MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
VALLETTA/FURJANA - RESTAWR TA' SWAR
12796. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11457 li saret lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni u ċioe' peress illi x-xogħol involut fuq is-swar kien jinvolvi tibdil ta' ammont sostanzjali ta' ġebel, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li skond ir-regolamenti tal-Planning Authority ma kienx meħtieġ permess minn għandha?
ONOR. GEORGE VELLA: L-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet ġiet informata, permezz ta' ittra mil-Building and Maintenance Unit, illi se jsir xogħol ta' restawrar. Dan fil-fatt sar u x-xogħlijiet saru tajjeb.
Kieku kien hemm bżonn permessi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet tgħid hekk u tieħu l-passi neċessarji biex l-affarijiet ikunu konformi mal-liġi.
TURIŻMU - TURISTI LI JŻURU MALTA
12957. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' turisti li żaru Malta fix-xahar ta' Jannar, 1998 suq b'suq?
ONOR. KARMENU VELLA: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.
ATT DWAR L-IPPJANAR TA' L-IŻVILUPP
14128. L-ONOR. LAWRENCE GONZI staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Rigward l-emenda li saret f'Awissu, 1997 għall-klawsola 36 ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hu l-uffiċjal jew organu li jiddeċiedi jekk applikazzjoni tikkonformax mal-policies approvati fis-sens li ċerti klawsoli tal-Pjan ta' Struttura (bħal Policy BEN 1) jistgħu jiġu interpretati li teknikament kwalsiasi applikazzjoni ma tikkonformax ma' xi approved policy?
ONOR. GEORGE VELLA: Fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbilta' dwar jekk applikazzjoni tikkonformax mal-policies jew le hija ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Definittivament fejn l-indikazzjonijiet, permezz ta' rakkomandazzjoni fid-Development Permit Application Report, diġa' ikunu ndikaw li applikazzjoni ma tikkonformax mal-policies ta' Pjan ta' Struttura, il-pożizzjoni tkun skond dik ir-rakkomandazzjoni.
WSC - QARI TAL-METER
14179. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ilha 20 sena ma jinqralha l-meter ta' l-ilma u d-dawl, anzi kull meta l-meter reader jipprova jagħmel dan ix-xogħol, ma fetħulux il-bieb, jew b'xi mod jew ieħor qatt ma tħalla jidħol biex jinqara?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma nvestigat il-każ u rriżulta li mill-1990 'l hawn il-qari ta' l-arloġġi ta' l-ilma u dawl dejjem ittieħdu u konsegwentement il-kontijiet inħarġu fuq qari attwali. Għaldaqstant, l-informazzjoni ta' dan ir-rapport hija nkoretta
ŻURRIEQ - ĠIBJUN TRIQ BUBAQRA
14216. L-ONOR. HELEN D'AMATO staqsiet lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: B'riferenza għal talba li kien għamel il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex zona magħrufa bħala Il-Ġibjun, Triq Bubaqra, Żurrieq tkun mibdula bħala public open space f'zona residenzjali fejn m'hemmx żvog ieħor għar-residenti, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex: a) il-Lands fl-20 ta' Novembru, 1995 kien qal li ma jsibx oġġezzjoni li din l-area tkun imsebbħa sakemm ma jintmessux is-siġar u l-ġibjun li hemm f'din l-area (Dok A); b) issa inbidel kompletament il-ħsieb oriġinali u se jitqaċċtu s-siġar biex jagħmlu spazju għal terraced houses skond ittra mibgħuta lill-Kunsill Lokali Żurrieq fil-21 ta' Jannar, 1997 mill-Planning Authority (Dok.B)?
Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li f'zona residenzjali fejn m'hemmx public open space, u fejn l-area indikata mhijiex ta' daqs kbir din għandha tkun żviluppata bħala public open space għal benefiċċju tar-residenti?
Dokumenti A, B u mappa qed jintbagħtu separatament.
ONOR. GEORGE VELLA: Filwaqt li napprezza x-xewqa ta' l-Onor. Interpellant biex ikun hemm aktar spazju ta' ftuħ f'din iż-zona, din l-art kienet ilha ndikata għal żvilupp sa mill-1988. Ir-rifjut li nħareġ fil-21 ta' Jannar 1997 kien jindika r-raġuni għaliex l-iżvilupp propost ma setax jingħata u cioe' illi reviżjoni ta' l-iskemi ta' żvilupp b'dan il-mod setgħu isiru biss permezz ta' pjan lokali.
L-ittra tad-dipartiment ta' l-artijiet ma daħlet fl-ebda konsiderazzjoni ta' l-iskemi ta' żvilupp in vigore, iżda li bħala dipartiment ma kienx isib oġġezzjoni.
PA - PERMESSI
14220. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Wara li dan l-aħħar ingħataw permessi għal żvilupp barra mill-iskemi tal-bini, jiġifieri il-permess għat-training centre f'Tas-Swatar, Ħad-Dingli u l-bini ta' garaxxijiet f'Ħal Għaxaq, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux xi ħsieb li jagħti xi direttiva lill-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar kif għandha taġixxi fil-każ ta' applikazzjonijiet simili?
ONOR. GEORGE VELLA: L-indipendenza fid-deċiżjonijiet dwar għoti ta' permessi ta' żvilupp mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar hija rispettata u l-istess Awtorita' hija obbligata li tikkonforma mal-liġi.
OPM - SURVEYS
14268. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il survey ta' l-opinjoni pubblika jew surveys oħra ġew ikkummissjonati mid-dikasteru tiegħu bejn l-1992 u l-1996?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li bejn l-1992 u l-1996 saru dawn in-numru ta' surveys ta' l-opinjoni:
Ufficcju tal-Prim Ministru 14
Awtorita tax-Xandir 5
Public Broadcasting Services Ltd 4
MITTS 9
Korporazzjoni Telemalta 1
P.A. - BINI TA' GARAXXIJIET
14278. L-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Wara l-wegħda li għamel il-Viċi Prim Ministru fil-Parlament fis-seduta tas-27 ta' April, 1998, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra lil min ħatar biex imexxi l-inkjesta rigward l-għoti ta' permess fuq green area għall-bini ta' garaxxijiet mill-Garden of Eden, x'terminu ta biex din l-inkjesta tkun konkluża u huwiex beħsiebu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-istess inkjesta?
ONOR. GEORGE VELLA: Qiegħed nipprova naħtar Imħallef biex imexxi l-inkjesta li wegħedt dwar il-każ tal-garaxxijiet tal-Garden of Eden f'Ħal-Għaxaq.
Avviċinajt Imħallef irtirat, u meta kelli niddiskuti miegħu t-terms of reference qalli li xtaq ma jieħux l-inkarigu għal raġunijiet personali mhux relatati mal-każ.
Flimkien miegħu għarbilna lil min nista' nitlob jagħmilli din l-inkjesta.
L-Imħallef indikat huwa wieħed sedenti, u peress li kellu jsiefer għandi premessa li jagħtini risposta jieħux l-inkarigu jew le nhar l-Erbgħa, 13 ta' Mejju 1998, meta jirritorna Malta.
P.A. - KAŻ 1855
14311. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm il-Planning Authority milli jimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet ta' l-Ombudsman dwar il-każ 1855 fil-konfront ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fejn ir-rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman fil-konfront ta' l-inġustizzja li sofra dan il-ħaddiem hija ċara u manifesta?
ONOR. GEORGE VELLA: Il-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar iddeċieda sabiex ma jimplimentax id-deċiżjoni meħudha mill-Ombudsman.
WSC - XOGĦOL TA' REKLAMAR
14521. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-WSC għandhiex xi ditta/kumpannija li tagħmel xogħol ta' reklamar għall-istess WSC u jekk fl-affermattiv: 1) min hi din il-kumpannija; 2) meta ġie awarded il-kuntratt; 3) x'inhu l-valur annwali ta' dan il-kuntratt; 4) min huma d-diretturi ta' din il-kumpannija; 5) jekk din il-kumpannija ġietx magħżula wara sejħa pubblika u, jekk fl-affermattiv, min kienu d-ditti l-oħra li pparteċipaw kif ukoll il-valur ta' kull offerta?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Għal dan is-servizz kienet ħarġet sejħa pubblika li għalqet fl-20 ta' Marzu 1997. Ikkonkorrew għal din is-sejħa 17-il kumpannija.
Il-kumpannija Visual Trends intgħażlet fuq kuntratt ta' sena b'effett mis-17 ta' Ġunju 1997, għas-somma ta' Lm10,000. Dan il-kuntratt huwa suġġett li jiġġedded wara sena.
Dwar min huma d-diretturi, dawn jistgħu jinbiddlu. Għaldaqstant din l-informazzjoni tinkiseb mill-uffiċċju tar-Reġistratur tal-kumpanniji.
14534. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9118, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx ġie kkummissjonat l-EIA fuq il-proġett ta' submerged breakwater f'Marsalforn u jekk fl-affermattiv, x'kien l-eżitu tar-rapport?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Għadu ma ġiex ikkummissjonat l-EIA fuq il-proġett ta' submerged breakwater f'Marsalforn.
GĦAWDEX - PERIT INKARIGAT MIX-XOGĦLIJIET TAL-GVERN
14535. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8797 minn fejn jirriżulta li l-Perit residenti f'Għawdex inkarigat mix-Xogħlijiet Pubbliċi ilu li rriżenja mis-servizz minn Lulju tas-sena l-oħra, jista' l-Ministru jgħid jekk humiex ħerġin applikazzjonijiet għall-mili tal-post vakat biex il-Gvern ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu is-servizz ta' Perit residenti f'Għawdex kif kien hemm minn dejjem?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Huwa maħsub li 'l-quddiem joħorġu applikazzjonijiet għall-mili ta' post ta' Perit f'Għawdex.
ŻEJTUN - TRIQ IL-LABOUR
14551. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġitx tender sabiex isir xogħol neċessarju konness mas-sistema ta' drenaġġ fi Triq il-Labour, Żejtun? Jekk iva, ġie magħżul xi ħadd sabiex jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa? Meta se jibda x-xogħol u meta hemm il-ħsieb li jkun lest?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Inħarġu tenders biex isir dan ix-xogħol u l-kuntratturi ġew magħżula. Ix-xogħol mistenni jsir fil-futur qarib.
QAWRA - ROSITA COURT
13627. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni għall-bini ta' Rosita Court fi Triq Cassarino il-Qawra, meta ġiet pubblikata skond il-liġi, meta ġiet approvata, meta nħareġ il-permess, min kien l-applikant, x'bini talab li jtella' l-applikant u x'approvat l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
ONOR. GEORGE VELLA: L-applikazzjoni għall-bini ta' Rosita Court fi Triq Cassarino il-Qawra u Triq il-Bilbel PA 8122/94 saret mis-Sur Spiridione Mifsud għal kostruzzjoni ta' basement/ground floor garages, 4 floors flats and penthouse fis-27 ta' Diċembru 1994. Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata bħala valida fit-8 ta' Ġunju 1995, u l-avviż ta' l-istess applikazzjoni sar fit-18 ta' Ġunju 1995.
L-applikazzjoni ġiet approvata fl-10 ta' Novembru 1995,u l-permess ġie mpustat lill-applikant fid-29 ta' l-istess xahar.
DIPARTIMENT TAT-TAXXI INTERNI - SPEZZJONIJIET
13628. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Taxxi Interni qattx bagħat perit biex jagħmel valutazzjoni ta' xi wieħed mill-fondi u garaxxijiet mibjugħa min Rosita Ltd, relattivament għal korp ta' bini magħruf bħala Rosita Court fi Triq Cassarino il-Qawra, liema fondi b'diversi kuntratti huma kollha insinwati fl-1997 u jġibu n-numri insinwa 174,175,345,4314,5538,3973,7410,7466,11932,17908 u 18112?
ONOR. LEO BRINCAT: In-numru ta' spezzjonijiet mill-periti tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni fuq il-bejgħ ta' fondi minn Rosita Limited relattivament għall-korp ta' bini magħruf bħala Rosita Court fi Triq Cassarino, il-Qawra, trasferimenti kienu insinwati matul l-1997 bin-numru 174, 175, 345, 4314, 5538, 3973, 7410, 7466, 11932, 17908 u 18112, kien ta' għaxra (10) minn ħdax-il trasferiment.
SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ - PARKS
13629. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex korrett li flus li dan il-Parlament ivvota għall-użu tal-parks intużaw biex jitħallsu spejjeż li saru fl-organizzazzjoni ta' kunċert mis-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, Kultura u Sports? Jista' l-Ministru jgħid jekk intalbietx xi awtorizzazzjoni minn qabel lid-Dipartiment tal-Finanzi u jekk din ingħatatx? Jekk mhux korrett li dan isir, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu?
ONOR. LEO BRINCAT: Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħarrafni għal liema kunċert speċifiku qed jirriferi.
KAROZZI - LIĊENZJI
13630. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid kemm karozzi ġew liċenzjati biex joħorġu fit-triq kull sena bejn l-1993 u l-1998 u jagħti l-informazzjoni tiegħu skond il-marka tal-karozza (Alfa, Fiat, eċċ)?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma tistax tingħata billi hija kkonsidrata ta' natura kummerċjali. Ma nsib l-ebda oġġezzjoni li din il-mistoqsija tagħmilha lill-aġenti konċernati.
13703. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W1,382 u ċioe' għar-rigward tal-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha diġa' intbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatx l-inspector? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negattiv, għaliex ma ntbagħatx? U jekk hu l-każ, meta se jintbagħat?
ONOR. ALFRED PORTELLI: M'għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija bil-miktub W 1,382.
DJAR - FIDI TA' ĊENS
13704. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W1,381 u ċioe' jista' jgħid x'inhi r-raġuni li persuni bħal dik, li d-dettalji tagħha diġa' intbagħtu separatament, ma jistgħux jifdu ċ-ċens ta' fondi li mill-Knisja għaddew lill-Joint Office? Min hu responsabbli biex issir xi forma ta' policy ħalli dawn il-fidjiet ikunu jistgħu isiru u jirrendu flus lill-istess dipartiment?
ONOR. ALFRED PORTELLI: M'għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija bil-miktub W1,381.
DJAR - INSPECTORS
13705. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W1,380 u ċioe' għar-rigward tal-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha diġa' intbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatx inspector? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negattiv, għaliex ma ntbagħatx? U jekk hu l-każ, meta se jintbagħat?
ONOR. ALFRED PORTELLI: M'għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari bil-miktub numru W1,380.
DJAR - INSPECTORS
13706. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W1,379 u ċioe għar-rigward tal-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha diġa' intbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatx inspector? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negattiv, għaliex ma ntbagħatx? U jekk hu l-każ, meta se jintbagħat?
ONOR. ALFRED PORTELLI: M'għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari bil-miktub numru W1,379.
DJAR - INSPECTORS
13707. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W1,378 u ċioe' għar-rigward tal-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha diġa' intbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatx inspector? Jekk fl-affermattiv meta? Jekk fin-negattiv għaliex ma ntbagħatx? U jekk hu l-każ, meta se jintbagħat?
ONOR. ALFRED PORTELLI: M'għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari bil-miktub numru W1,378.
DJAR - INSPECTORS
13708. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W1,377 u ċioe' għar-rigward tal-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha diġa' intbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatx inspector? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negattiv, għaliex ma ntbagħatx? U jekk hu l-każ, meta se jintbagħat?
ONOR. ALFRED PORTELLI: M'għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari bil-miktub numru W1,377.
SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ - KIRI TA' KAROZZI
13828. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, Sports u Kultura mill-1 ta' Novembru, 1996 sal-lum keriex karozzi mingħand Delcarm Ltd; Da Salvina Ltd; Victor Chetcuti; jew Rose Portelli u jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inkera u kemm tħallas? Għal kull kirja, jista' l-Ministru jgħid meta bdiet u meta ntemmet, jekk intemmet, min ikkwota u kemm kienet kull quote, min effettivament ħa d-deċiżjoni li ssir il-kirja u min iffirma l-kuntratt tal-kirja?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi l-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtijin għall-mistoqsijiet parlamentari numri W1238, 4197, 6037, 6333, 9630, 10300 u 13427.
13829. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb għad-domand bil-miktub li għamilt fit-3 ta' Frar, 1998 u ċioe' jista' jekk jikkonfermax li s-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, Kultura u Sports ordnax track suits għall-Iskola Sports, kemm ġew jiswew, kemm ġew ordnati, inħarġitx tender jew ingħatax direct order, min ikkwota u kemm kienet kull kwotazzjoni? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk il-ġenituri tat-tfal intalbux iħallsu xi ħaġa għat-track suits u jekk iva, kemm, meta ħallsuhom u meta ħadu t-track suits? Jista' l-Ministru jgħid ukoll għaliex kien hemm bżonn daqstant żmien biex tingħata risposta?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferik għar-risposta li tajtek għall-mistoqsija parlamentari bil-miktub numru W1,235.
Domt daqshekk ma tajtek risposta għax l-ewwel stennejt l-investigazzjonijiet dwar ix-xiri ta' T-Shirts (Polo Shirts) minn Skolasport bejn l-1995 u l-1996.
GĦAWDEX - TRIQ DIĊEMBRU 13
14282. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni Triq Diċembru 13 ġewwa n-Nadur, Għawdex li kienet saret one-way traffic issa reġgħet saret two-way traffic?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Bħalma jaf l-Onor. Interpellant, il-kunsilli lokali huma korpi statutorji ta' Gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onor. Membru li jirriferi l-mistoqsija tiegħu lill-kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirriferi għalih, fil-fatt hija waħda mir-responsabbiltajiet tal-kunsilli.
FGURA - NUGRUFUN
14283. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed jikkawża l-kwantita' kbira ta' nugrufun li qed jaqa' fuq il-Fgura u l-postijiet ta' madwarha?
ONOR. GEORGE VELLA: In-nugrufun li jaqa' fuq il-Fgura u l-postijiet ta' madwarha jista' jkun li ġej mill-Power Station tal-Marsa.
Qed isiru diversi laqgħat bejn il-Bord tal-Konsultazzjoni u Pariri dwar l-Ambjent, il-Korporazzjoni Enemalta u l-kunsilli lokali ta' l-inħawi biex jitnaqqas dan l-inkonvenjent.
ĦAL FARRUĠ - BEJGĦ/KIRI TA' GARAXXIJIET
14284. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid meta se toħroġ l-offerta għall-bejgħ jew kiri tal-garaxxijiet li hemm ġewwa Ħal Farruġ?
ONOR. ALFRED PORTELLI: L-Awtorita' tad-Djar diġa’ nformat lill-Kummissarju ta' l-Art biex toħroġ uħud minn dawn il-garaxxijiet għall-bejgħ b'offerti.
Il-proċeduri ta' bejgħ b' offerti jsiru mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u dan għan-nom ta' l-Awtorita' tad-Djar.
ĦAL FARRUG - TOROQ
14285. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se jitranġaw it-toroq ħdejn il-flats il-ġodda li hemm ġewwa Ħal Farruġ?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Billi dawn it-toroq jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirriferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
GĦAXAQ - TRIQ TELLERITU
14286. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta r-residenti ta' Triq Telleritu, Għaxaq li ilhom madwar 11-il sena jużaw il-fossa, se jkollhom is-sistema tad-drenaġġ?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: L-area in kwestjoni qegħda f'livell baxx ħafna u jenħtieġ li tinbena pumping station għal dawk l-inħawi. Qed isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex tkun tista' tinbena din il-pumping station u huwa ttamat li x-xogħol ikun jista' jinbeda s-sena d-dieħla.
MINISTERU TAX-XOGĦLIJIET - SURVEYS
14287. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il survey ta' l-opinjoni pubblika jew surveys oħra ġew ikkummissjonati mid-dikasteru tiegħu bejn l-1992 u l-1996?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ma sar ebda survey ta' opinjoni pubblika matul is-snin 1992 sal-1996.
RIĊETTI - ĦLAS TA' 50Ċ
14429. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kif u fuq liema kalkoli d-dipartiment tiegħu wasal għall-konklużjoni li se jdaħħal Lm1.3 miljun mill-ħlas ta' 50ċ fuq kull riċetta kif hemm imniżżel fil-budget 1998?
ONOR. LEO BRINCAT: Meta l-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Finanzi, ikun se jintroduċi u jkun qed jippjana u jfassal miżura ġdida bħal din, ma jiġborx l-informazzjoni eżatta u fid-dettalji tagħha kollha mis-sorsi involuti biex jevita l-possibbilta' ta' spekulazzjonijiet u l-possibbilta' li l-miżura toħroġ fil-beraħ, meta forsi tispiċċa, fl-aħħar mill-aħħar, anqas tkun tifforma parti mill-pakkett aħħari kif jitħabbar fil-budget.
OMBUDSMAN - KAŻI LI JINVOLVU IMPJEGATI TAĊ-ĊIVIL
14430. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm każi fil-preżent quddiem l-Ombudsman li jikkonċernaw impjegati taċ-Ċivil? Minn liema dipartimenti huma dawn l-impjegati? Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown ta' dawn it-talbiet?