Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə9/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   ...   18

THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin u għandek bżonn leave of House biex tkompli tinstema'. Hawn permess? (Onor. Membri: No)
Il-permess ma ngħatax.
THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Michael Frendo.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Sur President din il-Kamra qed tintalab li tagħti l-approvazzjoni tagħha biex il-Gvern jagħmel self ta’ somma sostanzjali biex skond hu jkun jista’ temporanjament ifejjaq id-deficit li qiegħed jiffaċċja. Issa l-Gvern ilu għal aktar minn sena u nofs jgħidilna li hawn problemi kbar ta’ finanzi, li hawn ħafna ħofor u li pajjiżna għandu problemi kbar ta’ dejn. Dan il-kliem minnu nnifsu diġa’ huwa ta' dannu enormi. L-ewwelnett irridu ngħidu li dan huwa gvern immexxi b'aġenda ta' propaganda u ta’ kif irid joħloq perception fost il-poplu Malti ta’ kif inhi r-realta’, u jidher ċar li m’huwa kapaċi jitmexxa minn xejn aktar.
Malli ħa l-gvern f’idejh il-Malta Labour Party ma ppruvax jibni fuq il-ġid li kien hawn fil-pajjiż, kif stennieh li jagħmel il-poplu Malti. Il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant ma
kompliex bir-ritmu ta’ ekonomija li kienet ħajja u attiva meta spiċċa l-gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista imma għażel li l-ewwel jagħmel eżerċizzju ta’ tifrik biex jagħti l-impressjoni li n-Nazzjonalisti fil-gvern kulma għamlu kien li berbqu l-flus, objective ta’ propaganda li l-Malta Labour Party għamel għalih innifsu, u dan għamlu biex jiskredita’ x-xogħol kollu li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern. Ħaseb li billi jagħmel hekk għandu jsibha aktar komda biex jiggverna għax ikun ikkondizzjona lil kulħadd li Malta għandha ħafna dejn u allura f'dawk iċ-ċirkostanzi wieħed m’għandux għalfejn jistenna ħafna affarijiet. Dak kien eżerċizzju rresponsabbli għall-aħħar. Kien eżerċizzju indirizzat biss biex il-Malta Labour Party jipprova jieħu vantaġġ politiku mhux ġustifikat u biex jilħaq l-iskopijiet tiegħu ta’ propaganda. U jiena naħseb li għal ċertu żmien in-nies li kienu qed jisimgħu dik il-qanpiena - u forsi għal ċertu żmien semgħu biss dik il-qanpiena, għaliex il-Partit Nazzjonalista kien għadu kif ħareġ minn telfa elettorali - bdew ukoll jistaqsu lilhom infushom jekk dak li kienu qed jisimgħu kienx veru jew le. Aktar ma għadda ż-żmien aktar in-nies bdew jifhmu u jikkonvinċu ruħhom illi dak kien biss eżerċizzju ta’ propaganda. Dak li kien qed jagħmel il-Gvern Soċjalista kien jikkontradixxi l-istatements li għamlu huma stess u jien se nieħu biss żewġ eżempji - hemm ħafna eżempji li nista’ nieħu imma se nieħu tnejn biss - dak tal-Maltacom u tal-Malta International Airport.
Wieħed mill-ewwel statements illi għamel l-Onor. Alfred Sant malli ħa l-gvern f'idejh kien li t-Telemalta Corporation u l-Malta International Airport kienu żewġ kumpanniji f'diffikultajiet finanzjarji kbar. Kellna anke rapporti dwar dan - ma ninsewx li dak kien iż-żmien meta l-Gvern Laburista kien jieħu pjaċir iqabbad nies biex jagħmlulu r-rapporti - u naturalment rapporti b'riżultati negattivi, b'affarijiet kompletament irrilevanti u affarijiet illi meta taqrahom taqbad tidħak. Per eżempju, fir-rapport dwar it-Telemalta kien issemma’ li l-korporazzjoni kellha GSM żejjed. Xi skandlu!
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m’hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża għal ħames minuti minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fit-7.48 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Michael Frendo jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Kont qed nitkellem dwar l-iskoperta "skandaluża" ta' GSM żejjed. Dan insemmih biss bħala eżempju ta' waħda mill-banalitajiet li rriżultaw minn dawk ir-rapporti. Kulħadd kien ikun jaf x’se tkun il-konklużjoni ta' kull rapport, minn qabel ma jinkiteb, għaliex il-pattern mill-ewwel ħareġ u faċilment stajna nantiċipaw l-eżitu imma forsi ma kienx daqshekk faċli li naraw minn qabel l-effett ta’ dan kollu. Din l-għajta tal-ħofor spiċċat biex kellha side effects ħafna aktar serji għall-pajjiż minn dawk illi bl-aktar mod ċar kien qed jipprova jilħaq il-Gvern Laburista. Ċertament illi l-istrateġija politika u propagandeska tal-Malta Labour Party, bil-ħafna diskors fuq il-ħofor, ma kenitx biss biex jikkondizzjonaw lill-poplu imma għamluha wkoll biex jikkondizzjonaw lill-unions biex it-talbiet tagħhom ikunu ħafna inqas milli setgħu jkunu meta kien hemm Gvern Nazzjonalista, fejn kien hawn ekonomija attiva immensament u vibranti għall-aħħar, b'investiment għaddej mingħajr ma jaqta' xejn. Lill-poplu l-Gvern Laburista pprova jagħtih l-impressjoni li kienu disa’ snin u nofs fejn ma sar xejn ħlief li nħlew il-flus. Dik kienet assurdita' mostruża u aktar ma bdew jikkalmaw l-imħuħ wara l-elezzjoni aktar in-nies bdew jifhmu li dak li għamel Gvern Nazzjonalista kienu bidliet dejjiema illi lil dan il-pajjiż tawh livell ta’ ħajja kompletament differenti minn dak li kienu jgawdu qabel. Sfortunatament għal pajjiżna - naħseb li anke l-Malta Labour Party irrealizza dan imma forsi tard wisq - il-makkinarju ta’ propaganda qatel il-fiduċja kollha illi kien hawn f'pajjiżna. Ngħid li qatel il-fiduċja kollha għaliex meta inti ddur u titkellem ma' l-operaturi ekonomiċi - huma ta’ liema opinjoni politika huma, humiex operaturi żgħar jew operaturi kbar - dawn ilkoll jitkellmu kif majnat il-fiduċja u kif kollox huwa mwaħħal mingħajr ma jidher illi hemm xi sinjali li l-affarijiet jistgħu jieħdu r-ruħ. Dawn ilkoll jagħmlu riferenza għall-perijodu twil ta’ propaganda li għamel il-Malta Labour Party meta ħa l-gvern f’idejh bid-diskors fuq il-ħofor, ħafna minnhom ineżistenti. Imma d-dannu kien laħaq sar, dannu li fil-fatt dar fuq il-Gvern Laburista bħal boomerang.
Din il-propaganda kkontribwiet ukoll biex quddiem din il-Kamra tersaq din il-liġi li llum għandna quddiemna. Il-Gvern Laburista għandu r-responsabblita’ li għal żmien ikkontribwixxa bl-aktar mod serju biex kompla jikber id-deficit. Din hija xi ħaġa li ċ-ċittadini Maltin illum qegħdin jirrealiżżaw. Eżattament x’qed jagħmel il-Gvern li qiegħed fil-poter? X’għamel f’din is-sena u nofs illi ilu fil-gvern?
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Joe Debono Grech, jekk jogħġbok m’hemmx interruzzjonijiet.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Li għamel dan il-Gvern kien li fil-fatt kompla jkabbar il-ħofor. Din hi xi ħaġa li forsi lill-Onor. Debono Grech ma togħġbux imma hija r-realta’. (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE DEBONO GRECH: X’ma jogħġobnix lili?
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Debono Grech, oqgħod bil-qegħda.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Lill-Onor. Debono Grech jien qatt ma nterrompejtu u ma nippretendihx li għandu jinterrompini. Għandi d-dritt li nitkellem hawnhekk għax lili tellagħni l-poplu daqs kemm tella’ lilu. (Agħjat) L-Onor.Debono Grech irid jiddeċiedi li jekk hu jrid ikun membru għandu jġib ruħu sew meta jitkellmu membri parlamentari oħrajn. (Interruzzjonijiet) Issawwatnix lili int! Issawwatnix lili u ifhimni x’qed ngħidlek.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Debono Grech, ġib ruħek aħjar. Kompli Onor. Frendo, għandek il-protezzjoni tas-Sedja.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Sur President, kont qed ngħid li x-xhur twal ta' propaganda li għamlu issa daru kontra tagħhom. Dik hija r-realta’ tal-ħofor, biex ma nsemmix ukoll it-trawma tal-bidla mill-VAT għas-CET. U din ukoll kellha effetti kbar fuq l-ekonomija għaliex kompliet ittawwal l-inċertezza illi kien hawn fil-pajjiż. Din l-inċertezza għadha magħna u sfortunatament tiżdied tista' bid-diskors dwar il-free-trade area u bil-possibbilta' - jew aħjar probabbilta' - ta' aktar bidliet fir-reġim fiskali. Dawn m’humiex affarijiet li jagħmlu ġid lil pajjiżna. Dawn huma affarijiet illi lil pajjiżna joħolqulu effett ta’ inċertezza kbira u din hija waħda mir-raġunijiet għaliex l-ekonomija taħt dan il-Gvern simply has not taken off. Id-deċiżjonijiet politiċi tal-Gvern iġġammjaw l-ekonomija. Ħafna nies qegħdin jistaqsu x’inhi d-direzzjoni u l-programm politiku ta' dan il-Gvern. Ħafna nies qegħdin jaraw li fil-fatt dan huwa gvern li qed jiġġestixxi l-poter pero’ li m’għandux direzzjoni ċara ta’ fejn irid imur. U dan diġa’ tkellmu fuqu anke sħabi hawnhekk. Hemm bżonn ta' diskors ċar dwar l-Unjoni Ewropea u diskors ċar dwar kif għandna nfittxu li nagħtu direzzjoni lil dan il-pajjiż, għaliex mingħajr direzzjoni ċara n-nies ma jistgħux jinvestu. Jekk ma jkunx hawn direzzjoni ċara l-problema tad-deficit se tibqa’ magħna wkoll. Jekk ma jkunx hawn direzzjoni ċara l-ekonomija tagħna mhux se tikber, u jekk l-ekonomija ma tikbirx il-Gvern se jibqa’ jkollu l-problemi tiegħu ta’ likwidita’. Dawn il-problemi ma tistax issolvihom sempliċement billi żżid it-taxxi. Trid issolvihom billi tkun kreattiv u billi tipprova toħloq ix-xogħol u toħloq attivita’ ekonomika aktar mifruxa. X’qed jagħmel il-Gvern dwar dan?
Waħda mill-affarijiet li qed jagħmel il-Gvern hija l-privatizzazzjoni. Din hija waħda mill-affarijiet li l-Gvern qiegħed jaħdem fuqha u qiegħed jenfasizza ħafna fuqha. Naturalment jiena diġa’ tkellimt f’din il-Kamra fejn għidt li ħafna nies skantaw illi l-Malta Labour Party telaq fuq din il-linja bil-ġirja meta qabel l-elezzjoni l-partit kien kompletament kontra tagħha. Naħseb li hemm ukoll min qed jistaqsi jekk l-affarijiet sarux bil-ġirja wisq u hux qegħdin nagħmlu l-privatizzazzjoni in a panic. Ejja nieħdu l-Maltacom, kumpannija li qiegħda fi stadju li tiġi pprivatizzata. Aħna diġa' ppronunzjajna ruħna f’dan il-Parlament favur din it-tip ta’ privatizzazzjoni. Il-Maltacom, kumpannija li suppost kienet falluta, se tinbiegħ u issa naraw jekk hux veru li kienet falluta. Nisperaw li dan l-eżerċizzju jkun ta' ġid għal pajjiżna, għax aħna rridu biss il-ġid ta’ pajjiżna, inkunux fil-gvern jew fl-oppożizzjoni. Madankollu rridu ngħidu ċerti affarijiet ukoll. Irridu ngħidu, per eżempju, li dan huwa gvern li jiġri biex jagħmel l-affarijiet u jista’ ma jkunx qed jieħu l-aqwa benefiċċju mill-affarijiet minħabba l-panic li għandu, għaliex m’huwiex kapaċi li joħloq il-ġid, għaliex m’huwiex kapaċi jkun kreattiv u jqajjem attivita’ ekonomika. Dan il-Gvern qiegħed ibigħ il-family silver u issa qed ibigħ 40% tal-Maltacom.
Sur President, jekk wieħed iħares lejn kif isiru l-privatizzazzjonijiet ta’ ħafna kumpanniji tat-telekomunikazzjoni - mhux qed ngħid għal kollha, għaliex kull pajjiż għandu l-istil u d-deċiżjonijiet tiegħu x’jagħmel - jiskopri illi min mexa’ bil-għaqal ma biegħx 40% ta' l-ishma ta' kumpannija li tkun kibret ħafna. F'pajjiżi oħrajn, min ikun bil-għaqal ibigħ 10%, 15%, 20% jew forsi 25% ta’ l-ishma ta’ soċjeta’ li tkun il-main carrier, kif inhi l-Maltacom. Min ikun bil-għaqal jieqaf hemmhekk u fit-tieni stadju jerġa jbigħ biċċa oħra minn dak l-istock illi jkun baqagħlu. Ħafna pajjiżi li għamlu hekk irriżultalhom illi fit-tieni stadju l-pajjiż jaqla’ ħafna aktar milli jaqla’ fl-ewwel stadju. Imma dan il-pajjiż, bil-politika tal-Malta Labour Party, huwa pajjiż illi qed ibigħ in a panic. Huwa pajjiż li jrid ibigħ bilfors għaliex mhuwiex kapaċi joħloq ix-xogħol, mhuwiex kapaċi jqajjem l-ekonomija u allura jrid ibigħ dawk l-affarijiet li żviluppaw, ssaħħew u kibru meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern. Jista’ jkun illi l-Gvern se jdaħħal ammont sostanzjali f’miljuni ta' liri - u aħna nisperaw li jkunu ħafna dawk li jinvestu f’kumpanniji bħal dawn - imma kieku wieħed mexa’ b’aktar għaqal seta’ jkollu ħafna aktar. Din il-kritika qed nagħmilha għax qed nitkellmu fuq sitwazzjoni ta’ deficit u allura huwa aktar ħażin illi nbiegħu l-affarijiet in a panic. L-affarijiet iridu jkunu pprivatizzati imma pprivatizzati b’aktar studju, b’aktar sens u b’inqas għaġġla. Din hija xi ħaġa li fir-realta' tkun ta’ telf għall-poplu Malti jekk wieħed ma jdaħħalx daqskemm suppost idaħħal. Investiment f’dan il-pajjiż sar ħafna u hemm bżonn li ċerti setturi jiġu żviluppati aktar, b’mod li ma jkollniex bilfors nitfgħu burden dejjem akbar fuq it-taxpayer, b'mod li nkunu kapaċi noħolqu x-xogħol u noħolqu attivita’ ekonomika bl-ideat u bil-kreattivita’ tagħna. Jiddispjaċini ngħid li bħalissa l-kreattivita’ hija nieqsa għall-aħħar.
Jiena skantajt meta ġie ppreżentat il-proġett tal-Kottonera biex nibnu yacht marina fil-Port il-Kbir. Skantajt għax meta ġie ppreżentat dak ir-rapport ingħatat l-idea li dan kien xi rapport li sar fi żmien dan il-Gvern. Il-verita' hi li dak ir-rapport kien tlesta mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern u kien parti mill-istudji illi kienu saru wkoll in conjunction mal-Planning Authority biex jintgħażel l-aħjar sit għal yacht marina oħra. Jien ma rridx ngħid li l-ideat huma xi monopolju ta’ xi ħadd imma b’umilta’ ngħid li l-kreattivita’ fi żmien Gvern Nazzjonalista kienet ħafna aktar qawwija u kontinwa. F’dan il-pajjiż in-nies kienu jgorru li kienu qed isiru wisq affarijiet malajr. Illum is-sitwazzjoni hi bil-maqlub. Illum il-Gvern għandu l-problema li jrid joqgħod idur fuq il-poplu biex jiġbor il-flus, għaliex il-Gvern m’għandux l-ideat u m’għandux il-kreattivita’ neċessarja biex lil dan il-pajjiż jagħtih postu u jagħtih l-iżvilupp neċessarju ekonomiku. U fejn għandu xi ftit ideat, dawn huma ideat li kienu għadhom ma twettqux mill-Gvern Nazzjonalista. Jagħmel sew illi dawk l-ideat jeħodhom, imexxihom u jkabbarhom, u eżempju ta' dan hija l-idea tal-cruise liners.
Fil-fatt l-idea tal-cruise liners hija idea importanti ħafna illi ssegwi l-idea ta' kif wieħed għandu jiżviluppa l-Port il-Kbir, għaliex il-proġett tal-Kottonera huwa marbut mal-funzjoni tal-Port il-Kbir ukoll. Huwa imporanti ħafna li ma nitilfux iċ-ċans f’dan il-pajjiż illi nagħmlu x-xogħol biex inkabbru l-kummerċ li jiġi mill-cruise liners. Dwar dan issemma’ ħafna minn dan il-Gvern imma fil-verita' din hija idea li ħaduha mill-Gvern ta’ qabel, idea tajba, u tajjeb li wieħed jiżviluppaha. Il-ħażin hu li wara l-elezzjoni, malli ħadu l-gvern f’idejhom, il-Malta Maritime Authority kellhom jattendu konferenza fuq il-cruise liners u naf li dik il-konferenza ma marrux għaliha għax xi ħadd qal li ma ridhomx jonfqu flus fix-xejn. Dan huwa ħażin għax biex jieħu ħsieb id-deficit il-Gvern m'għandux jaħseb b’dan il-mod. Li qed jiġri f’dan il-pajjiż huwa li mhux talli l-ekonomija m’hijiex qed tespandi, talli l-ekonomija qiegħda kontinwament dejjem aktar tirrestrinġi ruħha u l-mentalita’ li biha miexi l-Gvern hija mentalita’ li l-ekonomija jagħmilha aktar ristretta milli hi llum. U dan huwa ta’ periklu enormi f’pajjiż żgħir li m’għandux riżorsi naturali. Pajjiż bħal tagħna jrid ikollu mentalita’ li jespandi kemm jiflaħ l-ekonomija tiegħu biex din tkun waħda vibranti, bħalma kienet meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern. Ma jagħmilx sens li wieħed jieħu atteġġament illi biex jiffranka li jmur konferenza, jirriskja illi jitlef l-opportunita’ li jkabbar il-business tal-cruise liners.
Qed nitkellmu fuq business li fil-Mediterran huwa ntiż li f’dawn is-snin li ġejjin jikber għal madwar xi 6 miljuni, u Malta trid tipparteċipa fih. Din m’hijiex kwestjoni li tieħu parti sempliċement għaliex jinkluduk fir-rotot tagħhom jew inkella ma tieħu xejn jew tieħu ftit. Baqa’ ħafna xi jsir f’dan is-settur biex inkunu nistgħu noħolqu l-ġid u ma niġux aktar f’din is-sitwazzjoni fejn il-Gvern m’huwiex kapaċi li jdaħħal il-fondi neċessarji biex imexxi l-affarijiet tiegħu. Dan settur li ġie managed mill-Gvern Nazzjonalista b’mod li mhux talli kabbarnih talli anke għamilna taxxa ta’ Lm4 fuq kull ras għal kull min jiġi fuq cruise. U minkejja li wara l-elezzjoni ma tantx ingħataw girlandi lil min imexxi u jaħdem fil-Malta Maritime Authority, nistgħu ngħidu li din l-organizzazzjoni għamlet ħafna ġid u sena wara sena sena għaddiet flus lill-Erarju. Fil-fatt din tat anke sa Lm2 miljun mill-qligħ tagħha u kkontribwiet għad-dħul tal-gvern, apparti naturalment mill-kontribut tagħha biex tkompli tkabbar dan is-settur. Dan li għandna quddiemna llum huwa dak li jirriżulta meta jkollok gvern illi jħares lejn il-politika bħala eżerċizzju ta’ propaganda u ma jagħtix kas assolutament ta' l-effett ta' l -istess propaganda fuq il-pajjiż. Kif diġa' għidt, din qed taġixxi bħal boomerang u qed tolqot lill-Gvern stess. Sfortunatament meta tolqot lilu stess din tkun qed tolqot ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Kien hawn ukoll diskors fuq l-Unjoni Ewropea u fuq il-free trade zone. Bla dubju ta’ xejn dan huwa diskors importanti u huwa diskors rilevanti ħafna għal dak li qed niddibattu llum. Huwa diskors li għandu x’jaqsam ma’ kif inħarsu lejn l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna u kif irridu li aħna niffinanzjaw dak l-iżvilupp. Hija xi ħaġa magħrufa minn kulħadd illi l-akbar kontribut li l-Unjoni Ewropea tagħti, partikolarment lil dawk il-pajjiżi membri illi ma jilħqux it-threshold ta’ ġid li l-Unjoni Ewropea tippretendi, huwa għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura. L-aktar nefqiet kbar li għandu bżonn jagħmel pajjiżna huwa proprjament f'dan is-settur. Hemm min jagħmel kalkoli li dawn kienu se jagħtuna xi Lm80 miljun. Jiena ngħid illi huwa diffiċli li tasal għal kalkolu preċiż imma meta tara kif ħadmu f’pajjiżi oħrajn, ma tistax ma tgħidx li Malta se titlef ħafna. Diġa’ qed nitilfu u hemm iċ-ċans li nkomplu nitilfu għal żmien twil. Meta nirriferi għall-infrastruttura nkun qed nirriferi għal kif tipproduċi l-ilma u d-dawl, għal kif tibni t-toroq u kif tibni l-mollijiet, u nkun qed nirriferi għal dawk l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mat-trasport u t-telekomunikazzjoni. Dawn kollha huma affarijiet li huma fil-qalba ta’ l-ekonomija ta’ kull pajjiż imma aktar u aktar fil-bażi ta’ pajjiż żgħir li jrid iżomm l-ekonomija tiegħu miftuħa għall-kompetittivita’ ma’ pajjiżi oħrajn fuq livell internazzjonali. Huwa ferm importanti li pajjiż bħalma hu tagħna jsaħħaħ l-infrastruttura tiegħu kontinwament. Pajjiżna m’għandux riżorsi naturali u allura jrid jikkompeti permezz ta’ infrastruttura mill-aqwa u mhux permezz ta' infrastruttura medjokri. Pajjiżna ma jistax jaffordja li jkollu infrastruttura medjokri għax dik tista’ taffetwah b’mod illi ma tħallihx jikkompeti internazzjonalment; u jekk Malta ma tidħolx fl-Unjoni Ewropea se titlef immensament mill-għajnuna li tingħata. Il-prova ta' dan tinsab anke fl-istorja ta’ kif ġraw l-affarijiet.
Per eżempju, l-Irlanda bniet l-infrastruttura tagħha b’għajnuna kbira mill-Unjoni Ewropea, b’mod illi llum min imur hemm jgħidlek li dak huwa pajjiż li ma tagħrfux minn kif kien qabel. Qed nitkellmu fuq pajjiż li wkoll m’għandux riżorsi naturali kbar. Huwa pajjiż li għadda minn faqar kbir fl-istorja tiegħu, li qiegħed fil-periferija ta’ l-Ewropa u jrid jaħdem biex jiġbed dik l-attivita’ ekonomika li l-qalba ta’ l-Ewropa teħodha for granted. Qed nitkellmu fuq pajjiż li qiegħed fl-Unjoni Ewropea u għandu wkoll setturi ta’ servizzi finanzjarji, pajjiż li jikkompeti direttament magħna, imma pajjiż li għandu din l-għajnuna dieħla u aħna m’għandniex. U l-aktar ħaġa li l-poplu Malti qed jistaqsi llum hija: Għaliex aħna rrinunzjajna għall-vantaġġ li kellna fir-relazzjonijiet tagħna ma’ l-Unjoni Ewropea? Konna fuq quddiem nett biex nidħlu membri u mingħajr ma nnegozjajna t-termini tagħna u mingħajr ma rajna eżattament din x’se tfisser punt punt, qbadna u ffriżajna l-applikazzjoni.

THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Nixtieq niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m’hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża għal ħames minuti.
Is-Seduta ġiet sospiża fit-8.22 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, qabel ma ssospendejna kien hawn talba għal extension u jiena għajjat għal quorum. It-talba għal extension għadha ma ġietx proposta u ssekondata.
THE DEPUTY SPEAKER: Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Frendo jkompli jinstema’.
ONOR. AUSTIN GATT: Nipproponi li jkompli jinstema’.
ONOR ĊENSU GALEA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Frendo jkompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha. Kont qiegħed ngħid li huwa importanti li l-kwestjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u l-kwestjoni tal-free trade area tiġi ttrattata bl-aktar mod serju, anke fid-diskussjoni fuq din il-liġi. Din il-kwestjoni għandha rilevanza diretta għal dak li qed niddiskutu llum. Għaliex dan il-pajjiż għandu jiġi ffaċċat b’liġi ta’ din il-kwalita' mingħajr ma naraw x'alternattivi seta’ jkollu kieku kompla għaddej fit-triq li kien qabad? Dik kienet triq tajba, triq li kienet tagħmel ħafna sens għar-rigward tal-futur ta’ pajjiżna u t-triq li Malta għandha ssegwi. Aħna qatt m’għidna hekk sempliċement b’emozzjoni jew għax irridu nkunu Ewropej aktar mill-Ewropej. Qatt m’għidna hekk sempliċement għaliex dak huwa xi konċett li taqra fuqu fil-kotba imma għidna hekk biss għaliex dejjem emminna li dik hija t-triq fl-aħjar interess ta’ pajjiżna. Sur President, meta jaraw dawn il-problemi ekonomiċI kollha n-nies ġustament jistaqsu: Għaliex Malta ma baqgħetx għaddejja f’din it-triq li setgħet tgħin finanzjarjament lil pajjiżna?
M’hi qed tingħata l-ebda spjegazzjoni għaliex il-Gvern Laburista qed jagħżel il-free trade area. Il-Gvern mhuwiex qed jagħmel l-ispjegazzjonijiet ta’ x’inhuma l-vantaġġi ta’ din il-free trade area. Il-pubbliku u l-membri ta’ dan il-Parlament għandhom dritt jistaqsu x’inhuma l-vantaġġi ta' free trade area ma’ l-Unjoni Ewropea. Għaliex din tkun aħjar milli kieku nkunu sħab? Jew għaliex għandu jkun aħjar illi ma jkollok l-ebda relazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea? U x’sar minnha l-industrial free trade zone li konna nisimgħu biha qabel l-elezzjoni u li issa f’daqqa waħda saret free trade zone? Dawn kollha huma affarijiet li sfortunatament f’dan il-pajjiż għadhom qed joħolqu konfużjoni u inċertezza kbira. Minn mindu l-Malta Labour Party ħa l-gvern f’idejh, inħolqot inċertezza illi bħala pajjiż bl-ebda mod ma nistgħu neħilsu minnha. Dawn huma problemi li l-Gvern għandu r-responsabbilta’ li jindirizza u għandu jindirizzahom jekk irid li jerġa’ jqajjem l-attivita’ ekonomika f’dan il-pajjiż. Meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern, l-Onor. Fenech Adami kien qal li jekk l-għażla ta’ Malta li tidħol fl-Unjoni Ewropea tiġi b’xi mod questioned, se jkollna problemi ekonomiċI kbar. Fil-fatt dik hija r-realta’. Għaliex hija dik ir-realta’?
Irridu nammettu, Sur President, li dik il-parti tas-soċjeta’ tagħna li hija magħmula minn nies ta’ inizjattiva ekonomika, nies ta’ inizjattiva li biha jieħdu r-riskji, nies li jagħtu l-kontribut tagħhom biex Malta timxi ‘l quddiem, iridu jkunu jafu x’inhija d-direzzjoni. Din m’hijiex xi ħaġa kbira imma hija xi ħaġa importantissima u hija xi ħaġa li tolqot b'mod dirett dak li għandna quddiemna llum bħala Parlament. Per eżempju, nafu li pajjiżi illi għażlu li jsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea, bħal Spanja u l-Portugall, attiraw aktar investiment minn barra l-Unjoni Ewropea, bħalma huwa investiment Ġappuniż u investiment minn pajjiżi oħrajn. Barra minn hekk, malli saru membri, il-Portugall u Spanja kellhom influss konsiderevoli ta’ investiment mill-pajjiżi li kienu diġa’ membri ta’ l-Unjoni, jiġifieri kien hemm moviment ta’ investiment ukoll fi ħdan l-Unjoni stess. Dan huwa t-tip ta’ investiment illi huwa importanti għalina. Għal min jistaqsi x’inhi d-differenza bejn li tkun membru u li ma tkunx, essenzjalment id-differenza hija li min forsi ma jafekx daqshekk mill-viċin ikun jaf li inti għandek it-timbru ta’ pajjiż stabbli u pajjiż li jagħmel parti minn suq kbir. Int ikollok timbru ta’ pajjiż li meta tinvesti fih ma tistenniex li r-regolamenti jinbidlu minn ġurnata għall-oħra u pajjiż li jimxi b’mod sinkronizzat mal-bqija ta’ l-ekonomija Ewropea. Fuq kollox ikollok timbru ta’ pajjiż li jifforma parti mill-aktar area ekonomika b’saħħitha illi hawn fid-dinja tal-lum. Huwa importanti ħafna illi wieħed jikkonsidraha din għaliex il-fatt li dan il-Gvern għamel l-għażla illi ma jidħolx qed jitfa’ lil pajjiżna lura.
Ma ngħidx illi kien effett tremend illi l-Gvern għamel l-għażla li Malta ma tidħolx fil-Partnership for Peace. Dan kien wiegħed li jagħmel hekk qabel ma tela’ u kienet deċiżjoni li ħadha appena tela' - forsi wieħed għad irid janalizza għalfejn kien daqshekk fidil ma' kulma qal għar-rigward ta' dik id-deċiżjoni, meta ma kienx daqstant fidil fir-rigward ta' affarijiet oħra li kien qal qabel l-elezzjoni - iżda jekk dik id-deċiżjoni kenitx ġusta jew le tgħallimna l-istorja. Biss jien ngħid li filwaqt li t-tneħħija ta' Malta mill-Partnership for Peace kien sinjal negattiv, ma naħsibx li wieħed irid jorbot magħha konsegwenzi kbar. Imma m’għandix dubju li l-għażla li l-Gvern Malti jiffriża l-applikazzjoni tagħna għal sħubija fl-Unjoni Ewropea kellha konsegwenzi kbar u dik hija parti mill-kontribut li dan il-Gvern ta biex tkompli tikber il-ħofra u biex jiġi quddiem dan il-Parlament u jitlob ukoll illi jkollna diskussjoni fuq liġi bħal din.
Naħseb li issa wieħed irid jgħid ukoll x’inhuma l-vantaġġi ta’ free trade area u kif din tista’ tikkontribwixxi biex il-problemi finanzjarji li qed jiġi ffaċċat bihom pajjiżna jiġu solvuti. M’għandix dubju li waħda mit-telfiet kbar li l-free trade area ġġib magħha huwa t-telf ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku u appoġġ ta’ għajnuna biex isiru joint ventures - dan l-appoġġ u din l-għajuna l-Unjoni Ewropea tagħtihom waqt li tkun qed issir ristrutturazzjoni ta’ l-ekonomija ta’ pajjiż li jkun daħal jew se jidħol membru - u dan barra t-telf ta’ għajnuna diretta li tingħata mill-Unjoni Ewropea meta pajjiż ikun bl-aktar mod ċar fit-triq li jsir membru. Aħna konna wasalna biex nagħmlu l-ewwel pass f'din it-triq pero’ f’daqqa waħda għalaqna l-bieb f’wiċċna. Ejja ma ngħidux li nstabat il-bieb f’wiċċ il-poplu Malti imma ngħidu li sfortunatament il-Gvern Malti għalaq il-bieb f’wiċċu stess. Bil-free trade area bla dubju ta’ xejn mhux se jkun possibbli li jsir dan kollu. Il-free trade area tfisser illi l-Gvern irid bilfors ifittex fondi minn x’imkien ieħor biex ikun jista’ b’xi mod jgħin b’mod sostanzjali lill-industriji - kif inhuwa d-dmir tiegħu - biex jirristrutturaw biex ikunu kapaċi jikkompetu u jagħtu l-kontribut tagħhom lejn l-Istat.
Illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna negozji li qed jitħabtu biex jgħaddu l-kontributi li huma obbligati jgħaddu lill-Istat. Illum għandna ekonomija li qed tirristrinġi ruħha minn ħin għall-ieħor, għandna diffikultajiet ta’ nuqqas ta’ attivita’ ekonomika u fl-istess ħin għandna gvern li qiegħed jagħfas dejjem aktar bit-taxxi. Veru li l-gvern irid jara li jiġbor it-taxxi imma dan qed jagħmlu f’mument diffiċli ħafna għan-negozju u minħabba f'hekk is-sitwazzjoni qed tkompli taggrava ruħha. Min qiegħed fin-negozju qed jiġi magħsur minn kull angolu u qed jiġi magħsur minn kull deċiżjoni u minn kull aġir tal-gvern. Qed jiġi magħsur ukoll mill-fatt li qiegħed jopera f’suq mejjet. Minħabba f’hekk anke r-ristrutturazzjoni se tkun aktar u aktar diffiċli. U rridu naraw dan x’effett se jkollu wkoll fuq il-ħaddiema. Il-fatt huwa li bl-għażla li għamel il-Gvern Laburista pajjiżna rrinunzja għall-għajnuna mill-Unjoni Ewropea u l-Gvern ġie kostrett ibigħ il-family silver in a panic u issa qed jgħid li se jaqbad persentaġġ mid-dħul u jerġa’ jippumpjah lura fl-industrija biex jgħinha fir-ristrutturazzjoni. Din m’hijiex xi ħaġa li aħna qegħdin ngħidu li m’għandhiex il-validita’ tagħha imma hija xi ħaġa li l-Gvern ġab fuqu huwa stess meta għamel l-għażla li ma jidħolx fl-Unjoni Ewropea.
Il-poplu jinsab konfuż u huwa għatxan biex isir jaf x’se jiġri bil-free trade area u xi tfisser din għar-rigward ta’ kif l-ekonomija tagħna tista’ tirkupra, biex ma jkollniex bżonn li niġu f’dan il-Parlament u ngħaddu liġijiet bħal dawn. In-nies qegħdin jistaqsu x’se jkunu l-konsegwenzi ta’ free trade zone u x’se jfisser dan għan-negozji ż-żgħar. Il-pubbliku qed jistaqsi wkoll x’se jfisser li ma jkunx hemm aktar protezzjoni għall-industrija Maltija. Kif se ndawru l-industrija lokali li għandha diffikulta’ biex issir aktar kompetittiva? X’se tfisser il-free trade area, li l-industriji Maltin ikunu aktar kapaċi jsibu swieq oħra? Meta wieħed janalizza din is-sitwazzjoni jara wkoll li ħafna mill-kritika li kien jagħmel il-Malta Labour Party lill-Partit Nazzjonalista għall-għażla tiegħu li jidħol fl-Unjoni Ewropea kienet kritika li fil-fatt issib ruħha fil-mudell tal-free trade area. L-affarijiet li kienu jikkritikawna bihom issa huma għamluhom il-politika tagħhom. Minħabba f'hekk in-nies jinsabu aktar konfużi minn qatt qabel. Il-poplu għamel żmien jistenna biex jara x’se jiġri mid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-poplu għamel żmien jistenna biex jara x’se jiġri mill-VAT u mis-CET. Il-poplu għamel żmien jistenna biex jara kif se taġixxi l-ekonomija u jara jekk dan il-Gvern hux se jsib id-direzzjoni tiegħu biex ikun kapaċi joħloq il-ġid. Il-poplu issa qed jistenna wkoll biex jara x’se jkunu l-effetti tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma illi ħerġin. Qegħdin f’sitwazzjoni fejn ħadd ma hu qed jieħu deċiżjoni issa imma kulħadd qed iħalli għal aktar tard. Din hija ħaġa ta’ detriment kbir għall-pajjiż.
Issa jiena nemmen li l-kompetizzjoni hija xi ħaġa tajba u li għandna ninkoraġġuha. Fiha nfisha l-kompetizzjoni ġġiegħel lil kulħadd ikun aktar produttiv u aktar effiċjenti. Meta jkollok kompetizzjoni serja tista’ wkoll tkabbar is-suq. Din hija żgur waħda mill-aspetti tal-politika li wieħed għandu jinkoraġġixxi, iżda x'qegħdin naraw? Qegħdin naraw l-affarijiet isiru bil-maqlub. Tajjeb li ssaħħaħ ċerti industriji imma rridu nistaqsu lilna nfusna jekk hux qed noħolqu monoliths li flok ikabbru l-kompetizzjoni jnaqqsuha u flok iżidu l-attivita’ ekonomika jċekknuha jew ma jkabbruhiex biżżejjed. Qed nirriferi għal dak li qed jiġri bħalissa fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Per eżempju, il-Maltacom xtrat internet provider meta diġa' kellha minority stake fiha. Issa meta oriġinarjament it-Telemalta kienet ġiet biex tieħu stake żgħira fiha kien qam għagħa kbir minn fost l-internet providers kollha f’pajjiżna u lkoll qalu: X’għarukaża li t-Telemalta se jkollha stake ta’ 20% f’dan l-internet provider! Imma mbagħad? Inbidel il-gvern u ħaġa ta' l-għeġubijiet kulħadd baqa’ sieket. Ħadd mill-internet providers ma għolla mqar leħen żgħir meta l-Maltanet flok żammet imqar 20% tat-Terranet, xtratha kollha. Jiġifieri llum għandna l-main provider li għandu monopolju u li wkoll issa għandu kumpannija ta’ l-internet li hija tiegħu kompletament. Mela dan qed jikkompeti f’settur li m'huwiex monopolizzat waqt li ħaddieħor ma jistax jikkompeti fis-settur tiegħu fejn għandu l-monopolju. Dawn huma affarijiet li żgur ma jkabbrux l-attivita’ ekonomika imma huma affarijiet li lil ċerti nies ipoġġuhom aktar komdi milli kienu qabel u żgur m’għandhomx dak l-inċentiv biex ikomplu jkabbru dan is-settur, għax hija l-kompetizzjoni li ħafna drabi tkabbar l-attivita’ ekonomika. Issa qed nisimgħu wkoll li għandu mnejn li l-Maltacom tixtri l-Vodafone ukoll. B'hekk se noħolqu dan il-monolith u flok se ndaħħlu aktar operaturi f'dan is-settur se nispiċċaw ikollna operatur wieħed biss. Dawn huma mudelli li żgur m’humiex mudelli tas-suq modern. Dawn huma mudelli antiki li b’xi mod qed nerġgħu narawhom jiżviluppaw. Dawn m’humiex il-mudelli li bihom issolvi l-problemi ekonomiċi imma mudelli li joħolqu sitwazzjoni fejn ikun hemm min jiddomina b'mod assolut f’settur partikolari.
Sur President, f’dan id-diskors diġa' rriferejt għall-problema tal-kreattivita’, ħaġa li dan il-Gvern ftit jaf x'inhi. Dan huwa gvern illi tela’ għaliex kien kapaċi jkisser l-ideat, ikisser il-perception u jkisser kulma sab quddiemu, iżda meta ħa r-responsabbilta’ vera u proprja fuq spallejh imbagħad rajna storja oħra. Biex tkisser u tirkeb fuq dahar ħaddieħor u tieħu l-poter hija storja imma biex tmexxi l-pajjiż hija storja oħra. Illum il-poplu Malti qiegħed jgħix l-istorja l-oħra u l-istorja l-oħra hija spoof ta’ kif kienet l-istorja meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern. Dak kien il-film veru u issa għandna parodija. Illum għandna gvern going through the motions, taparsi huwa in control ta’ l-affarijiet u fil-fatt huwa gvern li ma ħoloq xejn, li ma kabbarx l-ekonomija u li ma ġabx investiment. Huwa gvern li ma tax direzzjoni lill-pajjiż. Huwa gvern li rnexxielu jwaqqaf ir-ritmu ta’ żvilupp ekonomiku li kien hawn u ngħid li rnexxielu jwaqqfu bl-aktar mod irresponsabbli. Kien ċar li min kien qed jinvesti meta nbidel il-gvern kien lest li jkompli jinvesti f’dan il-pajjiż u għal ċertu żmien kien ċar illi l-investituri kienu se jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom. Wara kollox m’għandux jieqaf ir-ritmu ekonomiku għaliex jinbidel il-gvern, jinbidlu l-persuni, jinbidlu l-ideat, jinbidlu l-policies, anzi l-kuntrarju għax bidla fil-gvern għandha tagħti aktar saħħa u aktar attivita’ ekonomika lill-pajjiż. Hekk ġara per eżempju fl-1987. Meta fl-1987 tela’ l-Partit Nazzjonalista fil-gvern ġara eżattament kif qed ngħid jien. L-ekonomija bdiet tiżviluppa, l-attivitajiet bdew jikbru, kien hawn vibrancy enormi fl-ekonomija tagħna, kien hawn investiment, fiduċja u kulħadd kien qed jaħdem biex jagħmel futur aħjar għalih u għal uliedu. Fl-1996 ġara l-kuntrarju u ma kellux għalfejn isir dan. Parti minnu dan ġara minħabba d-diskorsi ma jaqtgħu xejn fuq il-ħofor, diskors insensat illi minnu nnifsu ġab ħafna ħofor u ġab nuqqas ta’ fiduċja.
Ġara wkoll li tela' gvern li biddel id-direzzjoni ta’ Malta vis-a-vis l-Unjoni Ewropea. Dak li konna qegħdin naħdmu għalih meta konna fuq il-bankijiet tal-gvern, li pajjiżna jieħu postu madwar il-mejda mal-pajjiżi l-oħra Ewropej fuq livell ugwali, bid-drittijiet kollha li tagħtina sħubija fl-Unjoni Ewropea, u b’mod li l-poplu tagħna jiġi rikonoxxut bħala poplu sovran u poplu illi kapaċi jagħti kontribut għall-Iżvilupp mhux biss ta’ pajjiżu imma għall-iżvilupp ta’ l-Ewropea wkoll, dan kollu tar mar-riħ u minflok smajna fuq il-ħofor u smajna li se nitilqu mill-Unjoni Ewropea. Anzi l-Prim Ministru issa qalilna li allaħares qatt li xi darba Malta tkun membru ta’ l-Unjoni. Jien ma nafx x'irid igħid biha din għax kulma rajna s'issa kien gvern li ma jafx eżattament x’irid. Sal-lum ma nafux x’inhija l-free trade area għax mhux qed jagħtuna d-dettalji eżatti. Aħna rridu nkunu nafu aktar dettalji ta’ fiex eżattament tikkonsisti din il-free trade area u x’inhuma l-vantaġġi u għalfejn il-Gvern għażel free trade area u ma kompliex fit-triq għal sħubija. Il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant irid jerfa' r-responsabbilta’ ta' dan kollu u jrid jispjega dan ukoll. Dawn huma kollha affarijiet illi għamlu deni kbir, ġabu ħafna sfiduċja fil-pajjiż, b’mod illi s-soluzzjonijiet li hemm bżonn m’humiex sempliċement li nkomplu niġbru l-flus bil-mod kif qed niġbruhom jew billi ngħaddu liġijiet bħal dawn, imma li nsibu gvern li jkun kreattiv u li jkun kapaċi joħloq il-ġid. Grazzi.
Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin