Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 311,63 Kb.
səhifə3/5
tarix30.07.2018
ölçüsü311,63 Kb.
#63995
1   2   3   4   5

THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Iktar rimarki? L-Onor. Helen D'Amato.
ONOR. HELEN D'AMATO: Sur President, fil-ftit ħin li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi ma nixtieqx inħares biss lejn il-ħidma, jew forsi lejn in-nuqqas ta' ħidma, tas-segretarjat parlamentari għad-drittijiet tan-nisa imma wkoll lejn kif dan il-budget se jolqot lin-nisa Maltin. L-ewwelnett irrid ngħid li kemm il-miżuri li ttieħdu kif ukoll dawk li ma tteħdux żgur li se jħallu effett ħażin fuq il-livell ta' l-għajxien tan-nisa Maltin. Per eżempju, ċerti miżuri li ttieħdu, bħal dawk ta' l-għoli fid-dawl, fl-ilma, fil-gass, fil-pitrolju, fil-liċenzji u l-ħlas ta' 50ċ fuq ir-riċetti tal-mediċini, nistgħu nqisuhom miżuri ġusti? Għalija u għal ħafna oħrajn żgur li m'humiex għax dawn qed jolqtu lil kulħadd l-istess u m'huma qed jagħmlu l-ebda differenza bejn il-famużi barunijiet u armla li tgħix bil-pensjoni u li għad għandna t-tfal xi trabbi; jew bejn min għandu salarju ta' xi Lm10,000 u single mother li qiegħda fuq l-assistenza soċjali; jew bejn familji li għandhom dħul għoli u familji bi dħul minimu jew anzjani li qed jgħixu bil-pensjoni.
Sur President, ikun tajjeb jekk inżommu f'moħħna li l-ikbar numru ta' anzjani huma nisa. Dan joħroġ kemm minn statistika li nsibu fil-ktieb "Gender Trends" li nħareġ mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara s-sena l-oħra, kif ukoll mid-"Demographic Review" li rċevejt proprju l-bieraħ. Ta' min jgħid ukoll li l-ikbar numru ta' single parents, kemm minħabba li dawn huma romol, kemm minħabba li huma separati, kif ukoll minħabba li huma unmarried mothers, huma nisa. Fil-fatt minn mistoqsija parlamentari Nru. 5475, li kienet saret mill-Onor. Joe Farrugia lill-Onor. Edwin Grech fil-15 ta' Mejju rriżulta li hemm 3278 familja li huma meqjusa bħala single parents u li qed jieħdu ċ-children's allowance. GĦalhekk filwaqt li kulħadd se jħoss il-qarsa ta' l-għoli tal-ħajja fis-servizzi essenzjali li għadni kif semmejt, bla dubju ta' xejn l-iktar nies li se jħossu din il-qarsa huma proprju n-nisa.
Sur President, sfortunatament minħabba dan il-budget numru ferm kbir ta' nisa qed jinfnew għax illum qegħdin jaraw il-ħin kollu kif jistgħu jġebbdu l-portafoll tagħhom biex ilaħħqu ma' dan l-għoli esaġerat tal-ħajja. Issa dan il-budget tressaq minn gvern li qabel l-elezzjoni tkaża mhux ftit li n-nisa tagħna qed ikollhom joħorġu jaħdmu għaliex ma jistgħux ilaħħqu ma' l-għoli tal-ħajja. Jien naħseb li kulħadd jiftakar il-billboards li kien jagħmel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni fejn kienu jġibu ħabel imżarrat bil-kliem: "L-Goli tal-Ħajja Jifnik" u mara ġġorr trolley bix-xirja. Jien naħseb li llum il-ħabel ilu li żżarrat mhux ħażin u dik il-mara li kienet qiegħda ġġorr it-trolley naħseb li mhux talli tilfet ix-xirja tat-trolley imma anke t-trolley nnifsu! Sa llum żgur li kulħadd induna li ż-żieda li ngħatat għall-għoli tal-ħajja fil-budget la tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja li kellna matul din l-aħħar sena - biżżejjed ngħidu li x-xirja li kien għamel il-Prim Ministru qabel l-elezzjoni żdiedet b'10% - u wisq inqas għall-effett li se jħallu l-miżuri meħuda mill-Gvern permezz ta' dan il-budget. Kif għidt diġa', dan il-budget se jifni lin-nisa verament u mbagħad addio d-drittijiet u l-avvanz tan-nisa għax l-akbar inkwiet tagħhom se jkun proprju kif se jlaħħqu mal-ħajja ta' kuljum. GĦalhekk hawn jien nixtieq nagħmel ftit domandi lill-kollega tiegħi l-Onor. Helena Dalli.
L-ewwelnett nistaqsi lis-Segretarju Parlamentari Dalli jekk kenitx ikkonsultata dwar il-miżuri iebsa ta' dan il-budget? Il-Ministru tal-Finanzi għamel gender impact assessment biex, kif qal il-Prim Ministru fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 8942, il-perspettiva femminili tiġi introdotta fit-tfassil tal-policies u tal-liġijiet? Jien wisq nibża' li fil-fatt dan il-gender impact assessment ma sarx. Jien nistaqsi: X'inhi r-reazzjoni ta' l-Onor. Dalli dwar dawn il-miżuri? L-impatti li se jħallu dawn il-miżuri iebsa ġew diskussi fi ħdan il-kummissjoni għall-avvanz tal-mara? Qed nagħmel din il-mistoqsija għax safejn naf jien, il-kummissjoni għall-avvanz tal-mara dejjem tat pariri lill-gvern f'kull miżura li tittieħed ħalli kemm jista' jkun dawn ikollhom l-inqas impatt negattiv fuq in-nisa. Allura jekk dawn il-miżuri ħasdu lill-kummissjoni għall-avvanz tal-mara, dawn ġew diskussi? X'reazzjoni kien hemm?
Sur President, issa nixtieq ngħaddi biex niddiskuti l-qasam edukattiv. Kulħadd jaqbel li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex in-nisa jiksbu empowerment u jagħtu sehem attiv fil-qasam pubbliku, soċjali u ekonomiku tas-soċjeta'. Fil-fatt wieħed jista' jgħid b'sodisfazzjon li f'dawn l-aħħar snin konna qed naraw numru inkoraġġanti ta' nisa li kienu qed jattendu l-adult classes għax filwaqt li meta kienu iżgħar dawn in-nisa ma kellhomx ċans jew m'għarfux jisfruttaw iċ-ċans li jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell sekondarju, f'dawn l-aħħar snin huma ngħataw l-opportunita' li jkomplu jitgħallmu diversi suġġetti u fil-fatt sabu dawn il-lezzjonijiet sodisfaċenti ħafna. Hawn ikun interessanti jekk wieħed isemmi l-fatt li s-sena l-oħra kien hemm 190 adult li segwew dawn il-korsijiet, fejn 181 minnhom kienu nisa u disa' rġiel. Madanakollu filwaqt li fl-1996 il-Gvern Laburista kien stima li se jonfoq Lm33,000 f'dan ir-rigward, fil-fatt huwa nefaq biss Lm27,500 u għas-sena d-dieħla nistgħu ngħidu li l-vot ħa waħda għal rasu, biex ma ngħidx għal x'imkien ieħor, għax niżel għal Lm13,000, jiġifieri kien hemm tnaqqis ta' Lm20,000. Tgħid hawn ukoll qed ngħidu bħalma għidna fil-każ tal-kunsilli lokali, jiġifieri li b'inqas qed nagħmlu aħjar? U hawn min se jbati għal darb'oħra? Mhux in-nisa?
Sur President, issa ma nistax ma neħux l-opportunita' biex nuri t-tħassib tiegħi dwar it-tnaqqis fl-istipendju. F'dawn l-aħħar snin aħna konna kuntenti ħafna minħabba l-fatt li nofs l-istudenti li applikaw għall-korsijiet fl-Universita' kienu nisa. Biżżejjed ngħid li filwaqt li 52% minn dawk li applikaw fl-1996 kienu nisa, nofs in-numru ta' studenti li ggradwaw kienu nisa wkoll. Naturalment dak iż-żmien dawn ma kenux jaqtgħu qalbhom għax filwaqt li kellhom it-tagħlim bla ħlas kienu jgawdu mill-istipendju li kien jgħin kemm lilhom kif ukoll lill-familja tagħhom biex ikomplu jistudjaw fil-livell universitarju. Madanakollu kif kulħadd jaf f'dan il-budget - din issa kważi hija storja antika - għandna dan it-tnaqqis fenomenali fl-istipendji. GĦalkemm jien nemmen li dan it-tnaqqis se jħalli effett fuq l-istudenti in ġenerali, probabbli dawk li l-iktar li se jaqtgħu qalbhom biex jiddejnu u jkomplu l-istudji tagħhom huma t-tfajliet għax filwaqt li ġuvni, ġaladarba jiggradwa, ma jkollux għalfejn jinterrompi l-karriera tiegħu għal xi żmien minħabba t-trobbija ta' wliedu, it-tfajla ġeneralment tikkonsidra li wara li tkun iggradwat u tkun għadha ma ħallsitx id-dejn kollu fuq il-kors universitarju tagħha, jista' jkollha bżonn tieħu a career break minħabba t-trobbija ta' wliedha. GĦax imbagħad x'jiġri mid-dejn li jkun għad għandha mdendel m'għonqha jekk wara li tiggradwa jkollha t-tfal? Wieħed żgur li ma jistax ilum lil dawn it-tfajliet li jġibu quddiem għajnejhom din l-eventwalita'. Hawn ma rridx ninftiehem ħażin u fil-fatt hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunita' sabiex inħeġġeġ bil-qawwa kollha lit-tfajliet li ma jħallux li din il-miżura li qed jieħu dan il-Gvern kontra kull wegħda elettorali tiegħu, taqtgħalhom qalbhom u li jkomplu jinsistu li m'għandu jkun hemm l-ebda ostaklu li jżommhom barra mill-bibien ta' l-Universita'. Madanakollu hawn nerġa' nistaqsi: F'dan il-każ sar gender impact assessment, kif qal li kien qed isir il-Prim Ministru fil-qasam edukattiv? Din il-miżura ġiet diskussa fi ħdan is-segretarjat parlamentari għad-drittijiet tan-nisa u l-kummissjoni għall-avvanz tal-mara? Dawn raw x'impatt se tħalli din il-miżura fuq in-numru ta' tfajliet li se jidħlu l-Universita'? Sas-sena l-oħra l-inkwiet tagħna kien kif se nħajru iktar tfajliet biex jieħdu korsijiet li ma kenux tradizzjonalment tan-nisa, imma llum tafu x'inhu l-inkwiet tagħna? L-inkwiet tagħna hu jekk din il-miżura hijiex se żżomm lill-istudenti tfajliet barra mill-Universita'.
Sur President, issa nixtieq ngħaddi għal wegħda oħra li saret fir-rigward tan-nisa u forsi diġa' aċċennajt għaliha xi drabi oħra f'din il-Kamra. Fi żmien il-Gvern Nazzjonalista l-Prim Ministru tal-lum ta' sikwit kien jitħassar lin-nisa għax, skond hu, dawn kien ikollhom joħorġu jaħdmu minħabba l-għoli tal-ħajja, u għalhekk kien ta' spiss iwiegħed lin-nisa - fil-fatt din il-wegħda nsibuha saħansitra f'paġna 13 ta' "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" - li Gvern Laburista ġdid kien se jassigura li n-nisa Maltin ma kienx se jkollhom għalfejn iħabblu rashom u joħorġu jaħdmu għaliex il-paga tar-raġel kienet se tkun biżżejjed biex ilaħħqu ma' l-għoli tal-ħajja. L-ewwelnett jien nemmen li l-għażla li mara miżżewġa toħroġ taħdem għandha tkun determinata biss mix-xewqa tagħha u mhux minħabba l-qagħda finanzjarja tagħha. Iżda jekk għall-grazzja ta' l-argument inżommu l-istess prinċipju tal-Prim Ministru, bil-miżuri li nsibu f'dan il-budget nistgħu ngħidu li l-għażla ta' jekk mara toħroġx taħdem jew le hija ħielsa? Jien nistaqsi wkoll: Ġaladarba llum iktar nisa qed iħossu l-ħtieġa li joħorġu jaħdmu, dawn qed isibu dak it-tip ta' xogħol li qegħdin ifittxu? Dawn in-nisa se jsibu xogħol produttiv, b'kondizzjonijiet tajba li jixirqu d-dinjita' tal-ħaddiem u qed jiġu mħallsin b'pagi ġusti għax-xogħol li jagħmlu? Hawn nixtieq insemmi wkoll lil dawk in-nisa li sa ftit xhur ilu kienu jaħdmu u li llum huma qegħda. Meta dan l-aħħar għamilt mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali rriżulta li hemm kważi 2,000 ruħ li ħadu s-sensja u 320 minnhom huma nisa. GĦalhekk is-sensji ma laqtux biss lill-irġiel - qed ngħid dan għax ħafna drabi x-xogħol u s-sensji qed nassoċjawhom ma' l-irġiel - imma anke lin-nisa.
Sur President, lili l-iktar li jbeżżagħni huwa l-fatt li f'dan il-budget ma rajniex xrar ta' opportunitajiet ġodda, la għall-irġiel u lanqas għan-nisa, anzi rajna li n-numru ta' nies li qegħdin fuq l-assistenza soċjali żdied. Meta l-Prim Ministru rrifera għal dan il-fatt qalilna li ġaladarba llum iktar nies qegħdin fuq l-assistenza soċjali iktar ma jreġix l-argument tagħna li dan il-budget m'għandux kuxjenza soċjali. Jiddispjaċini, pero' jien ma naqbel assolutament xejn ma' dan għax għalija l-fatt li llum iktar nies qegħdin jiddependu mill-assistenza soċjali jfisser iktar qgħad, iżjed u iżjed meta nara li l-Gvern ma żiedx l-assistenza soċjali ta' dawn in-nies u li d-dħul tal-gvern mill-bolla naqas. GĦax wara kollox dan x'ifisser? Mhux li inti qed tipproġetta li se jkollok inqas nies jaħdmu? Hawn ta' min isemmi wkoll li l-ħlas tal-bolla - biex ma nsejħulhiex xi ħaġa oħra - għadu dak li kien.
Sur President, jien nistaqsi għal darb'oħra: X'gender impact assessment sar? F'dan il-budget x'miżuri ttieħdu biex jinħolqu opportunijiet ġodda ta' xogħol? Forsi l-opportunitajiet ġodda ta' xogħol se jinħolqu fit-tower li se jinbena! Matul l-ewwel sena li ilu jiffunzjona s-segretarjat parlamentari għad-drittijiet tan-nisa, x'miżuri ħa biex il-ħaddiema nisa u rġiel ikunu jistgħu jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja u tax-xogħol tagħhom, bħalma sar matul l-amministrazzjoni Nazzjonalista? Forsi hawnhekk l-Onor. Helena Dalli tista' tgħidli li għal dan l-għan se jinfetaħ child day-care centre ġewwa l-Kalkara. Apparti mill-fatt li anke f'dan ir-rigward seta' sar lapsus għax filwaqt li l-budget speech jagħtik l-impressjoni li dan infetaħ diġa' llum għandna l-konferma tal-Prim Ministru li dan għadu m'huwiex lest, jien nistaqsi: Lil liema ġenituri se jaqdi dan iċ-ċentru jekk se jakkomoda biss 25 tifel u tifla? Min se jkunu n-nisa fortunati li se jgawdu minn dan is-servizz? Fuq liema kriterji se jintgħażlu dawn l-ommijiet? X'se jkun il-ħlas għal dan is-servizz? Is-settur privat se jgħin? X'se jkun l-impenn tal-Gvern f'dan ir-rigward?
Sur President, jien ma nafx jekk l-Onor. Dalli ndunatx li dawn il-mistoqsijiet li llum għamilt jien huma l-istess mistoqsijiet li kienet għamlet hi s-sena l-oħra meta kienet qed titkellem fuq l-inizjattiva li kienet ittieħdet mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara flimkien mas-segretarjat tal-familja. Fil-fatt l-unika ħaġa li biddilt jien kienet il-figura ta' 25 tifel u tifla għax iċ-ċentru ta' Birkirkara kien jesa' 30 tifel u tifla. Jekk is-sena l-oħra l-Onor. Dalli kien dehrilha li ċ-ċentru ta' Birkirkara ma kienx biżżejjed, issa dak tal-Kalkara huwa biżżejjed? Allura jekk l-Onor. Dalli taħseb li child day-care centre huwa importanti biex iktar ġenituri nisa jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja u tax-xogħol tagħhom, x'inhi r-raġuni li l-inizjattiva li kien ħa l-Kunsill Lokali ta' Birkirkara ntremiet? Fil-fehma tiegħi dik l-inzjattiva ma kellhiex tintrema imma kellha tkompli tiġi segwita ħalli sservi bħala prototype biex kunsilli lokali oħra jieħdu inizjattivi simili.
Sur President, issa ħalli ngħaddi għall-famuża wegħda li kien għamel Gvern Laburista ġdid meta assigura li 30% tal-ħatriet fuq bordijiet u kummissjonijiet tal-gvern kellhom ikunu nisa. L-ewwelnett jien illum qed nassigurakom li għadna ferm u ferm iktar 'il bogħod minn dan il-persentaġġ. Fil-fatt minn mistoqsija parlamentari Nru. 7481 li kienet saret lill-Uffiċju tal-Prim Ministru, jiġifieri fejn hemm is-segretarjat parlamentari għad-drittijiet tan-nisa, jirriżulta li dan il-persentaġġ huwa ta' 10%, żieda ta' 1% fuq dik tas-sena l-oħra. Jien naħseb li din iż-żieda ta' 1% hija riflessa minħabba l-fatt li fuq il-kummissjoni għall-avvanz tal-mara tnaqqsu l-irġiel u żdiedu n-nisa! Jien personalment kont nippreferi nara li din iż-żieda kienet riflessa minn fuq bordijiet li sa llum in-nisa għadhom ma jeżistux fihom.
Sur President, fil-ftit ħin li fadalli ma nistax ma ngħidx li qed nieħu pjaċir ninnota li l-Onor. Dalli qed tagħti importanza lill-issue dwar il-vjolenza fuq in-nisa u qed issostni l-ħidma tad-domestic violence unit li ġiet imwaqqfa madwar tliet snin ilu u qed taħdem biex anke tiġi rranġata l-liġi f'dan ir-rigward. L-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet tagħraf l-importanza ta' dan l-issue wkoll, bħalma kienet tagħraf il-ħidma li jagħmlu l-Knisja u l-NGOs. Fil-fatt l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet issussidjat ukoll lil Dar Merħba Bik, kif għadu jsir sa llum. Dan l-aħħar qrajt artiklu li kien jgħid li l-Onor. Dalli marret iżżur id-Dar tal-Qalb ta' Ġesu'. Is-sostenn morali huwa tajjeb u jien nieħu pjaċir li s-Segretarju Parlamentari qed tmur iżżur lil dawn id-djar u qed tfaħħar lill-moviment tal-volontarjat, pero' dawn forsi li għandhom bżonn huwa sussidju. Fil-fatt meta qrajt dan l-artiklu jien ħsibt li l-Onor. Dalli qaltilhom li t-talba tagħhom għal sussidju mill-gvern ġiet milqugħa, pero' kif jgħid il-Malti sibt biss kliem u boqxiex xejn!
Sur President, nixtieq nagħlaq id-diskors tiegħi billi naċċenna għall-kelma "mainstreaming", li nsibuha miktuba fil-mission statement ta' dan is-segretarjat. X'tifsira għandha l-kelma "mainstreaming" f'dan il-budget? Il-miżuri li ttieħdu f'dan il-budget, sew jekk ittieħdu f'qasam li jikkonċerna direttament lin-nisa, kif ukoll jekk le, dawn kollha se jħallu l-effett tagħhom fuq kull mara Maltija u Għawdxija. Il-mainstreaming ġie adottat f'dan il-budget? Evidentement le. Fl-opinjoni tiegħi jekk tieħu dan il-budget fit-totalita' tiegħu ssib li dan mhux talli m'huwiex ta' servizz għan-nisa imma huwa ta' disservice għan-nisa Maltin u GĦawdxin. Grazzi.
THE CHAIRMAN : Nirringrazzjak. Iktar rimarki? L-Onor. Pullicino Orlando.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Sur President, nixtieq nibda billi l-ewwelnett nipproponi din l-emenda:


VOT 5 - UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Personal Emoluments
Item 11 - Ministru

Ħassar iċ-ċifra "Lm 10,388" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm10,387”.


Delete the figure "Lm 10,388" and substitute therefor the figure "Lm 10,387”.
Sur President, f'dawn iż-żmenijiet tal-Milied il-ġenituri Maltin u Għawdxin, bħall-ġenituri tal-bqija tad-dinja, jibdew iħabblu rashom biex jaraw x'rigal għandhom jagħtu lil uliedhom. Ħafna mill-ġenituri jsibuha diffiċli biex jagħmlu din l-għażla u għalhekk jien nixtieq nagħmel suġġeriment. Nissuġġerixxi li l-ishma tal-Korporazzjoni Telemalta li se jinħarġu għall-bejgħ, jinħarġu qabel il-Milied għax, kif kulħadd jaf, waħda mill-affarijiet li jieħdu gost biha t-tfal hija l-plasticine, dak it-tafal li jistgħu jagħġnuh skond l-immaġinazzjoni tagħhom biex jagħtuh is-sura li jixtiequ huma. Qed ngħid dan minħabba li l-Partit Laburista sab il-plasticine ideali fil-Korporazzjoni Telemalta għax jista' jagħġinha minn xahar għal xahar kif irid, skond l-esiġenzi politiċi tiegħu.
Sur President, jekk wieħed jara x'kien jgħid l-Onor. Alfred Sant qabel l-elezzjoni rigward il-Korporazzjoni Telemalta, jiġifieri meta kien għadu kap ta' l-oppożizzjoni, isib li dan kien jipprova jagħti l-impressjoni li l-Korporazzjoni Telemalta qed tisfrutta liż-żgħir, lill-ħaddiem Malti u liċ-ċittadin għaliex qed tagħmel qligħ esaġerat u, skond l-Onor. Sant, għalkemm din kellha l-possibbilta' li tnaqqas it-tariffi tagħha ma kenitx qed tagħmel dan. Fil-fatt meta fittixt l-aħħar budget debate li għamel l-Onor. Sant bħala kap ta' l-oppożizzjoni sibt li dan kien qal hekk rigward din il-korporazzjoni:
"Il-prezzijiet li qed tiċċarġja t-Telemalta huma ġusti? Huma prezzijiet li tista' tiġġustifikahom jew huma prezzijiet monopolistiċi li qegħdin jerdgħu lill-konsumaturi? Issa hawnhekk m'aħniex qed nitkellmu fuq l-istar services imma fuq telefonata li jagħmlu żewġ anzjani bejniethom jew li jagħmlu l-anzjani lit-tfal tagħhom li joqogħdu n-naħa l-oħra ta' Malta. Aħna dak li qed nistaqsu, u huwa inutli li l-ministru joqgħod jgħidilna li naqqas il-prezz ta' telefonata bejn Malta u Tokyo, għalkemm jien ngħidlu li t-telefonati li jsiru għal barra lanqas naqqashom kif suppost.".
Biex forsi niżvija ftit issa se nikkwota silta mir-rapport li kien ħejja s-Sur Tony Meilak, illum chairman ta' din il-korporazzjoni, li kien qal hekk:
"Vera li traħħset it-tariffa tal-calls għal barra imma wieħed irid jara jekk dan kienx ġustifikabbli finanzjarjament.".
Hawnhekk wieħed jista' jara d-diżgwid li hemm bejn l-opinjoni ta' l-Onor. Alfred Sant u l-opinjoni tas-Sur Meilak. Lis-Sur Meilak anzi rrid ngħidlu li ta' min wieħed jara jekk nistgħux inkomplu nraħħsu it-tariffi internazzjonali, iktar u iktar meta wieħed iqis li din is-sena, għall-ewwel darba, l-outgoing international traffic tal-Korporazzjoni Telemalta naqas. Dan jista' jfisser kemm li ma naqqasniex it-tariffi internazzjonali biżżejjed u għalhekk il-konsumatur qed idur fuq mezzi alternattivi ta' komunikazzjoni, jew inkella jista' jfisser ukoll li minħabba li r-ritmu ekonomiku fil-pajjiż naqas drastikament, in-nies li qabel kienu jużaw dan is-servizz ta' komunikazzjoni spiss, bħall-businessmen Maltin, qed jużaw dan is-servizz ħafna inqas. Fil-fatt iċ-ċifra ta' l-outgoing international traffic hija forma ta' termometru li jista' jintuża biex wieħed ikejjel ir-ritmu ekonomiku fil-pajjiż. Għalhekk huwa fatt inkwetanti li, kif għidt diġa', il-Korporazzjoni Telemalta, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha rreġistrat tnaqqis fl-outgoing international traffic.
Sur President, jekk wieħed jaqra s-sezzjoni li tirrigwarda l-Korporazzjoni Telemalta f'"Iċ-Ċittadin l-Ewwel" isib li hemm miktub li l-prezz li kienu qed iħallsu ċ-ċittadini għas-servizz tat-telephone kien għoli wisq. GĦalhekk jien, bħala l-ispokesperson tal-Partit Nazzjonalista għall-Korporazzjoni Telemalta, bir-raġun meta dort fuq id-diskors tal-budget li ġie ppreżentat ftit tal-ġimgħat ilu f'dan il-Parlament u fittixt is-sezzjoni li tirrigwarda l-Korporazzjoni Telemalta, stennejt, kif naħseb li stennew il-famużi ċittadini li qraw "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" u li forsi taw kasu, li t-tariffi ta' din il-korporazzjoni se jiġu mraħħsa. Imma fil-fatt ma sibt xejn minn dan. Issa addio ċ-ċittadin! L-aqwa li ħadnielu l-vot! Issa l-wegħdiet m'hemmx għalfejn nagħtu kashom iktar! Hawnhekk ta' min wieħed isemmi li l-Gvern Nazzjonali kien diġa' ntrabat biex jintroduċi diversi skemi f'dan il-qasam bħal, per eżempju, il-friend and family. Din m'hijiex xi wegħda fiergħa għax il-Gvern Nazzjonalista mhux talli semmieha fil-programm elettorali tiegħu ta' l-1996 imma talli kien diġa' għamel ftehim ma' ditta Franċiża, is-Sofracom, biex din tlesti x-xogħol kollu konness ma' din is-sistema sa Diċembru ta' l-1996. GĦal min ma jafx fiex tikkonsisti l-iskema tal-friend and family nista' ngħidlu li l-Korporazzjoni Telemalta kienet se toffri lill-konsumatur numru ta' telefonati lokali u esteri b'roħs sostanzjali. Hawnhekk ireġi verament is-slogan "Iċ-Ċittadin l-Ewwel"! Taħt il-Gvern Nazzjonalista ċ-ċittadin ma kienx jiġi l-ewwel bil-kliem fieragħ biss imma b'azzjoni konkreta. Sur President, issa ħalli nkompli nuri x-xebh li hemm bejn il-Korporazzjoni Telemalta u l-plasticine.
Mela qabel l-elezzjoni l-Onor. Sant qal li l-Korporazzjoni Telemalta qed tagħmel wisq flus u kien hemm bżonn traħħas it-tariffi u mbagħad meta rebaħ l-elezzjoni u mar quddiem iċ-ċittadin irrealizza li ma setax iwettaq ċerti wegħdiet. Imma b'daqshekk ma jimpurtax, l-aqwa li liċ-ċittadin sraqnielu l-vot! Imbagħad kien hawnhekk li vvintajna l-famuża "ħofra", meta qbadna lil Malta bħal meta naqbdu xi biċċa plasticine kbira, daħħalna subgħajna fiha u mlejnieha bit-toqob. Lil Malta mhux ma' l-Isvizzera kellu jqabbilha l-Partit Laburista matul il-programm elettorali tiegħu imma mal-ġobon ta' l-Isvizzera, mimli toqob, għax miskin, dan il-Gvern kullimkien sab it-toqob, anke fil-Korporazzjoni Telemalta! Hawn ta' min isemmi l-fatt li ftit xhur wara li l-Onor. Sant kien qal li l-Korporazzjoni Telemalta qed tagħmel qligħ kbir wisq, is-Sur Tony Meilak, f'paġna 34 tar-rapport li ppreżenta f'Diċembru 1996 bl-isem ta' ''Strategic Resource Audit'', qal li t-Telemalta tinsab in a precarious financial situation. Dak kien xogħolhom in-nies li ħejjew ir-rapporti lill-Gvern Laburista, li jsibu ħofra f'kull ħaġa li jagħmlu rapport dwarha, saħansitra f'korporazzjoni daqshekk soda bħalma hi l-Korporazzjoni Telemalta! Madanakollu wara li għaddew ftit xhur oħra sar miraklu u f'daqqa waħda t-Telemalta mhux talli ma baqgħetx in a precarious situation imma talli wara li erġajna għaġinnieha bħall-plasticine, ġejna f'pożizzjoni li nipprivatizzawha. Sur President, din politika jew logħob tat-tfal? Din politika jew teatrin? Din politika jew ingann għax insibuha komda li nbiddlu dak li ngħidu skond l-esiġenzi tagħna?
Meta wieħed jara dan kollu awtomatikament jistaqsi: Jaqaw it-tariffi tal-Korporazzjoni Telemalta ma traħħsux minħabba li issa rridu nħallu balance sheet sabiħa għal għajnejn l-investitur tat-Telemalta? Allura huwa ġust li għax f'daqqa waħda ddeċidejna li nipprivatizzaw lil din l-korporazzjoni, nwarrbu l-wegħdiet kollha li għamilna qabel l-elezzjoni f'dan ir-rigward, imbasta nidhru sbieħ meta niġu biex inbigħu l-ishma tal-korporazzjoni? Fl-opinjoni tiegħi miżura pjuttost pożittiva u konkreta ta' dan il-budget - fil-fatt għalija l-bqija tal-miżuri li ttieħdu f'dan il-budget huma miżuri biex jagħsru lill-poplu Malti - hija proprjament din tal-privatizzazzjoni.
Madanakollu bħalissa l-ħaddiema ta' din il-korporazzjoni jinsabu inkwetati ferm bil-prospett tal-privatizzazzjoni għax huma emmnu dak li kien jgħid l-Onor. Alfred Sant ftit xhur biss qabel l-elezzjoni. Ħalli nikkwota t-''Times'' tas-Sibt 15 ta' Ġunju 1996 biex naraw x'kien jgħidilhom dak iż-żmien l-Onor. Alfred Sant. It-titlu kien dan:
"Labour leader meets Telemalta Employees.
EU Membership would lead to Corporation's Privatisation.".

Fost l-oħrajn dan l-artiklu qal hekk:


"Dr Sant said the Labour Party did not agree that Telemalta should be privatised because its services had a national priority and as such these should remain in the hands of the government of the day.''.
- issa hawnhekk se ndaħħlu l-biża' -
"Maltese membership of the European Union would lead to the Corporation's privatisation.".
F'din l-aħħar sentenza lill-ħaddiem tat-Telemalta daħħalnielu l-babaw u beżżgħajnieh. Mhux ta' b'xejn li llum il-ħaddiem tat-Telemalta jinsab inkwetat! Għalhekk jien lil dan il-ħaddiem ngħidlu: Ħaddiem, tinkwetax bil-privatizzazzjoni u l-ewwel ara x'se jiġri. Imbilli llum il-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-oppożizzjoni mhux se joqgħod ibeżża' lill-ħaddiem, jew aħjar liċ-ċittadin, fuq kull ħaġa ta' xejn għax l-iskop ta' l-Oppożizzjoni m'huwiex li tbeżża' u li tiddustriġġi l-affarijiet li jkunu qed isiru. Imma nerġa' ngħid li mhux ta' b'xejn li llum il-ħaddiem tat-Telemalta jinsab imbeżża'. X'ma jibżax il-ħaddiem jekk qabel l-elezzjoni beżżgħajnieh li ġaladarba nidħlu fl-isqaq tal-fatati, li huwa l-Unjoni Ewropea, il-Korporazzjoni Telemalta tkun trid tiġi pprivatizzata! Issa dan m'hu minnu xejn.
Imbagħad ir-rapport ta' ''The Times'' kompla jgħid hekk:
"The Labour Party was against the privatisation of Telemalta and would support any fights which the General Workers' Union could wage to ensure that Telemalta was not turned over to private ownership.".
Din hi l-politika tal-Partit Laburista; li jbeżża' lill-ħaddiem? Għalhekk meta jrid isejjaħ lilu nnifsu l-''partit tal-ħaddiema''; biex juża u jagħsar lill-ħaddiem għall-voti? Il-Partit Laburista hekk iridu lill-ħaddiem, imbeżża' mill-futur? Il-Partit Laburista b'hekk jipprova jikkonvinċi lill-ħaddiem biex jivvotalu, bil-babaw u bil-gideb? Sur President, nerġa' nsostni li din ma tissejjaħx politika imma dan jissejjaħ ingann. Aħna għandna biex inkunu kburin bil-Korporazzjoni Telemalta, li permezz ta' l-investiment għaqli li sar matul l-amministrazzjoni Nazzjonalista llum qiegħda f'pożizzjoni li tiġi pprivatizzata u żgur li ma jistħoqqilhiex li tiġi ttrattata bħal blokka plasticine. Din hi għarukaża kbira!
Jien għandi ħafna domandi x'nagħmel rigward il-privatizzazzjoni li ġiet issuġġerita fuq fuq fid-diskors tal-budget għax minkejja li kulħadd wera x-xewqa li jkun jaf x'se jsir eżatt biex issir din l-imbierka privatizzazzjoni, baqgħet ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni. Issa nittama li din il-privatizzazzjoni mhux se tkun eżerċizzju ta' ġbir ta' fondi għal sena waħda biss biex tpatti għad-deficit finanzjarju li se jkun hemm is-sena d-dieħla, frott tan-nuqqas ta' għaqal u ta' ippjanar ta' dan il-Gvern fis-settur finanzjarju. Jien nittama wkoll li matul dan il-proċess ta' privatizzazzjoni, il-Prim Ministru u l-Ministru konċernat iqisu l-passi tagħhom sew qabel ma jieħdu xi azzjoni u li l-korporazzjoni tibqa' tiggwadanja minn dan il-proċess għax, jekk b'dan il-proċess se jinġabru l-flus darba waħda biss biex il-Gvern ipatti għall-ħmerijiet li għamel fis-sistema ta' tassazzjoni l-ġdida, żgur li l-politika Laburista tkun falliet kompletament.
Sur President, nixtieq nikkonkludi d-diskors tiegħi billi nfakkar li l-politika m'hijiex logħba u jekk tkun imdaħħal fiha la għandek toqgħod tagħmel ħafna tidwir bil-kliem u lanqas għandek tisserva biha biex bil-wegħdiet li tagħmel tirbaħ is-simpatija ta' settur mill-popolazzjoni u mbagħad tiksirhom b'mod sfaċċat. Iċ-ċittadin m'huwiex iblah u meta jara li qed nużawh biss għal dawk il-ftit mumenti ta' qabel l-elezzjoni biex neħdulu l-vot dan żgur jirrealizza li qed niddieħku bih u awtomatikament il-perception tal-politika f'għajnejn iċ-ċittadin Malti titbaxxa. Għalhekk nixtieq nerġa' nappella minn qalbi biex aħna l-politiċi nkunu serji u onesti kemm jista' jkun u ma nittrattawx il-politika bħal biċċa plasticine billi ngħidu dak li jkun jaqblilna skond l-esiġenzi politiċi tagħna tal-mument. Grazzi, Sur President.
Yüklə 311,63 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin