Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə13/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   ...   10   11   12   13   14   15   16   17   18

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, niproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 25 ta' Mejju, 1998 fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Mozzjonijiet
L-Ewwel Qari ta’ Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Prodotti Lokali.
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi dwar Self Lokali – it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 4) - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi dwar Taxxa Speċjali fuq Banek Kummerċjali - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 3) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ħabs - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda diversi ligijiet dwar Servizzi fl-Ajruport - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi kontra l-Korruzzjoni - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ ta' l-Assigurazzjoni - Kumitat (Kont.);

Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea - Kontinwazzjoni; u


xi aġenda oħra li tista’ tiġi komunikata aktar tard.
---------------------------------
Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar it-Telekomunikazzjoni - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi dwar is-Sigurta' fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Noel Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Madam Speaker, matul dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm diversi allegazzjonijiet dwar il-miżuri li d-dipartiment ta' l-agrikoltura kien qed jieħu sabiex jitneħħew is-siġar tal-każwarina f'Misraħ l-Isptar, Ħaż-Żebbuġ, ħalli minflokhom jitħawlu siġar oħra. Intqal li dawn il-miżuri li ttieħdu ma kenux skond dak li riedet l-Awtorita` ta' l-Ippjanar u li ma kien hemm l-ebda talba min-naħa tad-dipartiment ta' l-agrikoltura lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Bil-permess tiegħek, Madam Speaker, xtaqt inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-talba li għamel id-dipartiment ta' l-agrikoltura u r-risposta pożittiva ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex ix-xogħol ikun jista' jsir.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ ittra mibgħuta fis-17 ta’ Marzu 1997 mill-Ministeru tal-Biedja u Sajd liċ-chairman ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar dwar tneħħija ta’ siġar minn Misraħ l-Isptar, Ħaż-Żebbuġ; u
Kopja ta’ ittra mibgħuta mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar lid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura fit-8 ta’ Mejju 1998 dwar tneħħija ta’ siġar minn Misraħ l-Isptar, Ħaż-Żebbuġ.
Tajjeb ngħid ukoll li dawn ix-xogħlijiet saru sabiex ikunu akkomodati l-ħteġijiet tar-residenti u allura niskanta kif sieħbi l-Onor. Michael Bonnici għamel plejtu sħiħ - forsi minħabba xi pika ta' natura personali - meta kien hu stess li fi snin mhux 'il bogħod kien aċċetta li jingħaqad mar-residenti ta' Triq il-Kbira f'Ħaż-Żebbuġ, li kienu talbu biex jitneħħew is-siġar li kienu qed joħolqu ħafna inkonvenjent u anke kienu qed jagħmlu l-ħsara. L-Onor. Membru tan-naħa l-oħra ma kellux għalfejn idaħħal piki bla bżonn fost ir-residenti tal-lokalita` li jikkontesta fiha hu u joħloq ċerti diffikultajiet lill-ħaddiema tad-dipartiment ta' l-agrikoltura waqt il-qadi ta' dmirijiethom. GĦaldaqstant bl-akbar lealta` nistiednu sabiex ikun responsabbli biżżejjed u jirtira l-allegazzjoni li għamel li aħna ħadna xi miżuri li kienu kontra dak li riedet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jew inkella li ħadna xi miżuri li kienu kontra dak li riedu r-residenti nfushom.
Madam Speaker, tajjeb li wieħed jgħid li mhux talli d-dipartiment ta' l-agrikoltura m'huwiex il-bojja tas-siġar f'pajjiżna talli taħt l-amminstrazzjoni Laburista matul dawn l-aħħar xhur saru numru ta' xogħlijiet. Per eżempju, waqqafna l-urban and rural landscaping unit sabiex ikollna direzzjoni sostenibbli fi ħdan id-dipartiment ta' l-agrikoltura u l-ħaddiema tagħna jifhmu l-isfidi tal-futur, jiġifieri li mhux biss nitkellmu fuq afforestazzjoni imma rridu nitkellmu b'mod nazzjonali dwar kif se nsebbħu t-toroq tagħna fl-ibliet, fl-irħula f'żoni urbani u rurali. F'dan il-qafas mal-ewwel ħadna l-miżuri meħtieġa ħalli filwaqt li għaddejjin b'dawn l-iżviluppi min-naħa tad-dipartiment ta' l-agrikoltura, fl-istess ħin l-ambjent intejbuh dejjem aktar ħalli pajjiżna jkun jista' jiġbed dak l-investiment sostennibbli li tant għandna bżonn.

Per eżempju, din l-amminstrazzjoni qed taħdem sabiex tkompli żżid in-numru ta' turisti li jiġu f'pajjiżna u għalhekk bilfors irridu nagħmlu ċerti xogħlijiet fil-landscaping urban u rurali. Pajjiżna diġa` ra bidla f'dan l-aspett għax rajna żbir ta' numru ta' siġar li għal għexieren ta' snin qatt ma kienu nżabru u mhux talli tħawlu siġar ġodda talli qed jittieħdu inizjattivi ġodda biex l-istudenti wkoll jifhmu l-importanza tas-siġar. Għal dan il-għan fil-farm sperimentali bdejna proġetti bħalma huwa hands-on farming, fejn it-tfal li jattendu qed iħawlu numru ta' siġar ta' l-għargħar, li hija s-siġra nazzjonali Maltija, ħalli fil-ġejjieni qarib mhux biss insebbħu l-landscape imma nkunu qed inġibu 'l quddiem is-siġar tipikament Maltin.


Madam Speaker, tajjeb li wieħed jirriferi wkoll għall-bidliet li qed isiru fil-mixtla tal-gvern f'Wied Inċita fejn il-ħaddiema b'tant għaqal u b'tant kapaċita` qegħdin jagħtu servizz professjonali sabiex tiżdied il-produzzjoni tas-siġar u l-arbuxelli ħalli jsostnu l-pjanijiet ta' l-urban and rural landscaping unit li, kif qed ngħid, kollha huma intenzjonati biex f'pajjiżna jkun hawn iktar ħdura u ambjent sabiħ, kemm għall-pubbliku in ġenerali Malti u Għawdxi kif ukoll għat-turisti li jiġu jżuruna. Illum f'Wied Inċita mhux biss hemm is-sehem tal-gvern u tal-kunsilli lokali imma bi pjaċir ngħid li matul dawn l-aħħar xhur intlaħqu arranġamenti ma' l-APS Bank sabiex f'Wied Inċita jkollna serra li fiha nkabbru siġar standard ħalli fil-ġejjieni qarib inkunu nistgħu nagħtu numru ta' siġar imlaħħqa lill-kunsilli lokali bil-għan li 'l quddiem jiżviluppa l-council green belt. Matul din is-sena bejn dwieli u siġar tal-frott tħawlu 'l fuq minn 50,000 siġra li huma bżonjużi mhux biss biex nagħtu dehra isbaħ lil pajjiżna imma wkoll biex ikollna produzzjoni akbar ta' frott. Irrid ngħid ukoll li permezz tal-kordinazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-urban and rural landcaping unit tad-dipartiment ta' l-agrikoltura, illum qed titwassal fid-djar informazzjoni utli biex il-landscaping ikun sostnut kemm fil-front gardens u kemm fil-back gardens ta' djar privati. B'dan il-mod inkunu qed nagħtu servizz biex ikunu mħarsa iktar il-pjanti f'kull livell u nkunu qed nagħtu kontribut sabiex dejjem jonqos il-mard u tiżdied il-koltivazzjoni tas-siġar.
Matul dawn l-aħħar xhur bdejna l-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa, fejn il-Gvern mhux biss ħoloq teknika ġdida dwar kif jistgħu jiġu riabilitati l-widien imma wera kif tista' tiġi rrispettata l-flora u l-fawna biex ma tkomplix issir qerda tal-pjanti endemiċi Maltin, li huma parti mill-patrimoju ta' pajjiżna u jsebbħu ħafna l-kampanja. Dawn l-inizjattivi kollha li bdew iseħħu matul dawn l-aħħar xhur jikkonfermaw kemm hija inġusta u irresponsabbli l-kritika ta' l-Onor. Michael Bonnici meta qal li d-dipartiment - u ma nafx jekk kienx qed jirriferi għalija wkoll - huwa bojja tas-siġar. Għalkemm f'dan il-Parlament ikollna d-differenzi ta' bejnietna, huwa importanti li qatt ma naslu biex inwarrbu l-interess nazzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, Madam Speaker, il-kollega tiegħi l-Onor. Bonnici b'sentimenti irresponsabbli jew forsi b'nuqqas ta' ħsieb ħoloq umiljazzjoni bla bżonn għall-ħaddiema tad-dipartiment ta' l-agrikoltura, li tant jagħtu kontribut fil-qasam tas-siġar u l-pjanti.
Madam Speaker, matul dawn l-aħħar ġimgħat kellna numru ta' diskussjonijiet oħra sabiex inġibu 'l quddiem diversi inizjattivi konnessi mas-settur tal-biedja u s-sajd. Wara ħafna sforzi rnexxielna nagħmlu arranġamenti li ssodisfaw lis-sajjieda u l-koperattivi tagħhom, kif ukoll lill-kumpannija Ġappuniża li ntrabtet li tixtri t-tonn tas-sajjieda Maltin. Ovvjament dan huwa kuntratt privat imma aħna tlabna biex nintervjenu ħalli jaslu għal soluzzjoni, u jien minn qalbi nixtieq nifraħ lis-sajjieda għall-kontribut tagħhom u nawguralhom li jkollhom staġun ta' suċċess bħalma kellhom fis-sena li għaddiet. Minkejja l-affarijiet li l-Oppożizzjoni tipprova dejjem tinsinwa, għal darba oħra s-sajjieda tagħna reġgħu akkwistaw prezzijiet record għat-tonn li jaqbdu. Illum is-sajjieda għandhom prezz ta' Lm2.10-il kilo għal grad A, Lm2.00-il kilo għal grad B u Lm1.70-il kilo għal grad Ċ, u min hu fil-mestier jaf li dawn huma prezzijiet tajbin għas-sajjieda. F'pajjiżna minn dejjem kien hemm l-idea li għandna nagħrfu l-importanza ta' l-industrija tat-tonn u nieħu gost li l-kumpannija Ġappuniża li diġa` għamlet ftehim mal-koperattivi tas-sajd hija interessata sabiex fil-ġejjieni qarib tkompli tinnegozja magħhom kif ukoll ma' bank privat li qed juri l-interess li jinvesti f'din l-industrija. Jien nawgura li jkomplu jikkordinaw ħidmiethom ħalli l-industrija tat-tonn tkompli tikber.
Madam Speaker, meta l-Partit Laburista kien fl-oppożizzjoni kien jgħid li huwa żball li ma jitteħdux inizjattivi sabiex jgħinu lis-sajjieda jinvestu fl-akwakultura. Aħna qed nappoġġaw kontinwament lill-koperattivi tas-sajjieda u lis-settur privat fil-proġett biex jitkabbar it-tonn fil-pennings, jiġifieri jinqabad fl-ixbiek meta jkun żgħir u mbagħad jibqa' jgħix fl-istess xibka sakemm jikber u tasal il-ġurnata tas-suq li l-kumpannija partikolari tkun tista' tinnegozjah. Aħna nemmnu li dawn l-inizjattivi se jkomplu jiġu diskussi bejn il-koperattivi u l-kumpannija Ġappuniża li għadha kemm għamlet l-arranġamenti tagħha għall-esportazzjoni tat-tonn ta' din is-sena.
Matul dawn l-aħħar xhur saru negozjati ma' Aquaculture Vaccines Ltd ta' l-Ingilterra sabiex issir ir-riċerka tal-pasteurellosis - li hija bacteria li tinsab fl-industrija tal-fish farming Mediterranja - fiċ-ċentru nazzjonali ta' l-akwakultura ta' Malta biex inżommu l-kuntatti mas-suq Brittaniku. Jien nawgura lill-ħaddiema, lit-tekniċi u lill-konsulenti taċ-ċentru flimkien mal-kumpannija Aquaculture Vaccines Ltd li jkollhom suċċess għaliex, għalkemm Malta m'għandhiex din il-problema fl-industrija tal-fish farming tagħha, bla dubju din ir-riċerka tista' twassal sabiex fi ftit xhur oħra tinstab il-kura u jinħoloq il-vaċċin biex ma jkunx hemm iktar imwiet ta' ħut kawża ta' din il-pasteurellosis. Jien nifhem li impenn bħal dan se jkompli jżid il-kredibilita` li diġa` kellu u għad għandu ċ-ċentru nazzjonali ta' l-akwakultura u se jkompli jservi biex aktar żgħażagħ mir-reġjun tal-Mediterran, partikolament minn pajjiżi Għarab u Afrikani, ikomplu l-istudji tagħhom hawnhekk.
Jien informat li bis-saħħa tal-protokoll li kien ġie ffirmat bejn Malta u l-Libja għar-rigward ta' attivita` fis-setturi tal-biedja u sajd, matul din is-sena mistennija li jkun hemm numru ta' studenti Libjani jitħarrġu fl-esperimentazzjoni u fit-teknika ta' l-industrija tal-fish farming, u anke se jkun hemm numru ta' Maltin li se jmorru hemmhekk u jsewwu opri tal-baħar tas-sajjieda Libjani. Iktar ma jinħolqu rabtiet bħal dawn iktar jitjiebu r-relazzjonijiiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-poplu Libjan u l-poplu Malti. Aħna konvinti li permezz tat-tarznari tagħna nistgħu noffru mhux biss is-servizzi ta' tiswija ta' vapuri imma anke servizzi ta' manutenzjoni ta' opri tal-baħar lil pajjiżi ġirien tagħna bħal-Libja. Din it-tip ta' attivita` mhux biss toħloq attivita` ekonomika imma tkun qed tħares is-saħħa kemm tas-sajjieda Maltin kif ukoll Libjani f'dan il-każ, għax bla dubju l-manutenzjoni ta' l-opri tal-baħar hija parti mill-mestier. Wieħed irid dejjem jirrispetta l-fatt li dawn ikunu bejn sema u ilma biex jaqilgħu l-ħobża tagħhom u biex jitimgħu l-ġnus tagħhom u għaldaqstant bħalma wieħed għandu jagħti s-sussidju biex jinxtraw opri ġodda daqstant ieħor wieħed għandu jara li l-manutenzjoni ssir bl-iktar mod korrett ħalli jiġu evitati traġedji.
Madam Speaker, aħna nawguraw ukoll li fix-xhur li ġejjien ikollna aktar diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet tal-biedja u s-sajd Libjani, inkluż il-ministri konċernati, ħalli nsostnu l-ħtiġijiet tal-bdiewa tagħna. Fil-fatt matul dawn l-aħħar 16-il xahar il-poplu Libjan bagħat lil pajjiżna 'l fuq minn 10,000 siġra tal-frott u taż-żebbuġ sabiex dawn jinbidlu ma' oħrajn li kienu qodma jew mietu. Għal numru ta' snin l-attivita` f'dan ir-rigward kienet limitata ħafna bejn il-poplu tagħna u l-poplu Libjan u aħna nifhmu li b'dan il-protokoll ir-relazzjonijiet se jespandu b'mod li jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi. Madam Speaker, fil-ftit ħin li baqagħli se nitkellem dwar il-miżuri l-oħra li se jittieħdu mid-dipartiment ta' l-agrikoltura sabiex fil-ġejjieni qarib jibda jiffunzjona l-uffiċċju ċentrali ta' l-extension services.
Ovvjament fil-pitkalija ċentrali f'Ta' Qali jidħol l-ikbar numru ta' bdiewa għaliex it-Tnejn u l-Ħamis jieħdu l-prodotti tagħhom hemmhekk. Qabel il-bdiewa kien ikollhom imorru fl-uffiċċju ċentrali tagħhom jew fil-farm sperimentali fl-Għammieri biex jieħdu xi pariri tekniċi. Dan kien inkonvenjent li ovvjament il-bdiewa kienu ilhom jilmentaw dwaru għal numru ta' snin. Fis-snin imgħoddija l-kelliema ta' l-Oppożizzjoni bħall-Onor. Joe Debono Grech u s-sur Freddie Micallef, kienu jitkellmu dwar l-importanza li noħolqu mekkaniżmu biex dan is-servizz jintlaħaq iktar mill-bidwi. Matul dawn ix-xhur kien hemm diskussjoni bejn id-direttur u l-uffiċjali sabiex naraw kif noffru dan is-servizz b'mod effiċjenti.
Madam Speaker, irrid nieħu l-okkażjoni hawnhekk biex nirringrazzja lil Dr Emil Moukarzel li għalkemm m'huwiex ta' ċittadinanza Maltija - huwa Lebaniż - ħadem bi sħiħ sabiex mill-kapaċitajiet tiegħu jfiehem lili, kif ukoll lill-ħaddiema tad-dipartiment, it-tibdiliet li hemm bżonn iseħħu sabiex il-bdiewa jibdew jingħataw aktar pariri tekniċi u professjonali dwar problemi li jiffaċċjaw. Bl-assistenza ta' Dr Moukarzel stabbilejna li hemm bżonn li d-dipartiment ta' l-agrikoltura jaġġorna ħafna iktar id-data tiegħu dwar is-settur tal-biedja. Huwa importanti li llum il-bdiewa li għandhom raba' saqwi, raba' bagħli jew raba' moxa jinformaw lid-dipartiment ta' l-agrikoltura x'tip ta' investiment għamlu jew għandhom bżonn jagħmlu għall-futur. Huwa importanti wkoll li jgħarrfu lid-dipartiment ta' l-agrikoltura x'inhuma l-problemi tagħhom u x'tip ta' produzzjoni ħadu s'issa mill-uċuh tar-raba'.
L-extension services se jkunu ta' kontribut biex il-produzzjoni tagħna tkompli tiżdied, tkun ta' kwalita` għolja. Se jkun hemm iktar ħidma mill-uffiċjali tad-dipartiment sabiex il-bexx u l-użu tal-kimika fuq l-uċuh tar-raba' jkompli jinqata'. B'dan is-servizz il-bdiewa tagħna se jkunu aktar aġġornati ma' l-iżviluppi tal-lum għax, minkejja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tant kienet titkellem dwarhom biex tipprova timpressjona kemmi kienet qed tagħti direzzjoni lis-settur tal-biedja biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, instab li kienu tħallew barra numru ta' inizjattivi li setgħu jaġġornaw lill-bdiewa tagħna fil-management ta' l-uċuh tar-raba' tagħhom.

Nieħdu gost ngħidu li llum għandna studenti li qed jagħmlu survey agri-ekoloġiku biex jistudjaw il-karatteristiċi tal-ħamrija u l-livelli ta' l-ilma. B'dan il-mod il-bidwi jkun jaf il-karatteristiċi ta' l-uċuh tiegħu u x'inhuma l-livelli ta' l-umdita` u allura jkun jista' jikkordina t-tkabbir ta' l-uċuh biex irendulu iktar u jevita li jonfoq ħafna spejjeż żejda li sal-lum jolqtu ħażin lill-bdiewa tagħna. Jien nawgura li dawn l-eżerċizzji jsolvu ħafna mill-problemi li l-bdiewa dejjem jiffaċċjaw. Grazzi.


MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 25 ta' Mejju, 1998, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru Mizzi.
Fin-12.30 a.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   10   11   12   13   14   15   16   17   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin