tat-tender sejrin jaslu dalwaqt.
SKEJJEL - ŻEJTUN - KINDERGARTEN
12342. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Ladarba issa tlesta x-xogħol fuq l-iskola tal-kindergarten taż-Żejtun liema xogħol ilu lest minn Settembru, 1999 għaliex sal-lum għadha ma twaħħlitx il-gate tal-ħadid biex tagħlaq l-aċċess għal din l-iskola fejn matul il-lejl faċilment jistgħu jidħlu nies li, fost affarijiet oħrajn, jistgħu jabbużaw mid-droga bil-konsegwenza li jħallu xi siringi u jsibuhom it-tfal?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li, għalkemm kien hemm xi diffikultajiet, il-grada li saret riferenza għaliha ser titwaħħal fil-jiem li ġejjin.
KULLEĠĠ TAX-XJENZA, ARTI U TEKNOLOĠIJA
12364. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa ma' dawk kollha nvoluti biex jiġi żgurat suċċess fil-ftuħ ta' kulleġġ ġdid tax-xjenza, arti u teknoloġija? Min se jmexxi l-proċess ta' konsultazzjonijiet?
ONOR. LOUIS GALEA: Il-kulleġġ il-ġdid se jkun fih firxa wiesgħa ta' korsijiet u faċilitajiet li jeħtieġu riżorsi umani ta' kull tip u fil-livelli kollha. Hu maħsub li dawn il-korsijiet u faċilitajiet jiddaħħlu fil-kulleġġ b'mod gradwali. Il-proċess ta' konsultazzjoni fil-fatt diġa' beda ma' uħud minn fost dawk involuti u se jkompli b'aktar intensita` fil-ġimgħat li ġejjin fil-livelli kollha.
Il-proċess ta' konsultazzjoni jitmexxa dejjem taħt il-gwida ġenerali tal-ministeru u mill-uffiċjali u persuni kompetenti skond il-partikolarita` tal-qasam dettaljat li jkun qed jiġi trattat.
ST JAMES CAVALLIER - XOGĦLIJIET
12365. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid kemm qamu x-xogħlijiet li saru fis-St James Cavallier biex jinbidel f'ċentru ta' l-arti? Jista' jagħti d-dettalji, item item? X'attenzjoni ttieħdet biex dawn ix-xogħlijiet jirrispettaw in-natura tal-wirt storiku u kulturali tal-bini tas-St James Cavallier?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Huwa stmat li x-xogħlijiet li saru u li għad iridu jsiru fil-proġett tas-St James Cavallier jiswew Lm3,678,830. Peress li x-xogħol għadu għaddej, iċ-ċifri finali jistgħu jinbidlu. Hawn taħt hawn id-dettalji ta' kif huma maqsumin l-ispejjeż:
XOGĦLIJIET
Tneħħija ta' strutturi li kienu nbnew
matul iż-żmien u restawr fuq ġewwa 71,468
Xogħol strutturali (l-ewwel fażi) 462,000
Xogħol strutturali (it-tieni fażi) 431,286
Servizzi elettriċi u mekkaniċi 769,667
Soqfa tat-teatru u atrium (domes) 267,095
Struttura fit-teatru 115,374
Xogħlijiet ta' finishes (l-ewwel fażi) 293,733
Xogħlijiet ta' finishes (it-tieni fażi) 531,888
Apparat għat-teatru u ċinema 246,941
Restawr tas-sur minn barra 39,185
Aperturi ta' l-injam li jagħtu għal barra 14,121
Substation ta' l-elettriku 20,086
Xogħol ta' rħam madwar l-istatwa ta' Sir Paul
Boffa u quddiem il-Bieb tal-Kavallier 5,000
Pagi tal-ħaddiema tal-gvern u
spejjeż oħra 145,765
KONSULENTI
Konsulent fuq id-disinn 177,350
Konsulent fuq it-teatru 49,000
Konsulent fuq ir-restawr 8,239
Kosulent fuq is-servizzi elettriċi 15,747
Konsulent fuq is-servizzi mekkaniċi 14,885
TOTAL 3,678,830
Ittieħdet kull attenzjoni u prekawzjoni neċessarja biex ma ssir l-ebda ħsara fil-wirt storiku arkitettoniku tal-post. Ix-xogħol kollu sar skond permessi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u kien hemm monitoring sħiħ tax-xogħol kollu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Ix-xogħol li kien inbeda qabel Ottubru, 1996 tkompla bl-istess metodu bejn dik id-data u Settembru, 1998 u tkompla wkoll bl-istess metodi wara dik id-data sakemm kien inawgurat iċ-ċentru fil-31 ta' Diċembru, 1999.
PULIZIJA - SERQIET
12388. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru serqiet minn djar, minn ħwienet u karozzi fix-xahar ta' Diċembru 1999?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab infurmat li matul ix-xahar ta` Diċembru, 1999 il-pulizija kellha 70 rapport ta` serq minn djar, 89 rapport ta` serq minn bars, hotels u retail outlets, u 277 rapport ta` serq minn karozzi.
PULIZIJA - QBID TA' DROGA
12389. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga u xi kwalita' kienet fix-xahar ta' Diċembru, 1999? Jista' jgħid ukoll kemm ġew arrestati nies relatati ma' dawn il-qabdiet?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Diċembru, 1999 id-droga li nqabdet kienet kif ġej:
Eroina 0.5grms
Raża tal-cannabis 0.5grms
DHC 21 pillola
Ecstacy 4 pilloli
Ninsab infurmat ukoll li tliet persuni ġew arrestati in konnessjoni ma` dawn is-sejbiet.
TARZNA - VAPURI AMERIKANI
12390. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri Amerikani għal tiswija fit-tarzna ta' Malta f'dawn l-aħħar 15-il sena? Kemm daħħlet flus it-tarzna minn dawn ix-xogħlijiet?
ONOR. JOSEF BONNICI: L-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
KALKARA - RINELLA
12391. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvatx li fl-inħawi tal-bajja tar-Rinella, Kalkara ikun hemm hard standing spaces għall-yachts?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma approvat l-ebda hard standing spaces għall-yachts fil-bajja tar-Rinella, Kalkara.
PULIZIJA - ĦABTIET
12392. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħabta ta' vetturi saret bejn l-24 ta' Diċembru, 1999 sal-1 ta' Jannar, 2000? F'liema lokalita' saru dawn il-ħabtiet?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab infurmat li n-numru ta` ħabtiet bejn vetturi, irraportati lill-pulizija, bejn l-24 ta` Diċembru, 1999 u l-1 ta` Jannar, 2000 kien kif jidher fuq it-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra iktar kmieni f'din is-seduta.
PULIZIJA - KAROZZI TTOWJATI
12393. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ittowjati karozzi bejn l-24 ta' Diċembru, 1999 u l-1 ta' Jannar, 2000? Minn liema lokalita' ġew ittowjati?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab infurmat li bejn l-24 ta` Diċembru, 1999 u l-1 ta` Jannar, 2000, 52 vettura ġew irmunkati fuq ordni tal-pulizija minn dawn il-lokalitajiet: Bormla; Ħamrun; Naxxar; Raħal Ġdid; Qawra; Sliema; San Ġiljan; Valletta; Żabbar; Żejtun.
SPTAR ĠENERALI - STAFF
12396. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 12117 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': tista' tgħid, minbarra n-nurses u t-tobba, minn aktar jaħdem il-Ħdud fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Qiegħda nissottometti lista ta' mpjegati li jaħdmu fuq roster, li jinkludi l-Ħdud, b'total ta' 365 ħaddiema. In-nursing aides huma nklużi f'din il-lista billi m'humiex meqjusa bħala nurses.
Ambulance Driver 13
Assistant Foreman 1
Assistant Principal Radiographer 1
Assistant Technical Officer 5
Boiler Attendant 4
Chaplain 4
Cook 5
ECG Tech 2
Fitter 1
Gardener 2
General Hand 20
Health Assistant 166
Health Attendant 3
Hospital Auxiliary 35
Hospital Orderly 2
Labourer 1
Lighthouse Keeper 1
Medical Lab. Tech. 2
Messenger 5
Mortuary Attendant 1
Motor Transport Driver 3
Nursing Aide 7
Operative 2
Porter 1
Postperson 1
Principal Med. Lab. Tech. 1
Principal Radiographer 1
Security Guard 25
Senior Messenger 1
Senior Radiographer 3
Senior Technical Officer 1
Senior Technician 3
Senior Tradesperson 19
Snr Medical Lab. Tech. 3
Supervisor 6
Technical Officer 3
Technician 5
Timekeeper 1
Tradesperson 5
GRAND TOTAL 365
SPTAR ĠENERALI - MASTRUDAXXI
12397. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 12105 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': tista' tgħid x'roster jew rosters jaħdmu l-mastrudaxxi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Jiena nfurmata li fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm erba' ħaddiema li qed jagħmlu xogħol ta' mastrudaxxa, dawn kollha jaħdmu fuq roster ta' ACO.
GĦAWDEX - PAZJENTI
12398. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12118 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilha u ċioe': tista' tgħid kemm inġiebu pazjenti minn Għawdex bil-helicopter mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-1 ta' Diċembru, 1999? Kemm minnhom kienu minħabba inċidenti tat-traffiku?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Jiena nfurmata li mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-1 ta' Diċembru, 1999 ittieħdu total ta' 64 pazjent minn Għawdex bil-helicopter, li minnhom erbgħa kienu minħabba inċidenti tat-traffiku.
SPTAR ĠENERALI - FILING DEPARTMENT
12399. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 12116 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': tista' tgħid kemm ilhom li bdew jaħdmu roster ta' 24 siegħa l-filing department ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Meta bdew jaħdmu din ir-roster u kemm hemm impjegati fuq din ir-roster ta' 24 siegħa? X'inhu l-grad tagħhom?
Mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Jannar 1999, tista' tgħid kemm-il file instab kuljum u f'liema ħin intalab? Minn min intalab (mingħajr ma jissemmew ismijiet ta' pazjenti jew numri ta' files)?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Jiena nfurmata li fil-medical records ilhom jaħdmu fuq roster ta' 24 siegħa - ANOO - għal dawn l-aħħar sena u għaxar xhur, jiġifieri mill-25 ta' Marzu, 1998. Hemm b'kollox erba' ħaddiema jaħdmu fil-filing department ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, jiġifieri gardener u tliet health assistants li tnejn minnhom dalwaqt se jinħatru nursing aides.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nista' nagħti biss li l-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra iktar kmieni f'din is-seduta, jiġifieri n-numru ta' files li ntalbu mid-diversi dipartimenti jew taqsimiet ta' l-isptar u li attwalment ġew riferuti lill-istess taqsimiet.
SKEJJEL - KULLEĠĠ ĠIAN FRANĠISK ABELA
12400. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm gruppi ta' studenti fl-ewwel sena tal-Kulleġġ Ġian Franġisk Abela ta' l-Imsida li qed jagħmlu l-Ingliż f'livell intermediate li mill-bidu tas-sena skolastika għadhom qatt ma kellhom lezzjoni ta' l-Ingliż? X'se jsir ma' dawn l-istudenti biex iġibu lura ż-żmien prezzjuż li tilfu? Meta se jkollhom il-lecturers meħtieġa?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li żewġ lecturers ta' l-Ingliż ġew mogħtija l-leave sa Jannar, waħda sabiex tippreżenta t-teżi tagħha u l-oħra minħabba gravidanza. Wara li diversi attentati sabiex jinstabu supplenti part-time fallew, il-kap ta' l-Ingliż ta hu stess siegħa mis-sagħtejn fil-ġimgħa stipulati, u b'hekk l-istudenti konċernati laħqu lil sħabhom fl-istudji tat-test litterarju. Sa dan il-jum, waħda mil-lecturers li kienu bil-leave daħlet lura għax-xogħol u l-gruppi tagħha qed jirċievu l-lezzjonijiet kollha. L-oħra hi mistennija mill-jum għal ieħor.
SKEJJEL - MELLIEĦA - PRIMARJA
12551. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi urġenti biex it-tfal ta' Year 6B tal-primarja tal-Mellieħa jkollhom għalliem, issa li jinsabu ftit ġimgħat bogħod mill-eżamijiet?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li l-klassi indikata fil-fatt għandha għalliema li bħalissa tinsab ma tiflaħx u mistennija tidħol lura meta tkun f'saħħitha. Ser inkompli nsegwi l-każ ta' din il-klassi.
OCCUPATIONAL HEALTH AND SAFETY OFFICERS
12655. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar meta se jiddaħħlu tal-post numru ta' occupational health and safety officers ma' l-occupational health and safety unit?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f'mistoqsija parlamentari numru 12654.
DRENAĠĠ - WIED IL-GĦAJN - ST FRANCIS STREET
12656. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fejn waslu l-provvedimenti biex residenti fi Triq St Francis, Wied il-Għajn, ikollhom is-servizz ta' drenaġġ kif suppost u mixtieq? X'qed isir biex ma jkomplix jiskula drenaġġ li jista' jikkontamina s-sistema ta' l-ilma u biex razzett li qed jingombra l-iżvilupp tas-sistema tad-drenaġġ tinstablu soluzzjoni dejjiema u effettiva?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Ninsab infurmat li d-drenaġġ fi Triq St. Francis, Wied il-Għajn qatt ma tkompla għas-sempliċi raġuni li rridu ngħaddu minn ġo razzett li qiegħed jimblokka t-triq proposta u jidher li hemm xi problemi biex jiġi esproprijat. Minħabba f'hekk, saret tender għat-tħaffir ta' drenaġġ temporanju minn ġewwa propjeta' privata biswit ir-razzett. Din se ssir bil-volonta' tajba ta' sid din il-plot privata. Malli jitwaqqa' r-razzett dan il-main jispiċċa u jsir main ġdid fejn hemm it-triq proposta, jiġifieri minflok ir-razzett.
ARTIJIET - BEJGĦ
12657. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Minsitru jagħti informazzjoni dwar bejgħ ta' artijiet skond il-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta' Mejju, 1998 fi żmien amministrazzjoni Laburista, liema artijiet kienu offruti mill-gvern lill-commercial enterprises, u art li tmiss magħhom bil-prezz ta' Lm55 kull metru kwadru?
Jista' jgħid kemm ġew mixtrija, minn min u meta saru l-kuntratt/i?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab infurmat li ma jirriżultax li fid-data msemmija fil-mistoqsija ġie ppublikat avviż fil-Gazzetta tal-Gvern relatat mas-suġġett ta` l-istess mistoqsija.
PIXXINA NAZZJONALI - SIGURTA'
12660. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Wara li f'Mejju 1998, il-Maġistrat Antonio Mizzi kien għamel rapport dwar proċeduri ta' sigurta' fil-pixxina nazzjonali, wara li kien ilu mal-ħames xhur josserva u jkellem lid-diriġenti ta' dak iż-żmien u wasal għall-konklużjoni, fost affarijiet oħra, li "is-sigurezza fil-pixxina nazzjonali hija non-eżistenti", jista' l-Ministru jgħid kemm, mir-rakkmandazzjonijiet tal-Maġistrat Mizzi ġew attwati?
Peress li fl-aħħar ġimgħat - qabel ma l-pixxina nazzjonali ngħalqet għal btajjel - xi klijenti nformawni li għal ħinijiet twal ma kienx hemm deckhand preżenti fuq id-deck peress li kien qed jagħmel xogħol ieħor imqabbad mill-management, jista' jara li dan ma jkomplix isir għaliex anke din tmur kontra dak li rrakkmanda il-Maġistrat Mizzi f'punt Nru. 4 tar-rapport tiegħu? Tista' tfisser telf ta' ħajja ta' għawwiem f'emerġenza?
ONOR. LOUIS GALEA: Peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
PIXXINA NAZZJONALI - DECK HANDS
12661. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni mpjegati bħala deck hands fil-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Kemm saru korsijiet tal-first aid u/jew tal-life saving mindu nfetħet? Meta sar kull kors u/jew refresher course? Meta hu maħseb li jsir kors ġdid/refresher course?
ONOR. LOUIS GALEA: Peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
LIBYAN NATIONAL INSURANCE SCHEME - KUMPENS
12684. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid u jispjega għaliex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li għandha talba quddiem il-Libyan National Insurance Scheme (Nru. 362179) wara l-mewt tar-raġel tagħha, għadha ma ngħatatx kumpens wara li issa għaddew madwar seba' snin mill-mewt traġika tar-raġel tagħha?
ONOR. JOE BORG: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
---------------------------
Dostları ilə paylaş: |