Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 311,63 Kb.
səhifə4/5
tarix30.07.2018
ölçüsü311,63 Kb.
#63995
1   2   3   4   5

THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Sur President, fil-ftit minuti li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi se nagħti ħarsa lejn l-MSU, jew kif qed tissejjaħ issa, il-MITTS, li taqa' taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-ewwelnett ikun tajjeb jekk ngħid li din l-organizzazzjoni hija responsabbli mill-informazzjoni teknoloġika fil-qasam ta' l-Istat, liema qasam jidher li wkoll intefa' fil-friża, kif se nuri fid-diskors tiegħi.
Sur President, meta wieħed jaqra dan il-budget, l-unika konklużjoni li jista' jieħu dwaru hija li dan huwa budget mimli bil-kontradizzjonijiet għax bejn id-diskors li qara l-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ u l-miżuri li nsibu fl-estimi hemm baħar sħiħ ta' kontradizzjonijiet, bħalma hemm f'dak li jikkonċerna l-qasam ta' l-informazzjoni teknoloġika. F'paġna 8 tad-diskors tal-budget insibu li l-Ministru Leo Brincat qal dan il-kliem:
''Bit-taxxi taċ-ċittadini, il-Gvern hu obbligat ukoll li jsaħħaħ il-bażi għal żvilupp modern fejn l-esiġenzi llum jitolbu żvilupp bla waqfien fl-informatika, fil-komunikazzjoni u fix-xjenza u t-teknoloġija.''.
Kieku dan il-kliem huwa sabiħ, pero' meta wieħed idur lejn l-estimi tal-budget ta' din is-sena x'isib? Isib li din is-sena l-Gvern se jnaqqas l-investiment minn Lm8.7 miljun għal Lm6.5 miljun fil-qasam ta' l-informatika, jiġifieri se jiffranka xejn inqas minn Lm2.2 miljun. Dan ifisser li minkejja li l-Ministru Brincat qalilna li llum l-esiġenzi ta' dan il-qasam jitolbu żvilupp bla waqfien, dan il-Gvern qata' barra kwart ta' l-ispiża li ntnefqet is-sena l-oħra għal iktar investiment f'dan il-qasam. Hawn wieħed jista' jara ċar li minflok ma l-Ministru Brincat tana żvilupp bla waqfien tana waqfien ta' l-iżvilupp! Tgħid dan huwa każ ta' xi lapsus ieħor, Sur President! Meta wieħed jara dan it-tnaqqis ta' Lm2.2 miljun f'investiment għal dan il-qasam bilfors li jinkwieta għax ġaladarba s-servizzi tal-gvern ma jkunux effiċjenti biżżejjed ibati l-poplu kollu minħabba li dan ikun irid jibqa' jiġri minn dipartiment għall-ieħor biex jinqeda, jibqa' jitħalla fil-għama u fid-dipartimenti tal-gvern tkompli ssir il-ħela. Għaliex qed ngħid li bin-nuqqas ta' l-informatika se tkompli ssir il-ħela fid-dipartimenti tal-gvern? Ħalli nagħti eżempju għal dan li qed ngħid.
Kulħadd jaf li hemm il-ħela u jsiru diversi abbużi fit-tqassim tal-mediċini mill-Istat. Għal dan il-għan il-Gvern Nazzjonalista kien daħħal sistema komputerizzata ta' stocktaking tal-mediċini. Għalkemm din is-sistema ma ssolviex il-problemi kollha, għallinqas isservi ta' għajnuna kbira sabiex wieħed janalizza ruxxmata ċifri fi żmien qasir ħafna u sabiex jordna b'iktar ħeffa hekk kif jara li hemm xi mediċini li jkunu qed jispiċċaw. Madanakollu dan il-Gvern warrab din is-sistema komputerizzata u reġa' lura għas-sistema fejn ir-records tal-pilloli jinkitbu bl-idejn fuq il-karta. Għalhekk x'ġara? Il-problema ta' nuqqas ta' pilloli splodiet. Meta l-Gvern ra dan kollu, minflok ma ammetta l-iżball li għamel li abbanduna s-sistema komputerizzata, dan biex jaqta' l-abbużi f'dan il-budget għabba piż ġdid fuq il-morda billi qal li issa kull marid irid iħallas 50c għal kull riċetta ta' mediċina. Dan huwa każ tipiku li juri biċ-ċar li dan il-Gvern mhux talli kisser dak li sab imma talli ta' l-iżball tiegħu weħel il-poplu, il-famuż ċittadin.
Sur President, wieħed jista' jgħid bla tlaqliq li matul din is-sena li l-Partit Laburista ilu fil-gvern l-MITTS mhux talli ma komplietx timmodernizza ruħha u tirriforma liċ-Ċivil imma talli ċ-Ċivil irnexxielu jirriforma lill-istess MITTS. Il-burokrazija żejda li daħlet din is-sena ħonqot kull sens ta' inizjattiva u qatlet il-motivazzjoni li kellhom il-ħaddiema. Eżempju tipiku huwa l-ħela ta' ħin tar-riżorsi li qed ikun hemm fl-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal postijiet interni b'interviews, b'bordijiet ta' appell, b'counter boards ta' appell u b'diversi bordijiet oħrajn. Din is-sistema hija iktar ikkomplikata minn dik taċ-Ċivil stess. Qabel l-elezzjoni l-Gvern Laburista wegħidna iktar effiċjenza u minflok tana ħmar, biex ma ngħidx ħmar il-lejl!
Meta sar il-budget f'Jannar li għadda l-Gvern qal li l-vot għall-informazzjoni teknoloġika qassmu lill-ministeri minflok m'għamel kif kien isir qabel fejn kien jiġi ddedikat vot għall-MITTS. Il-Gvern qalilna li dan sar sabiex tiżdied l-accountability u b'hekk il-MITTS titħallas biss għax-xogħol li tagħmel. Pero' llum qed insibu li fir-realta' jew mhux veru li saru costings għax-xogħlijiet jew inkella dawn il-costings kienu irreali. Għaliex qed ngħid dan? Għax matul din is-sena kulma għamlu l-ministeri hu li qassmu l-vot tagħhom fi 12 - minħabba li f'sena għandek 12-il xahar - u taw one-twelfth tal-vot tagħhom lill-MITTS. X'somma diffiċli, komplikata u tqila għamlu, Sur President! Fil-fatt biex taħdimha la għandek bżonn calculator u wisq inqas xi computer milli għandha l-MITTS! Qabel l-elezzjoni l-Gvern Laburista wegħidna accountability mentri issa tana sistema li biha l-accountants saru obsolete. Sur President, mill-estimi jidher li din is-sena morna 'l quddiem ħafna għax fihom lanqas biss insibu biċċa vot għall-bżonnijiet tal-MITTS innifisha! Hawn jien nistaqsi: Allura jekk is-sena d-dieħla ċ-chief executive tal-MITTS ikun irid imur l-Amerka, kif għamel din is-sena, minn fejn se jġib il-flus? U l-ħlasijiet għall-Commonwealth network mil-liema vot se jittieħdu? Nixtieq li ningħata risposta għal dawn id-domandi.
Meta l-Gvern Laburista kien għadu fl-oppożizzjoni, tgħidx kemm kien jikkritika l-fatt li fl-MSU kien hemm diversi konsulenti barranin, pero' l-verita' hi li ħafna mill-konsulenti barranin - qed ngħid ''ħafna minnhom'' u mhux kollha - kienu qed jgħaddu dak li jafu lill-Maltin. Tant hu hekk li matul din is-sena kienu bosta dawk il-Maltin li minħabba li huma kapaċi, li minħabba li ddejqu jaħdmu fil-MITTS u li minħabba li fuq kollox ma sabux opportunitajiet oħra f'pajjiżna telqu jaħdmu barra minn Malta. Mela qabel il-Gvern Laburista kien jikkritikana minħabba li konna qed inġibu lill-barranin minn barra u issa m'huwiex qed jikkritika l-fatt li qed jitilqulna l-Maltin! Ħalli nsemmi fejn marru jaħdmu tlieta minn dawn l-impjegati li qed nirriferi għalihom, minkejja li kien hemm iktar minn tlieta li għamlu dan il-pass. Impjegat minnhom illum qed jaħdem mal-kumpannija internazzjonali COMPAQ, ieħor qed jaħdem ma' kumpannija kbira ġewwa l-Kanada u ieħor qed jaħdem ma' kumpannija internazzjonali oħra, li ġġib l-isem ta' LOTUS Notes. Naturalment ħafna mill-impjegati qed ifittxu iktar għelieqi x'jaħdmu barra minn Malta għax, filwaqt li barra qed isibu diversi opportunitajiet ġodda f'dan il-qasam, f'Malta mhux qed isibu iktar għelieqi x'jaħdmu f'dan ir-rigward. Illum nistgħu ngħidu li għandna brain drain, allavolja ma dħalniex fl-Unjoni Ewropea. Qed ngħid dan għax qabel il-Partit Laburista kien jgħidilna li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea jkollna brain drain, imma minkejja li llum l-applikazzjoni għad-dħul fl-Unjoni Ewropea tinsab iffriżata xorta waħda għandna brain drain u filwaqt li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista kien wiegħed li l-MSU se jibdew imexxuha l-Maltin, fil-fatt insibu li issa l-Maltin qed jitilqu jaħdmu f'dan il-kamp barra minn Malta.
Sur President, ħaġa oħra li kien wegħidna l-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni kienet organizzazzjoni ġusta u trasparenti, imma madanakollu llum, wara sena, x'insibu? Li t-top management jingħata kuntratt indefinit u l-ħaddiema ta' taħt jibqgħu b'kuntratt definit, il-kontra ta' kif suppost tkun imfassla organizzazzjoni, biex imbagħad lill-ħaddiema ta' taħt jgħidulhom li din is-sena m'hemmx ċans li jieħdu żieda ta' iktar minn bejn 3% u 6% tal-paga - fil-fatt din is-sena hekk qalulhom - u dan meta qabel l-istess ħaddiema kienu jingħataw performance bonus ta' bejn 5% u 10%. Mal-ħaddiema jrid jixxaħħaħ il-Gvern Laburista! Ta' min jgħid ukoll li filwaqt li din is-sena kull persuna li tinsab fit-top management qed tingħata Lm1,000 fis-sena sabiex tattendi l-executive committee meetings li jsiru darba kull tmien ġimgħat, jiġifieri Lm170 għal kull meeting, il-ħaddiema ta' taħt qed ikollhom jgħaddu mill-passatur taċ-chief executive biex jieħdu biċċa żieda, u qed ngħid biċċa żieda għax lanqas qed jieħdu ż-żieda li kienu jieħdu qabel. Fejn hi l-kuxjenza soċjali llum? Jew illum anke l-kuxjenza soċjali qatgħet qalbha u dabbret rasha!
Issa hawn wieħed irid jgħid ukoll li ċ-chief executive lanqas huwa mpjegat mal-MITTS imma huwa seconded minn mal-gvern ħalli żgur ma jitlef xejn mill-benefiċċji. Fil-fatt jien nixtieq inkun naf kemm ħa performance bonus iċ-chief executive din is-sena għax wara li kienu jippriedkaw tant fuq it-trasparenza u fuq li l-Gvern ta' qabel ma kienx jgħid kemm kienu qed idaħħlu flus il-konsulenti, illum bqajt ma ngħatajtx risposta wara li staqsejt sempliċement min huma l-persuni li qed jaħdmu fuq il-millenium bug. Din hi t-trasparenza l-ġdida, li lanqas biss ningħataw l-ismijiet tal-persuni! Ta' min jgħid ukoll li għall-kuntrarju ta' dak li kien isir qabel, illum qed isiefru biss dawk il-persuni li qegħdin fit-top management u l-ħaddiema ta' taħt m'huma qed jingħataw l-ebda opportunita' ta' exposure barra minn Malta. Hawn ma nistax ma nsemmix ukoll il-fatt li filwaqt li t-training tal-ħaddiema kważi spiċċa, l-ischolarships għaż-żgħir spiċċaw għal kollox. Biex nagħti eżempju għal dan li qed ngħid, ikun interessanti jekk nirrimarka li filwaqt li manager partikolari ntbagħat jistudja barra minn Malta għal sitt xhur, ħaddiem ieħor li qiegħed iktar 'l isfel minnu ma ngħatax l-istess trattament, bil-konsegwenza li dan kellu jitlaq minn mal-MITTS biex imur jistudja. Din hija t-tip ta' ġustizzja u trasparenza li nsibu llum fil-MITTS!
Sur President, meta wieħed jara dan kollu bilfors jikkonkludi li filwaqt li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista wegħidna amministrazzjoni ġusta, fi żmien sena dan wikkiena b'amministrazzjoni bla kuxjenza soċjali, u filwaqt li qabel l-elezzjoni wiegħed lill-poplu iktar proġetti f'dan il-qasam, illum wara sena nsibu li l-proġetti li jqarrbu l-amministrazzjoni taċ-Ċivil maċ-ċittadin, li huma l-government on-line systems, bħall-information kiosks, touch-tone telephone information, servizzi ta' tendering fuq l-Internet u l-ismart card - jien semmejt ftit minnhom biss għax m'għandix ħin insemmihom kollha - spiċċaw kollha fuq l-ixkaffa. Il-Gvern Laburista ma ħoloq l-ebda proġett biex permezz tiegħu ssir qabża fil-kwalita' imma baqa' għaddej bl-istess proġetti li sab, anzi anke dawn il-proġetti tefagħhom lura, u dan meta jaf li f'dan il-qasam ma tistax taffordja li tintefa' lura, anzi trid tkabbar il-pass tiegħek minn ġurnata għall-oħra.
Sur President, meta kien fl-oppożizzjoni l-Partit Laburista kien wegħidna qabża fil-kwalita' f'dan il-qasam imma issa wara sena fil-gvern kulma rnexxielu jagħtina hija struttura staġnata, għax din lanqas tista' ssejħilha organizzazzjoni. Kif kulħadd jaf, l-Oppożizzjoni Laburista kienet tikkritika wkoll il-fatt li l-ħaddiema ta' l-MSU kellhom pagi fenomenali - hekk kien isejħilhom il-pagi ta' dawn il-ħaddiema l-Kap ta' l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien - u meta matul is-sajf li għadda spiċċaw 120 impjegat minn mal-MITTS, il-Gvern Laburista f'konferenza stampa li għamel beda jifraħ għax qal li b'hekk iffranka Lm708,000. Issa jekk wieħed jiddividi dawn is-Lm708,000 b'120 isib li l-paga ta' kull wieħed minn dawn il-ħaddiema kienet ta' Lm5,900. Allura din tista' tissejjaħ xi paga fenomenali? Jiġifieri l-Gvern Laburista, li dejjem jiftaħar li huwa l-partit tal-ħaddiema jippretendi li l-paga ta' ħaddiem għandha tkun iktar baxxa minn hekk? Il-konklużjoni ta' kull ċittadin meta jara dan kollu bilfors li tkun li filwaqt li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista wegħidna tnaqqis fil-ħela, dan tana sistema li ma tagħmel xejn ħlief li tixxaħħaħ mal-ħaddiema.
Sur President, l-Oppożizzjoni Laburista kienet tagħmel attakk feroċi wieħed wara l-ieħor fuq it-tmexxija ta' l-MSU, imma llum x'insibu wara sena ta' Gvern Laburista? Ħalli nsemmi biss xi wħud mill-prinċipji ta' l-effiċjenza li jipprattika ċ-chief executive tal-MITTS. L-ewwel kmandament tas-Sur Camilleri huwa: Żomm biss mal-ħinijiet stipulati ta' l-uffiċċju. It-tieni kmandament huwa: Tiddeċiedi xejn int imma rriferi kollox lill-bord. It-tielet kmandament li jimxi fuqu s-Sur Camilleri hu: F'isem it-trasparenza ingħalaq ġo l-uffiċċju u għatti l-bieb tal-ħġieġ bil-blinds. Ir-raba' kmandament tiegħu jgħid hekk: Agħżel segretarji mingħajr call for applications. Din naħseb li jimxi fuqha biex ikollna t-trasparenza wkoll! Imma issa ħalli ngħaddu għall-ħames kmandament: Teħux minuti tal-laqgħat u jekk teħodhom żommhom għalik biss, imma ara ma jfettillekx tqassamhom. Is-sitt kmandament li jimxi fuqu s-Sur Camilleri huwa: Injora lill-management billi l-ewwel tinforma lill-kumitat tal-ħaddiema magħżula. Hawn morna lura għal żmien il-Bolxeviżmu! Is-seba' kmandament tas-Sur Camilleri jgħid hekk: Tafda f'ħadd. U t-tmien kmandament jgħid: Mexxi mingħajr studji. Is-Sur Camilleri tant jimxi fuq dan l-aħħar kmandament - għax dan għandu tmien kmandamenti b'kollox u mhux għaxra - illi meta f'waħda mil-laqgħat li kellu mal-ħaddiema magħżula ġie mistoqsi jekk sarux xi studji biex wieħed ikun jaf il-feasibility ta' dak li qed jintqal għar-rigward li l-MITTS se ssir kumpannija kummerċjali, tafu x'irrisponda? Le, ma sar l-ebda studju, imma jien fiduċjuż li l-MITTS hija kapaċi. Mela m'hu se jsir l-ebda studju biex il-MITTS issir kumpannija kummerċjali, imbasta għandna l-benedizzjoni tas-Sur Camilleri!
Sur President, biex nikkonkludi d-diskors tiegħi rrid ngħid li qabel l-elezzjoni l-Kap ta' l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, is-saħħar Onor. Alfred Sant, u sħabu wegħduna organizzazzjoni effiċjenti, trasparenti u ta' kwalita' f'dan il-qasam u tana struttura bla motivazzjoni - hawn jien nixtieq nieħu l-okkażjoni biex inħeġġeġ lill-Prim Ministru jerġa' jiltaqa' mal-ħaddiema tal-MITTS ħalli dawn jgħidulu x'motivazzjoni hemm f'din l-organizzazzjoni - struttura ineffiċjenti, struttura staġnata u fuq kollox struttura inġusta ma' l-istess ħaddiema. Meta wieħed jara dan kollu jirrealizza għalfejn illum il-ħaddiema tal-MITTS jgħidulek b'mod ċar: Kemm konna aħjar meta konna agħar. Fil-fatt lili dan qaluhuli anke ħaddiema Laburisti. Jien naħseb li dan kollu jikkonferma u jagħti l-aħjar stampa ta' fiex tinsab l-MSU illum. Kemm kienet aħjar meta kienet agħar! Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. L-Onor. Anton Tabone.
ONOR. ANTON TABONE: Sur President, nibda mill-ewwel id-diskors tiegħi billi nilmenta u nitkaża bil-fatt li Għawdex mhux talli tilef postu u ħinu f'dan il-Parlament imma anke f'pajjiżna. Aħna ma nistgħux noħolqu diskussjoni serja u nibnu l-ideat tagħna biex infasslu l-aħjar destin għall-ġżira GĦawdxija jekk kemm-il darba nibqgħu limitati bil-ħin. Sa ftit iktar minn sena ilu ma kienx il-każ li nagħmel dan il-punt għax, kif jaf kulħadd, Għawdex kellu l-vot tiegħu u għalhekk f'dan il-Parlament kien hemm ħin allokat proprjament għal GĦawdex biex fih wieħed seta' jagħmel il-kummenti tiegħu fuqu. Filwaqt li dak iż-żmien Għawdex kien jikkonkorri mal-ministeri l-oħra, fosthom mal-ministeru ta' l-ambjent, mal-ministeru tal-biedja u s-sajd, mal-ministeru ta' l-industrija u mal-ministeru ta' l-edukazzjoni, illum dan qed jikkonkorri ma' dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fosthom id-DOI, l-MPO u l-SDO, li minkejja li huma importanti ċertament m'għandhomx l-importanza li jimmerita Għawdex bħala gżira.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li meta GĦawdex kellu ministeru għalih ma' l-estimi kien ikun hemm programm sħiħ - dan kien jieħu madwar ħames faċċati - dwar l-ambizzjonijiet tal-Gvern ta' dak iż-żmien għal din il-gżira u b'hekk GĦawdex mhux biss kien qed jisfrutta l-potenzjal tiegħu għall-GĦawdxin imma għall-pajjiż kollu kemm hu. Fil-fatt jekk tqabbel l-estimi ta' dan il-budget ma' dawk tal-budget ta' Jannar li għadda ssib li diġa' ħarġu mix-xena xi tliet prijoritajiet għal GĦawdex, u naturalment dan ma sarx għax intlaħaq l-iskop tagħhom imma minħabba raġunijiet oħra. Jekk wieħed jaqra l-programm elettorali tal-Partit Laburista "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" u jmur għal paġna 27 li ġġib l-isem ta' "Orizzonti Ġodda għal GĦawdex" isib dan il-kliem:
"Fit-tfassil tal-politika ġdida Laburista għal GĦawdex, aħna komplejna nfittxu li nitgħallmu minn dak kollu li sar tajjeb f'GĦawdex fl-imgħoddi, għamlu min għamlu. Fittixna wkoll li niskartaw l-iżbalji li saru fl-imgħoddi, għamilhom min għamilhom.".
Fil-fatt il-Membri ta' l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, li llum qegħdin fuq il-bankijiet tal-Gvern, kienu ilhom jgħidu li jridu jżommu dak kollu li sar tajjeb, għamlu min għamlu, u li jridu jiskartaw dak li ma sarx tajjeb, għamlu min għamlu. Imma fil-fatt illum x'insibu? Insibu li llum, minkejja li l-Partit Laburista ilu 13-il xahar fil-gvern, għadna ma smajna lil ħadd min-naħa tal-Gvern, jiġifieri la l-Prim Ministru, la l-ministri u lanqas lil min jaħdem fil-qasam tal-media tal-Partit Laburista, ilissnu kelma waħda biss dwar dak li sabu tajjeb. Minkejja d-diskors kollu li għamlu qabel l-elezzjoni huma ma kellhomx il-kuraġġ jgħidu dak kollu li sabu, għamlu min għamlu, u jien naħseb li sa llum huma jafu sew x'sabu, x'wirtu u li qed jiddubbaw bl-istess servizzi tajbin li kien ħoloq il-Partit Nazzjonalista fid-disa' snin u nofs li dam fil-gvern.
Sur President, jien nassumi li l-istrutturi tal-ministeru għal Għawdex kienu tajbin u l-Gvern irrikonoxxa dan il-fatt ukoll għax l-istrutturi tal-ministeru għal Għawdex li twaqqfu matul l-amministrazzjoni preċedenti għadhom hemm. Biżżejjed ngħid li llum id-dipartiment għal Għawdex għandu l-istess affarijiet li għandhom il-ministeri l-oħra bħal, ngħidu aħna, id-direttur tal-corporate services, id-direttur tal-customer services, id-direttur tal-project and development u l-permanent secretary. Ta' min jgħid ukoll li l-customer services department u l-projects and development department għadhom jiġbru l-fergħat tad-dipartimenti tal-gvern kollha t'Għawdex, bl-iskop li jkun hemm iktar streamlining, iktar effiċjenza u iktar flessibilta'. Madanakollu, minkejja li nżammu l-istrutturi tal-ministeru, il-Gvern ma kellux il-kuraġġ jgħid kif kien jgħid li se jagħmel qabel l-elezzjoni, jiġifieri jgħid li żamm ċerti affarijiet għax kienu tajbin, għamilhom min għamilhom. Dan il-Gvern għamel minn GĦawdex iltim għax neħħielu l-ministeru tiegħu, jiġifieri b'hekk neħħa the holder of the political office ta' Għawdex, u filwaqt li żamm l-istrutturi tal-ministeru għal GĦawdex biex jiddobba bihom għall-amministrazzjoni tal-gżira, neħħa lill-ministru għal Għawdex u ħatar segretarju parlamentari. Kif jaf kulħadd segretarju parlamentari għal GĦawdex mhux l-istess ħaġa bħal meta jkun hemm ministru għal GĦawdex u għalhekk din ġabet diversi reazzjonijiet. Ħalli nikkwota artiklu li deher fil-ġurnal "it-Torċa" ta' l-aħħar Ħadd ta' Ottubru, eżattament fil-paġna li hija ddedikata għal GĦawdex, fejn korrispondent qal hekk:
"Issa nħolqot anomalija għaliex, kuntrarjament għal dak li jaħsbu xi wħud, l-ogħla awtorita' amministrattiva f'Għawdex m'hijiex vestita f'isem is-segretarju parlamentari għal Għawdex iżda f'isem is-segretarju permanenti, li jiġi direttament taħt il-Prim Ministru bħala l-ministru għal Għawdex. Id-diċerija hi li din il-persuna għandha d-delega tal-Prim Ministru biex tawtorizza ċertu infiq b'ordni diretta, awtorita' li normalment tkun eżerċitata mill-ministru u mhux mis-segretarju parlamentari. Il-grad ta' segretarju permanenti u l-persuna li qed tokkupah kienu nħolqu fi żmien Gvern Nazzjonalista. Is-segretarjat parlamentari għandu l-istrutturi ta' ministeru bid-differenza li minflok ministru għal Għawdex hemm il-Prim Ministru, iżda x-xogħol ta' kuljum m'huwiex iħabbat wiċċu miegħu l-Prim Ministru iżda s-segretarju parlamentari li naturalment huwa mħallas inqas minn ministru. Dawn m'humiex affarijiet tajbin għaliex il-poplu Għawdxi, biex il-MLP qed jiggverna, ivvota għal segretarju parlamentari u mhux għal segretarju permanenti.".
Sur President, li kieku dan l-artiklu deher f'xi gazzetta li joħroġ il-Partit Nazzjonalista jew inkella f'xi gazzetta oħra, ma naħsibx li kont nagħtih daqstant importanza, pero' dan l-istat ta' fatt deher f'"it-Torċa". Kif qal tajjeb l-artikolist nħolqot anomalija, jew aħjar kriżi fl-amministrazzjoni għax filwaqt li l-membru responsabbli minn GĦawdex tneħħa mill-Kabinett, l-istrutturi tal-ministeru baqgħu hemm. Sur President, jien naħseb li din il-mossa turi biċ-ċar li għal darb'oħra Għawdex reġa' sar is-cinderella tal-gżejjer Maltin u m'għandix l-iċken dubju li wara din il-mossa kien hemm xi skop ieħor.
Issa nixtieq nieħu l-opportunita' li nikkwota parti minn diskors li għamel il-Prim Ministru waqt ikla li kienet offruta għall-unur tiegħu u li kellha x'taqsam mat-turiżmu. Dakinhar il-Prim Ministru qal dan il-kliem lill-president ta' l-iSkoll Club:
"Also in recognition of the fact that we do not believe that tourism should be the cinderella but should be given full recognition as the locomotive of the economy, as you know we have appointed a full scale minister to be responsible for tourism and to act as the voice of the tourist sector in the Cabinet. I can assure you that every time we have a Cabinet meeting the voice of tourism is being heard, is being listened to as decisions are taken.".
Sur President, hawn il-Prim Ministru stess qed jiddikjara li biex it-turiżmu ma jibqax is-cinderella ta' l-ekonomija Maltija u tal-gżejjer Maltin ħtarna ministru minflok segretarju parlamentari. Allura bl-istess loġika nasal biex ngħid li jekk kemm-il darba biex it-turiżmu ma jibqax is-cinderella ħtarnielu ministru, issa li Għawdex kellu ministru u minfloku ħtarnielu segretarju parlamentari jfisser li lil GĦawdex għamilnieh is-cinderella tal-gżejjer Maltin. Jien nispera li kulmin hu responsabbli jassorbi dawn l-osservazzjonijiet għax hawnhekk aħna m'aħniex qed nitkellmu fuq livell ta' partiġjaniżmu imma fuq livell ta' interess nazzjonali.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li jekk wieħed iħares lejn l-estimi għas-sena 1998 isib li l-vot għal GĦawdex tnaqqas b'Lm1,171,000. Fil-fatt dan it-tnaqqis kważi ġie rreġistrat f'kull ħaġa li għandha x'taqsam ma' din il-gżira għax ġie reġistrat tnaqqis fil-vot għal kostruzzjoni tal-fabbriki, għal inċentivi għall-investiment, għal assistenza tal-bdiewa u s-sajjieda, għal estensjoni u l-master plan tad-drenaġġ, għal bini u l-irranġar tat-toroq, għat-tarmac, għal-livellar t'asfaltar, għal xiri ta' tagħmir u għal xogħlijiet fl-isptar ta' Għawdex, għal protezzjoni ta' l-ambjent, għal public cleansing, għal sussidji lill-housing, għal faċilitajiet sportivi, għall-Malta Maritime Authority, għall-Water Services Corporation, għall-karnival, għall-kultura, għall-akkomodazzjoni ta' l-istudenti Għawdxin f'Malta, għall-opri li jinstemgħu f'GĦawdex, għall-NGOs, eċċ. Insomma fl-estimi nsibu lista sħiħa ma tispiċċa qatt ta' voti għal GĦawdex li huma inqas minn dawk tas-sena l-oħra. Wieħed irid jgħid ukoll li ħafna minn dawk il-voti li kien hemm ivvotati matul din is-sena ma ntnefqux.
Per eżempju, filwaqt li għal din is-sena l-vot ta' drenaġġ kien jammonta għal Lm240,000 kull ma ntnefqu sa l-aħħar ta' Ottubru li għadda kienu Lm105,000, jiġifieri kien hemm saving ta' Lm144,000. Filwaqt li għal din is-sena l-master plan kien jammonta għal Lm660,000 kulma ntnefqu sa Ottubru li għadda kienu Lm31,000. Ta' min jgħid ukoll li minkejja li għal din is-sena kien hemm ivvotata s-somma ta' Lm233,000 għall-Water Services Corporation, sa l-aħħar t'Ottubru ntnefqu biss Lm89,000, jiġifieri kien hemm saving ta' Lm143,000. Dan biex ma nsemmix ukoll li l-flus li kien hemm ivvotati għall-1996, li kienu jammontaw għal Lm221,000, intnefqu kollha. Imbagħad xi ngħidu għal dak li huwa tagħmir ta' l-Isptar Ġenerali t'Għawdex? GĦalkemm jekk m'iniex sejjer żball lill-Prim Ministru għamiltlu tliet domandi parlamentari fejn staqsejtu kemm intnefqu s'issa mill-Lm100,000 li kien hemm ivvotati għall-akkwist ta' equipment għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex, il-Prim Ministru irrispondieni darba wara l-oħra li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Jien ma nistax nifhem kif illum għadha tinġabar l-informazzjoni ta' domanda daqshekk sempliċi li naħseb jista' jagħtihieli siegħa wara, pero' jien nifhem li dan qed jirrispondini kull darba b'dan il-mod minħabba li ma ntnefqux flus u baqa' sejjer kollox lura f'dan ir-rigward. Naturalment dan in-nuqqas ta' investiment jirrifletti ħażin fuq il-kummerċ u l-ekonomija tal-pajjiż.
Biżżejjed ngħid li filwaqt li sa Settembru ta' l-1996, jiġifieri fl-aħħar xahar taħt Gvern Nazzjonalista, in-numru ta' mpjegati fil-fabbriki f'Għawdex kien ta' 970, li 371 minnhom kienu rġiel u 590 minnhom kienu nisa, illum minn mistoqsija parlamentari li għamilt lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija jirriżulta li dan in-numru niżel għal 790, jiġifieri f'sena u xahar tnaqqsu 171 impjieg. Min-naħa l-oħra jkun tajjeb jekk wieħed jgħid ukoll li filwaqt li f'Settembru ta' l-1996 in-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw f'Għawdex kien jammonta għal 384 - fil-fatt jien ġejt informat li dan kien l-iktar xahar li fih kien hemm l-inqas nies jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex - illum dan in-numru jilħaq is-650, jiġifieri llum hemm żieda ta' 250 persuna jirreġistraw għax-xogħol.
Sur President, jien naħseb li wieħed ma jistax jgħid li jkun għamel diskors sħiħ fuq GĦawdex jekk ma jsemmix is-servizz tat-trasport għal din il-gżira. Bħalma konna bassarna s-sena l-oħra, illum ninsabu f'sitwazzjoni fejn filwaqt li l-kumpannija li għandha l-monopolju tat-trasport għal Għawdex qiegħda tistagħna, l-ekonomija Għawdxija qiegħda tistaġna. Jekk issa l-Ministru jiġi jsemmi kemm għamlet qligħ il-kumpannija Gozo Channel, ir-risposta tagħna tkun li parti sostanzjali minn dak il-qligħ għamlitu minħabba li ma baqgħetx tħares l-obbligi soċjali li hija marbuta li tħares. Ftit ilu jien diġa' għidt f'din il-Kamra li llum min jgħix f'Għawdex għandu żvantaġġ għax m'għandux il-liberta' tal-moviment li għandu min joqgħod f'Malta, u għalhekk illum iċ-ċittadin GĦawdxi għandu handicap. Aħna ma nippretendux li kumpannija tal-gvern għandha tagħmel qligħ fuq dan il-handicap li għandhom l-GĦawdxin pero' llum din il-kumpannija hekk qed tagħmel. GĦalhekk minn hawn nappella biex wieħed jirrifletti ftit fuq dan li qed ngħid għax jien nemmen li din qed toħloq sitwazzjoni diskriminatorja bejn ċittadin u ieħor mill-istess pajjiż.

Hawn ta' min ifakkar ukoll b'liema mod il-Gvern għolla n-nollijiet tal-Gozo Channel fi Frar ta' din is-sena, u li kien għalih dawn għolew ħafna iktar. Biżżejjed ngħidu li għalkemm minn Frar li għadda 'l hawn Għawdxi bil-karozza tiegħu beda jħallas Lm3.50 minflok Lm2, li kien għall-Gvern dan beda jħallas Lm4.75, għax il-legal notice li ħarġet kienet timponi li Għawdxi li jkun ġej Malta bil-karozza jħallas Lm4.75 pero' mbagħad, kif jiftakar kulħadd, peress li saru diversi protesti dan in-noll naqas għal Lm3.50. Hawn irrid nenfasizza li l-Għawdxin jiġu Malta għall-bżonn u mhux għad-divertiment u għalhekk jien naħseb li f'din il-Kamra hemm bżonn li ssir diskussjoni serja wkoll ħalli wieħed ikun jista' jiċċara ċerti parametri għax ma jistax ikun li Għawdex jibqa' jiġi separat minn Malta fil-ħsebijiet u fl-ideat.


Sur President, illum jien nixtieq nieħu wkoll l-opportunita' li nistaqsi lill-Prim Ministru u lill-Gvern xi affarijiet dwar id-dikjarazzjoni li saret fuq it-tfittxija għaż-żejt fil-gżira Għawdxija. Jien kont nistenna li kwestjoni ta' din it-tip kienet se tqajjem iktar diskussjoni, anke f'din il-Kamra, u li l-Prim Ministru kien se jiġi fil-Parlament biex jagħmel stqarrija fuq din il-materja, li ċertament m'hijiex xi ħaġa li tiġri kuljum. Jien nista' ngħid minn issa li aħna m'aħniex se nagħmlu kif kienet tagħmlilna l-Oppożizzjoni Laburista waqt li aħna konna fil-gvern, meta għal kull proposta li kienet issir fuq Għawdex l-Oppożizzjoni kienet toħroġ tgħid bl-iktar mod feroċi li din se tistupra l-ambjent Għawdxi b'mod irreparabbli, u kienet dlonk tibda ssemmi lill-barunijiet biex tipprova tikkonvinċi lill-poplu Għawdxi li kull proposta li jagħmel il-Gvern Nazzjonalista għal Għawdex ikollha skopijiet ulterjuri. Aħna m'aħniex se nimxu b'dan il-mod allavolja nafu li ġaladarba tibda t-tfittxija taż-żejt se ssir ħsara ambjentali f'Għawdex, għax għalina l-iktar ħaġa importanti huwa l-interess nazzjonali. Madanakollu aħna għandna d-dritt u l-obbligu li nistaqsu: X'se jiġri sewwa sew f'dan ir-rigward? Veru li fejn se ssir din it-tfittxija għaż-żejt wara jista' jiġi riabilitat? Kemm se tittieħed area għal dan il-proċess? Kemm hemm gabillotti li diġa' rċevew avviż rigward din it-tfittxija għaż-żejt u se jieqfu jaħdmu? X'se jiġri jekk wieħed ikollu għalfejn ikompli dan il-proċess? Għawdex, Malta u l-Gvern x'donazzjoni se jirċievu għal din it-tfittxija? Qed nagħmel din id-domanda għax normalment meta wieħed jagħti l-konċessjoni lil xi kumpannija li tibda tħaffer għaż-żejt, din min-naħa tagħha tagħti xi donazzjoni lill-gvern tal-ġurnata u jien naħseb li anke l-kunsill lokali tal-post li fih tkun qed issir din it-tfittxija għandu jingħata xi ħaġa. Fil-fatt l-iktar lokal li jinsab viċin il-post li qed isir ix-xogħol fih huwa Kerċem. Għalhekk jien nerġa' ninsisti li huwa meħtieġ li din il-Kamra tkun informata iktar fuq il-proċess tat-tfittxija taż-żejt għax il-Gvern mexa b'mod tassew mgħaġġel f'dan il-proċess mingħajr ma ta lil ħadd iċ-ċans li jagħmel xi osservazzjonijiet u li jagħmel ċerti domandi leġittimi.
Sur President, is-soltu l-Gvern Laburista jagħmel xi ħaġa bl-għaġġla f'Għawdex biss meta jkollu bżonn xi ħaġa minn din il-gżira. Fil-fatt jien u dieħel f'din il-Kamra xi ħadd fakkarni fil-famuż pipeline li kien sar taħt il-baħar biex jittieħed l-ilma minn Għawdex għal Malta. Dan il-proġett, li dak iż-żmien kien qam Lm1.5 miljun, kien l-ikbar proġett li qatt sar mill-Partit Laburista fis-16-il sena li kien dam fil-gvern u dan ukoll kien sar b'ħeffa kbira. Madanakollu aħna pajjiż wieħed u nemmnu li għandna bżonn xulxin, pero' lili jħassibni l-fatt li dan il-Gvern qed jgħaġġel fil-proċess tat-tfittxija taż-żejt għax mhux is-soltu li jgħaġġel biex jibda xi proġetti. Per eżempju, minkejja li l-Gvern Laburista ilu żmien isemmi l-kunsill reġjonali kien proprju issa li ħarġet il-white paper għalih, kuntrarjament għal dak li ġara għar-rigward tat-tfittxija taż-żejt fejn wara ftit jiem li tħabbar li se jibda dan il-proċess f'Għawdex ġie ffirmat il-kuntratt għal dan ix-xogħol. Jien naħseb li l-Gvern huwa obbligat li jagħti iktar informazzjoni fuq operazzjoni ta' dan it-tip.
Hawn irrid nerġa' nenfasizza li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tħares biss lejn l-interess nazzjonali u żgur li mhux se tagħmel kif kienet tagħmel l-Oppożizzjoni Laburista meta kienet toħroġ tmaqdar kull proposta għal żvilupp f'Għawdex. Biżżejjed insemmi li din kienet kontra li jsir kumpless turistiku fix-Xlendi, kienet kontra li tinbena 5-star hotel fiż-Żebbuġ, kienet kontra l-proġett ta' Ta' Ċenċ, ta' San Lawrenz, ta' Chambrai, ta' Esopu ... Sur President, dawn għaliex kienu joħorġu jmaqdru dan l-iżvilupp mingħajr ma kienu jkunu għadhom jafu fiex jikkonsistu dawn il-proposti? Għax fin-nofs kien hemm l-ingann u r-raġuni vera li għaliha ma kenux iridu li jsiru dan l-iżvilupp kienet minħabba li kien qed jipproponihom Gvern Nazzjonalista. Madanakollu kif għidt diġa' aħna għandna l-obbligu li nkunu nafu ċerti affarijiet rigward il-proċess għat-tfittxija taż-żejt u nistenna li jekk il-Gvern ma jweġibnix dalgħodu għad-domandi li għamiltlu almenu jirrispondini llejla.
Sur President, issa nixtieq nagħlaq id-diskors tiegħi billi nfakkar fil-ġid li kien sar f'Għawdex matul id-disa' snin u nofs t'amministrazzjoni Nazzjonalista. Biżżejjed ngħid li matul dak il-perijodu f'Għawdex żdiedu bejn 3,500 u 3,600 post tax-xogħol u minn Lm29 miljun id-depożiti fil-banek telgħu għal Lm100 miljun. Għawdex irid jibqa' miexi 'l quddiem, pero' biex dan isir jeħtieġ li mhux biss ikollu d-dikasteru tiegħu imma wkoll il-ministru tiegħu. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Mr Chairman, illum wasalna biex nispiċċaw id-dibattitu fuq il-voti tal-ministeri u żgur li m'huwiex b'kumbinazzjoni jew b'użanza li l-aħħar dibattitu ta' dan it-tip tradizzjonalment ikun iddedikat lill-voti li jaqgħu taħt il-prim ministru tal-ġurnata. GĦall-kuntrarju ta' meta kont prim ministru jien, il-Prim Ministru preżenti għandu diversi dikasteri f'idejh bħalma huwa GĦawdex, it-Telemalta u l-qasam intern. Jien kont fassalt politika li permezz tagħha ridt li nkun nista' nikkonċentra iktar fuq l-ikbar responsabbilta' afdata lili kemm bil-Kostituzzjoni u kemm bil-prassi, li hija d-direzzjoni tal-gvern. Illum jien m'iniex beħsiebni nitkellem fid-dettall fuq id-diversi dipartimenti li jaqgħu taħt il-Prim Ministru għax nista' ngħid b'sodisfazzjon li f'ħafna minnhom hemm ċerta kontinwita'. Fil-fatt milli jidher illum il-Prim Ministru bidel fehmtu f'ħafna affarijiet minn meta kien kap ta' l-oppożizzjoni u fl-aħħar irrealizza li ħafna mill-affarijiet kienu qed isiru b'mod tajjeb u li għalkemm uħud minnhom jistgħu jsiru aħjar hemm ċerta kontinwita' fihom. Per eżempju, s'issa għalkemm ir-riforma tas-civil service tilfet ħafna mill-ispirtu tagħha s'issa ma sar xejn radikalment oppost għal dak li kien qed jiġri qabel. L-istess nista' ngħid għall-Armata għax minkejja l-ħafna kritika li kienet qed issir dwarha, effettivament illum dak li hemm miktub fil-white paper huwa r-riżultat tal-ħidma tal-Gvern imexxi minni. Jien nieħu pjaċir nara din il-kontinwita' pero', kif għidt diġa', ma rridx nidħol fid-diversi dipartimenti jew dikasteri li jaqgħu taħt il-Prim Ministru, għax iktar nixtieq nikkonċentra fuq l-ikbar responsabbilta' li għandu l-Prim Ministru, jiġifieri d-direzzjoni tal-gvern.
Sur President, jien naħseb li llum, wara li għaddew sena u xahar mill-elezzjoni 'l hawn, qed jidher bl-iktar mod ċar li l-Prim Ministru ma kienx ippreparat biex jiggverna. Fil-fatt matul din is-sena l-poplu seta' jara li d-direzzjoni li ta l-Prim Ministru ma kenitx preċiża u studjata u meta ra li wħud mill-wegħdi elettorali li għamel kienu ħżiena, b'suppervja webbes rasu u baqa' għaddej bihom. B'hekk ħela l-ewwel sitt xhur ta' ħidma tiegħu bħala l-ministru responsabbli għat-tneħħija tal-VAT u minkejja li tilef lill-bniedem li kien għażel bħala l-ministru tal-finanzi - li issa nafu li dan ma jaqbilx mal-liġi li tirrigwarda d-dazju u s-sisa u talab lill-Prim Ministru biex jirrivedi l-pożizzjoni tiegħu fuq il-VAT - dan issuppervja u qal li ġaladarba tela' b'dak il-mandat se jibqa' miexi bih. GĦalkemm jien għandi esperjenza ta' madwar 30 sena f'dan il-Parlament qatt ma niftakar li waqt li kien għaddej id-dibattitu tal-budget il-pajjiż waqaf, kif ġara llum.
Qed ngħid dan għax minn mindu bdejna d-dibattitu fuq il-budget, li ġie ppreżentat fil-5 ta' Diċembru li għadda, il-pajjiż waqaf jistenna. Dan ġara minħabba li malli tħabbret id-data tal-budget aħna konna pronti naqdu dmirna u ngħidu lill-poplu li dan kien se jkun budget bla kuxjenza, li dan kien se jkun budget bla ħsieb, li dan kien se jkun budget li ma jolqotx l-istrati soċjali tas-soċjeta' u li dan kien se jkun budget li m'hu se jsolvi xejn. Hawn ta' min jgħid li mhux jien biss qed ngħid li dan il-budget m'hu se jsolvi xejn għax kemm il-budget speech kif ukoll l-estimi ddikjaraw dan u għalhekk minn mindu ġie ppreżentat il-budget il-poplu mtela' bl-ansjeta'. Tant hu hekk li jekk illejla waqt li jkun qed jitkellem il-Prim Ministru tmur fid-djar tal-Maltin u l-GĦawdxin żgur li se ssibhom bir-radju miftuħ ħalli jisimgħu x'inhu jiġri u jingħad fil-Parlament. Safejn naf jien, almenu fit-30 sena li ili attiv fil-politika, f'pajjiżna qatt ma kellna din is-sitwazzjoni. Fil-fatt il-Prim Ministru kien ilu jgħid li l-budget li kien se jkun jiġi ppreżentat kien se jkun iebes ma' kulħadd - dan ma qalx li se jissikka ċ-ċintorin għax inkella jkun qed juża espressjoni ta' Gvern Laburista qadim u mhux ta' Gvern Laburista ġdid! - biex l-ekonomija ta' pajjiżna tissaħħaħ, biex ir-rota ekonomika tibda ddur sewwa u biex il-finanzi tal-gvern jissanaw ruħhom, għax mill-għada ta' l-elezzjoni stess bdiet tindaqq id-diska li pajjiżna huwa fallut, li pajjiżna mimli ħofor u li xogħol il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant, li għandu politika maniġerjali moderna, huwa li jimla' l-ħofor finanzjarji tal-gvern.
Issa ta' min jgħid li fl-ewwel budget tal-Gvern Laburista l-ex-Ministru Onor. Spiteri qalilna li dan kien l-ewwel pass biex jitnaqqas id-deficit imma wara li għaddiet sena sibna li d-deficit żdied u issa, wara li qalulna b'ħafna trombi li se jkollna nbatu lkoll biex insoddu l-ħofor, fil-budget - li din id-darba ġie ppreżentat mill-Ministru Leo Brincat - hemm miktub li s-sena 1998 se tispiċċa b'deficit ikbar minn dak ta' l-1997, jiġifieri hemm l-ammissjoni li dan il-budget mhux se jilħaq l-għanijiet li l-Prim Ministru ppreparana tant għalihom meta qalilna li se jagħmel budget ta' realiżmu kbir u li se jġorr piżijiet kbar. Illum insibu li għalkemm huwa veru li l-budget fih piżijiet kbar, aħna ma konniex qed nistennew dawn il-piżijiet għax nista' ngħid sinċerament li l-piżijiet li mpona l-Prim Ministru f'dan il-budget ma juru l-ebda kuxjenza soċjali. Hawn ta' min ifakkar li xogħol il-gvern huwa li joħloq l-atmosfera neċessarja, li jkattar il-ġid u li jiżgura li minn dak il-ġid igawdi kulħadd, filwaqt li huwa obbligat li jwieżen lil kull min ikollu bżonn ħalli ħadd ma jibqa' lura. Imma l-Gvern x'għamel qabel ma fassal dan il-budget? Dan qabad il-calculator u ra kif jistgħu jinġabru Lm10 miljun. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qallbet xi rapporti li kienu saru fi żmien il-Gvern preċedenti, fejn kien hemm ħafna proposti li l-Gvern skartahom ... Iva, aħna kellna diversi proposti biex nagħmlu service charge imma rrifjutajniehom għax ħassejna li ma jkunx ġust li lil min għandu l-meter ta' l-ilma fil-garage biex xi kultant jimla barmil ilma u lill-pensjonant li juża l-ilma kemm għandu bżonn ngħabbuhom b'meter charge daqs ħaddieħor li jaħli ammont kbir ta' ilma għax jiflaħ. GĦalhekk aħna fassalna tariffi ġodda li taw riżultat mingħajr m'għabbejna piżijiet żejda fuq min ma jiflaħhomx. Imma llum x'għamilna?
Fejn qabel il-meter charge kien ta' Lm3.60, illum lill-parti l-kbira tal-poplu għabbejnieh b'meter charge ta' Lm24 u minn dan l-eżerċizzju l-Gvern se jiġbor Lm10 miljun minbarra l-Lm5 miljun jew is-Lm6 miljun li kien jiġbor qabel. Imbagħad il-Gvern għamel taxxa fuq id-drenaġġ ukoll li minnha se jiġbor Lm4 miljun, jiġifieri b'kollox se jiġbor Lm14-il miljun. Forsi l-Onor. Membri tal-Gvern jistgħu jgħidulna li dan huwa kollu tort tal-Gvern preċedenti għax ġaladarba kien issellef mill-EIB, dan kellu jagħmel xi proposti ħalli kull investiment li jagħmel jiġbru lura biż-żmien. Jien m'iniex ngħid li dan m'huwiex veru, pero' possibbli li dan huwa l-uniku mod biex issolvi din il-problema, li mal-kontijiet ta' l-ilma tagħmel charge għas-servizz tad-drenaġġ lil kulħadd? Bla dubju ta' xejn, ir-risposta hija: Le. Onor. Sant, naturalment int sibt il-proposti li kellna aħna fuq is-service charge, qrajthom - jew jekk ma qrajthomx int qrahom ħaddieħor - ġietkom l-idea li twaħħlu fil-Gvern Nazzjonalista billi tgħidu li dan kien se jżomm charge għas-servizz tad-drenaġġ u b'hekk stajtu tiġbru Lm4 miljun. Kieku sbieħ Lm4 miljun!
Sur President, minn dakinhar tal-budget aħna ma waqafniex nistaqsu lill-Gvern: Qabel ma daħħaltu dan is-service charge għamiltu daqsxejn studju dwar kif se jintlaqat il-poplu Malti u Għawdxi? Ngħid is-sewwa, kieku l-bieraħ u l-bieraħt lura kont minflok il-Ministru Leo Brincat jew minflok il-Ministru Buhagiar kont naħbi wiċċi u nitlaq 'il barra minn din il-Kamra. Għax x'jiġifieri li intom, bħala ministri u membri tal-Kabinett, taċċettaw x'tgħidilkom il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u x'tgħidilkom il-Korporazzjoni Enemalta mingħajr ma terfgħu r-responsabbilta' ta' l-impatt li jista' jkun hemm għal miżuri bħal dawn jew mingħajr ma int, Onor. Alfred Sant, ma terfa' r-responsabbilta' ta' dak li qed tagħmel? Għarukaża li tiġu tgħidulna intom stess li ma tafux x'impatt se jkun hemm għal dawn il-miżuri! Il-Prim Ministru qalilna li l-ewwel se jara l-impatt soċjali li se jkun hemm għad-diversi miżuri tal-budget u mbagħad, jekk ikun hemm bżonn, jieħu remedial action. Tajba din! X'kuxjenza soċjali għandu l-Prim Ministru! (Onor. Membri: Hear, hear) L-ewwel jgħabbi lil kulħadd b'piżijiet kbar, iġennen u jwaqqaf pajjiż sħiħ, u mbagħad jiġi jgħidilna: Tikkonfondux għax issa se nistudja l-impatt li ħallew dawn il-miżuri! Jiena ngħidlu li l-affarijiet mhux hekk isiru. L-affarijiet imissek tarahom qabel ħalli tkun tista' tiġi tgħidilna x'effetti se jħallu. Ara aħna hekk għamilna u għidna pubblikament li l-miżuri l-ġodda li ddaħħlu f'dan il-budget għas-servizzi ta' l-ilma, ta' l-elettriku u tad-drenaġġ ifissru li l-ispejjeż ta' familja normali se jiżdiedu b'madwar Lm6 fil-ġimgħa. Dak huwa l-impatt soċjali li ħallew dawn il-miżuri. Imma issa l-Prim Ministru qalilna li se jara kif ikun jista' jirranġa xi ħaġa, allavolja jien personalment ma nafx kif jista' jirranġa. X'se tagħmel, Onor. Sant? Se tħalli lill-unions jistrajkjaw? Nispera li le. Jien din insejħilha irresponsabbilta'.
Imbagħad xi ngħidu għall-press release li ħareġ il-Ministru Buhagiar nhar is-Sibt f'xi t-3.00 p.m.? F'din il-press release il-Ministru qalilna li l-Gvern irriveda l-iskema eżistenti. X'jiġifieri? Jiġifieri rriveda dak li ġie mħabbar fil-budget? Imbagħad il-Ministru Buhagiar kompla jgħid hekk:
''Permezz ta' din l-iskema li hija applikabbli għal dawk li ma jaħdmux, li huma pensjonanti jew li jgħixu b'xi forma ta' pensjoni, il-Gvern se jeżenta lil dawn milli jħallsu s-service charge ta' l-ilma, it-tariffa tad-drenaġġ ...''
Dakinhar stess jien ġejt hawnhekk fis-6.00 p.m., jiġifieri tliet sigħat wara li ħarġet din il-press release, u meta staqsejt lill-Ministru Buhagiar jekk biddilx xi ħaġa mid-diskors tal-budget weġibni fin-negattiv. Dawn x'affarijiet huma! Madanakollu huwa evidenti għaliex ħarġet din il-press release. Il-Ministru ried li qabel ma l-Onor. Dom Mintoff jagħmel il-press conference fl-4.00 p.m., xi ħadd jgħarrfu li l-Gvern se jirrimedja għal dawn il-miżuri li ddaħħlu fil-budget. (Onor. Membri: Hear, hear) Sur President, dan kollu juri li l-Membri tal-Gvern ma ħasbux x'se jkun l-effett ta' dak li jagħmlu. Dan jidher bl-iktar mod ċar mir-risposti li qed jagħtu l-ministri fuq kwalunkwe qasam.
Per eżempju, meta l-bieraħ staqsejna lill-Ministru Brincat jekk hux se jerġa jdaħħal id-dikjarazzjoni ta' l-assi kapitali dan qalilna li l-ewwel se jikkonsulta mad-dipartiment. Din isbaħ! Il-Ministru se jikkonsulta mad-dipartiment biex imbagħad id-dipartiment jgħid lill-Ministru x'għandha tkun id-deċiżjoni tiegħu. Dawn x'affarijiet huma! Jien lill-Ministru Brincat ngħidlu li meta ddiskutejna d-dħul tad-dikjarazzjoni ta' l-assi kapitali jien kont preżenti f'dan il-Parlament u dakinhar kont staqsejt: Din ta' l-assi kapitali xi tkun? Issa se nibdew nistaqsu lin-nies x'għandhom fid-dar, jekk għandhomx xi gandlier tal-fidda, jekk għandhomx xi tapit li jiswa l-flus jew jekk għandhomx xi nkwadru sabiħ? Kien hemm żmien meta l-Knisja kienet daħħlet id-dikjarazzjoni ta' l-assi kapitali wkoll, pero' aħna konna għidnielha: Issa se nibdew noqogħdu naraw kemm jiswew l-artali u l-kalċijiet tal-knejjes tagħna? Aħna dan diġa' ddiskutejnieh f'dan il-Parlament fejn konna kkonkludejna li dawn huma kollha ħmerijiet, pero' l-Gvern ta' dak iż-żmien kien baqa' għaddej xorta waħda għax ħass li huwa sempliċi li tiddikjara l-artijiet, il-flus tal-banek u l-flus fid-djar, biex imbagħad irrealizzaw li kienu qed jiddaħħlu perikli oħra meta n-nies kienu jiddikjaraw il-flus li jkollhom fid-dar tagħhom u kkonkludew li din is-sistema ma kenitx ħadmet.
Hawn irrid ngħid ukoll li wara li kien hemm min qal lill-Ministru li bid-dħul tad-dikjarazzjoni ta' l-assi se jgerrex il-flus kollha li ġew Malta u li se joħloq pogrom ġaladarba llum qed titħaddem is-sistema tal-final withholding tax ta' 15%, il-Ministru ddeċieda li l-flus tal-banek mhux se jiġu ddikjarati. Allura x'se jiġi ddikjarat, Onor. Brincat? Id-djar? Meta mbagħad il-bieraħ staqsejnieh x'se jagħmel għar-rigward tad-dħul tad-dikjarazzjoni ta' l-assi, dan qalilna li se jikkonsulta mad-dipartiment. Imma din x'serjeta' hi! X'taħwid! Kif jiġu hawn jippreżentawlna budget meta huma stess ma ħasbu xejn u ma jafux xi jfissru l-kliem li kitbu!
Din bħal meta l-istess Ministru qal li se jdaħħal taxxa għal darba ta' 15% fuq il-gross profit tal-banek! Fil-fatt wara li kulħadd beda jiskanta b'din it-taxxa, il-Ministru qalilhom li ħa żball u li din it-taxxa ta' 15% se tkun fuq il-gross profit u mhux fuq in-net profit. Jien qed ngħid dan biex wieħed ikun jista' jifhem aħjar li dan il-budget sar bla ħsieb, u dan għax kif intqal il-bieraħ f'dan il-Parlament għandna Prim Ministru bla boxxla! (Onor. Membru: Hear, hear) Il-Prim Ministru kien kapaċi jirbaħ l-elezzjoni u iktar m'hu qed jirriżulta li mhux kapaċi jmexxi dan il-pajjiż iktar nifraħlu talli kien kapaċi jidħak daħak b'kulħadd u jirbaħ l-elezzjoni! (Onor. Membri: Hear, hear)
Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll il-fatt li l-bieraħ wara nofsinhar meta għal domanda supplimentari li għamel l-Onor. Austin Gatt fejn staqsa x'ifisser li l-istudenti li jġibu riżultati eċċellenti se jiġu eżentati milli jħallsu lura dawk il-flus li jkun sellifhom il-Gvern, ir-risposta kienet li ma jafx. Almenu aħna konna nistennew li, per eżempju, il-Ministru se jgħidilna li se jiġu eżentati milli jħallsu lura s-self li jkun tahom il-Gvern l-iktar tliet studenti li jiksbu riżultati tajbin f'kull klassi. Hawnhekk fuq xiex qed nitkellmu, fuq 1,000 ruħ, fuq 100 ruħ, fuq għaxra min-nies? Dan x'ifisser? Il-ministri qed jirrispondu li ma jafux, imma madanakollu niżżluha fil-budget bħala waħda mill-miżuri li se jieħu l-Gvern!
Imbagħad xi ngħidu għall-interpellanza li saret dalgħodu dwar impjegati on light duty! Meta aħna staqsejna jekk hux se jerġgħu jeżaminaw lil kulħadd biex jaraw jekk il-każijiet ta' dawk li qed jagħmlu light duty humiex ġenwini jew le, ir-risposta kienet li m'humiex se jippermettu li iktar impjegati jagħmlu light duty, u meta staqsejna x'se jsir minn dawk li diġa' qed jagħmlu light duty ir-risposta kienet li ma jafux. Basta niżżluha fil-budget!
Sur President, hawn qed naraw li l-Gvern ma jafx x'qed jagħmel u li xi ħadd - jew forsi iktar minn xi ħadd - kiteb budget li lanqas biss jaf xi jfisser u l-agħar ħaġa hija li ma jafux x'se jkun l-effett soċjali fuq dan il-pajjiż. Fil-fatt huwa importanti ħafna li wieħed jistudja l-effett soċjali li jista' jkun hemm wara li jittieħdu ċerti miżuri għax dan ma jaffettwax biss lil dawk li jiġu milquta imma lill-pajjiż kollu kemm hu. Il-kriżi li jinsab għaddej minnha pajjiżna bħalissa ġejja proprjament minħabba l-fatt li l-Prim Ministru ma jafx fejn hu sejjer. Eżempju klassiku ta' dan li qed ngħid hija t-tneħħija tal-VAT. Fil-fatt fuq it-televiżjoni kellna farsa għal sitt xhur sħaħ meta l-Prim Ministru, li taparsi matul dak il-perijodu kien qed jiddiskuti, deher li ma kienx jaf x'se jaqbad jagħmel u ma kienx jaf jekk il-liġi li kien qed jipproponi kenitx tajba jew le. Aħna kemm-il darba wissejnieh li l-liġi li kien qed jipproponi kienet se toħloq problemi kbar għal pajjiżna, kienet se tnaqqas ir-revenue tal-gvern u li mhux veru li kienet se ġġib in-negozju 'l quddiem, pero' l-Prim Ministru huwa bniedem supperv u njora dak li għidnielu kompletament għax minħabba li qabel l-elezzjoni qal li se jneħħi l-VAT ma riedx jerġa' lura minn kelmtu. Madanakollu llum il-Prim Ministru qed iħabbat wiċċu mar-realta'. Biżżejjed ngħidu li skond id-diskors tal-budget stess, id-deficit għas-sena li ġejja se jikber u mhux jiċkien, pero' lill-Prim Ministru dan ma tantx jinteressah, imbasta jibqa' miexi fil-linja li ried hu. Imma f'daqqa waħda issa l-Prim Ministru sab skoll, li huwa dan il-Parlament, għax issa wasalna biex nivvotaw fuq dan il-budget, f'liema budget ġara dak li qatt ma ġara. GĦaliex qed ngħid dan? GĦax mill-11-il ministeru li ddiskutejna s'issa, disgħa ma kellhomx l-approvazzjoni tal-maġġoranza eletta ta' dan il-Parlament. Jekk din ma tissejjaħx kriżi, jiddispjaċini imma ma nafx xi tkun kriżi. Aħna għad fadlilna nivvotaw għal żewġ ministeri oħra pero' huwa fatt li l-voti ta' disa' ministeri ma kellhomx l-approvazzjoni tal-maġġoranza ta' dan il-Parlament.
Sur President, issa meta tkellimt fuq il-mozzjoni biex il-Kamra tirriżolvi ruħha f'Kumitat ta' Provvista għamiltha ċara li jien m'iniex qiegħed hawn biex inwaqqa' lill-Gvern imma biex niftaħlu għajnejh u fejn jidhirli li l-politika tiegħu hija żbaljata nipprova nipperswadih ibiddel ir-rotta. Jekk il-Gvern m'għandux il-maġġoranza mhux jien inkun waqqajtu minħabba li din in-naħa għandna 34 vot imma jkun waqqgħu hu stess minħabba l-fatt li m'għandux maġġoranza. (Onor. Membri: Hear, hear) Jien indikajtlu diversi toroq li jista' jieħu. Jekk hu jbiddel il-politika tiegħu fiż-żewġ elementi li ġabu lill-pajjiżi fi kriżi ekonomika jien lest li nagħtih l-appoġġ kollu tiegħi. Fil-fatt jien lill-Prim Ministru diġa' għidtlu li jekk kemm-il darba jerġa' jiftaħ in-negozjati ma' l-Ewropa u jdaħħal sistema ta' tassazzjoni li tkun tirrendi billi tintaxxa lil min jiflaħ jonfoq l-iktar lilna jsibna warajh u ngħinuh. Imbagħad ħalli nibqgħu niġġieldu fuq affarijiet oħra, bħas-soltu, għax wara kollox hekk għandu jkun kull parlament demokratiku. Imma jeħtieġ li l-Prim Ministru jiddeċiedi għax ma jistax jibqa' miexi ġaladarba jaf li m'għandux il-backing ta' dan il-Parlament.
Biżżejjed ngħid li s'issa, għall-ewwel darba fl-istorja parlamentari, deputat tal-Gvern astjena għal 21 darba u għalkemm il-bieraħ l-Onor. Dom Mintoff ivvota favur il-Gvern, dan għamlu kontra l-kuxjenza jew inkella bil-kuxjenza mhux f'postha għal kollox. Bir-rispett kollu jien lill-Prim Ministru ngħidlu: Lill-poplu Malti inti għamiltu ballun! GĦaliex qed ngħid dan? GĦax bħalissa l-poplu Malti qiegħed jiġi xxuttjat il-ħin kollu mill-Prim Ministru għal għand l-Onor. Mintoff u mill-Onor. Mintoff għal għand il-Prim Ministru bil-konsegwenza li qed jaqla' d-daqqiet kollha hu! (Onor. Membri: Hear, hear) Il-poplu Malti ma jistax jibqa' jservi ta' ballun f'saqajn l-Onor. Alfred Sant u l-Onor. Dom Mintoff u għalhekk irridu naraw kif nistgħu nsolvu din il-problema mill-iktar fis possibbli għax il-konsegwenzi diġa' qegħdin jinħassu. Kif għidt diġa', bħalissa pajjiżna hu wieqaf u f'dan il-ħin kulħadd qiegħed bir-radio miftuħ biex jisma' x'qed jiġri fil-Parlament. Jien m'iniex se noqgħod nidħol f'min mill-Prim Ministru u mill-Onor. Mintoff għandu raġun u min għandu tort għax dik hi affari tagħhom, pero' rrid ngħid biss li jien smajt lill-Onor. Mintoff jgħid kemm-il darba li hu dejjem emmen li l-politika ta' kull gvern għandha tkun favur iż-żgħir. Jien naqbel ma' l-Onor. Mintoff hawnhekk, pero' kieku minflok ma noqgħod insemmi liż-żgħir u lill-ħaddiem ngħid biss li l-gvern għandu jkollu kuxjenza soċjali. Hawn hi d-differenza bejn il-politika tal-Prim Ministru preżenti u ta' l-Onor. Mintoff! Ħalli nispjega x'qed ngħid iktar fid-dettall.
Jekk inħarsu lejn l-Economic Survey ta' l-1980 nsibu dan il-kliem:
"It is estimated that 45% of the overall increase in the index ..."
- hawnhekk qed jirriferi għall-RPI -
"... was in response to the price movements determined by the government.".
Hawn ta' min jgħid li fl-1980, jiġifieri meta l-pajjiż kien immexxi mill-Onor. Dom Mintoff, dan tant kien għolla l-prezzijiet li dik is-sena l-inflation rate kienet tlaħħaq is-16.5%. Meta l-Onor. Mintoff ra li l-ħajja għoliet daqshekk minħabba l-miżuri tal-budget kien ħa a remedial action u kien ta żieda ta' Lm4 fil-ġimgħa fuq il-minimum wage. Imma s-sena ta' wara erġajna koppi u fil-fatt fl-Economic Survey ta' l-1981 sibna miktub li:
"The overall increase in the price index occurred under the impact of the measures which were announced in the budget for 1981.".
Hawn ta' min jgħid ukoll li matul dik is-sena r-rata ta' żieda fl-RPI kienet ta' 11.5% u ż-żieda fil-minimum wage kienet ta' Lm4 fil-ġimgħa, jiġifieri f'sentejn l-Onor. Mintoff kien ta żieda ta' Lm8 fil-ġimgħa. Dak iż-żmien aħna konna għamilna l-kritika tagħna wkoll. Naturalment aħna m'għamilniex din il-kritika minħabba l-fatt li ta dik iż-żieda għax din kienet ta' neċessita' għall-ħaddiema imma kkritikajna l-policy ħażina tal-Gvern immexxi mill-Onor. Mintoff. Fil-fatt wara li l-Onor. Mintoff kien ta dawk iż-żidiet ġejna f'perijodu fejn ġiet iffriżata l-paga ta' kulħadd sa l-1987, jiġifieri sa dik is-sena li fiha nbidel il-Gvern.
Naturalment il-kritika li aħna konna għamilna lill-Onor. Mintoff u lill-Gvern tiegħu dakinhar kienet ġustifikata għax il-gvern m'għandux iġib il-flus billi jgħabbi lin-nies li ma jifilħux iħallsu bit-taxxi u mhux imbilli taqbad tagħti żieda ta' Lm4 fil-ġimgħa biex tiżgura l-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Għax dak iż-żmien Lm4 żieda fil-ġimgħa ma kenitx ċajta, tafux! Din kienet tfisser żieda ta' 18% tal-paga minima, li dak iż-żmien kienet tammonta għal Lm22.88c fil-ġimgħa. Fil-fatt kieku llum il-Gvern preżenti jagħti l-istess żieda u jżid 18% tal-paga minima jkun irid jagħti Lm8.20 fil-ġimgħa fuq l-inqas paga. Jien m'iniex qed ngħid li dan il-Gvern għandu jagħmel hekk. Wara kollox jien qatt m'għidt li dak iż-żmien il-Gvern immexxi mill-Onor. Mintoff kien għamel sew għax dak kien żbalja f'dik li hi politika ekonomika u ma kienx fehem li biex il-Gvern ikabbar l-ekonomija tiegħu kellu jiġbor it-taxxi mingħand min kien jiflaħ iħallas. Imma filwaqt li dakinhar żbalja bl-ikrah l-Onor. Mintoff illum qed jiżbalja bl-ikrah l-Onor. Alfred Sant għax bil-miżuri li qed jieħu qed ipoġġi piż kbir fuq min ma jiflaħx iħallas u lanqas biss qed jieħu r-rimedji li kien ħa l-Onor. Dom Mintoff, għalkemm m'humiex tajbin. Illum l-affarijiet qed jerġgħu jirripetu ruħhom għax filwaqt li fl-1981 intilef l-ewwel ministru tal-finanzi li kellu dak il-Gvern, li kien l-Onor. Lino Spiteri, illum reġa' ntilef l-ewwel ministru tal-finanzi tal-Gvern preżenti, li hu l-istess Onor. Lino Spiteri.
Fil-fatt dak iż-żmien il-qgħad tela' mas-smewwiet u kien wieħed mill-agħar perijodi għall-ekonomija tal-pajjiż. Jien nixtieq li pajjiżna ma jerġax jiġi f'din is-sitwazzjoni, pero' jekk kemm-il darba l-Prim Ministru jibqa' jwebbes rasu, jibqa' jissuppervja u jħalli l-miżuri ta' dan il-budget għaddejjin sakemm fl-aħħar finalment jgħaddi l-Att dwar l-Approprjazzjoni, wisq nibża' li jkun hemm ċans li pajjiżna jerġa' jiġi fl-istess sitwazzjoni li sab ruħu fiha wara l-iżbalji li kien għamel l-Onor. Dom Mintoff fis-snin tmenin u li baqa' jbatihom il-poplu Malti sakemm inbidel il-gvern fl-1987. Jien naħseb li kulħadd jiftakar li fis-snin tmenin kellna budgets ta' friża għal seba' snin sħaħ. GĦalhekk jeħtieġ li noqogħdu attenti lkoll, anke l-Onor. Mintoff, biex ma noħolqux sitwazzjoni mill-iktar imwiegħra għall-ħaddiem iż-żgħir - għalkemm jien ma nħobbx nuża din l-espressjoni - jew aħjar għal dawk li għandhom bżonn jiġu mwieżna. Madanakollu sfortunatament illum ninsabu fl-istess sitwazzjoni tas-snin tmenin. Hawn wieħed irid jistaqsi: Imma x'inhu jiġri f'dan il-pajjiż? Għaliex dan il-Gvern huwa kostrett li jġib lil pajjiżna f'din is-sitwazzjoni?
Sur President, jien naf li r-risposta tal-Gvern għal dawn il-mistoqsijiet hija li dan huwa kollu tort tal-Gvern ta' qabel. Pero' dan issa ma jistgħux jgħiduh iktar għax issa għaddiet sena u għalkemm is-sena l-oħra l-Gvern qalilna li bil-miżuri li kellu jieħu din is-sena kellna nimxu 'l quddiem, il-fatti juru li minflok ma mxejna 'l quddiem morna lura. GĦalhekk jien hawn ngħid lill-Membri tal-Gvern: Tkomplux tħallu lill-poplu Malti jservi ta' ballun f'saqajkom u minflok ejjew naraw x'inhi r-raġuni vera ta' din il-kriżi. U r-raġuni vera ta' din il-kriżi x'inhi? Li l-Prim Ministru Alfred Sant kien stratega eċċellenti biex jirbaħ l-elezzjoni b'qerq għax wiegħed affarijiet ... Per eżempju, biżżejjed insemmi l-ittra li l-Gvern bagħat lill-pensjonanti f'Ottubru li għadda fejn fost affarijiet oħra qalilhom li t-tieni impenn ta' Gvern Laburista ġdid huwa li jara li l-prezzijiet ta' servizzi essenzjali, bħall-ilma u l-elettriku, ikunu raġunevoli, biex imbagħad bil-miżuri li ħa f'dan il-budget għamel proprjament l-oppost. Il-verita' hi li l-Gvern Laburista rnexxielu jidħak bin-nies u għalhekk il-kaġun ta' din il-kriżi m'huwiex jien, li qed nitkellem kontra dawn il-miżuri ħorox, lanqas huwa min qed jaqbel miegħi u jgħid lill-Gvern li m'għandux kuxjenza soċjali u li tilef il-boxxla imma huwa min qiegħed jiggverna li ma kienx ippreparat biex jiggverna minkejja li kien kapaċi jirbaħ l-elezzjoni. (Onor. Membri: Hear, hear)
Sur President, ikun interessanti li wieħed jgħid ukoll li filwaqt li l-Prim Ministru qalilna li ma kienx jaf bid-deficit qabel, l-Onor. Dom Mintoff qal pubblikament li dan mhux veru - dan smajnieh aħna d-deputati u seta' jisimgħu anke l-pubbliku permezz tar-radio - anzi qabel l-elezzjoni hu ried jgħid lill-poplu li l-pożizzjoni finanzjarja tal-pajjiż m'hijiex tajba - wara kollox dan kulħadd seta' jarah għax iċ-ċifri li juru kemm qed idaħħal il-gvern jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern regolarment - imma komodament l-Onor. Alfred Sant ma riedx jgħid dan qabel l-elezzjoni. Fil-fatt issa sirna nafu li l-Onor. Mintoff ried li l-Prim Ministru jgħid lill-poplu b'dan imma meta qallu biex jgħidilhom li deħlin għal biċċa xogħol iebsa u li minħabba fiha se jkollna nagħmlu s-sagrifiċċji, l-Onor. Sant qallu: Mela x'nagħmel! Biex nitlef il-voti! Madanakollu l-Onor. Mintoff ftaħar li għalkemm hu għarraf lill-pubbliku b'dan - jien ma mortx nisma' l-meetings tiegħu - huwa xorta tela' elett, anzi kabbar il-maġġoranza Laburista f'dak id-distrett. L-Onor. Sant ħbieh il-fatt li l-Onor. Mintoff ma kienx qed jaqbel miegħu u li poġġielu l-kondizzjonijiet. Issa hawn jien irrid nagħmilha ċara li ma jinteressanix mill-kondizzjonijiet li kien hemm bejniethom, imma jinteressani li ngħid li r-riżultat elettorali ma kienx jirrifletti l-verita' għax ma' l-Onor. Alfred Sant ħarġet persuna għall-elezzjoni li ma taqbilx miegħu.
Fatt interessanti ieħor huwa li waqt il-konferenza ġenerali l-Prim Ministru qal li mhux veru li l-Onor. Mintoff qallu li ma jaqbilx mal-programm elettorali, u dan meta l-Onor. Mintoff stess qal f'din il-Kamra - għax jien lill-Onor. Mintoff smajtu b'widnejja jgħid dan il-kliem - li huwa qabel l-elezzjoni kien qal li ma kienx jaqbel mal-programm elettorali tal-Partit Laburista. Madanakollu l-Onor. Alfred Sant xorta ħareġ lill-Onor. Mintoff għall-elezzjoni, u b'hekk daħak bin-nies għax filwaqt li l-poplu kien mingħalih li l-Onor. Mintoff kien jaqbel mal-programm elettorali tal-Partit Laburista, fil-fatt dan kien qed jagħmel riżervi kbar. GĦalhekk hawn nistgħu ngħidu liberament li l-Onor. Alfred Sant mill-ewwel ġurnata bħala prim ministru ma kellux il-maġġoranza ta' dan il-Parlament għax meta dan il-Parlament infetaħ għat-Tmien Leġislatura kellu persuna li għalkemm kienet qed tifforma parti minn din il-maġġoranza, ma kenitx qed taqbel mal-programm elettorali tal-Partit Laburista. (Onor. Membri: Hear, hear) Din hi l-verita'! U din il-verita' m'hijiex skond xi vanġelu tiegħi jew ta' xi ħaddieħor imma smajnieha tingħad hawnhekk. (Interruzzjonijiet) Jien baqagħli biss ftit ħin għad-dispożizzjoni tiegħi u għalhekk ikun aħjar jekk ma jkunx hemm interruzzjonijiet, la minn naħa u lanqas minn oħra.
THE CHAIRMAN: Jekk jogħġobkom żommu l-ordni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Sur President, minn dan l-episodju tgħallimna ħafna affarijiet. Biżżejjed ngħid li l-Onor. Dom Mintoff semma għall-ewwel darba pubblikament ir-raġuni li għaliha kien irriżenja minn prim ministru fl-1981. L-Onor. Membru qalilna li r-raġuni għal dan kienet li hu ried jerġa' jsejjaħ elezzjoni oħra minħabba r-riżultat pervers ta' l-elezzjoni ta' l-1984 imma l-Kabinett kollu ta' dak iż-żmien ma kienx qabel miegħu. Issa jien ma jinteressanix jekk ma qabilx miegħu l-Kabinett kollu jew jekk kienx hemm wieħed minnhom biss li ma qabilx miegħu, pero' jien lill-Onor. Mintoff ngħidlu: Onor. Mintoff, dakinhar il-kuxjenza tiegħek kellha tgħidlek li xorta waħda għandek issejjaħ elezzjoni għax inti kont il-Prim Ministru. Hija r-responsabbilta' tal-prim ministru li jiddeċiedi jekk għandux ixolji l-Parlament jew le u ċertament m'għandux bżonn id-deċiżjoni tal-Kabinett tiegħu. Dakinhar l-Onor. Mintoff seta' mar għand il-President u qallu: Sur President, jien m'għandix il-maġġoranza tal-poplu Malti verament u għalhekk irridek terġa' xxolji l-Parlament ħalli nkun nista' nsejjaħ elezzjoni oħra. Jien ħadt pjaċir nisma' lill-Onor. Mintoff jgħid dan.
L-Onor. Dom Mintoff qalilna wkoll li hu għamel diversi dnubiet - fil-fatt hija l-umilta' li wasslet biex l-Onor. Mintoff jgħidilna dawn l-affarijiet - fosthom li dakinhar ma kienx irriżenja u li nkoraġġixxa lill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici meta messu ra li dan ma kienx kapaċi biex imexxi pajjiż. Hawnhekk jien lill-Onor. Mintoff ngħidlu li l-poplu Malti u GĦawdxi dam ibati għal seba' snin b'konsegwenza ta' dawn id-deċiżjonijiet żbaljati. Ta' min jgħid ukoll li l-bieraħ l-Onor. Mintoff reġa' kkonfessa li għamel żball kbir li ħareġ għall-elezzjoni s-sena l-oħra. Sur President, għandu raġun il-poplu tagħna jimtela' bl-ansjeta' meta jara dawn il-fatti quddiemu.
Bħalissa l-poplu Malti qed jiftakar il-ħin kollu fid-dikjarazzjonijiet li minnhom jirriżulta li l-Prim Ministru m'għandux il-backing politiku li għandu bżonn kull gvern mill-Membri eletti ta' dan il-Parlament. Dawn huma l-fatti. Naturalment jien m'iniex qiegħed hawn biex nagħti pariri lill-Onor. Perit Mintoff x'jagħmel u x'ma jagħmilx għax dik hija affari tiegħu pero' qed nikkonstata l-fatt li l-maġġoranza li rebaħ l-elezzjoni biha l-Onor. Alfred Sant hija difettuża għaliex dan ma qalx lill-poplu Malti li kien qiegħed jisserva bi bniedem li ma kienx jaqbel miegħu, anzi dan il-bniedem, li kien il-Kap tal-Partit Laburista u l-Prim Ministru ta' Malta għal ħafna snin, ippreżenta ruħu bħala parti mill-Partit Laburista. Għalhekk il-maġġoranza li rebaħ l-Onor. Alfred Sant mhux talli hija vvizzjata minħabba l-mod li bih dan għamel il-kampanja elettorali - bħal meta qarraq bl-istudenti ta' l-Universita' fuq l-istipendji, bħal meta qarraq bil-ħaddiema tat-Tarzna u bħal meta qarraq b'tant nies oħra - imma talli hija vvizzjata wkoll minħabba li dan ħeba l-fatt li bniedem prominenti ħafna qallu minn qabel l-elezzjoni li ma jaqbilx mal-politika tiegħu. Issa x'se jiġri? Ma nafx, imma li naf żgur huwa li hemm bżonn li din l-ansjeta' tispiċċa. Jien m'iniex se ngħid lill-Onor. Dom Mintoff biex iwaqqa' l-Gvern. Dażgur li le! L-Onor. Anġlu Farrugia qed jgħid: Biex jieħdu over huma. Iva, jekk dan il-Gvern m'għandux maġġoranza għandu jerġa' jsejjaħ elezzjoni oħra u jekk nirbħuha aħna nieħdu over immedjatament, u jekk xi ħadd minnkom irid jiġi magħna - għax naf li hemm min jaqbel magħna - nista' nieħdu issa wkoll! (Onor. Membri: Hear, hear) Imma mhux dan hu l-punt. Il-punt huwa l-interess nazzjonali. U l-interess nazzjonali jesiġi li Malta jkollha gvern stabbli, hu x'inhu, għax aħjar gvern li jagħmel ħafna żbalji minn gvern li mhux f'pożizzjoni li jmexxi. Hemm bżonn li l-Gvern Malti, hu min hu, ikun gvern stabbli, ikun gvern li jista' jiddeċiedi, ikun gvern ... (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Jekk jogħġobkom żommu l-ordni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Kif għidt diġa', kieku l-Onor. Alfred Sant ikollu l-kuraġġ ineħħi s-suppervja tiegħu u jgħidilna biex insibu kunsens flimkien fl-interess nazzjonali jien lest li nappoġġjah, anke mingħajr l-appoġġ ta' l-Onor. Dom Mintoff, imma dan il-Prim Ministru ma jridx jagħmlu. Il-Prim Ministru qed jara l-iżbalji li għamel, jaf jidentifika dawn l-iżbalji, pero' m'għandux il-kuraġġ li jirrikonoxxi dawn l-iżbalji u jbiddel r-rotta.
Sur President, jien naħseb li bħalissa l-poplu Malti qed jagħmel diversi domandi, kif wara kollox qed nagħmlu aħna li għandna d-dmir u d-dritt li niġu nitkellmu f'dan il-Parlament. Domanda li huwa importanti li tiġi mwieġba hija: Il-budget li se japprova dan il-Parlament se jagħti spinta 'l quddiem lill-ekonomija? Ir-risposta tal-maġġoranza ta' dan il-Parlament u kważi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu hija: Le, dan il-budget mhux se jagħti spinta 'l quddiem lill-ekonomija. Ta' min jistaqsi wkoll: Imma almenu dan il-budget ħa ħsieb iċekken id-deficit li tant ilu jsemmielna l-Prim Ministru? U r-risposta tal-maġġoranza ta' din il-Kamra u tal-poplu Malti u Għawdxi hija: Le, mhux veru li dan il-budget se jnaqqas id-deficit. Inkomplu nistaqsu: Dan il-budget se jilħaq l-għan li l-pajjiż jerġa' jakkwista l-fiduċja li kien igawdi u jimxi 'l quddiem? U l-maġġoranza ta' din il-Kamra u tal-poplu Malti u Għawdxi hija: Le, dan il-budget mhux se jilħaq dan l-għan. (Onor. Membri: Hear, hear) Bla ebda dubju hawn wieħed jistaqsi wkoll: Il-budget se jgħin għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għal kondizzjonijiet aħjar ta' xogħol? Ta' min jgħid li sa llum in-numru ta' nies li tilfu l-impjieg tagħhom diġa' jlaħħaq ma' l-2,000 ruħ - fil-fatt kien hemm 2,000 redundancy - u hemm 1,600 persuna iktar milli kien hemm is-sena l-oħra jirreġistraw. GĦalhekk ir-risposta tal-maġġoranza tad-deputati ta' dan il-Parlament - u ninsisti li din hi r-risposta tal-maġġoranza tad-deputati ta' dan il-Parlament - hija: Le, dan il-budget mhux se jgħin għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għal kondizzjonijiet aħjar ta' xogħol. (Onor. Membri: Hear, hear) Hawn wieħed ikompli jistaqsi: Dan il-budget se jżomm il-wegħda li għamel dan il-Gvern, jiġifieri li jrażżan l-għoli tal-ħajja, jew inkella se jagħmel bil-maqlub, jiġifieri jgħolli l-ħajja? Din id-darba r-risposta hija: Iva - u l-kelma "iva" ttarxek - dan il-budget se jgħolli l-ħajja u se jitfa' piż fuq dawk li ma jifilħux meta seta' poġġa dan il-piż fuq min jiflaħ. (Onor. Membri: Hear, hear) Dan qed jgħidu l-pajjiż kollu u mhux aħna biss.
Sur President, illum hi l-aħħar ġurnata tad-diskussjonijiet fuq il-voti li ngħataw il-ministeri f'dan il-budget u, jekk Alla jrid, għada niġu hawn biex napprovaw l-appropriation act. GĦalhekk illum jien ngħid lill-Gvern: Kun responsabbli! Il-poplu Malti qed jitkarrablek u qed jgħidlek: Qed tagħmel żball. Se titfagħna lura. Illejla jkunu diġa' għaddew id-diversi voti tal-ministeri u għalhekk ieqaf, bħalma għamlu pajjiżi oħra. Onor. Sant, ħares lejn l-Italja, li qiegħda erba' passi 'l bogħod minna. Jekk kemm-il darba meta l-Prim Ministru Prodi jippreżenta l-budget ikun hemm min javversah, dan jieqaf u jiddiskuti miegħu u jsibu soluzzjoni flimkien, u inti hekk għandek tagħmel. Jeħtieġ li ma tibqax twebbes rasek ġaladarba kulħadd qed jgħidlek li dan il-budget huwa żbaljat. GĦalhekk tibqax sejjer hekk. Ieqaf!
THE CHAIRMAN: Onor. Fenech Adami, jekk jogħġbok ikkonkludi d-diskors tiegħek.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Onor. Sant, jekk trid għandek żmien biex tieqaf u tħares ftit lejn is-sitwazzjoni preżenti. Hemm bżonn li tagħmel xi ħaġa imma mhux li jiġi l-Onor. Charles Buhagiar u joħroġ press release fit-3.00 p.m. li ma tfisser xejn. Ġaladarba l-Prim Ministru jaf li m'għandux il-maġġoranza tad-deputati eletti, jaf li l-unions kollha huma kontra dan il-budget u jaf li l-għaqdiet ta' min iħaddem, il-Federation of Industry u ċ-Chamber of Commerce qed jgħidu li dan il-budget huwa żbaljat, m'għandux jibqa' jwebbes rasu imma jieqaf jaħsibha u jbiddel dak li hemm bżonn fl-interess tal-poplu tagħna li tabilħaqq aħna obbligati li naħdmu fl-interess tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)

THE CHAIRMAN: Grazzi. Skada l-ħin tad-diskussjoni fil-Kumitat ta' Provvista.
Fin-12.30 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-President tal-Kumitati rrapporta progress u d-diskussjoni baqgħet aġġornata.


MADAM SPEAKER: Nistieden lill-Onor. Mizzi biex iressaq l-Aġġornament.


Yüklə 311,63 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin