Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə3/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18

THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin u għandek bżonn leave of House. Hawn permess? (Onor. Membri: No).
Il-permess ma ngħatax.
THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Alex Sceberras Trigona.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Sur President, jien xtaqt nibda billi nqiegħed dan l-abbozz ta' liġi fil-kontest ta' l-iskema ta' self ġenerali li l-gvern għandu dan il-mument fil-pajjiż. Veru li hemm il-letteratura kollha available għax hemm l-estimi ġenerali, hemm is-survey, hemm pubblikazzjonijiet differenti li jsemmu kemm jammonta s-self tal-gvern u tal-korpi parastatali u kemm jammontaw f'sussidju l-letters of comfort, imma meta jitressaq abbozz bħal dan naħseb li għandha ssir bħala prattika li titressaq skeda biex wieħed juri li din hija miżura eċċezzjonali ta' self u mhux xi ħaġa li se ssir drawwa. GĦandha tingħata l-informazzjoni dwar is-self preżenti tal-gvern u tal-korpi parastatali, u dwar kemm jammontaw il-letters of comfort li bihom il-gvern qed jiggarantixxi b'modi differenti - għax għandek is-sovereign loan, tat-tip li ħadet il-Freeport, li m'hi xejn ħlief letter of comfort iktar ħafifa - ħalli ditti parastatali jkunu jistgħu jissellfu. Kieku wieħed ikollu quddiemu din l-iskeda bħala annex ta' faċċata waħda, ta' kemm huwa dan is-self, kemm hemm imgħax fuq dan is-self differenti u x'inhuwa l-perijodu biex jitħallas lura dan is-self, u forsi xi tip ta' skeda tas-snin kif huwa maħsub li jitħallas lura s-self kollu li għandu l-gvern u l-parastatali fuq medda ta' 30 sena minn issa, ovvjament wieħed ikun jista' jara fuq liema snin se jaqgħu l-aktar piżijiet qawwijin biex jintradd lura ċertu ammont ta' self. B'hekk wieħed ikun jista' jara anke fuq liema sena qed jiġi propost li jintradd lura l-bulk tas-self. Naħseb li jkun min ikun fil-gvern, din it-tip ta' skeda għandha ssir bħala prattika ta' preżentazzjoni ġewwa l-Parlament. GĦandu jkun hemm din il-fact sheet ħalli kulħadd ikun jaf il-fatti.
Nixtieq nagħmel it-tieni suġġeriment li forsi huwa iktar bold u allura aktar diffiċli biex jitwettaq. Meta gvern jippreżenta proposta biex jissellef - u hawnhekk mhux qed jippreżenta proposta biex jissellef Lm10,000 imma Lm110 miljun - naħseb li jkun xieraq ukoll li jqiegħed quddiem il-Parlament il-possibbiltajiet l-oħra ta' self, b'liema imgħax u f'liema ammont ta' snin għandu jintradd lura dak is-self u imgħax, kemm minn sorsi lokali kif ukoll minn sorsi barranin. Tajjeb li jkollna quddiemna, per eżempju, l-informazzjoni li l-World Bank qiegħed isellef b'xi 9.5% jew 10% lil Malta, u tajjeb li l-poplu Malti jkun jaf li s-self li se jsir minn hawn Malta se jsir b'inqas imgħax, jiġifieri l-poplu Malti stess se jiggwadanja dik id-differenza fl-imgħax. Hemm ukoll l-International Monetary Fund, li tagħti ċertu self b'ċerti imgħaxijiet għolja wkoll. Ta' min ikun jaf b'kemm imgħax u fuq kemm medda ta' snin Malta jkollha trodd lura dawn il-flus. Kulħadd għandu jkun jaf x'inhuma l-possibbiltajiet internazzjonali ta' self.
Fil-ftit li nikteb fil-gazzetti jien semmejt il-Council of Europe Social Development Fund. Minn hawn konna ilna mill-1972 nissellfu biex nibnu l-housing estates f'kull belt u raħal ta' Malta. Issa bqajna nużaw dan l-aċċess u nnotajt li mill-1993 kien hemm Lm10 miljun available li għadhom ma ntużawx. Hemm possibbiltajiet li mill-Council of Europe Social Development Fund jew nieħdu self dirett b'imgħax baxx jew nużaw is-selective trust account tas-Social Development Fund bħala collateral jekk irridu nissellfu mill-World Bank jew mill-International Monetary Fund. Allura tajjeb li jkollna quddiemna din il-fact sheet li tgħid li aħna qegħdin nissellfu mingħand il-poplu Malti b'dan l-imgħax u b'dan l-ammont ta' żmien biex inroddu lura dan il-kapital. Ejja nqiegħdu din l-informazzjoni b'mod sempliċi. Tajjeb li jkollna din l-informazzjoni għax hawn Malta stess anke ż-żgħażagħ jgħallmuna llum.
Qabel ma jissellfu dawn jaraw minn fejn jaqblilhom jisselfu. Imorru l-Bank of Valletta, il-Mid-Med, il-Lohombus u l-APS. Jaraw ukoll jekk jaqblilhomx jissellfu mill-idejn, mingħand tal-familja jew mingħand min qiegħed fin-negozju li jsellef, li ovvjament isellef ħafna aktar mill-banek. Min għandu bżonn jissellef jagħmel dak li jgħidulu shopping around. Allura tajjeb li nqiegħdu dan is-self li għandna quddiemna f'kontest ta' loan shopping u naraw il-kondizzjonijiet differenti ta' loans potenzjali li jista' jkollha Malta. GĦandu jkollna matrix sħiħa li tgħid li dawn il-Lm110 miljun stajna ssellifnihom mingħand it-tali bank, mingħand it-tali fond b'tant imgħax iktar jew inqas, b'tant żmien iktar jew inqas, imma mbagħad fil-kolonna tar-rimarki nuru li ċerti banek internazzjonali jagħmlu tant kondizzjonijiet li ma jkunux aċċettabbli għal Malta.
Mela allura wieħed qed jgħid li wara li qabbilna, rajna li jaqbel illi din il-proposta tal-Gvern tiġi mressqa lil dan il-Parlament biex nisselfu mingħand il-Maltin. B'hekk ikun hawn ċertu raġunar loġiku, kalm u sensibbli. Dawn l-affarijiet kulħadd irid jittrattahom kważi apolitikament. Wieħed irid jara dak li l-aktar jaqbel għal Malta. Jekk ikun hemm qisu tie, għandu jkun hemm diskussjoni fejn wieħed jgħid: Isma' imgħax b'imgħax, kondizzjoni ta' żmien ma' kondizzjoni ta' żmien jaqblu, għaliex ma neħdux Lm55 miljun minn hemm u Lm55 miljun minn hemm?
GĦandu jkollna anke diskussjoni teknika u naraw ukoll l-aspett ta' value for money. Ikun xieraq ukoll illi dan il-punt inqajmuh anke fil-Public Accounts Committee. Fl-istorja riċenti ta' Malta kien hemm loans li nkitbu u loans li ma nkitbux ukoll ma' pajjiżi barranin. Ta' min wieħed jerġa' jqabbel anke dawn il-loans partikolari. Per eżempju, f'parti mill-protokoll finanzjarju ma' l-EU jew ma' l-Italja hemm element ta' self. Dawn il-possibbiltajiet ġew investigati, Sur President? Illum wasalna fir-raba' protokoll fl-istorja ta' Malta, kemm ma' l-Unjoni Ewropea kif ukoll ma' l-Italja. Qegħdin resqin biex infasslu l-ħames protokoll, kemm ma' wieħed kif ukoll ma' l-ieħor, u tajjeb li f'din l-iskeda ta' faċċata waħda wieħed ikollu informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet ta' dawn il-loans. Linja wara linja ġo faċċata waħda wieħed għandu joħroġ il-possibbiltajiet illi jeżistu internazzjonalment biex Malta tagħmel is-self tagħha.
Ta' min hawnhekk wieħed isemmi wkoll is-self li Malta kellha maċ-Ċina u mal-Libja. Dawn ġew esplorati? Tista' titressaq quddiemna informazzjoni li tgħid li per eżempju minn taħdidiet mal-Gvern Ċiniż ma jirriżultax illi jista' jsir self rakkommandabbli minħabba ċerti kondizzjonijiet? Mal-Libja ġie eżaminat jekk jistax isir self ta' Lm110 miljun bl-istess imgħax u fl-istess perijodu ta' żmien biex jintradd lura? Ġie eżaminat jekk ma dan il-pajjiż jistax isir self b'imgħax aktar kompetittiv, jew inkella biż-żmien li jintradd lura aktar kompetittiv? Dawn huma l-affarijiet li jiena nixtieq nissottometti. Dawn il-punti għandhom ikunu fl-introduzzjoni ta' proposta biex gvern jissellef. L-ewwel ħaġa rridu naraw x'inhuma l-possibbiltajiet fis-suq internazzjonali wkoll, jekk humiex aktar jew anqas kompetittivi mis-suq lokali.
Ovvjament l-ekonomisti se jagħmlu l-kummenti tagħhom biex iqabblu d-differenza bejn il-piż ta' self internazzjonali fuq ekonomija Maltija mal-piż lokali u konsegwenzi lokali meta inti qiegħed tixrob il-flus mill-ekonomija Maltija biex jissellef il-gvern. U hemm argumenti favur u kontra dwar dan. Hemm min se jgħidlek li int qisek se tiġbed 'il barra Lm110 miljun mill-ekonomija Maltija li se jmorru kompletament għas-settur pubbliku u qisek qed tiċħadhom lis-settur privat. Hemm element ta' crowding-out ta' finanzi fis-settur privat ġo l-ekonomija Maltija? Mill-banda l-oħra, wieħed irid jara x'kondizzjonijiet hemm li jorbtu lill-Gvern Malti jekk jieħu loans mis-settur internazzjonali .

Jiġifieri wieħed irid ikollu wkoll il-kummenti umani wara li ssir b'matrix klinika, għax xejn ma jopera b'mod assolutament kliniku. Ejja nibdew billi nagħmlu l-framework. Tajjeb li jkollok il-kumment ta' l-ekonomisti - ovvjament anke dak wieħed jieħdu with a pinch of salt għax kull ekonomist għandu l-value judgements tiegħu, li m'humiex totalment indipendenti - imma tajjeb bħala introduzzjoni li jibda jkollna din it-tip ta' skema quddiemna ħalli nkunu nafu preċiż x'inhuwa l-homework kollu li sar qabel ma ġejna biex niddiskutu u nikkonsidraw hawnhekk din il-proposta biex il-Gvern jissellef dan l-ammont ta' flus.


Illejla fil-Public Accounts Committee se nkunu qegħdin neżaminaw l-iżball li hemm fejn kien hemm diskrepanza ta' circa Lm20 miljun bejn dak li kien hemm fil-budget u dak li deher fl-estimi. Wieħed irid jara jekk ma dawn il-Lm110 miljun itteħditx into consideration din id-diskrepanza ta' Lm20 miljun. Tajjeb li din tkun espliċita' u tajjeb li nagħmlu dovetailing ta' dawn iż-żewġ ċifri biex ikun hawn a consolidated picture tal-qagħda finanzjarja.
Jekk wieħed jieħu in consideration dawn il-punti li semmejt, imbagħad tinfetaħ area ta' dibattitu ħafna aktar imqanqal u tip ta' diskussjoni ħafna aktar serja u responsabbli. Ovvjament jiena qed nirriferi għad-dibattitu li għaddej il-ħin kollu f'dan il-Parlament u anke fil-gazzetti u fuq il-media.
Dawn jgħidu li kieku Malta daħlet membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea konna ngawdu Lm100 miljun fis-sena u allura l-loan tal-lum lanqas kien ikun hemm bżonnha. Din tinstema' daqsxejn esaġerata. Imbagħad tisma' min jgħidlek Lm80 miljun, oħrajn jgħidu li kienu ħadmu analisi li tiġi għal Lm25 miljun u hemm min jgħidlek Lm40 miljun. Hawn m'aħniex qed nitkellmu fuq banek b'tant imgħax u b'tant medda ta' żmien biex tirritorna lura self imma qisna qed nitkellmu fuq Father Christmas b'borża kbira u fuq ir-realm ta' Christmas-land. Allura tajjeb li dan it-tip ta' kliem dwar kemm Malta tieħu mill-EU jekk issir membru sħiħ isir iktar responsabbli. Forsi sa l-aħħar ta' din is-sena nagħmlu anke seduta fuq l-aspett finanzjarju u jkollna opportunita' li jkollna diskussjoni responsabbli. Naħseb li jkun ħela ta' ħin jekk noqogħdu ngħidu li rridu nidħlu fl-EU ħalli jkollna Father Christmas jagħtina Lm100 miljun fis-sena. Hawn ħafna nies kompetenti f'dan il-Parlament u tajjeb li jerġa' jitlesta studju ġdid fuq l-effetti finanzjarji.
Ovvjament l-effetti finanzjarji m'humiex distakkati mill-effetti, per eżempju, fuq l-area ta' l-employment, li tkun l-ewwel area li tintlaqat. Allura hawnhekk wieħed ukoll ikun irid jiżen. Tajjeb li jkollna Lm25 miljun fis-sena imma jkollna wkoll 3,000 persuna li jispiċċaw barra? X'tagħmel Malta b'Lm25 miljun u bi 3,000 persuna qegħda fis-sena? Qed tmur għall-aħjar jew għall-agħar? Membership fl-EU m'hijiex xi mediċina għal kull tip ta' deficit finanzjarju. Barra minn hekk jidher ċar ukoll li sas-sena 2002/2003, il-parteċipazzjoni fl-EMU se tkun parti integra mill-acquis communautaire. Aħna ma konniex membri fid-diskussjoni preliminari, kif kienet l-Ingilterra fl-1991/92, meta żammet riżerva. Biex xi darba aħna nidħlu fl-EU, ma jistax ikun li jkollna dejn pubbliku li jaqbeż ċertu livell.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.40 a.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Sceberras Trigona jista' jkompli.
ONOR. SCEBERRAS TRIGONA: Grazzi, Madam Speaker. Kont qed ngħid li l-flus li jingħataw iridu jitqabblu ma kemm jiġu affetwati l-impjiegi fil-pajjiż, u li dik ir-relazzjoni s'issa għadha ftit li xejn ġiet eżaminata klinikament. Fuq kollox wieħed irid jara kif niġu affettwati jekk titneħħa l-friża fuq l-applikazzjoni għad-dħul u nsiru parti mill-acquis communautaire ta' l-Unjoni Ewropea, għar-rigward tal-mod kif jitmexxew il-finanzi pubbliċi f'pajjiż applikant. Ovvjament hawnhekk jidħlu tliet kriterji importanti ħafna. L-ewwel jidħol il-kriterju ta' l-inflazzjoni, u hawn wieħed irid jara kemm l-għoli tal-ħajja qed jiġi mrażżan jew le. It-tieni jidħol il-proporzjon bejn il-budget deficit u l-gross national product, li ma jistax ikun iktar min 3%. It-tielet jidħol il-kriterju tal-public sector borrowing requirement bħala proporzjon tal-gross national product, li ma jistax ikun iktar minn 60%. Għal-lum qed nikkonċentraw l-aktar fuq it-tielet waħda, l-aspett tal-borrowing requirement bħala proporzjon tal-GNP. Issa wara s-sovereign loan tal-Freeport, b'ammonti kważi d-doppju, iktar u iktar wieħed irid jara kemm qegħdin nersqu iktar lejn Lm1000 miljun exposure, inklużi l-letters of comfort, fuq GNP fis-sena ta' Lm1,200 miljun. Jekk taħdem il-proporzjon din tiġi ċirka 85%, jiġifieri qed immorru żmerċ b'25% mis-60% li jgħidulna minn Brussels li jrid ikollna bħala self pubbliku.
L-istess ħaġa ngħid għall-budget deficit. Kif nafu dan ma jistax ikun aktar min 3% u jekk dan se jitla' iktar - allavolja issa bl-iżball ta' l-Lm20 miljun erġajna morna lura - meta wieħed jibda jikkalkola l-imgħax fuq ċertu self li se jkollna fis-snin li ġejjin jinduna li l-imgħax stess se jdaħħalna fi problema ta' deficit ikbar, għax sakemm dan ma jitnaqqasx minn x'imkien ieħor se nkunu qegħdin 'l hemm mit-3% li huma rikjesti. Allura naraw li din id-diskussjoni fuq l-Unjoni Ewropea fl-aħħar mill-aħħar se terġa' ddur fuq il-finanzi pubbliċi u issa l-Oppożizzjoni, wara li f'disa' snin u nofs lanqas biss ġabet penny addizzjonali mingħand l-Unjoni Ewropea, qed tipprova tpinġiha bħala dik ix-xi ħaġa li se tagħmel il-magic tal-Christmas hawn Malta. GĦalhekk ejjew naraw b'mod iktar serju, sensibbli u raġonevoli r-risposti għall-mistoqsijiet li qed inqiegħed quddiem din il-Kamra. Issa ladarba l-ewwel intake ta' membri ġodda ġie pospost għas-sena 2002 jew 2003 - sa dak iż-żmien it-trattati ta' Maastricht u ta' Amsterdam se jilħqu jsiru parti mill-acquis communautaire u allura fil-EMU ikollna nosservaw ir-regoli ta' Maastricht - l-ewwel mistoqsija li tqum hija: Kif jista' jkun li wieħed jitkellem fuq dħul immedjat - anke jekk fl-elezzjoni li jmiss ikun hemm bidla fil-gvern - jekk il-qagħda tagħna tal-finanzi pubbliċi ma tkunx issewwiet? L-istess ħaġa tapplika kemm għas-self li l-gvern qiegħed jagħmel u kif ukoll għad-deficit strutturali tal-budget.
Is-self sar strutturali għaliex dan m'huwiex one-off, biex jinxtraw l-ajruplani ta' l-Air Malta l-ewwel darba, li mbagħad se jifdu all the way. Hawnhekk hawn problemi strutturali u kroniċi, allura fil-medda taż-żmien bejn issa u s-sena 2002 - m'hijiex xi medda ta' żmien fenomenali u m'hawnx xi proposti sabiex wieħed ikun jista' jirranġa l-ekonomija b'mod li dawn il-problemi fil-finanzi pubbliċi jissewwew u allura Malta tkun eliġibbli għal xi dħul jekk ikun hemm bidla fil-gvern - ta' min jikkontempla b'mod aktar serju l-problemi tal-finanzi pubbliċi għaliex minn hemm ġejja l-problema ewlenija. Il-problemi qegħdin 'l bogħod wisq għaliex huma mutually repulsive u mhux mutually attractive, kif qed tipprova tpinġihom in-naħa ta' l-Oppożizzjoni. Din b'mod simplistiku qed tgħid li hemm bżonnu dan is-self imma kieku konna membri jew konna mexjin lejn sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea dan is-self ma kienx ikun hemm bżonnu għaliex kienu se jaqgħu mijiet ta' miljuni ta' liri mis-sema!
Madam Speaker, li qed nipprova nfiehem hu li dan bħala argument mhux biss huwa ħażin imma huwa dijametrikament u dinamikament oppost għar-realta' tal-fatti għaliex aktar ma l-finanzi pubbliċi jmorru ħażin, aktar jitbiegħdu ċ-chances ta' membership minħabba l-acquis communautaire. Allura aktar ma l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tipprova tippreżenta soluzzjoni għas-sitwazzjoni tal-membership b'mod faċli, aktar u aktar ma japplikax u m'huwiex aċċettabbli għaliex waħda ma tingħaqadx ma' l-oħra, anzi waħda tgerrex lill-oħra. Aktar ma jkun hawn dejn, self u deficit fil-budget aktar ingerrxu l-possibbilta' ta' membership immedjat. Mela ejjew naraw x'kuntrast hawn bejn min b'mod pious u qaddis iż-żejjed qed jgħid: Isma', ejjew napplikaw ħalli nidħlu immedjatament u nġibu tant flus li dawn l-affarijiet kollha nkunu nistgħu ntajruhom min-nofs, u min-naħa l-oħra nsibu l-punt li iktar ma għandna l-finanzi pubbliċi f'sitwazzjoni ħażina, iktar qegħdin ingerrxu l-possibbilta' li jkun hemm applikazzjoni ta' membership milqugħa serjament minn Brussels.
Ovvjament hemm calculus aktar fin ta' dan kollu li qiegħed inressaq hawn dalgħodu u l-ewwel varjazzjoni hija li kieku kien hemm l-applikazzjoni għaddejja u kieku Malta setgħet tapplika għal ċerti fondi - hawnhekk ta' min jagħmel footnote żgħira u jgħid li f'disa' snin u nofs dawn il-fondi lanqas kien hemm xeħta tagħhom ġejjin lejn Malta, allura anke issa din il-possibbilta' hija totalment ġdida - u kieku kellna nneħħu l-friża minn fuq l-applikazzjoni għall-Unjoni Ewropea u nibdew nitħaddtu man mano li qisu ma' kull taħdita jew fażi ta' taħdidiet jiġi riċevut hawn Malta ċertu ammont ta' flus għar-ristrutturazzjoni, hemmhekk forsi wieħed jibda jara li nistgħu nimxu pass 'il quddiem. U hawnhekk wieħed jgħid: Mela jekk se nagħmlu minn ħamsa sa seba' snin niġbdu l-flus mingħajr commitment ... Għax jekk se ndumu għaxar snin u mbagħad wara nsibu x'imkien aħjar ma' fejn nankraw nistgħu nankraw band'oħra wkoll, imma lanqas din m'hi qed tiġi proposta b'mod raġonevoli. Fid-disa' snin u nofs li għaddew din lanqas biss ġiet imressqa u lanqas ġew secured xi additional financial returns taħt titlu ta' loan jew grant mill-Unjoni Ewropea u allura qegħdin nitkellmu fuq diskors totalment ġdid. Madam Speaker, ejjew inkunu ċari.
Id-dokument Agenda 2000 jitkellem l-iktar fuq il-pajjiżi taċ-Ċentru u tal-Lvant ta' l-Ewropa u, għalkemm tissemma Ċipru, isemmi l-iktar dawk il-problemi li l-Unjoni Ewropea bħala policy trid teħles minnhom, bħalma huma l-impjanti nukleari li kienet ħalliet warajha l-Unjoni Sovjetika qabel ma nħallet. Ovvjament għall-Unjoni Ewropea problemi bħal dawn għandhom prijorita', anke jekk tgħin bi flus sabiex tirranġahom. Imma hawn Malta x'impjanti nukleari għandna biex immorru nitolbu lill-Unjoni Ewropea tagħtina l-flus biex nirranġawhom, jew nagħlquhom b'mod safe jew inkomplu nħaddmuhom b'mod li jkun totalment safe għal kulħadd? Allura naraw li dak it-tip ta' diskors tal-Lm100 miljun nieżel mis-sema' m'huwiex diskors li jixraq lil dan il-Parlament. Għalhekk naħseb li wieħed ta' min iħares lejn possibbiltajiet usa ta' free trade, abbażi ta' dak li ppropona l-Gvern Malti. Issa hemm proposta u aċċettazzjoni ta' free trade area u ħadd m'għandu għalfejn jistaqsi lejn liema naħa qegħdin ninnavigaw. Qegħdin ninnavigaw lejn free trade area bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. L-effett ta' dan irid jiġi eżaminat kemm fuq l-ekonomija Maltija in ġenerali, kemm għall-mod kif se jintlaqat il-konsumatur, li teoritikament se jkollu godiment ta' iktar prodotti available u forsi anke b'inqas prezz, u kif ukoll għall-mod kif se jiġu affettwati l-finanzi pubbliċi. Allura wieħed irid jara kif se jkompli dan id-diskors. Kif diġa' tennejt f'diversi mezzi tax-xandir aħna se mmorru għal free trade zone waħda, imma għaliex ma neżaminawx il-possibbiltajiet ta' free trade zones oħra? Għaliex qed ngħid dan? Ħalli nagħti eżempju.
Jekk pinna importata mill-Ewropa tinbiegħ Lm5 hawn Malta u din l-istess pinna meta tiġi mportata min-North American Free Trade Area - qed neħodha bħala ipotesi li Malta jkollha free trade zone anke man-NAFTA - tista' tinbiegħ lill-konsumatur b'Lm4, allura wieħed ma jistax jara overlap ta' free trade zones li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumatur Malti? Jekk f'diversi setturi Malta tista' testendi dawn il-free trade zones mhux biss ma' l-Ewropa imma anke man-NAFTA - fil-fatt hemm diversi proposti biex ikun hemm transatlantic free trade area, kemm mingħand Sir Leon Brittan, Kummissarju ta' l-Unjoni Ewropea, kemm min-naħa Kanadiża ma' l-Unjoni Ewropea, u anke min-naħa ta' ċerti pajjiżi Ewropej ma' l-Istati Uniti ta' l-Ewropa - b'hekk ma nkunu qed nagħmlu xejn ħażin fid-dawl tal-World Trade Organisation, anzi nkunu qegħdin nuru li aħna mhux biss irridu nidħlu fi free trade zone, li hija l-eċċezzjoni għal free trade globali, imma jkollna saqajna f'żewġ free trade zones li għandhom irendu iktar għall-konsumatur Malti. B'hekk lill-konsumatur Malti mhux biss inkunu qegħdin nagħtuh l-għażla ta' kwalita' u prezz minn suq li għalkemm huwa kbir huwa wieħed biss imma nkunu qegħdin nagħtuh l-għażla għal swieq akbar. Aħna nafu li n-NAFTA qiegħda tikber konsiderevolment u allura naħseb li minn dik in-naħa wieħed irid jeżamina kull possibbilta' li lill-konsumatur Malti nagħtuh a better deal. Meta wieħed jibda jara dawn il-possibbiltajiet jibda jara inqas u inqas il-valur tal-ftit flus li jistgħu jiġu min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea, a paragun mal-potenzjal ta' investiment li jista' jsir hawn Malta min-naħa ta' l-Amerka, biex ikun hawn investiment anke għas-suq Ewropew, u kif ukoll min-naħa ta' dawk li jridu jinvestu fil-viċin biex jaslu għal direzzjoni Amerikana.
Madam Speaker, allura hawn wieħed jibda jara ċerti possibbilitajiet oħra li qegħdin jinfetħu permezz tal-free trade zone - din diġa' hija aċċettata min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea - li jistgħu jagħtu prodott iktar ta' valur għall-konsumatur Malti. Fl-aħħar mill-aħħar hija l-ekonomija Maltija in ġenerali li rridu naraw meta nkunu qed nikkonsidraw din il-proposta ta' self li l-gvern qed jipproponi lil dan l-Parlament, għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-gvern irid irendi servizz f'ekonomija usa u mhux biss fil-finanzi pubbliċi, kif qed iħaddanhom hu stess. Allura wieħed jara li hemm il-possibbilta' li jekk aħna, anke b'mod iktar agressiv u b'mod iktar dinamiku, nidħlu fil-kwestjoni kollha tan-non-tariff barriers se jkun hemm ħafna iktar x'wieħed jottjeni minn hemmhekk milli meta jsir ħafna ppriedkar fuq il-full membership b'mod superfiċjali żżejjed. Is-single market li hemm fl-Unjoni Ewropea fih ruxxmata non-tariff barriers u jekk ma nirrikonoxxux dan inkunu qegħdin nitkellmu biss fuq il-gloss - is-soltu l-affarijiet is-sbieħ jissemmew fil-qoxra tal-ktieb imbagħad ġewwa jkun hemm il-kondizzjonijiet. Kemm hemm każi ta' ditti li meta jipprovaw jesportaw isibu barriers fejn tad-dwana jgħidulhom li l-labels ta' ċertu prodott iridu jkunu b'lingwa oħra, jew inkella li m'hemmx health conditions biżżejjed fuq dik il-produzzjoni, u allura b'dak il-mod ikunu qegħdin jikkompetu unfairly. Insibu ditti Maltin li għalkemm taħt l-Association Agreement bejn Malta u l-Unjoni Ewropea suppost għandhom aċċess liberu għall-Ewropa, meta jkunu qed jesportaw lejn l-Ewropa ġieli jiffaċċjaw problemi fejn jgħidulhom li l-labels ta' dak il-prodott ma jridux ikunu bl-Ingliż biss u jġiegħluhom ibiddluhom u jagħmluhom bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Ġermaniż, naturalment a spejjeż tagħhom. Inkella ġieli jgħidulhom li l-mod kif inhu fformolat ċertu prodott ma josservax il-health and safety regulations tal-pajjiż destinatarju, mhux ta' l-Unjoni Ewropea in ġenerali imma ta' pajjiż partikolari, għax bil-prinċipju ta' sussidarjeta' kull pajjiż għandu d-dritt li joġġezzjona meta prodott ma jkunx skond il-health and safety regulations tiegħu.
Mela ejjew naraw kif f'dan il-Parlament nistgħu nagħtu appoġġ b'mod iktar serju lil dawk l-industriji li qegħdin jipprovaw jesportaw il-prodott tagħhom lejn l-Ewropa u qed isibu dan it-tfixkil, ħalli ngħinuhom jegħlbu dawk l-ostakli u jkunu jistgħu jimpjegaw iktar nies hawn Malta. Min-naħa l-oħra, anke aħna nistgħu nilagħbu din l-istess logħba li jilagħbu l-Ewropej u allura jekk jidħlu xi affarijiet min-naħa ta' ċerti pajjiżi Ewropej lejn Malta, jekk hemm bżonn għandna naraw x'non-tariff barriers nistgħu nagħmlu bil-kwiet. Forsi hawn min jgħidli: Bil-kwiet meta qed tgħidha pubblikament! Imma jien din qed ngħidha bejnietna. Fl-Ewropa tant ikun hemm rapporti miktubin fuq non-tariff barriers u jqassmuhom baxx baxx, li ta' min ikun jaf kif l-Ewropej jilagħbu dan il-logħob. Jekk hemm bżonn nistgħu nagħmlu n-non-tariff barriers u ngħidu li fl-istess ħin se nidħlu fil-free trade area. Imma b'dan l-istess mod nistgħu nagħmlu free trade area man-NAFTA u l-pajjiż ikun jista' jiggwadanja minn kull naħa.
Madam Speaker, jien naħseb li rridu nikkonsidraw iktar fil-fond kif nistgħu ngħinu l-ekonomija tagħna u għalhekk meta niddibattu fuq l-Unjoni Ewropea jrid ikun dibattitu bis-serjeta' u ma jkunx wieħed mgħobbi biss b'ideoloġija - suppost illum lanqas għad fadal ideoloġija! - imma jkun mgħobbi wkoll b'ċertu commitment. Irridu nidħlu ħafna iktar fir-raġunijiet minn taħt u mhux nidħlu fi Christmas-land. Grazzi ħafna, Madam Speaker.
Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin