Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


L-Onor Membri kollha jafu x’inhu rikjest minnhom u kif għandhom jirregolaw ruħhom jekk iridu li sejħiet għal quorum ma jkunx hemm bżonnhom



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə8/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   ...   18

L-Onor Membri kollha jafu x’inhu rikjest minnhom u kif għandhom jirregolaw ruħhom jekk iridu li sejħiet għal quorum ma jkunx hemm bżonnhom.

L-Onor. Carmelo Abela.


ONOR. CARMELO ABELA: Madam Speaker, naħseb li wara dan ir-ruling, l-Onor. Zammit Dimech ma jistax ikompli bid-diskors tiegħu mingħajr leave of House.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, safejn naf jien qabel ma tqajjem il-point of order mill-Onor. Ċensu Galea, l-Onor. Zammit Dimech ingħata extension biex ikun jista' jkompli jitkellem. Jiġifieri ma naħsibx li hemm għalfejn li l-Onor. Zammit Dimech jingħata leave of House għax għad fadallu l-ħin ta' l-extension.
Madanakollu, fi kwalunkwe każ, jien ma nafx jekk il-ħin li fih il-Kamra ġiet sospiża biex is-Sedja tagħti ruling għandux jiġi magħdud mal-ħin li għandu l-Onor. Zammit Dimech biex jitkellem.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt għandu raġun. L-extension ingħatat u l-Onor. Zammit Dimech baqagħlu 20 minuta għad-dispożizzjoni tiegħu, li jibdew issa.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Imma għaliex għandi 20 minuta u mhux 30 minuta? Safejn naf jien meta tingħata extension il-kelliem jingħata 30 minuta u mhux 20 minuta.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, hemm bżonn li niċċaraw il-pożizzjoni. X'jiġifieri fadallu 20 minuta meta l-Ordnijiet Permanenti stess jgħidu li l-ewwel estensjoni hija ta' 30 minuta? Jimporta xi ħadd jispjegali b'liema kriterju qed nagħmlu distinzjoni bejn sospensjoni għal quorum, bejn sospensjoni għal ruling u bejn sospensjoni għal division? Madam Speaker, jekk kemm-il darba l-ħin li fih is-seduta tkun sospiża se jitnaqqas mill-ħin tal-kelliem, hekk ukoll se jiġri fil-ħin li fih is-Sinjorija Tiegħek tkun qed tiddelibera. Mela jista' jkun li r-regoli ta' din il-Kamra noqogħdu ngħawwġuhom qishom biċċa għaġina? Issa wara li għadu kif ingħata ruling li l-ħin li fih is-seduta tkun sospiża jittieħed mill-ħin tal-kelliem - u aħna nirrispettawh dak ir-ruling u noqogħdu għalih, bil-konsegwenzi kollha li dan ir-ruling se jfisser għal din il-Kamra - jimporta xi ħadd jispjegali kif l-extension, li s-soltu tkun ta' 30 minuta, saret 20 minuta? Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk!
MADAM SPEAKER: Intom tafu daqsi li meta jkun hemm sejħiet għal quorum is-seduta qatt ma ddum iktar mil-ħin stabilit. Issa jien se nitlob lill-Onor. Zammit Dimech biex ikompli bid-diskors tiegħu u in the meantime l-uffiċjali tal-Parlament se jiċċekkjaw kemm kien hemm sejħiet għal quorum minn meta l-Onor. Membru ngħata l-extension. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, jiddispjaċini imma l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu mexjin hekk. Kif għidt diġa', jien nirrispetta r-ruling li għadha kemm tat is-Sinjorija Tiegħek u noqgħod għalih. Pero' issa nixtieq li jingħata ruling dwar jekk il-ħin li fadallu l-Onor. Zammit Dimech huwiex ta' 30 minuta jew huwiex ta' 20 minuta, u dwar jekk il-ħin li fih is-seduta tkun sospiża minħabba li s-Sedja tkun qed tikkonsidra r-ruling tagħha huwiex se jitnaqqas mill-ħin tal-kelliem.
MADAM SPEAKER: Kif għidt diġa', l-Onor. Zammit Dimech għandu jibda jitkellem ħalli in the meantime l-uffiċjali tal-Parlament ikunu jistgħu jiċċekkjaw jekk kienx hemm xi sejħiet għal quorum minn meta l-Kamra approvat l-extension.
Onor. Gonzi, rigward it-talba tiegħek għar-ruling nista' ngħidlek li peress li l-mozzjoni għall-extension għaddiet nem. con., ma naħsibx li l-punt li qajjimt huwa rilevanti. Ma jistax ikun li hawnhekk nibqgħu nimxu b'abbuż u b'tiġbid ta' l-Ordnijiet Permanenti biex niksbu vantaġġ tal-mument. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Fenech Adami.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: L-esperjenza ta' dan il-Parlament hi - u hawn numru kbir ta' deputati li ilhom ħafna f'dan il-Parlament - li għall-ewwel extension li tingħata wara li l-kelliem jgħaddulu l-40 minuta li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, tiddeċiedi l-Kamra. Jekk imbagħad xi ħadd jopponi għal dik l-extension, allura s-Sinjorija Tiegħek għandha tistaqsi kemm hemm in favour u kemm hemm against u jekk il-mozzjoni ma tgħaddix wieħed għandu dritt jitlob division. Hawnhekk irrid nerġa' nenfasizza l-fatt li għall-ewwel extension ta' 30 minuta tiddeċiedi l-Kamra. Huwa biss wara li jgħaddu dawk it-30 minuta li kelliem jiġi bżonn il-permess tal-Kamra biex ikun jista' jibqa' għaddej bid-diskors tiegħu. GĦalhekk ejja ma nħawdux iktar!
Madam Speaker, jien jiddispjaċini li qed ikolli ngħid dan imma huwa evidenti li l-każ ta' jekk għandux jitnaqqas il-ħin tas-sospensjoni tal-Kamra minħabba quorum qam meta s-Sinjorija Tiegħek qalet lill-Onor. Zammit Dimech li skadielu l-ħin u għandu bżonn extension. Fil-fatt dak il-ħin stess l-Onor. Galea qajjem point of order minħabba li l-Onor. Zammit Dimech kien għad fadallu l-ħin għad-dispożizzjoni tiegħu. Dwar dan m'hemmx x'niċċekkjaw għax minn mindu ngħatat l-extension għadu ħadd ma tkellem. Jiġifieri l-Onor. Zammit Dimech, skond l-Ordnijiet Permanenti, u bil-grazzja ta' ħadd minn hawn ġew, għandu dritt jitkellem għal 30 minuta oħra. Din hija l-pożizzjoni, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Onor. Fenech Adami, l-ewwelnett nitolbok tirtira l-kliem fejn għidt li f'din il-Kamra hawn it-taħwid, għax jekk f'din il-Kamra hawn it-taħwid dan ilu żmien isir. Fil-fatt qabel ma tingħata extension aħna dejjem rajna li jkun hemm proponent u sekondant. Inti kont korrett meta għidt li jekk xi ħadd jopponi l-extension suppost li s-Sedja tistaqsi min hu in favour u min hu against, imma għidli meta saret din il-proċedura s'issa f'dan il-Parlament!
Issa hawnhekk nixtieq li niċċaraw xi ħaġa. Aħna kif se nimxu hawn ġew, b'ċertu element ta' koperazzjoni u ta' camaraderie, kif dejjem imxiet biha din il-Kamra, jew se nimxu mod ieħor? L-Onor. Fenech Adami.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Huwa veru li llum kien hawn xi ftit tal-kommozzjoni f'din il-Kamra pero' l-punt tiegħi huwa ċar u ma naħsibx li hawn kwestjonijiet dwaru. Kif għidt l-ewwel, biex kelliem jingħata extension irid ikun hemm proponent u sekondant, u jekk ikun hemm bżonn jittieħed vot ukoll. Skond l-Ordnijiet Permanenti, meta tiskadi l-ewwel extension ta' 30 minuta wieħed jista' jitlob li jkompli jinstema', pero' biex it-talba tiegħu tintlaqa' jrid ikun hemm l-unanimita' tal-Kamra. Jiġifieri jekk xi ħadd joġġezzjona allura dan ma jkunx jista' jkompli. Din hija l-prassi li dejjem ġiet segwita u jien ma jidhirlix li għandna bżonn rulings fuq din il-kwestjoni għax l-Ordnijiet Permanenti huma ċari daqs il-kristall.
Issa f'dan il-mument qegħdin f'pożizzjoni fejn l-Onor. Zammit Dimech, skond ir-ruling li tat is-Sinjorija Tiegħek - u aħna noqogħdu għal dan ir-ruling għax dik hija l-proċedura - skadewlu l-40 minuta u ngħata extension ta' 30 minuta. Jekk meta jiskadu t-30 minuta l-Onor. Zammit Dimech ikun irid ikompli jitkellem imbagħad ikollu bżonn il-leave of House. Jien ma nistax nifhem x'inhi l-problema li qed insibu hawnhekk.
MADAM SPEAKER: L-extension ingħatat u għalhekk nistieden lill-Onor. Zammit Dimech biex ikompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, forsi jixraq li nerġa' nsemmi li l-Gvern qed ifalli minħabba tliet affarijiet. F'sena u nofs il-Gvern ġie quddiem il-Parlament biex jissellef iktar minn Lm300 miljun meta t-total ta' self li għamlet l-amministrazzjoni preċedenti f'disa' snin u nofs kien ta' Lm236 miljun. Imma rrid ngħid ukoll li l-Gvern naqas milli jagħmel dak li kien ippropona b'mod oġġettiv l-Onor. Spiteri f'Mejju 1995 meta kien qal li għandna naraw x'inhu l-impatt tas-self fuq id-debt servicing u għandna naraw ukoll kemm minn dak is-self li nkunu qed nawtorizzaw jittieħed mill-pubbliku u kemm jittieħed mil-banek għax jekk dan jittieħed mill-banek, kulma nkunu qed nagħmlu huwa li nġiegħlu lill-Bank Ċentrali jistampa iktar flus u nżidu l-għoli tal-ħajja, bil-konsegwenza li fil-pajjiż tiżdied l-inflazzjoni. Fil-fatt dan il-Gvern m'huwiex qed iwettaq dak li kien jgħid meta kien fuq il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni - tant hu hekk li fil-budget ta' din is-sena l-Gvern qed jagħmel provvediment li bih se jgħolli l-imgħaxijiet minn Lm24.7 miljun għal Lm54.5 miljun - u l-ewwel spjegajt ukoll li l-parti l-kbira tat-treasury bills li ħarġu s-sena li għaddiet ma tteħdux mill-poplu Malti imma mill-banek Maltin, għax f'April minn Lm150.6 miljun il-banek ħadu Lm126 miljun, u f'Settembru minn Lm140.4 miljun il-banek ħadu Lm107.2 miljun.
Wieħed jista' jagħmel diversi argumenti oħra f'dan ir-rigward għax irridu naraw ukoll għalfejn ikun qed isir is-self. Per eżempju, jekk inħarsu lejn id-disa' snin u nofs ta' amministrazzjoni Nazzjonalista nsibu li qabel pajjiżna kellu gvern li kien qiegħed imexxi biex jagħti struttura lil pajjiżna verament, kemm f'dak li huwa bini tal-freeport, kemm f'dak li huwa bini ta' l-air terminal - fil-fatt hawn ikun tajjeb jekk ngħidu li dan il-Gvern se jbigħ l-ishma ta' l-MIA - kemm f'dik li hija sistema ta' telekomunikazzjoni - ħalli jekk il-Prim Ministru ma jkollux xi aħbarijiet oħra x'jagħti jkun jista' jirrikorri għand il-Borża ta' Malta u joqgħod jgħid kemm hu kuntent li se jmur Londra biex jassisti għal-launching tax-shares tal-Maltacom fuq il-London Stock Exchange - kemm f'dawk li huma l-impjanti l-ġodda tar-reverse osmosis, kif ukoll f'dik li hi l-power station il-ġdida, li qed tuża l-flus biex tagħti lill-pajjiż l-infrastruttura totali li hemm bżonn ħalli pajjiżna jkun jista' jimxi 'l quddiem verament.
Madam Speaker, apparti l-fatt li ħafna drabi s-self jieħdu l-Bank Ċentrali, ġaladarba qed nitkellmu dwar proġetti, ta' min jara eżattament x'jiġri verament meta l-Gvern iħabbar ċerti proġetti bil-ħsieb li jipparteċipa fihom is-settur privat. Illum għandna quddiemna l-esperjenza tal-ġranet li għaddew fejn il-Gvern ġie jgħid f'din il-Kamra li se jsir il-proġett tal-millennju l-ġdid, liema proġett jikkonsisti fil-bini tas-sit tat-Teatru Rjal, imma kif nafu mhux se jerġa' jinbena t-Teatru Rjal imma se jinbena shopping arcade. Ġaladarba qed insemmi l-millennju, ta' min jgħid ukoll li dan il-Gvern qed iħabbar proġett ieħor għall-millennju, li huwa l-famuż torri ta' 70 sular f'Paceville. Imma fil-fatt x'inhi r-realta' għar-rigward ta' dawn iż-żewġ proġetti kbar li huma ndikati mill-Gvern bħala l-proġetti tal-millennju, liema proġetti jridu jservu bħala t-termometru tal-fiduċja u ta' inizjattivi ġodda? Ħalli nibda biex nitkellem fuq il-proġett tal-bini tas-sit tat-Teatru Rjal.
Madam Speaker, forsi l-Onor. Membri tal-Kamra jiftakru li fit-2 ta' Marzu, 1998 il-Prim Ministru kien għamel stqarrija f'din il-Kamra fejn fost affarijiet oħra qal hekk:
"Se tinħareġ sejħa għal offerti għall-proġett kollu li b'mod trasparenti jkun jippermetti li tintgħażel l-aktar offerta vantaġġuża fuq kriterji ta' preġju arkitettoniku u ta' interess finanzjarju.".
Fil-fatt veru kienet trasparenti din is-sejħa għax tant ma ntefgħux offerti li ma tantx hemm x'tara!
Dakinhar il-Prim Ministru qalilna wkoll f'din il-Kamra li:
"Qed jinħatar kumitat tal-Kabinett biex ikun responsabbli mit-tmexxija ġenerali ta’ dan il-proġett. Il-membri ta' dan il-kumitat, li se jkun presedut minni, huma l-Viċi Prim Ministru, l-Onor. George Vella, il-Ministru Evarist Bartolo, il-Ministru Charles Buhagiar, il-Ministru Karmenu Vella u Dr. George Abela.".
Issa jien għandi nifhem li Dr George Abela, minħabba li rriżenja mill-kariga tiegħu bħala konsulent personali tal-Prim Ministru u mis-sotto-kumitati kollha tal-Kabinett, m'għadux jifforma parti minn dan il-kumitat, u għalhekk dan il-kumitat se jkun presedut mill-Prim Ministru u se jkollu erba' ministri bħala membri tiegħu. Sur President, dan x'ifisser fid-dawl ta' kif intefgħu l-offerti? Li kieku kelli naċċetta l-argument li hemm żewġ offerti, liema argument jien żgur li ma naċċettahx għax jeżisti dubju serju dwar il-validita' taż-żewġ offerti li huma, nistgħu ngħidu li hawnhekk hawn kumitat presedut mill-Prim Ministru, b'erba' ministri fih plus one, Dr. George Abela, li issa m'għadux hemm. Issa din m'hijiex il-five plus one ta' l-Unjoni Ewropea imma hija l-five plus one tal-Kabinett tal-Gvern preżenti! Madanakollu llum il-plus one spiċċa minus one biex fadal il-Prim Ministru u erba' ministri, jiġiferi fadal il-Prim Ministru u żewġ ministri għal kull offerta. Mela dawn veru huma żewġ offerti speċjali. Din hija s-sitwazzjoni li għandna bħalissa fil-pajjiż.
Hawn ta' min jgħid ukoll li dakinhar il-Prim Ministru spiċċa l-istqarrija tiegħu b'dan il-kliem:
"Fuq kollox dan il-proġett għandu jagħti xhieda ta' rieda moderna u progressiva tal-poplu Malti biex iħares lejn il-futur b'fiduċja sħiħa fil-ħila u fit-talenti tiegħu.".
Dak inhar hekk smajna u l-Onor. Membri tal-Gvern hekk baqgħu jgħidulna matul il-konferenzi ta' l-aħbarijiet. Fil-fatt indikawlna wkoll - din ħarġet anke minn risposta parlamentari - li l-Gvern se jkollu esperti mill-Italja biex jgħinuh fl-aġġudikazzjoni ta' Malta 2000, liema esperti kienu qalu li dan il-proġett se jirrikjedi bid bond ta' Lm2.5 miljun. Imma llum x'inhi s-sitwazzjoni reali, liema sitwazzjoni kellha tkun l-Oppożizzjoni li tindikaha lill-poplu Malti u GĦawdxi? Illum is-sitwazzjoni hija li ntefgħu żewġ offerti, li waħda minnhom hija mingħajr bid bond - u kif spjega l-Onor. Dalli, suppost lanqas kompliet tinfetaħ għax b'hekk inkisru r-regolamenti finanzjarji - u l-oħra minflok ma l-Gvern għamlilha l-kondizzjonijiet hu għamlithomlu hi. Illum il-Gvern tant sab ruħu dahru mal-ħajt u tant m'huwiex jispira viżjoni u fiduċja f'dan il-pajjiż li min jitfa' dawn it-tip ta' offerti qed jgħidlu: Jekk trid li nagħmillek dak il-proġett, allura inti trid toqgħod għall-kondizzjonijiet li nagħmillek jien u mhux inti tgħid lili x'kondizzjonijiet trid timponi fuqi.
Illum aħna nistaqsu jekk il-wegħda li dawn il-proġetti jkunu lesti sal-ħarifa tas-sena 2000 għadhiex valida. Fis-sitwazzjoni li llum jinsab fiha l-pajjiż, il-Gvern preżenti se jagħti lill-poplu Malti u GĦawdxi dak li indika f'din il-Kamra? Bla ebda dubju dak li l-Gvern indika f'din il-Kamra m'huwiex dak li jixraq lil pajjiżna għax kieku l-Gvern kien responsabbli verament kien iġorr ir-responsabbilta' li refgħet l-amministrazzjoni preċedenti, liema amministrazzjoni kienet qalet li l-proġett tal-millennju għal pajjiżna għandu jkun il-proġett li Malta jkollha ċentru nazzjonali ta' l-arti, li jkompli ma' dak li diġa' qed isir f'St. James Cavalier, jiġifieri li fis-sit tat-Teatru Rjal jerġa' jinbena teatru u mhux l-ewwel nipproponu li f'dak is-sit jinbena shopping arcade u niftaħru kemm se jkollna queues ta' nies bl-offerti, biex imbagħad spiċċajna f'din is-sitwazzjoni tal-mistħija!
Sur President, kif għidt diġa' l-Onor. Membri tal-Gvern kienu semmewlna proġett ieħor għall-millennju l-ġdid, il-proġett tat-torri. Meta l-Onor. Mizzi kien mar jagħmel il-launching ta' dan il-proġett fis-27 ta' Novembru, liema proġett se tkun responsabbli minnu l-Maltacom - għalkemm meta tħabbar kien għad hemm il-Korporazzjoni Telemalta - il-Ministru qal li issa s-sitwazzjoni m'għadhiex waħda sostenibbli għax f'pajjiżna hawn element qawwi ta' debt servicing li jammonta għal Lm54 miljun - din hija ċ-ċifra tal-budget ta' l-1998 - u dan id-debt servicing ma jistax ikompli jitla'. Issa l-Ministru m'għandux raġun hawnhekk għax bis-self li se jagħmel il-Gvern se jkollu iktar imgħaxijiet x'iħallas u mhux inqas. Hawn ikun tajjeb jekk ngħid li l-Ministru dakinhar qal dan il-kliem - issa hawnhekk m'iniex se nidħol fil-mertu ta' l-Ingliż li ġie wżat imma se nikkwota eżattament il-kliem li ntqal - ukoll:
"The road ahead is long but the wheels have started turning. We would like to see such initatives multiply."
Min sema' lill-Ministru jgħid dan il-kliem, jiġifieri li dawn l-inizjattivi se jimmoltiplikaw, żgur li beda jistħajlu jirrakkonta l-ktieb tal-Ġenesi!. Imma fil-fatt x'immoltiplika f'pajjiżna minn dakinhar tal-launching 'il quddiem? Il-qgħad, in-numru ta' Maltin u GĦawdxin li ma jistgħux ilaħħqu ma' l-għoli tal-ħajja, minħabba l-miżuri li ħa dan il-Gvern, u n-nuqqas ta' viżjoni tal-Gvern preżenti. Ta' min jgħid ukoll li waqt il-launching il-Ministru Mizzi qal ukoll li: "The Malta millennium project is a case in point."
Sur President, x'ġara iktar matul dak il-launching? L-ewwel ħaġa li qalilhom il-konsulent Bill Whitney li qabbad il-Gvern kienet li:
"The final date for submission by candidates is January 27, 1998".
Jista' l-Gvern jgħidilna sa dik id-data, li hu kkonferma wkoll b'avviż fil-gazzetti lokali, kemm kellu offerti serji? Tant kien fiduċjuż il-konsulent tal-Gvern li kien se jkun hemm xi queue twil ta' applikanti li joffru biex jidħlu għal dan il-proġett, li dan qal:
"We will then invite the finalists ...".
- kienu qed jimmaġinaw li kien se jkun hemm xi tellieqa preliminari bejn Jannar u Mejju -
"... to prepare a detailed submission based upon the development brief for the property which is currently being prepared by the local Planning Authority".
Qalilhom li dan irid ikun finalizzat sa l-aħħar ta' Frar. Ġara dan jew ma ġarax? Dan kollu li qed nikkwota ntqal waqt il-launching fil-preżenza tal-Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Onor. Joe Mizzi.

"After the finalist developers receive the development brief, they will independently prepare their own market and financial studies over the next few months, say during the period March to May 1998",
u bis-"say" bqajna għax assolutament ma ġara xejn minn dan kollu. Imma ħalli nkompli nitkellem aktar dwar l-ottimiżmu ta' dakinhar.
"Please note that the losing teams ..."
- tant kien se jkun hemm min jiddejjaq li jitlef! -
"... will be returned their deposits and receive a modest stipend for their efforts".
Jiġifieri fiż-żmien li dawn kienu qed jagħtu d-daqqa finali lill-istudenti u naqqsulhom l-istipendju, kienu qed jitkellmu fuq stipendju ieħor. Qalulhom biex jipparteċipaw u mbagħad jagħżlu erba' finalisti, u dawk li ma jkunux fil-final m'għandhomx għalfejn jinkwetaw għax barra li jingħataw id-depożitu lura, jingħataw ukoll speċi ta' rigal żgħir talli jkunu għamlu l-pjanti, il-market studies u l-feasibility studies. Fuq kollox kienu se jingħataw dan id-diskors fil-preżenza ta' l-Onor. Mizzi fis-27 ta' Mejju! Jekk wieħed isegwi r-rapporti sussegwenti fil-gazzetti jara li kien hemm numru żgħir ta' ditti li indikaw interess sa l-aħħar ta' Frar, imma m'hemm ebda paragun ma' dak li l-Gvern stenna. Illum għadna fil-baħħ. F'dan il-każ fil-veru sens tal-kelma sparaw għall-ajru u ma laqtu xejn!
Qed insemmi dawn iż-żewġ provi minn diskors tal-Gvern stess għaliex il-Gvern, bil-pompa, bl-eżerċizzji ta' propaganda, bl-użu ta' dan il-kliem kollu jgħid li se jkollna multiplikazzjoni ta' inizjattivi ġodda imma fir-realta' bejn il-kliem u bejn dak li jiġri għandek il-baħħ. Mela issa mhux biss il-baħħ tat-teatru bħala teatru, issa l-baħħ ukoll ta' offerti li jimxu ma' dak li talab il-Gvern, għaliex kumpannija għamlet offerta bla bid bond u l-oħra, flok tgħid lill-Gvern li se timxi mal-kondizzjonijiet li jrid hu, tgħidlu bil-maqlub.
Sur President, għandna l-proġett l-ieħor tas-sebgħin sular f'Paceville, liema proġett kien ġie launched fis-27 ta' Novembru, 1997. Bil-kliem intqal li se ssir l-għażla finali bejn l-erba' finalisti sa Mejju. Tant kien se jkun hemm nies li jikkonkorru li saħansitra kienu se joqogħdu jħallsuhom lura ta' l-ispejjeż u jagħtuhom id-depożitu lura u stipend miegħu! U llum x'inhi s-sitwazzjoni? Dan hu t-termometru issa, apparti l-kejl li semmejt qabel, li qed jipproponi l-Gvern preżenti bl-eżerċizzji ta' propaganda tiegħu biex nippruvaw nikkalkolaw x'qed jiġri. Hawnhekk għandna riżultat ċar għal min irid jarah. Naturalment wieħed jista' jirriferi għal proġetti oħrajn.
Saret riferenza għall-proġett tal-Kottonera, fejn kellna stqarrija mill-Viċi Prim Ministru li ġie magħżul consortium biex imexxi l-proġett - saħansitra l-consortium ġie indikat b'ismu hawn ġew fil-Parlament - imma mbagħad qrajna li l-Gvern kien reġa' bdielu. Hemm ukoll domandi serji li qed isiru f'dan ir-rigward, u min għamel l-istqarrija fil-Parlament biex jinformana preċiżament x'suppost se jiġri ma ħassx is-sens tad-diċenza u s-sens tas-serjeta' li ġaladarba hemm tibdil, jerġa' jiġi fil-Parlament u jgħid x'inhu t-tibdil ħalli aħna nagħmlu l-mistoqsijiet li hemm bżonn isiru u li qed isiru fil-pajjiż f'dan ir-rigward.
Hemm ukoll il-proġett ta' Manoel Island. Dwar dan il-proġett diġa' kien hemm diskussjoni ma' l-amministrazzjoni preċedenti. Nafu wkoll li l-Gvern indika li hu dispost jagħti l-art b'titlu ta' ċens perpetwu u l-unika kjarifika li għamel il-Gvern kienet fejn qal li dan iċ-ċens ma jinkludix is-siti purament storiċi li hemm fuq dik l-art. Dan ifisser li l-Gvern qed jikkonferma li l-kumplament ta' l-art irid jagħtiha b'ċens perpetwu. Hawn ukoll m'għandna l-ebda indikazzjoni f'dan il-Parlament dwar liema direzzjoni sejjer jaqbad il-Gvern.
Mela jekk nieħdu l-kejl ta' proġetti li qed jagħmel il-Gvern biex isaħħaħ l-infrastruttura, żgur m'hemm l-ebda paragun ma' proġetti li saru bejn l-1987 u l-1996. Dawk il-proġetti kienu saru biex verament ir-roti ta' pajjiżna jibdew iduru. Pajjiżna kellu problema ta' ilma fil-vit u saru proġetti biex ikollna l-ilma li hemm bżonn. Sar il-proġett tal-power station biex pajjiżna, li jrid jattira lill-industrija, ma jgħidx lill-industrijalist li jiġi hawn li ma jistax iqabbad il-makni għaliex ma jistax jiggarantilu kemm se jkollu dawl elettriku. Għat-turisti aħna rajna li dawn ikollhom air terminal diċenti li jilqagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħaddu min martirju biex jiġbru l-bagalji tagħhom. Dawn barra li rranġajna s-settur tat-telekomunikazzjoni u s-settur bankarju. Dak kien l-investiment u taħt dan il-kejl il-Gvern qed ifalli b'mod assolut.
Hawnhekk naturalment wieħed jirriferi wkoll għal diversi argumenti li saru fuq id-direzzjoni ta' pajjiżna fil-qasam tal-politika barranija u rigward il-ħtieġa li Malta tkompli bin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Jiena jiddispjaċini nisma' kliem li llum ma nafx fejn għadek tisimgħu. Jidhirli li fl-intervent tiegħu l-Onor. Anġlu Farrugia qal li jekk aħna nissieħbu fl-Unjoni nitilfu s-sovranita' tagħna. (Interruzzjonijiet) Veru li aħna żgħar imma l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea huwa l-Lussemburgu imma huwa l-aktar pajjiż sinjur. Dak hu l-eżempju li l-Gvern preżenti messu ta kieku kellu l-viżjoni u l-kuraġġ. Illum qegħdin fis-sitwazzjoni li pajjiż bħas-Slovakkja - issa dawn kienu jgħidulna "prosit" għal dak li għamilna u kienu talbuna biex jiġu hawn ħalli jimxu fuq l-eżempju tagħna - ntefa' qabilna u aħna ma nafux fejn qegħdin. Issa mhux il-five plus one tal-Kabinett li semmejt qabel imma l-five plus one li se jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Minn pajjiż li kien fl-ewwel post għall-ewwel tkabbir ta' l-Unjoni spiċċajna f'limbu. Meta għandek sitwazzjoni bħal din, possibbli l-Gvern ma jagħrafx is-sens ta' responsabbilta' tiegħu?
Responsabbilta' oħra lejn din il-Kamra hi l-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni, li ilha pendenti seba' xhur, sabiex il-Gvern almenu jkollu d-diċenza li jaħtar kummissjoni ta' l-għażla tiegħu biex tirrapporta lura lilu b'mod oġġettiv dwar x'inhuma l-għażliet serji quddiem pajjiżna bħalissa. GĦal din il-mozzjoni l-Gvern kien ressaq emenda sostanzjali. Allura possibbli li gvern serju ma jsibx il-ħin biex il-Parlament ikompli jiddiskuti u jieħu l-vot fuq din il-mozzjoni u fuq l-emenda li ressaq għaliha l-Prim Ministru!? Dan il-Gvern qed jipprova forsi jimpressjonana li l-Parlament m'għandux ħin? Dan il-Gvern lill-Parlament ġiegħlu jiltaqa' b'sistema li żgur m'hijiex l-aktar waħda li tirrispetta b'mod serju l-mod kif wieħed jiltaqa' u jiddiskuti imma żgur żied l-għażliet kollha immaġinabbli ta' kemm jagħmel seduti. Bil-mozzjonijiet ta' proċedura li ġab quddiem din il-Kamra għandu l-possibbilta' li jlaqqa' l-Parlament fil-għaxija mis-6.00 p.m. sad-9.30 p.m., għandu l-possibbilta' li din jagħmilha kuljum, għandu l-possibbilta' li jagħmel tliet seduti matul il-ġurnata, mid-9.00 a.m. san-12.30 p.m., mis-2.00 p.m. sal-5.30 p.m. u mis-6.00 p.m. sad-9.30 p.m. u għandu l-possibbilta', bħal-lum, li jiġi hawn fid-9.00 a.m. u jgħid li s-seduta tkompli sa nofs il-lejl. Dan hu l-mod kif il-Gvern qed jitratta lil dan il-Parlament? Allura kif jista' jkun li l-Gvern jgħid li m'għandux ħin biex titkompla d-diskussjoni fuq mozzjoni li ilha pendenti minn Ottubru? Il-Parlament suppost huwa parti minn sistema ta' checks and balances. Għandek il-gvern, li hu l-eżekuttiv, li jrid jagħmel il-programm tal-liġijiet tiegħu. Imma hemm ukoll il-Parlament, li gvern irid jirrapporta lilu, u l-Gvern jaf li l-Parlament jista' jagħti direzzjoni lill-eżekuttivi meta dan ma jaqbilx miegħu. Għax inkella għalfejn jiltaqa' l-Parlament?
Issa minn sistema ta' checks and balances donnu li qegħdin naqilbu għal sistema fejn il-Prim Ministru iqis lil min ma jaqbilx miegħu bħala wiċċ tost, dak li bl-Ingliż jgħidulu cheek - forsi jista' jkun l-Onor. Spiteri, l-Onor. Mintoff, deputati oħrajn jew l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni - u l-Gvern ma jagħtihx l-ispazju biex jitkellem bil-liberta' kollha. Imma din serjeta'? Din il-ħaġa tista' titħalla tiġri f'Parlament li jitmexxa b'mod modern, b'mod demokratiku u b'mod serju? U hawn il-mistoqsija kruċjali. Għaliex ladarba ngħixu lkoll f'pajjiż wieħed, ikun x'ikun l-eżerċizzju ta' propaganda min-naħa tal-Gvern, fl-aħħar mill-aħħar hemm ċertu veritajiet li l-Gvern ma jistax jaħrab minnhom. U l-veritajiet f'dan il-każ x'inhuma? L-ewwel u l-akbar verita' hi li l-Gvern, fl-istat attwali, m'għandux id-deputati kollha fuq in-naħa tiegħu stess jaqblu miegħu. Kellna lill-ex-Prim Ministru, ex-Mexxej tal-Partit Laburista, li tkellem f'dan is-sens f'dan il-Parlament; u kellna lill-Onor. Spiteri li filwaqt li wiegħed lill-Gvern li jivvota miegħu, għamel l-argumenti kollha favur is-sħubija fl-Unjoni. Il-Gvern jaf li m'għandux l-appoġġ ta' l-Oppożizzjoni u m'għandux id-deputati tiegħu kollha warajh. U din il-Gvern jafha mhux biss mill-interventi li saru imma jafha wkoll għaliex meta hu talab il-fiduċja tal-Parlament fuq il-politika tiegħu preżenti vis-a-vis l-Unjoni Ewropea, il-Parlament din ma tahielux. U dak kien vot li rrifletta preċiżament din is-sitwazzjoni. Mela l-Gvern qiegħed jibża' għax ma jridx il-kontinwazzjoni tad-dibattitu fuq dik il-mozzjoni. Issa mhuwiex biss gvern ta' checks and cheeks imma huwa gvern ta' checks, cheeks and chickens! Huwa gvern li qed jibża' mill-kontinwazzjoni ta' dibattitu għax jaf li m'għandux l-appoġġ tal-Parlament.
Imma dan x'messaġġ jagħti mil-lat finanzjarju? X'messaġġ jagħti mil-lat ta' stabilita' favur pajjiżna? X'messaġġ jagħti lill-investitur li jħares lejn Malta bħala pajjiż fejn irid jiġi bl-investiment tiegħu? Dan jagħti messaġġ ta' gvern li għaliex m'għandux il-maġġoranza tad-deputati warajh fuq politika fundamentali tiegħu li hi l-politika fuq l-Unjoni Ewropea qed jipprova jsib il-metodi kif ma jħallix lill-Parlament jiddiskuti. Din hi l-verita'. M'hemmx fejn taħrab mill-argument. U għalxejn l-Onor. Mizzi jagħmel l-argument li l-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni skadiet. L-ewwelnett ma skadiet xejn, għaliex il-ħtieġa li tinħatar kummissjoni għal pajjiżna u li tagħti l-għażliet tagħha bis-serjeta' għall-futur għadha rilevanti. Tajba din! Issa l-Gvern jipprova jaħrab mill-mozzjonijiet li hu ma jkunx irid jiddiskuti, jipprova jsib il-metodu kif id-diskussjoni ma tkomplix, jipprova jillimita d-diskussjoni għal seduta waħda - li tfisser li jkun hemm limitu fuq min jitkellem u jkun hemm direzzjoni fuq min ma jitkellimx; hekk tfisser li tillimita għal seduta waħda; ma tfisser xejn inqas u xejn iżjed - u mbagħad wara dawn il-manuvri kollha jiġi jgħidilna li l-mozzjoni skadiet.
Jiena smajt ukoll lill-Onor. Anġlu Farrugia jirrepeti l-cliche li issa Malta m’għadhiex tħabbat fuq il-bieb ta' l-EU, għax issa kollox ċar magħna. Dażgur li m’għadhomx iħabbtu fuq il-bieb! Dan ifakkarni f'argument li ġieli smajt min-naħa l-oħra, meta jgħidu li huma ma jridux ikunu bħal dik l-għarusa li ssib il-bieb magħluq. X’għarusa hi, Sur President! Dawn bagħtu risposta lill-għarus - se nipprova nagħmilha bi kliem pulit - li huma ma jridu l-ebda drittijiet pero’ jridu l-kondizzjonijiet kollha. Dawn imsieken kuntenti bil-kondizzjonijiet li għamlulhom u jifirħu u jaqbżu kemm huma kuntenti bihom.
Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin