Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə5/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18

ONOR. JOE MIZZI: Almenu jien tajjeb għal xi ħaġa, mhux bħalek!
ONOR. NINU ZAMMIT: Jien kont tajjeb biex tajtek l-ilma u dejjem żammejtek nadif, minn kollox!
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. NINU ZAMMIT: Imma huwa tajjeb li jkun hawn l-interjections għax dak li jkun jisħon daqsxejn. Issa ħalli nerġa' niġi għall-punt li kont qed nagħmel, Madam Speaker.
Kif kont qed ngħid il-Gvern wettaq tliet żbalji kardinali, jiġifieri t-tneħħija tal-VAT, l-iffriżar ta' l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-istejjer tal-ħofor. Dawn il-kawżi wasslu biex inħolqot kriżi finanzjarja fil-pajjiż u minħabba f’hekk il-Ministru Mizzi llum kellu jiġi jqatta' ġurnata sħiħa hawnhekk biex il-Gvern tiegħu jkun jista' jitlob approvazzjoni għas-self ta' Lm110 miljun, ħalli almenu jkun jista' jgħatti d-deficit ta' l-1997. (Interruzzjonijiet) U ibqa' hawnhekk sa nofs il-lejl biex tkun tista' tivvota u b'hekk tgħatti l-iżball ta' Lm110 miljun deficit f'sena waħda. Imissek tistħi! Issa ħalli nkompli, Sinjura President. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, jekk jogħġbok tinterrompix. Kompli, Onor. Zammit.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, kont qed ngħid li minħabba dan id-diżastru - donnu li l-Onor. Mizzi qed jieħu pjaċir bih! - il-Gvern preżenti kellu bilfors idaħħal xita ta' taxxi u dawn komplew jgħollu l-ħajja. Kellna taxxi fuq il fuel, żidiet fil-liċenzji tal-karozzi, żidiet fil-liċenzji tas-snieter, żidiet fuq kollox. U x'ma għoliex! L-arja biss għadha ma għolietx għaliex dik jagħtihielna l-Bambin!
Madam Speaker, ma nistax nispiċċa dan id-diskors mingħajr ma nsemmi t-tariffi inġusti, anti-soċjali, katastrofiċi u disastrużi li daħħal dan il-Gvern fuq il-konsum ta' l-ilma u ta' l-elettriku u fuq is-servizz tad-drenaġġ. Hawn ta' min jaċċenna wkoll għall-fatt li minkejja li dan il-Gvern daħħal dawn it-taxxi kollha fuq id-dawl, l-ilma u d-drenaġġ matul dawn l-aħħar 18-il xahar, lanqas għamel b’sold investiment fuq dawn l-oqsma ta' infrastruttura.
Ħaġa oħra li rrid ngħid hija li minkejja li fis-27 t'April li għadda l-Gvern ħareġ it-tariffi l-ġodda fuq il-konsum domestiku - li mbagħad immodifika xi ftit - jiddispjaċini ngħid li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal kull familja Maltija se jirdoppjaw. Jiġifieri min qabel kien jirċievi kont ta' Lm50 kull erba' xhur issa se jibda jirċievi kont ta' Lm100 u min qabel kien jirċievi kont ta' Lm40 kull erba' xhur issa se jibda jirċievi kont ta' Lm80. GĦalhekk, kif qalu xi wħud mill-Onor. Membri tan-naħa tal-Gvern stess, b'dawn it-tariffi l-iktar li se jintlaqat huwa ż-żgħir u l-batut. Imma dan il-Gvern ma messx biss it-tariffi tal-konsum domestiku iżda ta' kull qasam. Pero' qabel ma ngħaddi biex nispjega kif dan il-pass se jfarrak il-qasam ta' l-industrija, nixtieq nagħmel punt li nispera li kulħadd idaħħlu f'moħħu, anke l-Onor. Membri tan-naħa l-oħra.
Jekk wieħed iħares lejn il-ktejjeb ''Iċ-Ċittadin l-Ewwel'', li kien ħareġ il-Partit Laburista matul il-kampanja elettorali, isib li hemm miktub li l-Gvern Nazzjonalista kien għolla d-dawl u l-ilma. Issa hawnhekk irrid nagħmilha ċara li minkejja l-investiment kbir ta' miljuni ta' liri Maltin li sar fil-qasam ta' l-enerġija matul l-1987 u l-1996, il-Gvern Nazzjonalista qatt m'għolla t-tariffa ta' l-elettriku. Ta' min jgħid ukoll li wara li aħna nfaqna għexieren ta' miljuni ta' liri fil-qasam ta' l-ilma u bdejna nipprovdu sistema ta' provvista adegwata ta' l-ilma mal-pajjiż kollu, konna ċaqlaqna ftit it-tariffa domestika - aħna konna ċaqlaqna it-tariffa b'farka, tant li naħseb li lanqas ħaqq il-karti li konna ħlejna dak iż-żmien - u t-tariffa ta' l-ilma fuq oqsma oħra, fosthom it-turiżmu, l-industrija u l-kummerċ ma missejniehiex. Imbagħad fl-aħħar budget il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant għoġbu jdaħħlilna l-mistħija ta' tariffi ta' l-ilma u d-dawl li se jfarrku lil kull persuna li tgħix f'Malta għax, kif għidt diġa', il-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma għal erba' persuni fil-qasam domestiku se jirdoppjaw minn Lm50 għal Lm100.
Madam Speaker, jekk imbagħad wieħed iħares lejn it-tariffi tal-konsum ta' l-ilma fil-qasam industrijali jsib ġenn sħiħ u wieħed jirrealizza mill-ewwel li l-Gvern qed taqbdu ferneżija biex jiġbor il-flus ħalli jgħatti d-deficit tiegħu akkost ta' kollox.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum.
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqas ta’ quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża f'12.05 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit jista’ jkompli.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, kont se nibda nagħti xi eżempji biex nuri kemm se jkun goff, diżastruż u katastrofiku l-impatt tat-tariffi l-ġodda fil-qasam industrijali. Hawnhekk ukoll se jintlaqat l-aktar l-industrijalist iż-żgħir, partikolarment ir-raħħal. Biżżejjed ngħid li industrijalist li qabel kien jirċievi kont ta' Lm5.10 kull erba' xhur issa għall-istess perijodu se jibda jirċievi kont ta' Lm168, u industrijalist li qabel kien jirċievi kont ta' Lm40 issa se jibda jirċievi kont ta' Lm1,131. Jien qed nagħti dawn l-eżempji għax naħseb li xi wħud min-nies għadhom sa llum m'humiex qed jobsru li se jkun hawn din il-guffaġni u dan il-ġenn ta' kontijiet. Dawn huma żidiet goffi u nġusti, li bla ebda dubju se jkomplu jgħollu l-ħajja u se jkomplu jkabbru l-ferita tal-qgħad.
Jien smajt li din il-ġimgħa l-assoċjazzjoni tal-lukandiera ħarġet stqarrija fejn qalet li hi qatt ma ppretendiet li ż-żidiet fil-kontijiet ta' l-ilma ta' dawk il-postijiet li jaqgħu taħt is-settur tat-turiżmu li ġew imħabbra fil-budget kienu se jseħħu tassew. Pero' minkejja li għaddew sitt xhur sakemm dawn ġew riveduti, it-tariffi li ħarġu għall-qasam industrijali xorta żdiedu minn 57% sa 90% iktar. Industrijalist li qabel kien jirċievi kont ta' l-ilma ta' Lm3,000 kull erba' xhur, issa se jibda jirċievi kont ta' madwar Lm5,500. Madam Speaker, ma xtaqtx intawwal imma bilfors kelli nirriferi għal dawn iċ-ċifri għax il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal dan il-mismanagement tiegħu.
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit, għandek bżonn leave of House biex tkompli tinstema'. Hawn permess? (Onor. Membri: No)
Il-permess ma ngħatax.
MADAM SPEAKER: Iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, illum b'din l-extended session ġejna biex inqattgħu daqs ħames seduti biex niddiskutu dan l-abbozz ta' liġi, li huwa qasir fil-format tiegħu imma twil fil-portata tiegħu. L-ewwelnett ta' min jgħid li permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi l-Gvern se jissellef Lm110 miljun. Fil-fatt se jissellef Lm30 miljun biex ikopri l-iżbilanċ li għad baqagħlu għall-1997 - naturalment l-iżbilanċ ta' l-1997 ma kienx ta' Lm30 miljun imma matul dik is-sena kien diġa' ssellef biex ikopri l-ispejjeż li kellu - u se jissellef Lm80 miljun bil-quddiem għal din is-sena.
Issa meta qed ngħidu li l-Gvern se jissellef Lm80 miljun għal din is-sena rridu nassumu li l-projections li għamel il-Gvern għas-sena 1998 huma realistiċi għax ma rridux li jkun hemm xi żball ieħor u l-Gvern isib li jkun issellef iktar milli għandu bżonn. Jien qed ngħid dan għax rajna diverġenzi sostanzjali fiċ-ċifri, liema ċifri rajnihom jiżgarraw b'ammont sostanzjali, u l-analisi ta' dan l-iżgarr għandha tkun waħda interessanti. Jien nispera li matul il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li għandna llejla, li għaliha se jkun hemm preżenti l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali - li ġie kkwotat fuq it-televiżjoni li sab dan l-iżball - u d-direttur ġenerali tad-dipartiment tal-finanzi, niddiskutu bir-reqqa l-movimenti li kien hemm f'dawn iċ-ċifri, u nispera wkoll li aħna l-membri ta' dan il-Kumitat ma nkunux involuti fis-seduta tal-Kamra, ħalli din il-laqgħa tkun tista' ssir. Pero' fuq dan ikolli ċ-ċans nitkellem minn hawn u ftit ieħor.
Madam Speaker, matul id-dibattitu ntqalu ħafna affarijiet fuq l-andament ekonomiku. Fir-realta' kif sejra l-ekonomija u dan il-Gvern li tela' fl-1996 x'sab? Huwa minnu dak li qal il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, meta kien qed jiftaħ id-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi, li fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti pajjiżna kien miexi fuq ekonomija tat-tajjar? Huwa veru li kif ipprova jipperswadina l-Ministru mill-qabda statistika li beda jikkwota minnha, li pajjiżna dak iż-żmien kellu ekonomija fantażma? Madam Speaker, il-poplu Malti jafha r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet u bla ebda dubju hawnhekk aħna m'aħniex qed inbellgħulu xi eżerċizzju ta' marketing. Il-poplu Malti jaf li l-pajjiż kien miexi 'l quddiem b'ritmu mgħaġġel u li l-Gvern kien qed jipproġetta li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura ta' pajjiżna biex jifforma l-bażi li fuqha s-settur privat jista' jaħdem. Il-poplu Malti jaf li l-ġid kien qed jitqassam bl-iktar mod ġust u li aħna konna qtajna ħafna u ħafna eluf milli jibqgħu lura, bir-riżultat li kulħadd beda miexi 'l quddiem. Aħna għamilna minn kollox biex mhux biss inkunu nistgħu ngħidu kemm ġew eluf jew saħansitra miljuni ta' turisti f'pajjiżna, biex mhux biss inkunu nistgħu ngħidu kemm esportajna miljuni minn pajjiżna, biex mhux biss inkunu nistgħu nsemmu l-kumpanniji li qed jingħataw servizz finanzjarju minn pajjiżna, biex mhux biss inkunu nistgħu nitkellmu fuq dan is-sħab ta' statistika, li daqqa tista' tinterpretaha mod u daqqa tista' tinterpretaha mod ieħor, imma biex il-ħaddiem Malti jkollu xogħol u dħul diċenti, biex il-pensjonant Malti jkollu pensjonijiet diċenti, biex it-tfal Maltin ikollhom edukazzjoni tajba u teknoloġikament avvanzata, ħalli dan il-pajjiż jimxi 'l quddiem bil-fatti fid-dinja moderna li diġa' konna dħalna fiha, u jkun preparat bis-serjeta' għall-isfidi, u preċiżament biex nippreparaw lil pajjiżna għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Madam Speaker, bil-ħafna paroli vojt ta' marketing li nisimgħu llum m'aħna se naslu mkien.

Il-fatti juru li aħna konna qed immexxu l-ekonomija tagħna b'mod gradwali u konna qed ngħadduha minn tibdil kontinwu, biex naqilgħuha mill-istaġnar ekonomiku li sibna fl-1987. Dik kienet ħofra żgur! Fl-1987 aħna konna sibna pajjiż magħluq, mitluq u mifni. Dak iż-żmien madwarna kien hawn swar ta' protezzjoni ma' kullimkien, u wieħed ma setax jitmattar għax kien isib lil min iżommu. Ma setax jaħseb jew jieħu inizjattiva għax il-burokrazija kienet twaqqfu. Hekk kien il-pajjiż fl-1987. GĦal kull ħaġa u għal kull nifs li tieħu kellek bżonn liċenzja mingħand il-gvern, ibda minn gomma u spiċċa f'li trid. Biżżejjed ngħid li meta dipartiment tal-gvern ried idaħħal computer kellu jdaħħlu bil-moħbi. Dik kienet is-sitwazzjoni li sibna aħna dak iż-żmien. Jekk dipartiment tal-gvern kien japplika biex idaħħal computer, dan fl-applikazzjoni kien jurih bħala an accounting machine għax inkella ma kenux jagħtuh permess. Dan biex ma nsemmix ukoll li meta wieħed kien japplika biex jixtri ZX80 - dawn kienu l-ewwel computers li daħlu f'Malta - kien ikun irid jiffirma karta li m'hu se jkeċċi lil ħadd mill-impjegati tiegħu. Jien għadni niftakar li hekk kif irbaħna l-elezzjoni u kont għadni kemm dħalt fil-ministeru ta' l-industrija, għall-ewwel darba bgħatt għal xi uffiċjali tal-Malta Development Corporation u meta staqsejthom x'investiment kellna fil-pipeline, dawn irrispondewni: X'pipeline hu! Dik kienet ħofra! Dak iż-żmien aħna konna qtajna qalbna li jiġi l-investiment lejn Malta.. F'din is-sitwazzjoni kien jinsab pajjiżna dak iż-żmien, Madam Speaker.


Aħna konna pajjiż mitluq, pajjiż bla dawl, pajjiż bla ilma, pajjiż bis-sistema ta' telekomunikazzjoni antikwata ta' l-iStrowger, li kienet twaqqagħna għaż-żufjett ma' kull min kien jiġi f'pajjiżna, liema sistema kienet waħda mill-ikbar brakes li kellha l-ekonomija biex timxi 'l quddiem. Mur ġib li għadna b'dik it-tip ta' sistema llum, Madam Speaker!

Mur ġibna nipprovaw nagħmlu l-financial services centre b'dik it-tip ta' teknoloġija li writtna u li tant konna ġejna mgħajrin għaliex bdilniha! Mur ġibna llum nagħmlu floating ta' l-isħma tal-Maltacom fuq l-istock exchange b'dik it-teknoloġija! Dik ħofra! Pajjiżna kien pariah, kien mifni, kellna isem ħażin fil-qasam internazzjonali u meta kont tmur taffronta sidrek biex tħajjar l-investiment, kont tiġi ssuttat b'ħafna mistoqsijiet minħabba r-rekord ħażin li kellna fil-qasam internazzjonali. Hekk konna sa Mejju ta' l-1987.


Kien pajjiż mifni bil-qgħad, fejn il-ħaddiem Malti ma kienx jista' jsib xogħol. Kien pajjiż li fih il-ħaddiem kien jiġi mjassar biex jieħu l-paga u kien jiġi mjassar fid-Dejma - u din hija l-vilta' - fejn il-gvern bħala policy kien iħaddem nies mingħajr id-dritt li jidħlu f'union. Dak l-employer li suppost għandu jservi ta' mudell fejn jidħol it-trattament tal-ħaddiem, kien iħaddem nies fid-Dejma mingħajr ma jagħtihom id-dritt li jissieħbu f'union. U dan għalfejn? Halli jħallashom inqas u sabiex jassigura ruħu li għandu strike-breakers fid-dipartimenti kollha tiegħu, biex jekk xi darba l-ħaddiema regolari jazzardaw jistrajkjawlu jkollu lil tad-Dejma - dawn kienu jaqgħu taħt dixxiplina militari wkoll - lesti biex jeħdulhom posthom.
Dak iż-żmien pajjiżna kien mifni bil-friża, mhux biss fl-investiment imma f'kollox, fosthom fin-negozju, fil-pagi u fil-pensjonijiet. Dik ħofra! Dak iż-żmien pajjiżna kien mifni bl-umiljazzjoni għax biex jixtri l-ħteġijiet tiegħu, il-poplu Malti kien ikollu jaqbad il-vapur u litteralment jagħmel raid fi Sqallija. F'din is-sitwazzjoni kien pajjiżna fl-1987! Dak iż-żmien kellna pajjiż mifni b'eluf ta' ħaddiema mpjegati bl-addoċċ qabel l-elezzjoni, li swew lil pajjiżna miljuni ta' liri fis-sena. Dik kienet ħofra, Madam Speaker! U jien inħobb infakkar dawn l-affarijiet ħalli ż-żewġ naħat tal-Kamra jifhmu f'liema sitwazzjoni kien jinsab pajjiżna fl-1987.
Madam Speaker, minkejja li meta tela' fil-gvern sab dan id-diżastru kollu, il-Partit Nazzjonalista ma qagħadx jintilef jibki, jixher u jqatta' xagħru fuq dawn il-ħofor u fuq x'sibna f'Sant'Anġlu, f'Kalaxlokk, f'Lapsi Quarry u ma nafx fejn aktar. Kemm kien ikollna għalfejn nibku u ntambru fuq il-ħofor kieku qgħadna nintilfu fuq dawn l-affarijiet! Imma aħna ma kellniex inferiority complex għax konna nemmnu fil-ħila tagħna u ma kellniex għalfejn noqogħdu niġġieldu r-record li kellu l-Gvern Laburista. GĦax il-Gvern Laburista x'record kellu fl-1987? Kellu record ta' diżastru. GĦalhekk aħna ma kellniex għalfejn noqogħdu naħlu ż-żmien infasslu eżerċizzju ta' marketing biex nipprovaw niskreditaw lill-Partit Laburista - u fil-fatt il-poplu kien diġa' skredita lil dan il-partit - u minflok bdejna mill-ewwel ġurnata li tlajna' fil-gvern naħdmu fuq linja pożittiva biex noħolqu l-ġid. U għaliex konna kapaċi nagħmlu dan? Għax konna ppreparati u kellna programm sħiħ ta' dak li għandna nagħmlu, jiġifieri konna ħsibna minn qabel kif dan il-pajjiż għandu jiġi ggvernat. Madam Speaker, jien qed ngħid dan il-kliem biex il-poplu - inklużi xi ġurnalisti li jħobbu jiktbu ħafna - jibda jifhem id-differenza li hemm bejn partit u partit, u għaliex kif tela' l-Partit Nazzjonalista fil-gvern dan il-pajjiż beda jingrana 'l quddiem b'mixja ma taqta' qatt imma kif tela' l-Partit Laburista waqa' kollox għal patattu. Il-verita' hi li l-Gvern Nazzjonalista kien preparat, kien jaf x'għandu jagħmel u beda jaħdem mill-ewwel ġurnata fuq programm preċiż biex joħloq il-ġid u jimmotiva l-industrija.
Issa ara ma taħsbux li aħna ma ltqajniex ma' problemi! Aħna bdejna nħabbtu wiċċna mal-problemi mal-ewwel. Per eżempju, jien niftakar li lanqas kienu laħqu għaddew xahrejn minn mindu tlajna fil-gvern li Thomson, li kien amalgama ma' l-SGS, ma kienx se jitlaq minn Malta minħabba li beda jinsisti li jżomm il-fabbrika fil-francophone countries, peress li hemmhekk huwa kellu iktar kontroll, imma bl-għaqal tagħna mhux biss irnexxielna nipperswaduhom jibqgħu imma pperswadejnihom ikabbru wkoll. Permezz tal-Freeport, permezz tas-setturi tal-kummerċ u tat-turiżmu, kif ukoll permezz tal-ħidma tal-ministri kollha tal-Gvern Nazzjonalista, bil-mod il-mod pajjiżna beda jirnexxielu jimxi 'l quddiem. Pero' aħna qatt ma qgħadna nħambqu fuq dak li sibna, lanqas fuq it-8,000 ruħ li sibna mpjegati bl-addoċċ, u qatt ma qgħadna nieqfu biex naraw x'se nagħmlu u x'mhux se nagħmlu. Fhimna mill-ewwel li s-soluzzjoni għal pajjiżna m'hijiex li toqgħod teqred imma li taħdem ħalli toħloq il-ġid. GĦalhekk aħna middejna għonqna għax-xogħol biex nibdew noħolqu l-ġid u fi ftit żmien irnexxielna nibdew noħolqu l-ġid u nsolvu l-problemi.
Meta konna fil-gvern, uħud mill-Maltin u mill-GĦawdxin kienu jgħajruna li m'għaġġilniex biżżejjed u li messna keċċejna qabda ħaddiema minn mal-gvern biex b'hekk we reduce goverment. Kemm kienu jikkritikawna fuq hekk. Aħna mhux biss konna nafu x'qed nagħmlu ekonomikament imma bħala partit kellna wkoll kuxjenza soċjali u riedna li r-riforma fl-ekonomija ssir b'mod li l-poplu Malti ma jbatix u jkun protett mill-inkubi tas-sensji, mill-inkubi tal-qgħad u mill-inkubi tal-friża li kien darriena bihom il-Partit Laburista. Aħna bnejna ekonomija li kienet qed turi bil-provi li miexja 'l quddiem u l-poplu Malti fehem x'konna qed nagħmlu u ħadem fuq li ħadem biex ikompli jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu. Il-poplu Malti fehem ukoll li l-mutur tal-pjan tal-Gvern Nazzjonalista kien hu, u aħna min-naħa tagħna tajnieh l-għodda kollha u tajnieh il-fiduċja fih innifsu biex dan il-mutur ikun jista' jaħdem tajjeb. Jien inħares lejn dak iż-żmien b'sodisfazzjon u persważ li huma ħafna l-Maltin u l-Għawdxin li ilhom għal dawn l-aħħar sena u nofs iħarsu bi stennija ġdida li jerġa' jiġi dak iż-żmien għax dak kien żmien fejn l-ideat setgħu jitwettqu, fejn wieħed seta' jaħseb u jippjana għal quddiem u fejn wieħed seta' jkun jaf li hu u l-familja tiegħu qegħdin fiż-żgur.
Illum il-Gvern qed iħossu debboli u assedjat minn kullimkien, mhux biss bil-kritika ta' l-Oppożizzjoni, mhux biss bl-opinjoni pubblika li qed tikber kontrieh kuljum imma wkoll bid-dissens u bid-diżgwid fuq policies, fuq tattika u fuq personalitajiet li għandu fil-partit u fil-gvern. Illum dan il-Gvern lanqas biss għad baqagħlu fiduċja fih innifsu, aħseb u ara kemm jista' joħloq fiduċja fil-poplu! Ovvjament dak li m'għandux hu ma jistax jgħaddih lil ħaddieħor. U jekk huwa m'għandux fiduċja fih innifsu, kif jista' jipperswadi lill-poplu Malti biex ikollu fiduċja fih? Dan il-Gvern kellu bilfors jaqa' fin-nassa li jipprova jiskredita lil din in-naħa tal-Kamra u, kif seta' jara l-poplu Malti u Għawdxi kollu permezz tat-television u ta' mezzi oħra, għamel kampanja sħiħa biex jipprova jipperswadi lill-poplu li fi żmienna kulħadd kien qed jgħix ħolma, bħal xi storja tal-fatat. Dan bħal meta jidhirlek fatat, jgħidlek li għandek il-flus f'xi toqba fil-ħajt u mbagħad meta tmur tfittixhom minflok flus issib bebbux jew tajjar! Hekk kontu tipprovaw tipperswaduh lill-poplu intom u kontu tgħidulu: Hija illużjoni li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista intom kontu tgħumu fil-ġid; hija illużjoni li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista intom kellkom il-flus fil-but; hija illużjoni li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista l-kwalita' tal-ħajja kienet tiela'. Madam Speaker, imma l-poplu Malti qed iqabbel dak li kellu ma' dak li għandu llum, u jaf li fil-fatt huwa dak li kien jgħidlu l-Partit Laburista li kien illużjoni. Kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta huwa stess seta' jara b'għajnejh kif telgħu l-pagi tal-ħaddiem Malti mill-1987 sa l-1996? Kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta huwa stess seta' jara b'għajnejh lill-employers jiġru wara l-ħaddiem Malti biex jaħdem? Imma llum kemm tbiddlu l-affarijiet! Illum il-ħaddiem jinsab fil-ħofra għax mhux biss qed jintilfu eluf ta' mpjiegi fulltime imma qed jintilfu wkoll għexieren ta' eluf ta' mpjiegi part-time. Din hi r-realta'. Dawn huma l-fatti.
Kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta huwa stess seta' jara b'għajnejh kif kienu l-pensjonijiet fl-1987 u kif ħallejnihom aħna fl-1996? Biżżejjed ngħid li filwaqt li fl-1987 il-gvern nefaq Lm70 miljun f'pensjonijiet, fl-1996 aħna nfaqna Lm192 miljun. Dik ħofra! (Onor. Membri: Hear, hear) F'sena waħda l-gvern ħallas Lm122 miljun iktar mill-1987 f'pensjonijiet biss! Oqogħdu għajruna! Ftit ilu kont qed nitkellem ma' industrijalist u d-diskors waqa' fuq id-deficit tal-gvern. Ġibtlu bħala eżempju dan li għadni kif għidt fuq il-pensjonijiet u tlabtu jgħidli jekk hu, bħala industrijalist, iħossx li aħna għollejna l-pensjonijiet iżżejjed u jekk il-pensjonanti tagħna għandhomx pensjonijiet eċċessivi. Illum jien lill-Onor. Membri tan-naħa l-oħra ngħidilhom l-istess ħaġa. GĦidulna li llum il-pensjonanti għandhom pensjonijiet għoljin wisq! Għajruna għax aħna żiedna l-pensjonijiet għal Lm122 miljun fis-sena minn fuq dahar il-gvern! Għajruna b'dan il-fatt, ma jimpurtax! Pero' għidu wkoll li mill-friża li ħallejtuhom intom, meta kontu fil-gvern fl-1987, aħna lill-pensjonanti ġibniehom f'sitwazzjoni li jistgħu jgħixu ħajja diċenti, ħajja ta' nies.
Madam Speaker, kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta hu stess seta' jara b'għajnejh kif telgħu l-profitti ta' l-azjendi f'kull settur bejn l-1987 u l-1996, saħansitra fis-settur li kien jimmanifattura għal-lokal? Din kif tistgħu ssejħulha illużjoni? II-Ministru, biex jikkonferma t-teżi tiegħu, beda jikkwotalna xi ċifri pero' jiddispjaċini ngħidlu li huwa kkwota dawn iċ-ċifri ħażin ħafna. Issa jien lill-Ministru se nagħtih il-benefiċċju tad-dubju, fis-sens li nixtieq nemmen li ma kkwotax dawn iċ-ċifri biex iqarraq, pero' nixtieq inwissih biex meta jitimgħuh xi ċifri joqgħod attent li jidħol fihom, li jifhimhom u jara x'ifissru verament, għax jekk iċ-ċifri jiġu nterpretati ħażin jittieħdu qabda deċiżjonijiet bl-addoċċ. Per eżempju, il-Ministru fid-diskors tiegħu semma r-riżervi u spjegalna kif dawn waqgħu matul l-1995 u l-1996, pero' ma spjegalniex kif dawn telgħu m'ogħla s-smewwiet u b'mod straordinarju matul l-1994. U matul l-1994 ir-riżervi ma telgħux m'ogħla s-smewwiet u b'mod straordinarju għax sar xi miraklu mal-Gvern Nazzjonalista tafux imma għax, kif jaf kulħadd, dak iż-żmien is-sistema ta' tassazzjoni indiretta kienet qed tinbidel, id-dazji li fuq xi wħud mill-prodotti kienu straordinarjament għoljin kienu se jitneħħew, u l-grossisti u l-importaturi lokali ma xtaqux ikabbru l-ħażna qabel l-1995 - għax sfortunatament l-investiment ta' ħafna negozjanti Maltin huwa l-istock, u qed ngħid "sfortunatament" għax meta jsir hekk ikun hemm vested interest fl-inflazzjoni - u minħabba dan il-fatt fl-1994, meta tista' tgħid li l-importazzjoni kienet waqfet, ir-riżervi tal-pajjiż splodew 'il fuq. Imma mbagħad peress li dak li ma nxtarax fl-1994 inxtara fl-1995, jekk wieħed jikkompara r-riżervi li kellu l-pajjiż matul l-1995 u l-1996 ma' l-1994 isib li dawn naqsu. Allura l-Ministru kif jiġi hawn jgħidilna li matul l-1995 u l-1996 kellna diżastru fir-riżervi tal-pajjiż! Ejjew nifhmu ċ-ċifri qabel ma nparlaw u nifhmu x'ikun qed jiġri. Fir-realta' dan ir-riżultat kien kaġunat minn proċess ta' riaġġustament fl-ekonomija ta' pajjiżna, liema proċess kien wieħed naturali u bilfors kellu jsir fiċ-ċirkostanzi li kien għaddej minnhom pajjiżna. GĦalhekk hawn jien irrid nerġa' nappella lill-Ministru biex joqgħod attent qabel ma jikkwota xi ċifri għax min jaf jaqra ċ-ċifri verament isib li dawn jgħidu storja. GĦalhekk għandna noqogħdu attenti li nħallu ċ-ċifri jgħidu l-istorja tagħhom u mhux noqogħdu nagħmlu l-cut-offs u nagħmlu l-paraguni kif jaqblilna. Ara jien, iċ-ċifri nzertajt naf naqrahom!
Din bħal meta llum, per eżempju, qed niftaħru bid-dħul li qed ikollna mill-oqsma tat-turiżmu u ta' l-esportazzjoni, allavolja llum l-esportazzjoni naqset xi ftit. Jekk kemm-il darba ma nifhmux l-effett ta' l-iżvalutar tal-lira Maltija kontra muniti barranin inkunu qed nimmiżinterpretaw l-istatistika. Aħna ma nistgħux nieħdu l-istatistika at face value. Fil-fatt jekk wieħed jaqra l-istatistika sew isib li għalkemm illum in-numru ta' turisti żdied, in real terms id-dħul mit-turiżmu baqa' l-istess. Anzi biex ngħid hekk illum fortunati għax l-isterlina ġiet issarraf ħafna iktar f'liri Maltin, imma ma rridux ninsew li għolew l-ispejjeż ta' l-importazzjoni u l-ispejjeż biex dawn it-turisti jiġu ssapportjati. U mela noqogħdu ngħidu li t-turist nefaq iktar! Ir-realta' hi dik li qed ngħid jien. Issa jien m'iniex qed ngħid dan għax ma nixtieqx li t-turiżmu jiżdied. J'Alla jiżdied u j'Alla dan il-pajjiż jimxi 'l quddiem u joħloq il-ġid. Fil-fatt aħna qed nagħmlu din il-kritika biex f'pajjiżna jerġa' jibda jinħoloq il-ġid għax ma nixtequx li meta minn hawn u ftit snin oħra nerġgħu nkunu fil-gvern nerġgħu nsibu d-diżastru li sibna fl-1987. Imma hemm bżonn li ngħidu l-affarijiet kif inhuma u mhux noqogħdu nagħmlu qabda kummenti bl-addoċċ. Madam Speaker, dan huwa gvern ta' l-addoċċ!
Illum għandna ekonomija staġnata u fil-fatt jien skantajt kif fil-bidu ta' din id-diskussjoni l-Ministru qalilna li l-ekonomija sejra tajjeb, għax jekk verament jaħseb hekk bilfors li qed jgħix bejnu u bejn ruħu. Ngħid għalija ma ngħaddix minn triq - u llum għall-grazzja t'Alla għandi ċans ngħaddi mit-toroq! - li ma jwaqqfunix in-nies u jgħiduli x'diżastru hawn f'kull settur, kemm fis-settur tar-restoranti, kemm fis-settur tal-manifatturi żgħar - għax is-settur tal-bini m'hemmx bżonn insemmuh - kemm fil-bejgħ taż-żraben, kemm fil-bejgħ tal-ħwejjeġ, kemm fil-bejgħ tal-purtieri, kemm fil-bejgħ tat-twapet. Il-bieraħ stess waqt laqgħa li kelli qaluli li l-bejgħ ta' l-aluminium u ta' l-għamara spiċċa. Kollox baħħ! Kollox wieqaf! Allura kif jiġi l-Ministru u jgħidilna li miexi kollox sew! Ma jistax ikun li nibqgħu f'sitwazzjoni fejn il-poplu jaf li miexi f'direzzjoni ħażina u l-Gvern, għar-raġunijiet tiegħu, jibqa' jgħidlu li miexi fid-direzzjoni t-tajba. Jien m'iniex niskanta li din is-sena ġejna ffaċċjati b'dawn il-problemi fil-budget. Lanqas ma jien qed niskanta li qegħdin nisimgħu lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jgħidilna minn fuq it-television li kienu sejrin għall-printing u fil-ħin u l-mument skoprew żball ta' Lm20 miljun u kellhom iwaqqfu l-printing kollu. Issa nisperaw li llejla l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jgħidilna kif skoprieh dan l-iżball! (Interruzzjonijiet) Din ta' l-iżball mhux jien ivvintajtha imma qalha l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali stess. Madam Speaker, meta wieħed jibda jara ċ-ċifri u jidħol fihom fid-dettall jistaqsi: Imma hawn x'inhu jiġri?
Meta jien qabbilt - għax jien inħobb nagħmel il-paraguni - il-budget u r-revised estimates ta' l-1997 ma' dawk ta' l-1996 sibt shifts kbar bejn id-dħul attwali ta' l-1996 u d-dħul attwali ta' l-1997, liema dħul imbagħad m'huwiex ripetut għall-1998. Jekk wieħed iħares lejn l-1997 isib li f'dik is-sena daħlet muntanja ta' flus għall-gvern, u dan sar minħabba li d-dħul mid-dwana żdied bi Lm12 miljun, id-dħul mit-taxxi interni żdied bi Lm17 miljun u d-dħul mis-sigurta' soċjali żdied b'Lm16 miljun. Jien nifhem li fid-dwana ġie kkaġunat dan it-tibdil għax, kif jaf kulħadd, il-liġijiet tal-pajjiż inbidlu u minkejja li l-GRTU ma tniffsitx u ħafna nies bilkemm qed jindunaw, id-dazju f'pajjiżna żdied b'medja ta' 8% fuq l-affarijiet importati minn barra l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt dan kien l-ewwel attentat li għamilna biex nipprovaw nipperswadu lill-Ewropej li aħna għadna ħbieb għax dawk il-prodotti li qed jiġu importati minn barra l-Unjoni Ewropea qegħdin jeħlu dazju ogħla, imma xorta waħda they sent them packing.
Min-naħa l-oħra, wieħed kif jista' jispjega żieda ta' Lm17-il miljun fl-income tax? Jien naf nagħti spjegazzjoni kif b'mod ta' l-għeġubijiet, minkejja li matul l-1996 kien ipproġettat li ndaħħlu Lm105 miljun mill-income tax, hawnhekk jirriżulta li d-dħul kien jammonta għal Lm93 miljun. Milli jidher issa t-trapan beda jdur u jagħmel il-ħofra! Dawn l-affarijiet jissejħu cut-off dates. Issa llum qed jingħad li s-sena d-dieħla se jkun hemm żieda ta' Lm1 miljun fl-income tax. Hawnhekk huwa ċar li m'hawnx konsistenza u, kif għidt diġa', issa t-trapan qed jagħmel il-ħofor. Fil-qasam tas-sigurta' soċjali ġrat l-istess storja għax f'daqqa waħda kellna dħul aktar ta' Lm16 miljun waqt li din is-sena qed jiġi stmat li se jkun hemm tnaqqis ta' Lm5 miljun. Mela allura fl-1997 x'ġara? It-trapan beda jagħmel il-ħofor!
Hawn wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll l-eżerċizzju tal-Malta Drydocks, liema eżerċizzju jammonta għal Lm24.6 miljun. X'ma jitlax deficit ta' Lm100 miljun jekk isiru dawn l-affarijiet! Fil-fatt dan l-eżerċizzju kellu jsir fl-1996 u ma sarx, u mbagħad minkejja li fil-budget qalulna li dan se jsir fl-1997, ir-revised estimates ma wrewx li dan se jsir fl-1997. Dawn xi praspar huma! Jien għalissa se nieqaf hawn fuq dan is-suġġett pero' nispera li llejla waqt il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ningħataw risposta fuq dawn l-affarijiet.
Madam Speaker, issa hawn irrid insemmi wkoll l-iżball kbir tal-capital asset declaration - dan l-iżball fenomenali sar minħabba l-ebusija tar-ras u minħabba policy li saret bl-addoċċ - liema żball tellef il-fiduċja ta' ħafna nies li huma nvoluti fil-qasam ta' l-investiment. Min jaf kemm għidnielu u ftaħnielu għajnejh lill-Gvern li qed jagħmel żball u kemm tajtu eżempji jien biex nurih li din ma tistax taħdem fil-prattika! Imma meta għidnielu hekk, il-Prim Ministru qagħad jidħak bina biex imbagħad kellu jibla' kollox għax fil-fatt din is-sistema veru ma ħadmitx. Fil-fatt illum ninsabu f'sitwazzjoni fejn minkejja li ninsabu f'Mejju ta' l-1998, pajjiżna għadu qed jiddiskuti l-budget ta' l-1997. Dan hu l-mod maniġerjali u modern ta' kif għandna mmexxu pajjiż! Illum suppost il-Ministru qed jagħmel id-drafting tal-budget ta' l-1998 u suppost li aħna m'għadniex imwaħħlin biil-budget li għadda.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Dalli, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkompli jinstema?
ONOR. TONY ABELA: Nipproponi li jkompli jinstema'.
ONOR. JOE CASSAR: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. John Dalli jkompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. JOHN DALLI: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Il-Gvern inqabad f'paniku għax qed jagħmel ħafna proġetti biex jipprova jagħti kick-start lill-ekonomija. Bħalma kont għidt f'dan il-Parlament, dan il-Gvern lill-ekonomija kicks taha kemm trid imma start lanqas waħda ma taha! Issa bdejna nagħmlu l-proġetti li għalihom ħarġu t-tenders malajr malajr, ingħata perijodu qasir ħafna biex jintefgħu it-tenders, u qed ngħidu li min jintagħżel irid ilesti l-proġett malajr.
Issa bdejna l-proġett tal-Kottonera u filwaqt li l-Viċi Prim Ministru ġie hawnhekk jagħmel stqarrija li l-kumitat li ħatar għal dan il-proġett għażel it-tender ta' Ċikku, imbagħad smajna li dan il-proġett se jagħmlu Peppu. Imma dawn x'affarijiet huma! Almenu l-Prim Ministru messu reġa' ġie f'dan il-Parlament u spjegalna għaliex f'daqqa waħda l-kumitat biddel id-deċiżjoni tiegħu għax, bħalma ġie hawnhekk jagħmel stqarrija li ntgħażel Ċikku, il-Gvern messu ġie hawnhekk jispjegalna għaliex issa minflok Ċikku ntgħażel Peppu. Issa jien la għandi interess li jintgħażel Ċikku u lanqas Peppu imma aħna rridu nkunu nafu x'qed jiġri għax hemm ħafna mistoqsijiet li għandhom jiġu mwieġba.
Sur President, imbagħad xi ngħidu għall-proġett tat-teatru, dan il-machismo kollu, bil-Gvern ta' l-Onor. Sant jgħidilna li se jagħmel dak li ħadd ma rnexxielu jagħmel f'50 sena! Imma wara li ħarġu t-tenders malajr malajr - fid-diskussjoni tal-budget kont għidt li llum għandna gvern ta' Ġaħan u llum dan iktar qed nikkonfermah, għax Ġaħan kien jagħmel hekk! - x'sibna? Wara li tant ftaħarna li dan huwa l-proġett fenomenali tal-millennju u ma nafx kemm spazju ħadna mill-gazzetti biex nuru kemm aħna bravi u kemm aħna kbar, jien skantajt kif id-direttur tal-kuntratti niżżel fuq il-lista uffiċjali żewġ offerti. Biex għamel hekk dan kiser ir-regolamenti approvati mill-Kamra, li jgħidu li meta jintefgħu offerti l-ewwel għandhom jinfetħu b'ċerta ordni pakketti tad-dokumentazzjoni speċifiċi. GĦalhekk meta qrajt fil-gazzetti li waħda mit-tenders ma kellhiex bid bond, skantajt u tnixxift għax ir-regolamenti jgħidu li f'dak il-każ it-tender ma kellhiex tkompli tinfetaħ. (Onor. Membri: Hear, hear) Allura din it-tender għaliex kompliet tinfetaħ? Biex ngħidu li għandna żewġ offerti jew biex nibdew ninnegozjaw? Imbagħad fil-gazzetti qrajna wkoll li l-offerta fiha ħafna kondizzjonijiet. Jekk dan huwa veru, id-direttur tal-kuntratti ma kellux jaċċettaha. (Onor. Membri: Hear, hear) (Interruzzjonijiet) Kieku konna nispiċċaw mingħajr l-ebda offerta. Issa jien ma nafx għalfejn id-direttur tal-kuntratti għamel dawn l-affarijiet jew jekk ġiegħlux jagħmilhom xi ħadd, imma li qed ngħid hu li mhux sew li niftħu t-tender documents fuq ċerta bażi u mbagħad meta niġu biex nikkonsidraw offerta naqbdu u nibdlu l-kondizzjonijiet minn rajna. Ċertament li jekk jiġu aċċettati kondizzjonijiet ġodda dan għandna nagħmluh pubbliku, ħalli jekk wieħed jidhirlu li dawk il-kondizzjonijiet ikunu jgħoddu għalih ikun jista' jitfa' t-tender. Pero' l-Gvern staħa jgħid li m'għandux offerta valida waħda fuq il-proġett tat-teatru. (Onor. Membri: Hear, hear)
Sur President, diżgrazzjatament dan il-Gvern tela' fuq ħafna wegħdiet bl-addoċċ u l-ħafna wegħdiet bl-addoċċ iwassluk biex tiggverna bl-addoċċ. Dan il-Gvern jinsab maqbud f'morsa għax filwaqt li jaf preċiżament x'ma jridx, min-naħa l-oħra m'għandu l-ebda idea xi jrid. Fil-fatt din hi d-dilemma li għandu pajjiżna llum. GĦandna gvern li jaf preċiżament x'ma jridx. Ma jridx dak li bih seraq tant eluf ta' voti, bit-tpespis fil-widnejn fil-kampanja elettorali li għamlu fi djar in-nies, għax ma kenux kapaċi dak iż-żmien jiddiskutuh fl-apert. Aħna nafu li l-Gvern ma jridx il-VAT, pero' min-naħa l-oħra x'irid? Ma jafx xi jrid, u huwa proprju għalhekk li filwaqt li għadna kemm rajna l-farsa tal-konċepiment tas-CET, minn hawn u ftit żmien ieħor se naraw il-mewt ta' din is-sistema ta' tassazzjoni. M'ilux wisq li kellna l-opportunita' li naraw din is-soap opera tiżviluppa fuq it-television, bil-Prim Ministru jipprova jwieġeb għad-domandi li jsirulu billi jaqbad u jagħmel il-policies dak il-ħin stess, on two feet - iqum xi ħadd mill-platea u jpoġġi l-każ tiegħu, u mbagħad il-Prim Ministru jirrispondih u jgħidlu: Int hekk trid? Mela issa narawhielek din, ta'! U lill-ieħor jgħidlu: Int hekk trid? Issa narawhielek ukoll! Hekk saret is-CET - u allura bilfors li s-CET ġabet it-taħwid. X'ma toħloqx taħwid! X'ma toħloqx din l-emorraġija fuq id-dħul tal-gvern! X'ma tpoġġix il-Gvern f'pożizzjoni li llum ikollu jiġi hawnhekk biex jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Parlament ħalli jissellef Lm110 miljun! (Onor. Membri: Hear, hear) Mela ejjew ngħidu l-fatti kif inhuma. Illum dawn għalhekk qed jiġu jitolbu lil dan il-Parlament awtorizzazzjoni għal self ta' Lm110 miljun, għax ma jafux xi jridu u ma jafux kif jiggvernaw. Dan huwa gvern inkompetenti f'dak kollu li qed jagħmel.
Pero' ħalli nkompli nittratta l-kwestjoni tal-VAT għaliex issa qed naraw li għandhom change of heart - naturalment imġegħlin ikollhom change of heart - u qed nisimgħu li deħlin taxxi ġodda. (Interruzzjonijiet) Iva, x'taxxi ġodda deħlin qed nisimgħu, u qed nisimgħu wkoll li l-prodott lokali se jiġi ntaxxat daqs il-prodott ta' barra. Mela din m'hi xejn ħlief value added tax pura. Allura għaliex ma ngħidux li se nerġgħu ndaħħlu l-VAT! (Interruzzjonijiet)
ONOR. MEMBRU: Mhux value added tax imma tax on value added!
ONOR. JOHN DALLI: What's in a name! (Interruzzjonijiet) Imma xorta ma jkollux joħroġ għal elezzjoni oħra, biex niftehemu, isemmiha x'isemmiha. (Onor. Membri: Hear, hear) (Interruzzjonijiet) Dak fiex jifhem! Dak lanqas portafoll m'għandu miskin!
ONOR. MEMBRU: Kemm għandkom x'iddumu mdejqin taħt dan il-Gvern!
ONOR. JOHN DALLI: Imdejjaq il-poplu, mhux aħna! (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Jekk jogħġobkom żommu l-ordni. L-Onor. Dalli għandu dritt ikompli d-diskors tiegħu mingħajr ma jiġi nterrott.
ONOR. JOHN DALLI: Sur President, li l-Gvern se jdaħħal taxxi ġodda qed nisimgħu imma fuq refunds x'aħna nisimgħu? Xejn! Allura jien nistaqsi: Jekk issa n-negozjant Malti se jibda jiġi ntaxxat fuq il-prodott lokali daqskemm jiġi ntaxxat fuq prodott ta' barra, se jingħata refund bħalma jingħata l-manifattur barrani f'pajjiżu? Iva jew le?
ONOR. MEMBRU: GĦadhom ma jafux!
ONOR. JOHN DALLI: Veru għadhom ma jafux. Jekk m'aħniex se nagħmlu hekk, il-povru manifattur bilfors li se jkun uncompetitive għal kollox. Jekk se nintaxxaw lill-manifattur lokali u mhux se nagħtuh refund fuq l-input li jagħmel, bħalma jirċievi l-manifattur barrani, dan kif jista' jikkompeti! Spjegawlna ftit x'se tagħmlu u ma tagħmlux.
Sur President, ħaġa'oħra li l-Onor. Membri tal-Gvern ma jridux hija li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, u hawnhekk se jkolli nitkellem fuq l-Unjoni Ewropea, allavolja probabbilment miniex in order, peress li għad għandna mozzjoni li għadha ma ġietx diskussa f'dan il-Parlament minħabba r-ras iebsa tan-naħa tal-Gvern. Illum aħna ninsabu f'pożizzjoni li ma nistgħux niddiskutu l-Unjoni Ewropea, imma xorta waħda jien se nittratta din il-materja Sur President. Tan-naħa l-oħra qegħdin iġibuna f'pożizzjoni li biex aħna ngħidu dak li għandna ngħidu jkollna niksru r-regolamenti tal-Kamra! (Interruzzjonijiet). Jiġifieri l-Onor. Membru qed joġġezzjona għaliex qed nitkellem?
THE DEPUTY SPEAKER: Kompli, Onor. Dalli. Jien qed nagħtik il-kelma biex tkompli.
ONOR. JOHN DALLI: Jien kulma qed nagħmel hu li qed ngħid il-fatti kif inhuma u qed nispjega f'liema pożizzjoni ġibtu lil dan il-Parlament.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Dalli, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. JOHN DALLI: Iva, jien biex nitkellem fuq l-Unjoni Ewropea qed ikolli nikser ir-regolamenti tal-Kamra! F'din il-pożizzjoni ġibtuna pero' nħoss li xorta waħda għandi nitkellem fuq l-Unjoni Ewropea. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi u Onor. Abela, jekk jogħġobkom żommu l-ordni. (Interruzzjonijiet) Kompli, Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Sur President, kif kont qed ngħid, in-naħa l-oħra ma tridx li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, u anke hawnhekk qed naraw il-politika bl-addoċċ li għandu dan il-Gvern. Issa hawn jien irrid infakkar li din il-politika ġiet skreditata għax il-Gvern m'għandux l-appoġġ tal-Parlament għall-politika tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear) Din hija l-verita', Sur President. Il-Gvern ġie sfiduċjat. Għalhekk qed jibża' jressaq il-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Vleġġa 'l hawn, vleġġa 'l hemm, kumment 'l hawn u kumment 'l hemm, fl-aħħar tiżvina! Anke hawn qed naraw il-politika ta' l-addoċċ ta' dan il-Gvern. Il-Gvern beda f'pożizzjoni mhux definita u beda jitkellem fuq industrial free trade, kompla jħawwad u jgħaffeġ sakemm fl-aħħar ġie mkaxkar - u fil-fatt ġie imkaxkar fil-veru sens tal-kelma - mill-Unjoni Ewropea biex jadotta pożizzjoni kif riedu l-Ewropej. Kemm kienu jgħajruna lilna li dak li konna qed nagħmlu konna qed nagħmluh biex nogħġbu lill-Unjoni Ewropea. Imma lilhom kaxkruhom u qalulhom: Mhux kif tridu intom imma kif ngħidulkom aħna!
Sur President, dan l-aħħar qed nisimgħu li se jsir restructuring fil-qasam tal-manifattura? X'jiġifieri! X'qegħdin ngħidulhom lil dawk li jagħmlu l-għamara? Għidulna ftit! Intom kontu xxewxuhom tant għalina! GĦidulna x'qed tgħidulhom lil dawn il-ħaddiema! X'se jagħmlu dawk li jagħmlu l-għamara, dawk li jagħmlu l-aluminium u dawk li jagħmlu tant affarijiet oħra? Ta' l-Ewropa qalulhom li r-restructuring irid isir fi tliet snin. Biex mingħalih ikun għamel xi avvanz, il-Gvern qalilhom li jrid jagħmilha f'seba' snin. Meta marru hemmhekk ta' l-Ewropa qalulhom li din trid issir fi tliet snin. Allura s-soluzzjoni x'inhi? Is-soluzzjoni hi li ntawlu u nieħdu erba' snin biex niftehemu! Dik soluzzjoni! Soluzzjoni ta' Ġaħan, Sur President! Jiġifieri se nagħmlu erba' snin fil-limbu biex l-Ewropa tgħaddi tagħha u Alfred Sant tgħaddi tiegħu u qisu ma ġara xejn! Dan huwa gvern ta' l-addoċċ. Se nagħmlu erba' snin ninnegozjaw u ngħaddu ż-żmien b'xulxin biex imbagħad dawn l-erba' snin magħduda mat-tlieta ta' l-Ewropa jiġu seba' snin. Ara daqsxejn xi ħmerijiet! Nieħdu l-agrikoltura. L-agrikoltura x'se jiġri minnha? Staqsu lil min tridu x'se jiġri mill-agrikoltura u r-risposta tkun: Ma nafx! Il-Gvern ma jafx x'se jiġri fl-agrikoltura. L-Unjoni Ewropea qaltilhom li l-agrikoltura se tkun inkluża fl-agreement u mbagħad wara nibdew niddiskutu l-eċċezzjonijiet.
Nieħdu t-turiżmu. Smajna hawnhekk li huwa ta' ġid għat-turiżmu li aħna ma nkunux fil-Euro. Imma dawn ħmerijiet, Sur President! L-effett li se jkollha l-Euro fuq il membri tagħha kollha huwa li din se tnaqqas b'mod straordinarju l-ispejjeż tat-transazzjonijiet kollha li jsiru f'munita barranija. Illum il-kompetituri tagħna kollha mhux se jkollhom problema meta jirċievu turisti mill-Ewropa. Imbagħad hemm vantaġġ ieħor għall-operaturi kompetituri tagħna fil-Portugall, fi Spanja u f'pajjiżi oħra, għax billi jrid ikun hemm conversion fl-imgħaxijiet tal-bank, dawn se jkunu baxxi ħafna. Hawnhekk għandna sitwazzjoni fejn ir-rati ta' l-imgħax f'pajjiżna telgħin u fl-Ewropa, anke minħabba l-Euro, neżlin. Issa jekk hemm settur li huwa heavily geared u highly capitalised dan huwa s-settur tat-turiżmu, fejn trid kapital enormi biex tibda, għax tkun trid tibni l-lukanda u tagħmel il-furnishing tagħha qabel ma tkun għadek lanqas biss daħħalt sitt ħabbiet. Dan jagħti lok għal dak li jgħidulu heavy gearing, fejn il-kapital a proporzjon tas-self ikun baxx u s-self ikun għoli. Allura l-inċidenza ta' l-imgħaxijiet fuq l-azjendi f'dan is-settur huwa ta' importanza kbira, bħalma hi l-inċidenza tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Bħala spejjeż fuq dawl u l-ilma, bejn wieħed u ieħor, dawn jonfqu l-ekwivalenti ta' 6% tat-turnover tagħhom. Mela jekk tagħmel kalkolu ssib li bit-tariffi l-ġodda l-ispejjeż se jiżdidulhom b'4%. Allura, Madam Speaker, kemm kienet daħka fil-wiċċ meta għidnilhom li naqqasnilhom ir-rata tal-VAT minn 10% għal 5%! Kemm kienet daħka fil-wiċċ li lil dawn għidnilhom li se nnaqqsulhom ir-rata tas-service tax - jew aħjar is-CET - minn 10% għal 5%! Issa dawn ma kenux jafu x'qed jiġri għax ħadd ma qalilhom kif se jsir il-kalkolu. Dawn kellhom moħħhom mistrieħ. Jien kont staqsejthom dwar kif se jkunu milquta bir-rati l-ġodda u qaluli li l-effett se jkun marġinali ħafna. Kemm qalu aħħ! Kemm weġġgħu meta rċevew il-kontijiet! Ħadd ma kien qalilhom kif se jikkalkolawha din. Ħallewhom kwieti u għamlulhom ir-rati bil-moħbi, li ma jmorrux jirvellaw f'dak iż-żmien li Malta kollha kienet qed tiddiskuti l-kwestjoni tat-tariffi ta' l-ilma u d-drenaġġ. Għalhekk il-Gvern dak iż-żmien seta' jgħid li tal-hotels ma tkellmux. Imma issa tkellmu tal-hotels! Dażgur li jitkellmu tal-hotels! Mela dan l-isfreġju xi ħadd jista' jaċċettah fuq pajjiżna?
Smajna lill-Onor. Sceberras Trigona jitkellem fuq Father Christmas. Jien inserraħ ras l-Onor. Membru li aħna ma stennejna lill-ebda Father Christmas. Aħna mill-1987 għamilna wegħda magħna nfusna li dan il-pajjiż mhux se jibqa' tallab ta' ħadd. Fl-1987 għamilna wegħda magħna nfusna li l-ġid li se nqassmu bejnietna se noħolquh aħna. Spiċċa ż-żmien li mmorru bil-kopp mad-dinja kollha nitkarrbu għall-flus. Id-dħul fl-Ewropa kien jagħmilha possibbli għalina bħala pajjiż li nieħdu fondi mill-Ewropa bi dritt, Sur President. Konna neħduhom bi dritt u mhux imur il-Ministru Vella u jitlobhom jagħmlulna pjaċir u jdaħħluna fi protokoll ieħor u biex jagħtuna xi ħaġa milli se jagħtu lil ħaddieħor. Aħna l-pożizzjoni tagħna differenti. It-triq tagħna kienet tfisser li l-fondi mill-Ewropa konna neħduhom bi dritt. Il-konċett Ewropew hu li jkun hemm level playing-field għal kulħadd. Din tagħraf l-iżvantaġġi li għandu pajjiżna f'ħafna setturi, tagħraf li pajjiżna huwa żgħir, tagħraf il-problemi li għandna b'ħafna riżorsi naturali, bħall-ilma, tagħraf il-livell ta' żvilupp li għandna u li rridu mmexxuh kemm jista' jkun malajr bil-ġirja biex nilħqu l-average Ewropew. U biex tgħinna nagħmlu dan, mhux bħal Father Christmas imma bi dritt, konna se ningħataw fondi biex inkunu nistgħu ninvestu fl-infrastruttura ta' pajjiżna. Dawn il-fondi kieku kien ikollna niġbruhom mingħand il-poplu Malti. Aħna qatt ma ngħidu li dawn se jagħtuna xi Lm30 miljun biex jagħmlu tajjeb għall-budget. Mhux dak il-konċett u min jitkellem hekk ma jkun fehem xejn. Dawn jiffinanzjaw proġetti li l-pajjiż ikollu bżonn u li kieku ma jiffinanzjawhomx huma, il-pajjiż ikollu jiffinanzjahom mit-taxxi li jiċċarġja lill-poplu. Allura l-Ewropa tkun qed tħallas minflok it-taxxi tal-poplu u forsi ma kienx ikollna għalfejn nagħmlu dawn ir-rati krudili tad-dawl u l-ilma, kif saru minn dan il-Gvern.
Sur President, din in-naħa tal-Kamra se tivvota kontra dan is-self li se jagħmel il-Gvern. Nafu li l-Gvern għandu bżonnhom dawn il-flus pero' aħna nafu wkoll li dan il-bżonn ħolqu hu minħabba l-politika bl-addoċċ li qed isegwi, minħabba n-nuqqas ta' foresight li għandu u minħabba l-mod kif mhux kapaċi jiġbor ir-revenue li suppost jiġbor kieku jagħmel politika fiskali li tagħmel sens. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki. L-Onor. Lawrence Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Sur President, naħseb li wara li smajna dawn l-interventi kollha s'issa - u żgur li għad irridu nisimgħu aktar interventi minn din in-naħa, u ma nafx jekk hux ukoll mill-kollegi tagħna tan-naħa l-oħra tal-Kamra - wieħed mill-ewwel jinduna li l-Oppożizzjoni qed tħares lejn dan l-abbozz ta' liġi b'mod li joffrilna l-opportunita' li għal darba oħra, bħalma għamlna matul dawn ix-xhur kollha li għaddew, nipprovaw bi sforz ġenwin ieħor infittxu l-aħjar triq għal pajjiżna. Qegħdin nitkellmu dwar abbozz ta' liġi li l-Gvern ressaq quddiem din il-Kamra biex ikun jista' jissellef Lm110 miljun ħalli jagħmel tajjeb għad-deficit tas-sena li għaddiet. F'dibattitu bħal dan, il-Kamra qed tingħata l-opportunita' illi għal darb'oħra tipprova tiftaħ għajnejn il-Gvern u tispjegalu bil-kalma illi l-politika li qiegħed jadotta u jimplimenta hi s-sors tal-problemi kollha li pajjiżna bħalissa jinsab fihom.
Konsistentement tul ix-xhur li għaddew l-Oppożizzjoni ippruvat bil-prudenza kollha tiftaħ għajnejn il-Gvern u kemm-il darba sejħet għal consensus, ħalli b'mod kostruttiv nippruvaw insibu dak li hu l-aħjar interess tal-poplu tagħna. Sfortunatament għalina, u b'mod speċjali sfortunatament għal dan il-poplu, wara 18-il xahar ta' Gvern Laburista, l-unika reazzjoni li rajna min-naħa l-oħra ta' din il-Kamra hija reazzjoni ta' għebusija tar-ras, reazzjoni ta' pika tat-tfal iż-żgħar u reazzjoni illi ma tagħtikx fiduċja illi ġenwinament nistgħu flimkien infittxu dak li hu fl-aħjar interess ta' pajjiżna. Għaliex qed ngħid hekk? Għax nerġa' nirrepeti li hawn għandna proposta biex dan il-Parlament jawtorizza lill-Gvern jissellef Lm110 miljun għad-deficit tas-sena l-oħra u huwa inevitabbli li aħna nduru fuq il-Gvern u nistaqsuh dwar kif ġie dan id-deficit. Wara xhur sħaħ li ilu jiggverna u jimplimenta deċiżjonijiet - deċiżjonijiet li ħa hu u mhux ħadhom il-Gvern Nazzjonalista - ir-riżultat hu li l-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant spiċċa b'dan id-deficit inkredibbli.
Jiena m'għandi l-ebda intenzjoni li noqgħod nirrepeti l-punti li diġa' saru matul dan id-dibattitu - dibattitu li mmatura u għad jonqsu biex jimmatura, għax issa ilu għaddej fuq tliet seduti jew erbgħa - pero' kieku kellek tfittex tinduna li l-argumenti kollha kemm huma jduru madwar il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. U bilfors ikun hekk għax din il-kwestjoni hija kardinali għal pajjiżna. Madwarha jdur id-destin ta' pajjiżna. Madwarha jdur id-destin ta' dawn ix-xhur li qed ngħixu, tas-snin li għandna quddiemna, kif ukoll tas-snin li ġejjin anke fit-tul. Dan huwa l-fattur komuni u forsi l-aktar memorja friska li għandna f'rasna ta' kemm dan l-argument hu fattur komuni bejn id-diskorsi kollha li smajna huma d-diskorsi ta' dalgħodu.
Dalgħodu tkellem l-Onor. Anton Tabone, li kien in possession fil-bidu ta' din is-seduta, u l-argument tiegħu, iffokat speċjalment fuq Għawdex, kien mibni fuq il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Tkellem l-Onor. Ninu Zammit, li jsegwi l-qasam tal-biedja u sajd, li għamel diskors mibni madwar il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Tkellem ukoll l-Onor. Alex Sceberras Trigona, min-naħa l-oħra tal-Kamra, illi rrisponda u bbaża d-diskors sħiħ tiegħu fuq ir-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea. Issa, f'diskors tassew tajjeb, wara li ta ħarsa dwar x'wassal lil pajjiżna għas-sitwazzjoni preżenti u x'wassal lil dan il-Gvern biex jiġi quddiem dan il-Parlament u jitlob il-karita', jitlob il-permess biex jissellef Lm110 miljuni oħra, barra l-miljuni li diġa' awtorizzajnih jissellef, l-Onor. John Dalli bena l-argument tiegħu madwar il-fatt illi dan kollu hu marbut ukoll mal-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. U ġejna f'din is-sitwazzjoni stramba u skomda għad-deputati f'dan il-Parlament, illi kull diskors, jekk irridu veru nfittxu dejjem l-interess ta' pajjżna, bilfors jeħodna lura għall-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Dan inevitabbli.
Madam Speaker, waqt l-intervent tiegħu l-Onor. Dalli qal li qegħdin f'sitwazzjoni daqsxejn antipatika, fejn qegħdin nabbużaw mir-regoli tal-Kamra. Għaliex qal hekk l-Onor. Membru? Għax l-aħħar item fuq l-aġenda għal din is-seduta maratona - stil ta' kif dan il-Gvern imexxi x-xogħol fil-Parlament - hija t-tkomplija tad-diskussjoni tar-riżoluzzjoni li kien ressaq il-Kap ta' l-Oppożizzjoni fit-12 ta' Ottubru tas-sena li għaddiet, u li minn dak inhar sal-lum dan il-Gvern baqa' jirrifjuta u baqa' jwebbes rasu u ma jħallix lil dan il-Parlament iġib għall-għeluq tagħha. Dan il-Parlament ma jiġix hawn biex jiddibatti biss, ma niġux hawn biex noqogħdu nitkellmu fil-vojt biss, għax kieku nistgħu mmorru nieħdu kafe' għand Cordina u noqogħdu niddibattu kemm irridu! L-iskop ta' dan il-Parlament m'huwiex biss li jiddibatti imma hu li jiddibatti biex iwassal għal deċiżjoni. Huwa ħażin li fuq l-aġenda tħalli item imdendla u ma tippermettix lil dan il-Parlament iwassalha għall-konklużjoni tagħha, wara li jkunu ġew esposti l-argumenti kollha. Allura spiċċajna f'din is-sitwazzjoni stramba li għandna item fuq l-aġenda, ċioe' il-kontinwazzjoni tad-diskussjoni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni li l-Gvern ma jridx iħallina niddiskutu, pero' fl-istess ħin għandna l-ewwel item ta' din l-istess aġenda li proprju ddur madwar il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Mela spiċċajna fis-sitwazzjoni stramba li biex niddibattu dan l-abbozz dwar is-self bis-serjeta' rridu bilfors nidħlu fil-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
Issa hawnhekk qegħdin marbutin b'regolament li jgħid li ma nistgħux nitkellmu fuq item ieħor li jkun qiegħed fuq l-aġenda. Waqt l-intervent tiegħu, l-Onor. Dalli f'mument minnhom dar fuq min kien qed jippresjedi din il-Kamra u qallu li teknikament qed jinkisru r-regoli tal-Kamra għax mhux suppost jiġi ttrattat item ieħor ta' l-aġenda. (Interruzzjonijiet) Dak il-ħin l-Onor. Mizzi kien se jqajjem point of order pero' reġa' ħasibha għax li kieku qajjem il-point of order hekk kien jiġri. Jekk min qed jippresjedi jrid jimxi verament mar-regoli ta' din il-Kamra, irid idur fuq l-Onor. Dalli u jgħidlu li fuq l-Unjoni Ewropea ma jistax jitkellem. Hekk suppost li jsir. Jiġifieri qed ngħixu ħajja ftit stramba f'dan il-Parlament. Kieku xi ħadd f'din il-Kamra jdur fuq is-Sedja u jitlob li jiġu mplimentati r-regoli, ikun ifisser li ma nistgħux nitkellmu fuq l-Unjoni Ewropea. Bħalissa pajjiżna għandu Parlament b'item imdendla u teknikament hawnhekk ma nistgħux niddiskutu l-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea sakemm il-Gvern, bil-bona grazzja tiegħu, ma jasalx biex jippermetti lil dan il-Parlament jiddiskutu dan is-suġġett.
Meta niġu biex nivvotaw irridu niddeċiedu bejnietna jekk dan il-Parlament għandux jagħti l-permess lill-Gvern biex jissellef dawn il-Lm110 miljun, u aħna qed ngħidulu li ma nistgħux niddivorzjaw il-kwestjoni tas-self mill-kwestjoni dwar l-Unjoni Ewropea. Dawn huma miżżewġin ma' xulxin, żewġ affarijiet magħqudin intimament ma' xulxin u aħna ma nistgħux nisseparawhom minn xulxin. Dawn huma żewġ affarijiet li llum imorru flimkien u se jkomplu jmorru flimkien, u mhux biss fuq dan l-item ta' l-aġenda. Il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea tant hija importanti għal pajjiżna li tista' tgħid torbot ma' l-aġenda sħiħa li għandna quddiemna llum. Allura wieħed irid jirrifletti ftit. Qed ngħidu li qabel jiġi biex jivvota, deputat irid l-ewwel ikun espona l-argument kollu dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Allura jien bilfors nasal biex ngħid, Madam Speaker, li f'dan l-istadju l-iktar ħaġa sensibbli hi li nieqfu mid-diskussjoni dwar dan l-abbozz ta' liġi, biex qabel ma nieħdu d-deċiżjoni jekk għandniex nawtorizzaw lill-Gvern biex jissellef Lm110 miljun - ħalli jagħmel tajjeb għad-deficit li hu ġab b'idejh is-sena li għaddiet - niddiskutu l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-Unjoni Ewropea u dwar x'inhi l-aħjar triq biex dan il-Gvern ikun jista' jevita li s-sena d-dieħla jerġa' jiġi quddiemna u jerġa' jitlob li jissellef Lm110 miljun oħra. Irridu l-ewwel niddiskutu u niddeċiedu f'dan il-Parlament jekk hijiex l-aħjar triq li mmorru għal sħubija sħiħa, jew inkella hijiex l-aħjar triq li mmorru għaż-żona ta' kummerċ ħieles li għażel il-Gvern, qabel ma niddeċiedu jekk nagħtux il-permess lill-Gvern biex jissellef il-Lm110 miljun. L-affarijiet hekk jagħmlu sens.
Madam Speaker, meta wieħed iħares lejn dak li jirregola lil dan il-Parlament u parlamenti oħrajn isib regolament li jippermetti li aħna nagħżlu dik it-triq, u jien naħseb li ta' min iħares lejh dan ir-regolament. Jeżisti mod kif aħna nistgħu nipproponu lil dan il-Parlament biex nipposponu din l-item biex niddiskutu item ieħor. Qed nirriferi għar-Regolamenti 14 u 15, li jippermettu li Membru ta' din il-Kamra li jkun in possession waqt li tkun qed tiġi dibattuta liġi, iressaq mozzjoni biex id-diskussjoni fuq l-abbozz ta' liġi tiġi sospiża. Fil-fatt hi mozzjoni għall-aġġornament tad-diskussjoni li tkun għaddejja.
Madam Speaker, jien tajt daqqa t'għajn lejn dan ir-regolament u tajt daqqa t'għajn lejn x'jgħid Erskine May, biex nara jekk hux kull Membru jista' jagħmilha jew jekk hux ministru biss jista' jagħmilha, pero' din id-darba hija ċara daqs il-kristall - u wieħed żgur ma jistax jaħrab minnha - kemm fir-regolamenti tagħna u aktar u aktar f'Erskine May, li l-Membru li jkun in possession jista' jressaq mozzjoni f'dan is-sens. Fil-fatt Erskine May f'paġna 339 jgħidlek li:
"During debate upon a question any Member may move, 'That this House do now adjourn ..."
- li m'huwiex dak li qed nipproponi jien -
""... or that the debate be now adjourned".
Imbagħad ikompli jgħid:
"He does so not by way of amendment to the original question but as a distinct question which interrupts and supersedes that already under consideration".
Erskine May qed jgħid li huwa possibbli li Membru li jkun qed jitkellem iressaq dan ħalli jkun jista' jaġġorna d-diskussjoni.
"The use of the motion for the adjournment of the House to supersede another question must be distinguished from its use as a substantive motion, i.e. before or between the Orders of the Day ...".
- jiġifieri dan qed jagħmel distinzjoni bejn item ta' l-aġenda li tkun magħluqa u item oħra ta' l-aġenda li nkunu deħlin fiha; hemmhekk ukoll wieħed jista' jressaq il-mozzjoni biex jaġġorna s-seduta -
"...when it can be moved only by a Member of the Government."
Jiġifieri f'dik is-sitwazzjoni Membru tal-Gvern biss jista' jressaqha. Jiġifieri Erskine May qed jagħmilha ċara li Membru li jkun fil-pussess waqt li jkun qiegħed jidibatti liġi jista' jressaq mozzjoni f'dak is-sens.
Naturalment, Madam Speaker, hemm ċertu ammont ta' diskrezzjoni li s-Sedja għandha mogħtija lilha mir-regolamenti tal-Kamra biex tiddeċiedi. X'inhi din id-diskrezzjoni? Diskrezzjoni li toħroġ mill-iStanding Order Nru. 15 tar-regolamenti tagħna tgħidlek li
"Jekk l-iSpeaker jew il-President ta' Kumitat tal-Kamra kollha jkun tal-fehma illi mozzjoni għall-aġġornament ta' diskussjoni, jew tas-seduta matul xi diskussjoni, jew li l-President jirrapporta progress jew li jħalli postu, tkun abbuż tar-regoli tal-Kamra, jista' minnufih iqiegħed il-proposta għall-voti dwar hekk minn postu, jew jista' jiċħad milli jaċċetta dik il-mozzjoni."
Jiġifieri is-Sedja għandha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk meta nressaq din il-proposta quddiem din il-Kamra nkunx qiegħed nabbuża mir-regoli tal-Kamra.
Issa jiena, Madam Speaker, nixtieq l-ewwelnett ngħid li wisq nibża' li l-verita' sagrosanta hi li jekk ma nagħmlux hekk inkunu qed nabbużaw mir-regoli tal-Kamra. Kif għidt diġa', għandna item ta' l-aġenda li ma nistgħux niddiskutuh u proprjament bħalissa qegħdin nabbużaw. Allura l-proposta tiegħi lis-Sedja hija biex inneħħu dan l-abbuż u biex inneħħu din l-irregolarita'. Jiġifieri fil-konsiderazzjoni tas-Sedja dwar il-proposta tiegħi li nissospendu din id-diskussjoni, is-Sedja trid tirrifletti dwar din il-kwestjoni. Għandna sitwazzjoni ta' abbuż u jiena qed nipproponi li din il-qagħda nirradrizzawha billi nieqfu mid-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi u niddiskutu l-kwestjoni tar-riżoluzzjoni fuq l-Unjoni Ewropeja.
Madam Speaker, jien nissottometti li m'inix qiegħed nabbuża min xi regola tal-Kamra. Jien nixtieq nenfasizza li mhux talli m'inix qed nabbuża mill-ebda regola tal-Kamra, talli l-proposta qed nagħmilha biex proprju niġu in regola.
Madam Speaker, irrid ngħid ukoll li l-Ordni Permanenti 13 - u nagħmel riferenza partikolari għal dan - jippermetti lil kull deputat ta' din il-Kamra li jqajjem kwestjoni urġenti li jkollha bżonn tiġi diskussa f'din il-Kamra. Sub-paragrafu (4) ta' dan l-Ordni Permanenti jgħid hekk:
" Ebda diskussjoni ma tista' titqanqal b'dan il-mezz dwar ħwejjeġ li jkunu avżati għad-diskussjoni jew li jkunu mniżżla bħala ordni tal-ġurnata jew dwar kwistjoni ta' privileġġ, jew dwar ħaġa li ma tistax tiġi diskussa ħlief wara mozzjoni speċifika."
Dan ifisser li membru ta' din il-Kamra ma jistax jirriferi għall-Ordni Permanenti 13, lanqas jekk tinqala kwestjoni ta' urġenza kbira dwar l-Unjoni Ewropea, ladarba fl-aġenda hemm ir-riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja. Dan mhux sempliċement abbuż mir-regoli tal-Kamra imma huwa abbuż mill-interessi veri ta' pajjiżna. (Onor. Membri: Hear, hear)
Fl-opinjoni tiegħi m'għandna nħallu l-ebda ċirkostanza li tisvolġi ruħha b'mod li Membru f'dan il-Parlament ma jkunx jista' jqajjem kwestjoni ta' serjeta' u ta' urġenza minħabba l-għebusija ta' ras il-Gvern, li b'pika bla sens ipoġġi item fuq l-aġenda u jħalliha mdendla għal seba' xhur sħaħ, allavolja konsistentement ikollu Oppożizzjoni li l-ħin kollu qed tgħidlu bil-kelma t-tajba biex inkomplu din id-diskussjoni għax hija fl-interess ta' pajjiżna. M'huwiex fl-interess ta' l-Oppożizzjoni imma huwa fl-interess ta' pajjiżna li nkomplu din id-diskussjoni. Għalhekk mhux talli mhux qed nipproponi din il-mozzjoni b'abbuż talli nsostni li jekk inħallu s-sitwazzjoni kif inhi nkunu qed inħallu abbuż, u formalment qed inressaq mozzjoni - li għandha bżonn tiġi ssekondata minn Membru ieħor ta' din il-Kamra - li l-Kamra tissospendi, taġġorna d-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi biex inkunu f'pożizzjoni li nkomplu bid-diskussjoni dwar l-Unjoni Ewropea.
Irrid mill-ewwel niġbed l-attenzjoni ta' din il-Kamra li mozzjoni bħal din m'għandhiex bżonn avviż. L-Ordni Permanenti 35(2) jgħid li m'hemmx għalfejn avviż meta titressaq mozzjoni li tipproponi l-aġġornament għal diskussjoni. Irrid ngħid ukoll li dan li qed nipproponi jien ma jikkonsistix fi proposta li tbiddel l-ordni ta' l-ordnijiet tal-Ġurnata imma hija proposta biex aħna nwaqqfu l-abbuż li bħalissa qed ngħixu flimkien, u donnu kulħadd qed jagħlaq għajnejh għalih, u nġibu s-sitwazzjoni tagħna in regola. (Onor. Membri: Hear, hear).
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża sakemm is-Sedja tikkonsidra t-talba ta' l-Onor. Gonzi.
Fis-1.52 p.m is-Seduta ġiet sospiża u rrizumiet fl-3.49 pm.


Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin