Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə4/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18

MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Ninu Zammitt.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, ħadt gost nisma' lill-aħħar kelliem min-naħa tal-Gvern, li b'mod ipotetiku għamel diskors biex b'xi mod jipprova jiġġustifika l-fatt li l-Gvern ġie jitlob lil dan il-Parlament japprovalu s-self ta' Lm110 miljun ħalli jkopri d-deficit tas-sena li għaddiet. L-Onor. Membru semma l-kelma "kieku", u rrid ngħid li jien personali din il-kelma ma tantx nużaha, għax hawn m'aħniex nitkellmu fuq affarijiet li qegħdin fis-sħab. Hawn qegħdin nitkellmu fuq kriżi finanzjajrja u rrid nenfasizza li din il-kriżi ġabha b'idejh dan il-Gvern. Kulħadd jaf li l-mediċina li għandu l-Gvern għal din il-kriżi hija x-xita ta' taxxi li l-poplu beda jduq mill-aħħar elezzjoni 'l hawn. Biżżejjed ngħid li huwa kkalkolat li minn Ottubru ta' l-1996 sal-lum ġew introdotti madwar 55 forma ta' taxxa ġdida, u nixtieq li aktar 'il quddiem nitkellem daqsxejn iktar fit-tul fuq uħud minn dawn it-taxxi.
Madam Speaker, kif kont qed ngħid sa ftit ġimgħat ilu - biex ma ngħidx sa xahar jew xahrejn ilu - il-Gvern kien qed jgħidilna li d-deficit għas-sena l-oħra kellu jkun ta' Lm125 miljun. F'daqqa' waħda b'sorpriża qalulna li minn Lm125 miljun dan id-deficit niżel għal Lm102 miljun. Jien ħadt gost pero' naħseb li f'din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għandna ningħataw spjegazzjoni ta' kif il-Gvern tal-lum għamel propaganda sħiħa u mela ras kulħadd li d-deficit għas-sena li għaddiet kellu jkun ta' Lm125 miljun - mhux tort tal-poplu imma tort tal-mismanagement tal-Gvern stess - u issa f'daqqa' waħda dan niżel bi Lm23 miljun għal Lm102 miljun. Jien m'iniex xi tekniku jew xi accountant u ma nifhimx fil-finanzi u se nitkellem mill-mod kif the man in the street jara s-sitwazzjoni.
L-ewwel mistoqsija li rrid nagħmel hija: Għaliex dan il-Gvern kellu jiġi quddiem din il-Kamra b'talba biex ikun jista' jissellef Lm110 miljun sabiex jagħmel tajjeb għad-deficit ta' sena waħda biss? Hawnhekk ta' min jgħid li l-Gvern preżenti matul is-sena l-oħra m'għamel l-ebda investiment kapitali maġġuri. Per eżempju, dan m'għamilx capital investment fl-infrastruttura. Kif nistgħu naraw, dan il-Gvern mhux qed jissellef Lm110 miljun biex jibni xi power station jew biex jibni xi distribution centre imma qed jissellef dawn il-Lm110 miljun minkejja l-fatt li mill-aħħar elezzjoni sal-lum dan ma nefaqx ċenteżmu wieħed bħala investiment fuq il-provvista ta' l-ilma fil-pajjiż. L-istess, jekk inħarsu lejn it-telephones insibu li ma sar l-ebda capital investment mill-1996 sal-lum fuq is-sistema tat-telephones. Dan il-Gvern lanqas m'għamel capital investment f'bini ta' xi airport ġdid. Mela nista' ngħid li dan il-Gvern sab dawn l-affarijiet kollha lesti, b'mod partikolari fl-infrastruttura, u allura se jissellef dawn il-Lm110 miljun għas-sempliċi raġuni li falla. Allura ġie jissellef biex jgħatti l-iżbalji li ġew ikkaġunati mill-miżuri politiċi żbaljati li l-istess Gvern ħa minn Ottubru ta' l-1996 'l hawn. Madam Speaker, bil-Malti ngħidu li dak li tiżra' taħsad u s-sitwazzjoni li qegħdin fiha fil-preżent toriġina minn qabel l-aħħar elezzjoni.
Titkellem ma' min titkellem kulħadd jgħidlek li l-Gvern preżenti rebaħ l-elezzjoni f'Ottubru ta' l-1996 meta ħadd ma kien jemmen li kellu ċans jirbaħha, anke wħud mill-membri tal-Gvern qegħdin jistqarru dan pubblikament. Ħadd ma kien jemmen li l-Partit Laburista kellu xi nitfa ċans li jirbaħ il-poter f'Ottubru ta' l-1996. Aħna nafu li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista wiegħed fuq li wiegħed bi skop wieħed, mhux biex jirbaħ l-elezzjoni imma biex inaqqas il-maġġoranza li kellu l-Partit Nazzjonalista. U igdeb minn hawn u igdeb minn hemm, u wiegħed minn hawn u wiegħed minn hemm ... X'ma wegħdux? Wegħdu li se jneħħu l-VAT u beżżgħu lill-poplu bil-babaw ta' l-Ewropa. Ma nafx x'ma qalux kontra l-Ewropa! Bħala sommarju rrid ngħid li dawn ingannaw lill-poplu f'kull qasam u peress li kien hemm min bela' l-lixka ta' l-ingann tal-propaganda tagħhom, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u ħa l-poter f'idejh. B'hekk f'Ottubru ta' l-1996 spiċċajna bi gvern li ma kienx ippreparat biex jirbaħ l-elezzjoni u allura kellna gvern bla pjan. U x'ġara mbagħad?

Kulħadd jiftakar li wara l-elezzjoni ta' l-1996 bdew ħerġin il-ħrejjef tal-ħofor u bil-mod il-mod kollox beda jiġġammja. Illum, kif jaf il-poplu Malti u GĦawdxi kollu, pajjiżna jinsab iġġammjat. Min ma jafx x'ġara fl-unemployment fil-pajjiż? Min ma jafx li l-qgħad tiela' kontinwament - dan ilu tiela' minn Ottubru ta' l-1996 - b'ritmu allarmanti?


ONOR. ĊENSU GALEA: Sinjura President, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum.
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta kienet sospiża fl-11.15 a.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ninu Zammit jista' jkompli bid-diskors tiegħu.

ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, irrid infakkar li immedjatament wara l-elezzjoni bdejna nisimgħu ħafna ħrejjef ta' ħofor u mhux ħofor, bil-konsegwenza li kollox beda jiġġammja bil-mod il-mod. Illum meta titkellem man-nies jgħidulek li diżgrazzjatament qegħdin f'pożizzjoni fejn kulħadd jiġri biex ifittex ix-xogħol, iżda xogħol m'hawnx u l-qgħad dejjem tiela'. Kulħadd jaf li l-flus sparixxew mill-idejn. Titkellem ma' min titkellem fl-industrija tal-bini jgħidlek li flus m'hawnx u minflok daħal it-tpartit. F'kelma waħda dan ifisser li l-investiment prattikament waqaf u allura ġejna qisna ta' l-istorja.
Fl-istorja nisimgħu dwar bniedem li kien jarmi l-għaks, dejjem jeqred li huwa fallut u li għandu d-dejn u ovvjament ma' kull min jiltaqa' kien dejjem jitkarrab. Bil-Malti ngħidu li min jarmi l-għaks, għaks isib. Insibu li din il-persuna darba minnhom ġiet f'pożizzjoni li kellha bżonn min jissieħeb magħha biex tagħmel proġett, pero' peress li kellha l-fama li ħlief għaks ma tarmix u ħlief fallimenti ma ssemmix, ma sabitx min jissieħeb magħha biex tagħmel il-proġett li kellha f'moħħha. L-istess ġralu l-Gvern preżenti, li mill-elezzjoni 'l hawn tant qal stejjer fuq ħofor u mhux ħofor li llum il-ġurnata ma baqax jiġi fdat, u dawn il-fatturi kollha ġabuna fi kriżi finanzjarja. Kif diġa' għidt, il-mediċina tal-Gvern preżenti hija xita ta' taxxi li l-poplu issa beda jirrealizza l-impatt u l-guffaġni tagħhom. Dan hu li qed iżomm lin-nies lura milli jonfqu għaliex bit-taxxi li ntroduċa dan il-Gvern - u milli nistgħu nifhmu aktar ġejjin - trid veru toqgħod attent kif tonfoq flusek. Madam Speaker, nerġa' mmur għall-ewwel punt.
Wieħed mill-fatturi prinċipali li ġabu din il-kriżi finanzjarja fil-pajjiż kienet it-tneħħija tal-VAT. Irrid infakkar li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista kien wiegħed u bellagħha lin-nies li se jneħħi l-VAT u wħud mill-operaturi tan-negozju belgħuha li jekk jitla' l-Partit Laburista fil-gvern kien se jneħħi l-cash registers. Fil-fatt il-Partit Laburista tela' fil-gvern imma l-cash registers għadhom hemm. L-Onor. Alfred Sant kien wiegħed solennement li jekk kemm-il darba ma jirnexxilux ineħħi l-VAT ma jibqax fil-politika. Fil-fatt fl-1 ta'Lulju ta' l-1997 il-Gvern ta' l-Onor Sant neħħa l-VAT u daħħal is-CET. Minn din in-naħa tal-Kamra aħna għidnilu li t-taxxa tas-CET kienet se tnaqqas sostanzjalment ir-revenue tal-gvern. Għadda ż-żmien, bdew ħerġin iċ-ċifri u kulħadd ra li kellna raġun aħna għaliex miċ-ċifri li ppubblika l-Gvern stess jidher ċar daqs il-kristall li d-dħul mis-CET meta pparagunat mad-dħul bil-VAT naqas sostanzjalment. Aħna nafu li minkejja l-ħafna kliem fieragħ li qed issir biex napprovaw is-self ta' Lm110 miljun, madwar Lm1 miljun intnefqu mill-Gvern bħala parti minn eżerċizzju propagandistiku fil-bdil tas-sistema ta' tassazzjoni. Nafu wkoll li biex il-Gvern preżenti jwaqqaf żona ta' kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea se jkollu jerġa' jdaħħal sistema ta' tassazzjoni li tixbaħ il-VAT, biex ma ngħidx li hi photocopy tagħha.
Sinjura President, kif kont qed ngħid il-liġi tas-CET fgat diversi oqsma ta' l-ekonomija ta' pajjiżna. Per eżempju, jekk nieħdu l-qasam tal-biedja u s-sajd insibu li fil-preżent l-operaturi kull sitt xhur qed ikollhom jonfqu madwar Lm300,000 iżjed f'taxxa ta' l-ETS. Hawn nixtieq infakkar li l-ammont ta' VAT li kienu jħallsu l-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala fuq is-servizzi kienu jeħduh lura. Dak kien ġust għax permezz ta' hekk lil dawn l-operaturi tajnihom iċ-ċans li jkomplu jkabbru u jsaħħu l-industrija tagħhom. Illum għandna l-konferma li l-Gvern preżenti għamel żball meta neħħa l-VAT u daħħal is-CET. Dan mhux aħna biss qed ngħiduh imma qed jammettuh uħud min-nies ewlenin fil-Partit Laburista, li stqarrew pubblikament u kitbu iswed fuq l-abjad li l-VAT hija aħjar mis-CET, kemm f'dak li huwa revenue għall-pajjiż u anke fejn tidħol il-moralita' fiskali. Sinjura President, niġi għat-tieni żball li għamel il-Gvern preżenti, ċioe' l-iffriżar ta' l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Titkellem ma' min titkellem tinduna li l-poplu kollu jaf li ilna mexjin fil-baħħ għal dawn l-aħħar 18-il xahar għax dan huwa gvern bla direzzjoni. L-investiment f'pajjiżna naqas u prattikament sparixxa u hawn ta' min jagħmel xi ftit paraguni ta' x'qed jiġri f'pajjiżi oħra. Per eżempju, dan l-aħħar f'din il-Kamra ssemma l-mod li bih qed jiżviluppaw pajjiżi oħra, bħalma huma l-Irlanda, l-Portugall u Spanja, bl-għajnuna finanzjarja li qed tagħtihom l-Unjoni Ewropea. Jien m'iniex se ngħid li l-Gvern preżenti huwa mingħajr boxxla imma se ngħid xi ħaġa agħar minn hekk. Illum lil pajjiżna qed inxebbħu ma' vapur bla makna, li jimxi bil-qlugħ, dak li jgħidulu xini, bid-differenza li x-xini tagħna lanqas għandu qlugħ u allura jinsab f'nofs ta' baħar jiġġerra kull fejn jieħdu l-kurrent. Naturalment, min hu f'sensih m'huwiex se jissogra jirkeb fuq dan il-vapur għax qatt ma jista' jkun jaf fejn hu sejjer. L-istess ġralna aħna. Peress li pajjiżna spiċċa bla direzzjoni, ħadd ma jissogra jinvesti u dan wassal għall-istaġnar li hawn fil-pajjiż.
Sinjura President, dalgħodu qgħadt nisma' lill-Onor. Sceberras Trigona jsemmi ħafna ċifri ta' miljuni, qisu qed itella' l-lotterija. Hawnhekk ta' min ipoġġi saqajh fl-art u jirraġuna l-affarijiet. Jekk se nibqgħu mexjin fit-triq għal zona ta' kummerċ ħieles u mhux dik ta' sħubija sħiħa ma' l-Unjoni Ewropea, se nitilfu l-vantaġġi kollha. Nhar il-Ħadd li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Onor. Eddie Fenech Adami, għamel laqgħa fir-Rabat għall-bdiewa, s-sajjieda u r-raħħala, fejn spjega l-vantaġġi li jista' jakkwista pajjiżna, b'mod partikolari fl-oqsma tal-biedja u s-sajd, permezz ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hu spjegalna wkoll x'piżijiet se jkollhom jerfgħu dawn l-oqsma jekk kemm-il darba pajjiżna jibqa' miexi fit-triq lejn it-twaqqif ta' żona ta' kummerċ ħieles. Il-Ministru tal-Biedja u Sajd, l-Onor. Noel Farrugia, ħareġ press release li titratta dwar dak li qal l-Onor. Fenech Adami u din meta taqraha mhux tidħak imma jaqbiżlek id-dmugħ. Per eżempju, il-Ministru Farrugia qal li aħna għidna li jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea din tagħtina l-fondi biex l-ambjent rurali nkunu nistgħu nirranġawh. Il-Ministru kkonferma dan imma mbagħad għoġbu jżid li:
"Dan diġa' qed isir f'Malta u f'GĦawdex, bħalma juru ċerti proġetti.".
Dawn huma affarijiet tad-daħk. Aħna ilna sena u nofs nistaqsu lill-Ministru Farrugia meta se jinvesti ċenteżmu biex jirranġa t-trejqiet li jagħtu għar-raba' u biex jinbnew ħitan tas-sejjieħ u r-risposta li ħadna mingħand il-Ministru kienet li m'għandux fondi.
Sinjura President, aħna għidna wkoll li bis-saħħa tal-common agricultural policy, l-Unjoni Ewropea tipprovdi għajnuna finanzjarja biex ir-raħħala u l-bdiewa jkunu jistgħu jixtru makkinarju ġdid u iktar effiċjenti. Fl-istqarrija li ħareġ nhar il-Ħadd li għadda, il-Ministru Farrugia qalilna li dan diġa' qed isir f'Malta u GĦawdex permezz ta' skemi ta' għajnuna mill-banek. Allura hawn jien għandi mistoqsija għall-Ministru. Il-Gvern kemm ta għajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala tul dawn l-aħħar sena u nofs biex ikunu jistgħu jixtru makkinarju modern u effiċjenti? Bħalma jaf kulħadd ir-risposta hija zero għax fil-fatt tul dawn l-aħħar 18-il-xahar ma ngħatat l-ebda għajnuna bħalma kien isir fil-passat.
Madam Speaker, nhar il-Ħadd li għadda aħna għidna li bil-fondi ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jinbnew impjanti ta' tisfija ta' drenaġġ u sistemi ta' provvista ta' ilma second class għat-tisqija ta' l-uċuh tar-raba'. Fl-istqarrija għall-istampa l-Ministru Farrugia qalilna li dan diġa' qed isir. Pero' fil-fatt dan m'hu minnu xejn, u dan meta l-iktar ħaġa importanti biex il-biedja tikber u tifjorixxi hu li jkollna provvista adegwata ta' ilma. Issa aħna nafu li biex ikun jista' jintlaħaq dan l-għan - fil-fatt il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet qed timxi fuq dan il-ħsieb - bejn wieħed u ieħor l-ammont ta' drenaġġ irid ikun ilaħħaq l-20 miljun gallun kuljum. Hawn ta' min jgħid li meta jissaffew dawn l-20 miljun gallun ta' drenaġġ, ikunu jistgħu jiġu utilizzati għaxar miljun gallun. Dak kien il-ħsieb tagħna, li ngħaddu dan is-second class water lill-bdiewa għat-tisqija. Dan il-proġett seta' jsir biss bl-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea u aħna konna nikkwalifikaw għal din it-tip ta' għajnuna. Pero' aħna ma konniex se nwettqu l-proġett tat-tisfija tad-drenaġġ biss, għax ma ridniex li jiġri bħalma ġara fil-każ ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin. GĦaliex qed ngħid dan?
Kif jaf kulħadd, minkejja li fl-Impjant ta' Sant Antnin id-drenaġġ jiġi msaffi, dan ma jistax jitwassal għand il-bdiewa kollha li hemm fl-area ta' Ħaż-Żabbar. Hemmhekk hemm sistema ta' open channel, u b'din is-sistema wieħed ma jkunx jista' jippressa u jippompja l-ilma biex iwasslu fejn irid. Aħna kellna l-ħsieb li nwettqu dan il-proġett tat-tisfija tad-drenaġġ skond il-Konvenzjoni ta' Barcelona u li nġibu l-fondi mill-Unjoni Ewropea biex nagħmlu sistema ta' network fl-areas agrikoli kollha ta' pajjiżna biex b'hekk tikber il-produzzjoni u tiżdied l-effiċjenza f'dan il-qasam. Imma sfortunatament illum, kif nafu, dan il-Gvern għażel li jiskarta l-idea li jġib il-fondi billi jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u minflok qed jaħdem fuq żona ta' kummerċ ħieles, u l-fatti nafuhom.
Madam Speaker, il-Gvern preżenti x'għamel biex isir dan il-proġett ta' tisfija tad-drenaġġ? Dan daħħal taxxa fuq id-drenaġġ li minnha se jiġbor Lm4 miljun fis-sena. U min se jħallas dawn il-flus? L-Unjoni Ewropea żgur li m'hijiex se tħallashom - għax issa qed ngħidu li se nwaqqfu żona ta' kummerċ ħieles - u allura se jħallashom il-ħaddiem Malti. GĦalhekk hawn għal darb'oħra qed naraw lill-Gvern Laburista jkompli jnaqqar minn but il-ħaddiem ħalli jkun jista' jkollu l-mezzi u l-finanzjament neċessarju biex jagħmel dan l-impjant ta' tisfija tad-drenaġġ. Issa, kif għidt diġa', permezz ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea aħna stajna nġibu dawn il-fondi faċilment mingħajr il-bżonn li ndaħħlu taxxa inġusta, katastrofika u diżastruża, u hawn nixtieq nerġa' nfakkar lill-Onor. Alfred Sant li b'din it-taxxa huwa se jisloħ minn fuq dahar il-poplu madwar Lm4 miljun fis-sena.
Madam Speaker, nhar il-Ħadd aħna għidna wkoll li bi sħubija sħiħa, il-qasam tas-sajd kien se jingħata spinta 'l quddiem u fil-fatt l-Unjoni kienet se tagħtina wkoll fondi biex il-qasam ta' l-akwakultura jkun jista' jkompli jissaħħaħ u jikber. Ta' min jgħid ukoll li permezz ta' sħubija sħiħa, il-qasam tas-sajd kien se jkun jista' jesporta ħut kemm irid lejn l-Ewropa. Fil-fatt illum l-operaturi tal-qasam tas-sajd jinsabu fi żvantaġġ għax jafu li meta s-sajjieda jesportaw il-ħut, kemm dak maqbud mill-ibħra ta' madwarna, kif ukoll dawk prodotti mill-fish-farms, qed ikollhom iħallsu taxxa ta' 15%.
MADAM_SPEAKER'>MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li għal darb'oħra m'hawnx quorum.
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża f'11.40 a.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: L-Onor Zammit jista' jkompli.

ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, qabel ma nkompli bid-diskors tiegħi nixtieq infakkar li jien kont qed nirriferi għall-vantaġġi li konna nakkwistaw permezz ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u kont qed ngħid li pajjiżna kien jibbenefika minn ammont kbir ta' fondi biex, fost affarijiet oħra, jiġi mtejjeb l-ambjent rurali u jinxtara makkinarju ġdid li jkun iżjed effiċjenti, ħalli l-oqsma tal-biedja u sajd isiru iktar produttivi.
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkompli bid-diskors tiegħu
ONOR. JOHN DALLI: Nipproponi li jkompli jinstema'.
ONOR. ANGLU FARRUGIA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Zammit ikompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. NINU ZAMMIT: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Sinjura President, kif kont qed ngħid, permezz ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea pajjiżna kien se jibbenefika wkoll minn fondi biex filwaqt li jinbnew impjanti ta' tisfija tad-drenaġġ, issir sistema ta' network fl-areas agrikoli kollha ħalli l-ilma second class ikun jista' jintuża għat-tisqija ta' l-uċuh tar-raba', u l-qasam ta' l-akwakultura kien se jiġi msaħħaħ u mkabbar ukoll. Imma bit-twaqqif ta' żona ta' kummerċ ħieles dawn il-benefiċċji kollha jisparixxu u għal dan l-investiment kollu se jkollu jagħmel tajjeb il-poplu Malti mit-taxxi li jħallas.
Fil-fatt ta' min jgħid li huwa kkalkolat li pajjiżna kien se jgawdi mat-Lm80 miljun fis-sena f'dawk li huma enlargement funds li kieku Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Jien ma naqbilx ma' l-Onor. Sceberras Trigona li qal li l-Unjoni Ewropea tagħtik il-fondi biex tagħmel tajjeb għad-deficit Dan mhuwiex il-każ. Issa għal min ma jafx Lm80 miljun jsarrfu daqs l-investiment kollu li għamilna fil-power station ta' Delimara, bil-phase I, bil-phase IIA u bil-phase IIB b'kollox. Fi kliem ieħor l-investiment li għamilna f'Delimara bejn l-1987 u l-1996 biex irdoppjajna l-kapaċita' tal-ġenerazzjoni ta' l-elettriku, kienet se tagħtihulna l-Unjoni Ewropea f'sena waħda biex tkun tista' tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż.
Madam Speaker, s'issa semmejt żewġ żbalji li wettaq dan il-Gvern, liema żbalji wassluh biex jitlob lill-Parlament japprova s-self ta' Lm110 miljun. Imma fil-fatt il-Gvern wettaq żball ieħor, dik li ilu minn Ottubru ta' l-1996 itambar fuq il-ħofor, għax dawn il-ħafna ħrejjef tal-ħofor ġabu inċertezza kbira fil-pajjiż. Fil-fatt illum din l-inċertezza qed tinħass minn kulħadd, bil-konsegwenza li ninsabu f'sitwazzjoni fejn ħadd ma jaf fejn hu sejjer. Imma l-verita' x'inhi? Li dan il-Gvern sab il-ħofor? Jew li kien daqstant fortunat li prattikament sab l-industrija kollha taħdem? GĦax il-Gvern f'liema qasam sab il-ħofor? Fil-qasam ta' l-ilma? Ħalli nfakkar f'liema sitwazzjoni kien jinsab dan il-qasam matul l-1996. Il-qtugħ ta' l-ilma kien ikun programmat, jiġifieri daqqa kien imessha li tinqata' l-provvista ta' l-ilma taż-Żurrieq, daqqa kien imessha li tinqata' l-provvista ta' l-ilma tan-Naxxar, daqqa kien imessha li tinqata' l-provvista' ta' l-ilma ta' Ħal Qormi ... Allura aħna ħallejna l-ħofor meta f'disa' snin u nofs investejna għexieren ta' miljuni ta' liri f'dan il-qasam biex irdoppjajna l-kapaċita' tal-produzzjoni ta' l-ilma u kabbarna s-sistema tad-distribuzzjoni?
Jien dalgħodu ħadt pjaċir naqra fuq il-gazzetti li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ngħatat l-ISO 9002, pero' jien persważ li dan iċ-ċertifikat ma seta’ qatt jingħata fl-1986 għax dak iż-żmien il-pajjiż kien għaddej minn kriżi serja ta' nuqqas ta' ilma. Illum, permezz ta' l-investiment kollu li għamilna, il-qasam ta' l-ilma ġibnieh f'sitwazzjoni fejn għandna saħansitra spare production capacity imma, bħalma qal is-Sur Mifsud fir-rapport li qabbdu jagħmel il-Prim Ministru, minkejja l-investiment kollu ta' għexieren ta' miljuni ta' liri li għamilna biex seta' jkollna provvista adegwata ta' ilma, il-Gvern Nazzjonalista lill-poplu Malti qatt ma daħħallu tariffi anti-soċjali fuq il-konsum ta' l-ilma. Fil-fatt l-istess nistgħu ngħidu għall-qasam ta' l-elettriku.
Madam Speaker, bħalma taf is-Sinjorija Tiegħek, bħala GĦawdxija, sa qabel l-elezzjoni ta' l-1987 meta wieħed kien imur GĦawdex u jżur l-irħula ta' din il-gżira kien jaħseb li wasal il-Milied għax id-dwal tat-toroq kienu kollha jteptpu, qishom xi christmas tree. Imma hekk kif tela' fil-gvern il-Partit Nazzjonalista kabbarna l-kapaċita' tad-distribution centres b'madwar ħames darbiet, u dan l-investiment sewa mijiet ta' miljuni ta' liri. Din hi l-ħofra li ħalla l-Gvern Nazzjonalista bħala wirt lill-partit ta' l-Onor. Alfred Sant!
Nista' nibqa' nsemmi l-affarijiet li ħalla l-Gvern Nazzjonalista lill-Gvern preżenti. Per eżempju, nista' nsemmi l-iżvilupp li sar fis-sistema tat-telephone, fejn mill-iStrowger morna għal waħda mill-iktar sistemi moderni li jeżistu f'dan il-qasam. Allura kif nistgħu ngħidu li l-Gvern Nazzjonalista kien fallut meta ħalla dan il-ġid kollu fil-pajjiż? Issa hawn jien ma kontx se noqgħod insemmi l-ħafna djar ta' l-anzjani li bnejna, it-tkabbir li sar fl-Universita' u l-bini ta' l-airport. Dawn l-affarijiet jafhom kulħadd.
Madam Speaker, kif għidt diġa', it-tneħħija tal-VAT, l-iffriżar ta' l-applikazzjoni għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u l-ħrejjef tal-ħofor ġabu f'pajjiżna barriera ta' kriżi finanzjarja u minħabba f'hekk illum il-Gvern qed jiġi kostrett jissellef Lm110 miljun biex jgħatti r-running costs ta' sena waħda biss. U x'inhi l-mediċina ta' dan il-Gvern għal dan id-deficit? Taxxi, taxxi u taxxi! U dan kollu ġie kkaġunat mill-policies diżastrużi li ħa l-Gvern Laburista. Fil-fatt jekk wieħed jibda jsemmi t-taxxi li ddaħħlu minn Ottubru ta' l-1996 sa llum, ma jkunx jaf minn fejn irid jibda u jispiċċa għax tant iddaħħlu taxxi matul dan il-perijodu li wieħed bilfors jinsa xi wħud minnhom. Per eżempju, iddaħħlu taxxi fuq il- petrol u fuq id-diesel, u filwaqt li qabel biex tidħol il-Belt kont tħallas b'kollox Lm65 illum trid tħallas Lm95.
Imbagħad xi ngħidu għall-kaċċaturi? Kemm kien jgħidilna qabel il-Partit Laburista biex inħalluhom jisparaw fil-kwiet! Imma llum dan il-Gvern qatgħalhom il-kaċċa - u mhux billi taparsi jagħmel leġislazzjoni f'dan ir-rigward - għax il-liċenzja tas-senter għamililhom Lm19, bir-riżultat li llum ftit huma dawk li għadhom jaffordjaw imorru għall-kaċċa. (Interruzzjonijiet) Imma llum tant hemm pulizija serja taħtek, Onor. Mizzi, li m'għadx baqa' serq! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Kompli, Onor. Zammit. (Interruzzjonijiet) Onor. Mizzi, jekk jogħġbok tinterrompix.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, l-Onor. Mizzi qed jirriferi għall-pompa tal-petrol t'Għawdex. Jien irrid ngħid lill-Onor. Membru, ħalli forsi xi darba jitgħallem, li dwar dak il-każ hemm kawża fil-qorti.
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom żommu l-ordni. Ħadd minnkom m'hu qed jinstema'. (Interruzzjonijiet) Dan il-każ m'huwiex parti mid-debate għax jinsab quddiem il-qorti. (Interruzzjonijiet)
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, fil-fatt mhux huma tellgħuni l-qorti imma jien tellajt lill-Partit Laburista l-qorti. Taf għaliex, Onor. Mizzi? GĦax m'għandix faħam miblul. Jien tellajtkom il-qorti għax m'għandix faħam miblul. U jekk jogħġbok, nhar it-Tnejn kun preżenti waqt il-kontro-eżami, biex forsi titgħallem xi ħaġa!
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja. (Interruzzjonijiet) Onor. Mizzi, poġġi bil-qiegħda.
ONOR. NINU ZAMMIT: Dawn kif iridu jerġgħu jaqbdu mal-pompa tal-petrol meta dwar dan diġa' kien hemm kawża fil-qorti u nqatgħet? (Interruzzjonijiet) Madam Speaker, għax xi ħadd bagħat pakkett u jien ma kontx korrott u bgħatt dak il-pakkett lura, għamlu plejtu sħiħ. Mur ara kieku jien ħriġt xi biċċa green area u żammejt il-qalba għalija! Dak huwa serq żgur! (Interruzzjonijiet) Istħi li inti wieħed minn dawk tal-green area! (Interruzzjonijiet) Jien l-art li xtrajt, xtrajtha qabel ma dħalt hawn ġew. (Interruzzjonijiet) Dan irid idaħħak, Madam Speaker. (Interruzzjonijiet) Inti għalhekk tajjeb, biex iddaħħak! (Interruzzjonijiet)

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin