TQEGĦID TA' KARTI
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 128 ta’ l-1998 - Avviż dwar bidu fis-seħħ ta’ l-Att ta’ l-1998 li jemenda l-Ordinanza dwar ir-Regolament tat-Traffiku (Att Nru VI ta’ l-1998);
Avviż Legali Nru 129 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 dwar Testijiet tan-Nifs (Strumenti u Laboratorji);
Avviż Legali Nru 130 ta’ l-1998 - Regolamenti ta’ l-1998 li jemendaw ir-Regolamenti dwar in-Nomini u l-Kondizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta;
Tagħrif dwar kuntratti ta’ xogħol mogħtija minn entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Prim Ministru lil kumpanniji jew partnerships ta’ awdituri/accountants bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14655; u
Tabella li turi l-għadd ta’ impjegati mid-diversi ministeri li ngħataw parental leave minn April 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14673.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 133 ta’ l-1998 - Regolamenti ta’ l-1998 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Kundizzjonijiet Minimi Nazzjonali għal Skejjel li Jgħallmu l-Ingliż bħala Lsien Barrani.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 131 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Lottu Pubbliku;
Avviż Legali Nru 132 ta’ l-1998 – Direttiva mill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ għall-Bdil f’Lm10,000,000 7.2% Stock tal-Gvern ta’ Malta (Bdil) 2008 (L-Ewwel Ħruġ) minn Lm10,000,000 6% Stock tal-Gvern ta’ Malta 1998 (Il-Ħames Ħruġ); u
Tabella li turi l-infiq fuq manutenzjoni mill-Electricity Division bejn l-1987 u l-1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14627;
Tagħrif dwar dħul minn bejgħ fit-Taqsima tal-Gass u t-Taqsima tal-Petroleum matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u April/Mejju 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14650.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 127 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 dwar Kunsilli Lokali (Riżorsi Umani); u
K.L.B.L. Nru 55/1/98 – Bye-laws ta’ l-1998 dwar Reklami fuq Għamara tat-Toroq (Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar).
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR TRIBUNAL GĦAL TALBIET ŻGĦAR SMALL CLAIMS TRIBUNAL (AMENDMENT) BILL
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA (Ministru tal-Ġustizzja): Madam Speaker, nipproponi t-Tielet Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar" ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tielet Darba.
ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SELF LOKALI LOCAL LOAN BILL
L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet
Ikompli mit-13 ta' Mejju, 1998
MADAM SPEAKER: L-Onor. Anton Tabone huwa in possession.
ONOR. ANTON TABONE: Grazzi, Madam Speaker. Nagħmel daqsxejn ta' rikapitulazzjoni ta' dak li għidt il-ġimgħa li għaddiet. Kont qed ngħid li jekk il-Gvern kien qiegħed jaħseb li l-issues ewlenin li ddominaw ix-xena politika Maltija għal dawn l-aħħar tliet snin, cioe' l-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u s-sistema tat-tassazzjoni, kienu sejrin jitbiegħdu u l-poplu se jitkellem inqas fuqhom, u li meta l-Parlament ikollu okkażjoni bħal din tal-lum il-kelliema ta' din in-naħa ma kenux se jġibu d-diskors mill-ġdid fuq dawn iż-żewġ issues, naħseb li dan il-Gvern qiegħed jiżbalja bl-ikrah u verament m'għadux iħoss il-polz tal-poplu. Dan għaliex dawn iż-żewġ issues huma ddestinati li jibqgħu l-aktar kwestjonijiet importanti sa l-elezzjoni li jmiss. Nerġa' ngħid li jekk il-Gvern qed jaħseb li ż-żmien sejjer ifejjaq il-pjagi tal-konsegwenzi tal-politika tiegħu qiegħed jiżbalja bl-ikrah.
Imma l-agħar ħaġa hi li qiegħed jiżbalja b'konsegwenzi għall-ekonomija tal-pajjiż li f'dawn l-aħħar tmintax-il xahar staġnat u m'għadx hemm dik il-fiduċja li kien hemm qabel. L-iżvilupp m'għadux għaddej u allura l-konsegwenzi qegħdin fuq il-Maltin u fuq l-Għawdxin kollha. Dawn iż-żewġ issues huma intrinsikament marbutin ma' l-ekonomija tal-pajjiż u ma tistax tifridhom. Fid-dibattitu ta' dan l-abbozz ta' liġi, fejn il-Parlament qiegħed jiġi mitlub jawtorizza lill-Gvern biex ikun jista' jissellef Lm110 miljun, żgur li se jkun hemm riferenza għal dawn iż-żewġ issues ewlenin, kif ġara l-ġimgħa li għaddiet u kif se jkompli jiġri matul il-kors tal-ġurnata tal-lum.
Dan ukoll iġibni għall-punt li, kif jaf kulħadd, il-Gvern qed jipprova bl-aktar mod oxxen jevita li jitkompla d-dibattitu li kien beda f'Ottubru li għadda dwar il-mozzjoni ta' l-Oppożizzjoni fuq ir-relazzjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea, fl-isfond ta' sħubija sħiħa. Dan il-Gvern qiegħed jipprova jaħrab milli jġib dik l-issue għal dibattitu, anke meta jaf li minn Ottubru 'l hawn il-klima fil-pajjiż hija dejjem aktar indirizzata favur li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, u favur is-sistema ta' tassazzjoni introdotta mill-Gvern Nazzjonalista. Illum il-ġurnata aktar nies qegħdin jifhmu li dik is-sistema kienet aktar effettiva, aktar effikaċi u aktar ġusta. Allura żgur li dan il-Gvern ma jistax jibqa' għaddej qisu din l-atmosfera ma teżistix fil-pajjiż, qishom m'humiex qegħdin jitkellmu fuq dawn iż-żewġ issues in-nies li huma fil-constituted bodies, li għandhom rilevanza kbira fil-ħajja ekonomika u soċjali ta' pajjiżna.
L-istess nies li għandu fi ħdanu l-Gvern ukoll qed jgħidu ċertu diskors fejn juru li ma jaqblux mal-policy li jrid jibqa' għaddej biha. Meta tisma' nies minn ċerti nħawi jitkellmu b'ċertu mod, iċ-challenge għall-Gvern hija fuq policy. M'hijiex kwestjoni li bniedem m'għandux simpatija ma' bniedem ieħor imma hija kwestjoni fundamentali ta' policy. Jekk wieħed qed iħares b'mod differenti lejn dawn iż-żewġ aspetti mill-aktar importanti fil-ħajja tal-pajjiż, jista' jkun li biddel il-fehma tiegħu u jista' jkun li mill-bidu nett kien qed jaraha b'mod differenti milli kien qed jaraha l-istess Gvern. Allura ċertament li
dan huwa mument ta' pawsa biex wieħed ikun jista' jirrifletti fuq is-sitwazzjoni attwali u jaġġorna l-approach tiegħu ma' l-Oppożizzjoni, kif ukoll mal-forzi li jikkomponu l-istrutturi ta' l-ekonomija tal-pajjiż. Pero' dan il-Gvern qed jibqa' stinat u qed jibqa' miexi b'ċertu mod arroganti - għax l-aġir li qed juża ma tista' ssejjaħlu xejn ħlief arroganti - li qiegħed jipperikola l-atmosfera demokratika li kien hawn kemm fil-pajjiż, kif ukoll fl-istess Parlament.
Illum dan il-Parlament qed iħossu mċaħħad milli jesprimi l-fehmiet tad-deputati tiegħu fuq żewġ issues ewlenin li, kif għidt diġa', huma ddestinati li jibqgħu l-iktar żewġ issues importanti sa l-elezzjoni li jmiss, irid x'irid u jixtieq x'jixtieq il-Gvern. Dan l-istat ta' fatt jirrikonoxxieh kulħadd minbarra l-Gvern. Anzi jien ngħid li l-Gvern jirrikonoxxieh ukoll fl-intern tiegħu imma ma jesprimix dan l-istat ta' fatt għax jippreokkupah minħabba li jaf li l-maġġoranza tal-poplu mhux qed tifhem kif qed ikompli jostina rasu u kif qed ikompli miexi qisu fil-pajjiż m'hu qed jiġri xejn, qisu fil-pajjiż m'hawnx reżistenza għall-politika tiegħu u għall-mod kif huwa qed iħares lejn dawn iż-żewġ issues mill-iktar importanti. Illum fil-pajjiż bdew jidhru wkoll il-konsegwenzi ta' dan kollu għax peress li l-ekonomija m'hijiex qed tagħti r-riżultati mixtieqa qed jinħolqu diversi problemi, kemm fil-qasam tax-xogħol, kemm fl-investiment, kif ukoll fi żvilupp ieħor.
Madam Speaker, irridu niftakru li sa sentejn ilu, jiġifieri sa qabel l-elezzjoni li għaddiet, dan il-pajjiż kien jippreżenta stampa ħafna iktar differenti minn dik li qed jippreżenta llum. Biżżejjed ngħid li sa sentejn ilu għalkemm pajjiżna kien żgħir fir-riżorsi tiegħu, fid-daqs tiegħu u fil-popolazzjoni tiegħu, kien kbir bil-ħila li kien kapaċi jiġġenera permezz tal-kunfidenza li kellu, liema kunfidenza bniet proġetti infrastrutturali kbar, li llum il-ġurnata qegħdin hemm biex isostnu l-istess ekonomija tal-pajjiż u l-Gvern preżenti, li wisq nibża' li ħafna drabi tant ikun mehdi jiftaħar bl-affarijiet li jista' jagħmel li jinsa li dawk l-affarijiet seta' jagħmilhom biss minħabba li teżisti l-infrastruttura li kienet inbniet fi żmien il-Gvern Nazzjonalista. Hawn irrid infakkar lill-poplu wkoll fil-kritika li kien jagħmel il-Partit Laburista meta kien għadu fl-oppożizzjoni għal dik l-infrastruttura li kien bena l-Gvern Nazzjonalista, pero' llum dan irrealizza li Allaħares ma kellux dik l-infrastruttura lesta għax kieku llum il-ġurnata ma kienx ikun jista' jiftaħar bil-privatizzazzjoni u bl-iżvilupp kbir li sar fil-qasam tat-telekomunikazzjoni ta' pajjiżna, liema żvilupp imbagħad jiġġenera żvilupp ieħor.
Kif qed naraw illum dan il-Gvern inqabad f'kontradizzjoni għax filwaqt li qiegħed dejjem jattakkana li aħna konna nonfqu żżejjed, fl-istess ħin qiegħed dejjem jiftaħar b'dak li laħaq intnefaq u għalhekk is-sitwazzjoni preżenti xejn m'hi ċara. Il-messaġġi li qed iwassal dan il-Gvern qed joħolqu iktar inċertezzi, tant li minkejja li issa għaddew sena u nofs minn mindu l-Partit Laburista tela' fil-gvern, wieħed għadu mhux f'pożizzjoni li jara d-dawl at the end of the tunnel biex ikun jista' jgħid li fil-pajjiż inħolqot sitwazzjoni ġdida, jew li hawn consensus ġdid li rridu nibnu fuqu biex l-ekonomija tal-pajjiż tkun tista' tikber, titkattar u tissaħħaħ. Illum pajjiżna jinsab f'din is-sitwazzjoni u bla ebda dubju mhux se nqumu minn din is-sitwazzjoni qabel ma jkun hemm soluzzjoni finali rigward l-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u rigward l-aħjar sistema ta' tassazzjoni.
Issa hawnhekk jien xtaqt ngħid xi ħaġa fuq Għawdex għax l-Onor. Membri tal-Gvern, partikolarment il-Prim Ministru, iħobbu jargumentaw li jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea l-iktar li se jbatu huma l-GĦawdxin. Sfortunatament meta jien nistaqsi għaliex qed jgħidu dan, qatt ma ningħata raġuni u qatt ma jinġabu l-provi pero' huwa fatt li l-Onor. Membri tal-Gvern ilhom żmien jipprovaw ipinġu lill-Unjoni Ewropea bħala xi ħaġa li tmur kontra l-interessi tagħna. U kemm jieħdu pjaċir ibeżżgħu lill-Maltin u 'l-Għawdxin, speċjalment lil dawk li jaħdmu fis-setturi tal-biedja u sajd! Jien naħseb li llum wasal iż-żmien li xi ħadd iqum u jmeri lill-Gvern billi jgħidlu: Għaliex qiegħed kull darba tagħmel dan id-diskors fieragħ? Għaliex qed tinqeda b'GĦawdex biex tpinġi r-relazzjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea fil-kontest ta' sħubija sħiħa kerha?
Jien ngħid bil-maqlub, ċioe' li jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea GĦawdex igawdi on two fronts, għax minbarra li jgawdi minn dak li tgawdi Malta minħabba li Malta u GĦawdex huma pajjiż wieħed, Għawdex igawdi għal darb'oħra għax l-Unjoni Ewropea għandha pakketti ta' għajnuna li huma mmirati speċifikament lejn dawk iż-żoni li jkunu qegħdin fil-periferija. Hawn ta' min jirrimarka wkoll li peress li l-Unjoni Ewropea toffri għajnuna speċifika għal dawk iż-żoni li għandhom agrikoltura iktar attiva mill-medja nazzjonali, GĦawdex ikun jista' jibbenefika minn dan ukoll. Sur President, għalhekk l-argument li qed iġib il-Gvern, partikolarment il-Prim Ministru, ċioe' li huma l-GĦawdxin li l-iktar li se jbatu mill-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, hija biss ħrafa li u bla ebda dubju dan l-argument qed jinġieb għal propaganda rħisa għax huwa pprovat li s-sitwazzjoni hija proprjament il-kuntarju, ċioe' li jekk kemm-il darba Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea GĦawdex igawdi darbtejn, darba għaliex jifforma parti minn Malta u darb'oħra għaliex huwa żona fil-periferija tal-pajjiż.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Onor. Tabone, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkompli jinstema.
ONOR. NINU ZAMMIT: Nipproponi li jkompli jinstema'.
ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Onor. Tabone jkompli jinstema'. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. ANTON TABONE: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Sur President, wara li għamilt l-introduzzjoni tiegħi dwar is-sitwazzjoni fir-rigward ta' l-Unjoni Ewropea, se ngħaddi biex nitkellem ftit fuq il-finanzjament ta' l-amministrazzjoni fil-pajjiż.
F'dan il-Parlament aħna qegħdin niġu mitluba napprovaw li l-Gvern jissellef Lm110 miljun għall-finanzjament ta' l-amministrazzjoni tiegħu. Allura jien naħseb li nkun qiegħed in order ħafna jekk nagħmel xi kummenti rigward il-finanzjament ta' l-amministrazzjoni fir-rigward tal-gżira ta' GĦawdex.
Jien inħossni preokkupat għaliex qed jirriżultali li donnu qed ikun hemm two weights and two measures f'ċerti setturi bejn Malta u GĦawdex. Aħna konna ngħidu - u hekk hu, m'hemmx l-iċken dubju - li aħna pajjiż wieħed u naturalment is-servizzi li jingħataw għandhom ikunu ugwali, bl-istess ammonti, għaliex dan huwa l-mod kif fil-pajjiż in-nies jistgħu jibdew jgħixu bl-istess mod u manjiera. Pero' aktar ma jgħaddi ż-żmien qed jirriżulta li l-poplu qed jiġi mitlub mhux biex jiggwadanja iktar b'inqas - għax il-buzz-word tal-Gvern preżenti hi li rridu nakkwistaw iktar b'inqas - imma biex iħallas iktar ta' servizz inqas. Il-poplu llum qed iħallas prezz ogħla ta' servizz li qed jonqos u dan jirriżulta kullimkien, b'mod ġenerali fil-gżira ta' GĦawdex, fejn l-affarijiet qegħdin isiru ħafna agħar minn hekk. Dan issa ilu jiġri għal numru ta' xhur u kieku ġara f'okkażjoni waħda kont ngħid li hija xi ħaġa li trid titranġa, għax seta' sar xi żball ġenwin jew kien hemm xi diffikulta`, imma issa qed joħroġ dejjem iktar fid-dawl tax-xemx li din il-proċedura donnha qed tiżviluppa u iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed ikun hemm oqsma li jaqgħu taħt din is-sitwazzjoni, jiġifieri li f'GĦawdex is-servizzi qed jiġu mnaqqsa iktar milli f'Malta. Li tnaqqas servizz huwa dejjem ħażin imma li tnaqqsu f'GĦawdex iktar milli f'Malta huwa ħafna iktar ħażin. Ċertament din hija xi ħaġa li ma nistgħux nittollerawha għaliex din hija diskriminazzjoni, u nispjega xi rrid ngħid iktar 'il quddiem.
Meta l-Gvern preżenti kien fl-oppożizzjoni, in-nies tiegħu kienu jitkellmu differenti mill-mod kif qed jaġixxu llum. Per eżempju, jien niftakar lill-Onor. Alfred Sant jakkuża lili b'mod partikolari, lill-ministeru tiegħi u lill-Gvern Nazzjonalista li f'GĦawdex ma kienx qed jinvesti l-perċentwali li għandu jinvesti, f'dik li hija nefqa kapitali. Per eżempju, kien jgħidilna li rigward GĦawdex trid tagħmel eżerċizzju ħalli tara kemm hija l-popolazzjoni u kemm hija d-dimensjoni ħalli mbagħad meta tiġi biex tagħmel il-kalkoli tieħu in konsiderazzjoni dawn iż-żewġ elementi ewlenin. Jekk m'iniex sejjer żball, f'okkażjoni minnhom kien qal li l-popolazzjoni GĦawdxija tammonta għal 7% tal-popolazzjoni totali u li d-dimensjoni ta' GĦawdex u Kemmuna flimkien jammontaw għal 22% tat-territorju nazzjonali. Hu kien qal li allura meta tiġi biex talloka fondi għal investiment kapitali trid tieħu dawk iż-żewġ persentaġġi ħalli b'xi mod u manjiera toqrob lejhom - għalkemm ma spjegax kif - u tkun tista' tasal b'mod ekwu għal x'għandha tkun l-ispiża kapitali tal-gvern. Imma issa x'inhu jiġri? Mhux talli dan kollu ma ġarax, mhux talli l-qasam kapitali mar lura a paragun tal-mod kif tkellem dak inhar, talli fl-investiment rikorrenti sejrin lura wkoll. Jiġifieri issa din m'għadhiex kwestjoni ta' capital expenditure biss - nirrepeti li din marret lura kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista, jekk wieħed jagħmel paragun mas-snin ta' qabel - imma issa dħalna wkoll fir-recurrent expenditure.
Jien għandi serje ta' items li rrid nitkellem fuqhom sabiex nuri u nipprova dan li qed ngħid u dan se nagħmlu fl-isfond tad-dikjarazzjoni li kien għamel l-Onor. Sant, meta kien Kap ta' l-Oppożizzjoni, fir-rigward ta' kif għandu jsir il-capital expenditure għal GĦawdex. Jien ngħidlu li kemm ilu fil-gvern mhux biss naqqas il-capital expenditure għal GĦawdex imma issa għandna problemi dwar kif se jitħallsu n-nies. U se nagħti ftit eżempji. Per eżempju, jirriżultali li fil-qasam ta' l-anzjani s-servizz li jingħata mis-CSAs f'GĦawdex naqas b'40%. Ninsab informat ukoll li għalkemm f'Malta kien hawn tnaqqis, ma jirriżultax li kien hemm tnaqqis ta' 40%.
Issa jien għamilt domanda għal darba, darbtejn, tlieta dwar x'inhi s-sitwazzjoni.
Pero' hawn irrid ngħid li d-domandi li jsiru f'dan il-Parlament ma jiġux imwieġba mill-ewwel u trid terġa' tagħmel l-istess domanda għat-tieni u għat-tielet darba. Imbagħad meta jirrisponduk jagħtuk tweġiba għal parti mill-mistoqsija u allura trid terġa' tagħmel domanda oħra biex titlob l-informazzjoni l-oħra U sadanittant jilħaq jgħaddi xi xahar u nofs minn meta tkun għamilt id-domanda oriġinali. Allura dik l-informazzjoni li jkollok bżonn tiġbor, biex tkun iktar korrett fil-kummenti tiegħek u biex tkun kapaċi tagħmel bilanċ aħjar tas-sitwazzjoni, tilħaq titlef l-importanza tagħha għax iż-żmien idaħħal issues oħra fin-nofs u allura ma tibqax tiffoka fuq dik il-kwestjoni partikolari, kif għandek id-dmir li tagħmel u kif kull ministru u dan il-Parlament huwa fid-dmir li jforni dik l-informazzjoni fil-mument li jkun mitlub. Allura jien ġustifikat li nemmen dak li smajt, li s-servizz ta' l-anzjani fil-każ ta' GĦawdex naqas b'40%, filwaqt li f'Malta ma naqasx b'40%. Hija ħaġa tal-mistħija li servizz bħal dan jinqata' f'Għawdex aktar milli jinqata' ġo Malta. Dan huwa servizz ta' importanza massima, kien iddaħħal fi żmien Gvern Nazzjonalista u kien qabad ma' Malta u Għawdex kollu. U allura jien nibda ngħid: Imma x'inhu jiġri fil-finanzjament tal-gvern fil-gżira ta' Għawdex?
Issa jien qed nagħti eżempju wieħed, għaliex diskors kontinwu li ilu għaddej għal dawn l-aħħar xhur f'Għawdex hu li d-dipartimenti tal-gvern m'għandhomx flus. Il-vetturi m'għadhomx joħorġu fuq servizz għax m'għandhomx flus għall-petrol. Sur President, dawn huma affarijiet li qatt ma smajthom kemm ili membru ta' dan il-Parlament. X'inhu jiġri mill-finanzjament pubbliku, fejn tidħol l-amministrazzjoni t'Għawdex? Jien kont nistenna, kif kien jistenna kulħadd bi dritt, li sena wara l-oħra inti jkollok progress f'servizzi li jkunu daħlu fil-pajjiż. Jekk inti llum qed taqdi 800 ruħ, tistenna li s-sena ta' wara taqdi 850 jew 900 ruħ. U għalhekk is-servizz soċjali u l-kuxjenza soċjali hija mill-iktar ħaġa importanti. Agħar minn hekk, illum fil-pajjiż hawn din il-kwalita' ta' two weights and two measures, jiġifieri li inti għandek aktar minn kejl wieħed ta' kif tagħti servizz. Huwa xorta ħażin li s-servizz jonqos imma jekk jonqos għal Għawdex biss dik imbagħad tiġi diskriminazzjoni. Din is-sitwazzjoni m'hijiex tollerabbli u ċertament l-affari m'hijiex se tieqaf hawn. Ma jistax ikun li jkollna sitwazzjoni fejn f'Għawdex tbati aktar il-konsegwenzi tal-politika ta' dan il-Gvern. Issa l-investiment kapitali u rikorrenti, imma l-aktar kapitali, f'GĦawdex qatt ma kien xi wieħed li kien qed iżomm lill-gvern milli jkun jista' jagħmel xi żvilupp ieħor. L-ammont huwa dak li hu, jiġifieri żgur li m'hemmx minn fejn tnaqqas imma hemm biss fejn iżżid. U jekk nagħmel bridge ma' dak li kien qal l-Onor. Alfred Sant meta kien Kap ta' l-Oppożizzjoni, allura aktar u aktar nasal għall-konklużjoni li inti trid tgħolli u mhux tnaqqas dawn is-servizzi.
Jien informat ukoll - la qegħdin nitkellmu fuq finanzjament - li teachers Għawdxin f'Għawdex, Sur President, ma tħallsux l-allowance tal-mid-day break u ta' l-evening classes, u l-ħaddiema fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni ma tħallsux tal-watching duties li huma impjegati biex jagħmlu. Din ukoll hija xi ħaġa li meta tismagħha ma temminhiex. Meta nisma' xi ħaġa hekk, bħala regola nagħmel domanda fil-Parlament biex nara nistax nikkonferma dak li nkun smajt. U l-istess hawnhekk, l-ewwel risposta li tani l-Ministru ta' l-Edukazzjoni kienet: Nagħtik risposta f'seduta oħra. Mela nerġa' nagħmillu l-istess domanda u għat-tieni darba jerġa' jgħidli li se jirrispondini f'xi seduta oħra. U x'taħsbu li qalli mat-tielet darba li għamiltlu l-istess domanda? Qalli: Għamel id-domanda lill-ministru konċernat. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq allowance li jirċievu l-ħaddiema tal-gvern, ta' l-istess gvern u ta' l-istess pajjiż, fejn il-ħaddiema ta' Malta jirċievu l-allowance tal-mid-day break, ta' l-evening classes u tal-watching duties. Issa meta jiġri xi ħaġa hekk ma toħroġ ebda stqarrija. Dan ħadd ma jgħidlek li din id-darba ġara hekk u next time round se jieħdu d-differenza. Le, dan qisu qatt ma ġara xejn. U hawn jien nistaqsi daqsxejn, Sur President. Li kieku ġara hekk ġo Malta x'kienet tkun ir-reazzjoni?
Naħseb li r-reazzjoni kienet tkun waħda fejn l-unions kienu jitkellmu u l-Onor. Membri ta' din il-Kamra, b'mod kollettiv, kienu jagħmlu l-pożizzjoni tagħhom ċara. Fil-każ ta' GĦawdex dan ma jiġrix. Meta jkunu milqutin ċittadini residenti f'Għawdex ma jkunx hemm l-istess reazzjoni imma qisu ma jkun ġara xejn. Jiena nikkundanna ħaġa bħal din. Kieku dan li smajt kien biss għajdut, ma naħsibx li l-Ministru kien se jgħidli li risposta tingħata f'xi seduta oħra imma kien mill-ewwel jiċċara l-pożizzjoni. U la minn dan kollu m'għamel xejn allura jien nasal għall-konklużjoni li veru ġara dan. Jien nerġa nistaqsi: X'inhu jiġri bil-finanzjament tal-gvern fil-gżira ta' Għawdex, Sur President? Żgur li ma nistgħux naċċettaw sitwazzjoni diskriminatorja fejn jiġru dawn l-affarijiet. U nista' nibqa' għaddej għaliex għandi lista li ma tispiċċax.
Fl-isptar, per eżempju, għandek sitwazzjoni fejn il-mechanical engineer irriżenja f'April tas-sena l-oħra, jiġifieri sena ilu, u l-electrical engineer irriżenja f'Lulju tas-sena l-oħra. Proprju f'dawn il-ġranet għamilt domanda biex nara ftit fejn waslu l-proċeduri biex dawn iż-żewġ postijiet jimtlew. Li kieku dawn il-postijiet ta' mechanical engineer u electrical engineer ma kenux jeżistu, kien ikun id-dover ta' kull gvern li jara li ġo sptar ikun hemm nies kwalifikati f'dan il-qasam. Sal-lum ir-risposta kienet li għadhom qegħdin jittieħdu l-proċeduri biex dawn iż-żewġ postijiet jimtlew. Imma din xi kwalita' ta' risposta hi, Sur President? Nerġa' ngħid dan għax Għawdex? Li kieku dawn irriżenjaw minn St. Luke's, m'għandix l-iċken dubju li kien ikun hemm il-pressjoni kollha biex joħorġu l-applikazzjonijiet mill-aktar fis possibbli ħalli dawn il-postijiet jimtlew għax dawn huma postijiet ta' importanza mhux żgħira. Hawnhekk ukoll jien jidħolli s-suspett li qed issir diskriminazzjoni bejn post u ieħor fl-istess pajjiż. U ċertament din hija xi ħaġa li ma tistax tittolleraha.
Hija xi ħaġa tal-mistħija u ċertament huwa d-dover tagħna, min-naħa ta' l-Oppożizzjoni, li noħorġu dawn l-affarijiet fid-dawl tax-xemx. Hemm ħafna affarijiet oħra x'wieħed igħid f'dan il-kontest.
Nista' ngħid, per eżempju, li minn dejjem kien hemm perit tal-public works f'Għawdex. Meta l-perit ma kienx Għawdxi kien jintbagħat wieħed minn Malta residenti f'Għawdex. Din il-ħaġa ilni niftakarha hekk għal żmien twil. L-istess, dan irriżenja xi sena ilu u ma ħarġet l-ebda applikazzjoni biex jimtela' dan il-post. Allura int tasal għall-konklużjoni li qed issir ekonomija biex il-gvern jiffranka minn fuq Għawdex. Aħna qegħdin hawn biex intejbu s-sitwazzjoni tan-nies li jgħixu f'dan il-pajjiż. Dak hu xogħolna. Issa meta inti għandek diġa' servizz ta' perit mal-public works u servizz ta' mechanical engineer u electrical engineer fl-isptar, u dawn irriżenjaw, almenu int għandek toħroġ l-applikazzjonijiet. Jien nifhem li dawn mhux se ssibhom fuq l-ixkaffa imma ċertament ma tistax ma toħroġx l-applikazzjonijiet. Almenu għandek toħroġ l-applikazzjonijiet biex inti turi li lest taċċetta li jkun hemm dawn il-postijiet. Dawk huma postijiet approvati, kienu jeżistu u inti ma tistax taqlagħhom mill-budget u tgħid li dawn m'għadhomx jeżistu. U allura x'inhi l-konklużjoni ta' dan kollu? F'dan il-pajjiż qegħdin dejjem inħallsu aktar għal servizzi li naqsu. Li kieku inti tagħti servizz li huwa upgraded ukoll trid toqgħod attent kif tgħolli u lil min tolqot, imma għallinqas ikun hemm prinċipju fundamentali fin-nofs, li tkun qed titħallas aktar ta' servizz aħjar. Imma jekk inti tnaqqas servizz kif tippretendi li tgħolli l-prezz tiegħu? Anke jekk inti tibqa' bl-istess ħlasijiet, jekk servizz naqas, inti tkun qed taġixxi kontra l-interess tal-konsumatur. U nistgħu nibqgħu sejrin, Sur President.
Jien diġa' kelli okkażjoni nsemmi l-każ fejn kien hemm Lm100,000 vvotati għall-akkwist ta' aktar tagħmir għall-isptar u intnefqu biss Lm49,000 u l-Lm50,000 l-oħra marru f'dipartimenti oħra. Issa kif jaf kulħadd, tixtri kemm tixtri apparat għal sptar dan qatt m'hu biżżejjed u allura wieħed ikun irid dejjem joħroġ aktar flus biex dejjem jixtri iktar. Ma jistax jiġi aċċettat il-fatt li inti jkollok diġa' somma vvotata fuq tagħmir għal sptar u ma tonfoqhiex kollha. Jiena naħseb li din il-ħaġa turi li m'hemmx amministrazzjoni effiċjenti, Sur President.
Ridt ukoll insemmi xi ħaġa fuq il-verifika tas-sick leave. F'Għawdex għandek sistema u f'Malta għandek sistema differenti ta' kif tabib imur jagħmel verifika tas-sick leave ta' l-impjegati tal-gvern. Imma aħna mhux pajjiż wieħed? Allura kif hemmhekk tagħmel mod u hawnhekk tagħmel mod ieħor? Jiġifieri x'inhu jiġri sewwa sew, Sur President? Din hi d-domanda li jiena qiegħed nagħmel u li nkompli nagħmel.
L-istess, x'inhu jiġri fil-qasam tax-xogħol? Dan il-qasam ukoll huwa marbut ma' l-abbozz li għandna quddiemna għaliex l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż jirrikjedi li jkun hemm l-investiment meħtieġ ħalli noħolqu postijiet tax-xogħol fil-pajjiż kollu. Jien qed nitkellem fuq il-gżira ta' Għawdex. Il-problemi hemmhekk huma akbar minn tal-kumplament tal-pajjiż u allura inti jrid ikollok aktar konċentrazzjoni ta' x'tista' tagħmel biex toħloq il-postijiet tax-xogħol. U x'insibu, Sur President? Insibu, per eżempju, li kien hemm domanda dan l-aħħar tal-ħabib tiegħi, l-Onor. Joe Cassar, fejn jirriżulta li fl-1997 intilfu 199 post tax-xogħol f'Għawdex. Issa jekk niġu biex ngħidu kemm inqatgħu minn fuq ir-reġistru tax-xogħol, fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena nqatgħu 89 ruħ u s-sena l-oħra inqatgħu 145 ruħ, u hemm mijiet li minn jeddhom ma komplewx imorru jirreġistraw. Issa hawnhekk xi ħadd jista' jgħid li sar il-kontroll. Imma inti x'qed tagħmel biex toħloq ix-xogħol? Mela fl-1997 minn Għawdex intilfu 200 post tax-xogħol. Issa dawn m'humiex ftit, a paragun tal-popolazzjoni ta' Malta. Huwa ċertament numru li jallarmak, Sur President, u allura wieħed jistaqsi wkoll x'inhu jiġri fil-qasam tax-xogħol.
Per eżempju, wieħed forsi seta' jaħseb li l-Gozo Division, li ddaħħlet fl-aħħar estimi ta' l-ETC, kienet sejra toħloq xi sitwazzjoni ġdida ta' kif wieħed iħares lejn il-qasam tax-xogħol f'Għawdex. Imma fil-verita' x'insibu? Insibu li l-applikazzjonijiet li ħarġu biex jimtlew żewġ postijiet f'Għawdex, cioe' ta' senior manager u manager, eventwalment ġew suppressed. Il-Ministru Grech qalli li għamlu eżerċizzju mill-ġdid u b'riżultat ta' hekk il-Gozo Division issa ġiet taqa' taħt ic-chief executive u allura dawn il-postijiet m'humiex se jimtlew aktar. Jiġifieri fil-Gazzetta tal-Gvern ħarġu żewġ postijiet importanti ta' senior manager u ta' manager u dawn issa m'humiex se jimtlew, Sur President. Jien ngħid: Imma dan għax Għawdex?
Ħalli nitkellem fuq il-ward clerks ġo l-isptar t'Għawdex. F'Ottubru ta' l-1997 ħareġ ir-riżultat ta' eżami li kien sar għal ward clerks biex jibdew jaħdmu fl-isptar ta' Għawdex - fil-fatt dan ġie ppubblikat wara ħafna żmien - u lil dawn baqgħu ma għajtulhomx. Minħabba f'hekk fl-isptar għandek sitwazzjoni fejn l-infermiera, barra x-xogħol ta' nursing iridu jagħmlu wkoll xogħol klerikali. Issa fl-isptarijiet statali f'Malta hemm mijiet minn dawn il-ward clerks. Hawn ukoll nistaqsi: Dan qed jiġri hekk għaliex GĦawdex? U nista' nibqa' nsemmi sitwazzjonijiet simili.
Kont għamilt domandi fil-Parlament dwar promotions ta' supervisors fil-public cleansing department, fejn hemm xi 140 ruħ. Kienu ħarġu applikazzjonijiet għal supervisors, saru l-eżamijiet u baqgħu ma ġewx appuntati. Imbagħad ħarġet applikazzjoni għal supervisor fir-rodent control, fejn hemm seba' impjegati biss. Allura bilfors tibda tistaqsi x'inhu jiġri hawn.
Dostları ilə paylaş: |