Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 407,14 Kb.
səhifə2/5
tarix11.09.2018
ölçüsü407,14 Kb.
#80963
1   2   3   4   5

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO (Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar servizz ta' reklamar u stampar li ntuża minn dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija, fil-perijodu bejn l-1 ta' April u l-31 ta' Ottubru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9625.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Kopja ta' l-iskeda ta' żewġ rotot tal-karozzi tal-linji bejn il-Mellieħa u l-Belt Valletta, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9999.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar servizz ta' reklamar u stampar li ntuża minn dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja, fil-perijodu bejn l-1 ta' April u l-31 ta' Ottubru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9626.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Edwin Grech.
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Informazzjoni dwar servizz ta' reklamar u stampar li ntuża minn dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru tal-Ħarsien Soċjali, fil-perijodu bejn l-1 ta' April u l-31 ta' Ottubru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9627.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

KUMITAT TA' PROVVISTA

ESTIMI ĠENERALI 1998

L-GĦAXAR JUM STABBILIT

MINISTERU TAL-BIEDJA U SAJD



FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresjedi.
THE CHAIRMAN: Skond il-Mozzjoni ta' Proċedura Nru 98, il-ħin tad-diskussjoni tal-lum għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u kelliema ta' l-Oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-Gvern. Issa nistieden lill-Ministru tal-Biedja u Sajd biex jekk jogħġbu, iressaq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu.
ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Nipproponi:
VOT 51 - MINISTERU TAL-BIEDJA U SAJD
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 6,366,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 51 - Ministeru tal-Biedja u Sajd, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
VOT XIII - MINISTERU TAL-BIEDJA U SAJD
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,033,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot XIII - Ministeru tal-Biedja u Sajd, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
THE CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Zammit.
ONOR. NINU ZAMMIT: Sur President, nipproponi din l-emenda:

VOT 51 - MINISTERU TAL-BIEDJA U SAJD
Personal Emoluments
Item 11 - Ministru
Ħassar iċ-ċifra "Lm 10,388" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm10,387”.
Delete the figure "Lm 10,388" and substitute therefor the figure "Lm 10,387”.
Sur President, nixtieq nibda d-diskors tiegħi billi nwieġeb malajr malajr għal dak li ntqal il-bieraħ fil-għaxija f'dan il-Parlament mill-Ministru Charles Buhagiar għar-rigward tat-tariffi ta' l-ilma li konna mmodifikajna fl-1994. Illum aħna qed niddiskutu budget ta' gvern li jinsab fi kriżi - l-Onor. Joe Farrugia qed jammetti dan ukoll u qed jaqbel miegħi, forsi għax huwa mill-istess distrett tiegħi - u f'paniku kbir. L-ewwelnett irrid ngħid li l-Ministru Buhagiar kellu ċ-ċans kollu jara kull file li għadda minn taħt idejja tul id-disa' snin u nofs li domt segretarju parlamentari u kieku ried seta' għamel il-homework tiegħu b'iżjed korrettezza u daħal f'iżjed dettall. Illum il-poplu jafu biżżejjed lill-Ministru Buhagiar u jaf li ma jistax jemmen il-figuri li joħroġ bihom. GĦaliex qed ngħid dan?
Tajjeb infakkar li filwaqt li tliet snin ilu l-Ministru Buhagiar kien jgħid mod, dan illum qed jgħid mod ieħor. Per eżempju, filwaqt li meta aħna għidna li kull persuna għandha bżonn 20 gallun ilma kuljum, fil-gazzetta "The Times" tat-13 ta' Diċembru, 1993 l-Onor. Charles Buhagiar ġie rrapportat li qal b'tant pompa - qisu kien qed jagħmel xi paniġierku - li kull persuna għandha bżonn mat-30 gallun ilma kuljum. Issa llum ġie jgħidilna li kull persuna għandha bżonn mas-16.5 gallun ilma kuljum. Mela wara tliet snin il-Ministru Buhagiar biddel id-diska, libes maskra oħra u niżżel l-ammont ta' ilma li persuna għandha bżonn kuljum kważi bin-nofs. Jien qed ngħid dan kollu biex nerġa' nenfasizza kemm wieħed ma jistax joqgħod fuq il-figuri li jagħti l-Ministru Buhagiar. Bħalma qal il-Kap ta' l-Oppożizzjoni iktar kmieni, filwaqt li mill-annual report 1995/96 tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jirriżulta li hemm madwar 5,002 familji li jaqgħu taħt l-assistenza soċjali u li jibbenefikaw mir-rebates u l-eżenzjonijiet, illum wara nofs inhar il-Ministru ħareġ press release bħal leħħa ta' berqa fejn qiegħed jgħidilna li hemm 62,000 familja li se jibbenefikaw għax jaqgħu taħt l-assistenza soċjali. Sur President, jien lill-Ministru Buhagiar ngħidlu għan-nom tal-poplu: Tkomplix iddaħħak lin-nies bik!
Illejla waqt il-ħin tal-mistoqsijiet aħna għamilnielu sensiela ta' mistoqsijiet fuq ir-rebates u l-eżenzjonijiet tas-servizzi tad-dawl, ta' l-ilma u tad-drenaġġ u għalkemm il-Ministru qal li hemm 62,000 familja li jistgħu japplikaw għal din l-għajnuna, ma kellux il-wiċċ jgħidilna kemm minn dawn it-62,000 familja fil-fatt jikkwalifikaw. GĦalhekk, anke hawn, jidher ċar li m'huwiex ta' min joqgħod fuq il-Ministru Buhagiar. Possibbli li l-Ministru, bħala perit, sa hawnhekk jasal moħħu! Il-Ministru jmissu jaf li biex aħna wasalna għat-tariffi li adottajna, għamilna sena u nofs għaddejjin b'eżerċizzju sħiħ fejn ħadna eluf ta' strutturi differenti ta' tariffi. Il-Ministru jmissu jaf ukoll li mil-lat ta' prezz biss, meta l-prezz ta' l-ilma ġie ffissat għal 75ċ jew 750m kull metru kubu, setgħet tinħareġ 750 tariffa differenti. Ħalli nieħdu s-sussidju.
Aħna bil-Malti mdorrijin ngħidu darba iżjed, darbtejn iżjed, jew tliet darbiet iżjed. Imma minflok ma tuża din l-espressjoni tista' tikkalkola on a percentage basis. Per eżempju, 100% jfisser darba iżjed; u 1000% ifisser għaxar darbiet iżjed. Jekk aħna ridna, kif fil-fatt sar, naqsmu s-sistema tas-sussidju fuq bażi ta' 1000, stajna ħriġna wkoll 1000 struttura differenti ta' tariffi. Jekk inti tieħu l-ammont ta' sussidju u taqsmu f'1000 biċċa u tieħu l-prezz ta' 75ċ u taqsmu f'750 biċċa, hemmhekk ikollok mill-inqas 1,750 struttura ta' tariffi differenti. Imma l-Ministru Buhagiar tant ġie hawnhekk biex jinganna u biex jidħak bil-poplu li qalilna ... Kieku l-Ministru ħaddem ftit moħħu u ried jagħmel xi ħaġa f'dan ir-rigward, kien jieħu l-prezz ta' 75ċ kull metru kubu fuq 20 gallun ilma kuljum u kien isib li familja ta' erbgħa ttella' kont ta' Lm99 ilma kull erba' xhur. Pero' l-Ministru m'għamilx hekk. Il-Ministru qabad u fetaħ il-ktieb tat-tariffi, ra figura u faqqagħha hawnhekk biex mingħalih idaħħakna.
Sur President, fi żmien il-Gvern preċedenti konna għamilna eżerċizzju sħiħ fuq it-tariffi għall-kategoriji kollha tan-nies, mill-ogħla wieħed sa l-iċken wieħed, u kemm-il darba ressaqniehom quddiem il-Kabinett biex il-Gvern seta' jiddeċiedi sew liema hi l-aħjar sistema ta' tariffi li tiġi adottata fil-pajjiż. Biex wasal għal din id-deċiżjoni, Gvern Nazzjonalista kkonsidra l-ispiża tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni ta' l-ilma, ikkonsidra l-aspett soċjali - li huwa l-iktar aspett importanti - u ra wkoll li bis-sistema li jaddotta l-ħela ta' l-ilma tiġi eliminata kemm jista' jkun. Il-poplu kollu jaf li mill-1994 'l hawn ħallas tariffi ġusti u li bil-mod kif ġew imħaddma l-poplu Malti ma weġġax, anzi nista' ngħid b'wiċċi minn quddiem li l-poplu Malti mill-ewwel aċċetta dawn it-tariffi. Bejn l-1987 u l-1994 aħna rdoppjajna l-produzzjoni ta' l-ilma u wżajna l-mezzi tad-disalinazzjoni u tar-reverse osmosis għax minbarra l-kwantita' ridna ntejbu wkoll il-kwalita'. Imma l-Gvern Laburista x'għamel? Dan lanqas biss studja t-tariffi li se jdaħħal. Biżżejjed ngħid li meta tistaqsi lill-Ministru kemm hemm persuni li jgħixu fuq is-social assistance lanqas biss ikun jaf jirrispondik u jiġi jsemmilek il-figura ta' 62,000 minflok dik ta' 5,002! GĦandu jkun ħaseb li Malta qisha s-Somalja! Allaħares għandna dak l-ammont ta' persuni kollha li qed jgħixu fuq l-assistenza soċjali għax kieku nistgħu ngħidu li Malta ġiet qisha s-Somalja! Nafu x'qegħdin ngħidu hawn ġew jew ma nafux! Ir-realta' hi li l-Gvern preżenti qabad u faqqa' tariffa fuq dahar il-poplu, partikolarment fuq iż-żgħir u l-batut, u dan għamlu biex jgħatti l-iżbalji tal-politika diżastruża li ilu japplika tul din l-aħħar sena li ilu fil-gvern.
Sur President, jien jiddispjaċini li l-bieraħ fil-għaxija ma smajtx x'qal l-Onor. Karmenu Vella - għax jien meta nkun qed insuq ma nixgħelx ir-radju biex ma jtellifnix - pero' ġejt informat li dan qal li fl-1994 aħna żidna t-tariffa ta' l-ilma għal 70ċ fil-qasam tat-turiżmu. Imma possibbli li l-Gvern tant għandu paniku fuqu li lanqas dan l-eżerċizzju m'għamel? Possibbli li tan-naħa l-oħra ma jafux li fl-1994 aħna għamilna modifikazzjoni tat-tariffi li japplikaw għall-qasam domestiku biss?! Mela tan-naħa l-oħra ma jafux li t-tariffi li kien hemm qabel il-5 ta' Novembru fil-qasam industrijali u fil-qasam tat-turiżmu kienu l-istess tariffi li kien għamel il-Gvern ta' l-Onor. Dom Mintoff fl-1981? U rrid nenfasizza li t-tariffa ta' 70ċ fuq kull metru kubu kienet ħarġet fid-9 ta' Jannar ta' l-1981. Jiġifieri din huma kienu għamluha u mhux aħna! Aħna fl-1994 it-tariffa għall-qasam tat-turiżmu ħallejnieha kif kienet. Nispera li l-Ministru Karmenu Vella ma jerġax jiġi jgħid hawnhekk li aħna konna li għamilna din it-tariffa ta' 70ċ. Nerġa' ngħid li din it-tariffa huma kienu daħħluha, meta f'Malta lanqas kien jeżisti impjant tar-reverse osmosis wieħed, meta f'Malta l-ilma kollu kien jiġi ppompjat minn taħt l-art u meta l-prezz ta' l-ilma kien jiswa biss ftit soldi. Mela jiġi issa l-Ministru Vella jgħajjarna u jagħti x'jifhem li aħna konna li għollejna t-tariffi fil-qasam tat-turiżmu! Aħna t-tariffi tal-qasam tat-turiżmu ma missejnihomx. Kienu huma li missewhom għax minn 70ċ għal kull metru kubu t-tariffa ta' l-ilma fil-qasam turistiku għollewha għal Lm1.10, jew b'57%. Daqshekk ħenn għalih l-Onor. Karmenu Vella lill-qasam tat-turiżmu għax żiedlu spiża ta' madwar Lm0.75 miljun! Jien għidt dawn l-affarijiet biex nirribatti xi ftit mill-kummenti li saru fuq il-qasam ta' l-ilma.
Sur President, issa nixtieq ngħaddi biex nitkellem fuq il-biedja u s-sajd u se nibda billi nikkwota mill-famuż ktieb "Iċ-Ċittadin l-Ewwel - Politika Ġdida Laburista". It-titlu tal-paġna li tittratta dwar il-biedja u s-sajd huwa "Ħarsien, Tiġdid u Żvilupp" u fl-ewwel paragrafu nsibu dan il-kliem:
"Il-biedja u s-sajd għandhom ikunu mħarsin u żviluppati ..."
- issa naraw kemm dawn l-oqsma ġew imħarsin u żviluppati! -
"... b'mod li l-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jaqilgħu l-għajxien tajjeb mix-xogħol tagħhom. Il-politika l-ġdida favur il-biedja u sajd għandha tinbena fuq ħames pedamenti;
(i) Dħul xieraq għall-bdiewa u s-sajjieda effiċjenti tagħna; ...".
(Interruzzjonijiet) Tafu x'jonqos hawn ġew? Li nisimgħu l-murtali u s-salut għall-mod kif il-Gvern Laburista se jġenġel lil Malta bit-tariffi l-ġodda ta' l-ilma u d-dawl, Onor. Sceberras Trigona! (Onor. Membri: Hear, hear)
THE CHAIRMAN: Onor. Zammit, jekk jogħġbok kompli bid-diskors tiegħek.
ONOR. NINU ZAMMIT: Sur President, il-ħames pedamenti li jissemmew f'dan il-ktieb jidhru sbieħ ħafna. Pero' llum kulħadd jaf li għalkemm il-Partit Laburista ilu sena fil-gvern lanqas biss għadu beda jħammel, aħseb u ara kemm beda jibni!

Sur President, matul din l-aħħar sena d-dħul tal-bdiewa naqas b'mod drastiku. Biżżejjed ngħid li filwaqt li fl-1996 il-prezz medju tal-prodotti kollha li ddaħħlu fil-pitkalija kien ta' 16c7 kull kilo, din is-sena dan il-prezz niżel għal 13c8 kull kilo, jiġifieri l-valur naqas bi 17% kull kilo. L-average price tal-patata mdaħħla fil-pitkalija fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra kien ta' 16ċ kull kilo, pero' dan il-prezz tafu kemm waqa' din is-sena? GĦal 7ċ kull kilo, jiġifieri kien hemm tnaqqis ta' 55%. GĦarukaża! Jekk nieħdu l-prezz medju tal-patata li ġiet esportata nsibu li dan fl-1996 kien jammonta għal Lm12.68-il qantar, pero' din is-sena dan niżel għal Lm10.30-il qantar, jiġifieri kien hemm tnaqqis ta' 18.7%. Dawn huma affarijiet tal-mistħija! Issa hawn irrid nagħmilha ċara li jien m'iniex qed nikkritika lill-ħabib tiegħi l-Onor. Farrugia għax lil dan tefgħulu kollox fuq spalltu imma qed nikkritika l-politika tal-Gvern tiegħu. Fil-fatt jien nista' ngħid sinċerament li xi kultant lill-Onor. Farrugia nitħassru, pero' bilfors ikolli nitkellem u nistqarr ċerti affarijiet meta nara l-mod kif qed issir l-esportazzjoni tal-patata. L-export board stedinni biex immur għal laqgħa pero' jien ma mortx u iktar 'il quddiem se ngħid għaliex.


Sur President, jien ikkritikajt kemm-il darba n-nuqqas gravi ta' trasparenza u l-ineffiċjenza fil-proċess kollu ta' l-esportazzjoni tal-patata. Il-proċedura li qed tintuża biex tiġi esportata l-patata trid tispiċċa għax mhux fair li wara li l-bidwi jagħti l-prodott tiegħu lil aġent minn barra, dan wara xi xahrejn jew xahrejn u nofs ifaqqagħlu l-prezz li jidhirlu hu. Il-bidwi Malti jesiġi bi dritt li jkun jaf eżattament b'kemm inbiegħu l-prodotti tiegħu. Il-bidwi jkun kuntent meta jibda jirċievi xi ħaġa li turi f'liema ġurnata, f'liema suq u f'liema pajjiż inbiegħu l-prodotti tiegħu għax b'hekk biss ikun jista' jkollu moħħu mistrieħ li ma ġiex imqarraq. Jien ħriġt diversi press releases fuq dan is-suġġett u fl-aħħar il-Ministru Farrugia stess ammetta li l-kritika tiegħi hija ġusta. Tant hu hekk li fil-5 ta' Settembru ġie rrapportat li l-Onor. Noel Farrugia qal dan il-kliem:
"Il-kritika ma saritx biss mill-Onor. Ninu Zammit imma wkoll mid-dipartiment u f'ċerti ċirkostanzi anke minni nnifsi. GĦalhekk qed ikun investigat l-operat kollu biex ikun hemm iktar trasparenza fil-proċess ta' l-esportazzjoni mill-bidu sa l-aħħar.".
Jien dan hu li nawgura lill-Onor. Farrugia, li jdaħħal iżjed trasparenza fil-proċess kollu ta' l-esportazzjoni ħalli jkun jista' joħroġ iżjed with flying colours u l-bdiewa jkunu jistgħu jagħtuh il-prosit għax ikunu jafu li l-prodott tagħhom qed iġib l-ogħla prezz possibbli fil-veru sens tal-kelma.
Sur President, issa ħalli ngħid xi ħaġa rigward il-qasam tal-biedja. Jien m'iniex se noqgħod nikkritika l-fatt li kien hemm tnaqqis fil-vot allokat lil dan il-ministeru pero' jkolli nikkritika l-fatt li meta għamilt diversi mistoqsijiet lill-Ministru Farrugia dwar l-irranġar ta' toroq rurali, dan weġibni li ma jistax jagħmel mod ieħor għax m'għandux flus. Kif għidt qabel, jien m'iniex inwaħħal fil-Ministru. Imma possibbli li ġaladarba hemm dak il-bżonn, fl-1997 il-Prim Ministru ma jistax jalloka ftit eluf ta' liri ħalli jkunu jistgħu jiġu rranġati t-toroq rurali? Niftaħru tant bil-bdiewa u s-sajjieda! Allura kif imbagħad l-istess Prim Ministru għandu l-wiċċ jonfoq Lm0.5 miljun f'direct orders għar-reklamar fuq it-tneħħija tal-VAT u l-introduzzjoni tas-CET? S'hawnhekk wasal pajjiżna. Il-Prim Ministru jonfoq u jberbaq Lm0.5 miljun f'direct orders għal reklami fuq it-tneħħija tal-VAT u mbagħad lil sieħbu l-Ministru ma jagħtihx ftit għexieren ta' eluf biex ikunu jistgħu jitranġaw it-toroq rurali!
Sur President, hawn ta' min jgħid ukoll b'dispjaċir li ħafna bdiewa qaluli li l-prezz taż-żerriegħa li jixtru għolielhom infern. Nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nistaqsi lill-Ministru wkoll - jien għamilt mistoqsija parlamentari f'dan ir-rigward għax qed ikun hemm bosta lmenti mingħand il-bdiewa - għaliex minn din is-sena l-bdiewa bdew jingħataw ammont żgħir ta' ħamrija.
Sur President, ħaġa oħra li rrid ngħid hija li meta kien hawn il-marda tal-white fly, peress li jien dilettant tas-siġar taċ-ċitru kont tkellimt ma' xi erba' anzjani li huma intiżi f'dan is-suġġett u kont sibt is-soluzzjoni ta' din il-marda. Imma l-marda tal-leaf-miner ilha magħna xi sentejn jew tlieta għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni għaliha. Intom issiefru tant u titkellmu ma' tant delegazzjonijiet meta tkunu barra minn Malta, possibbli li ma ssibux lil xi ħadd li jagħtikom soluzzjoni prattika għal din il-marda? Per eżempju, kulħadd jaf li l-aħjar soluzzjoni għall-marda tal-white fly hija li titfa' erba' mgħaref liquid soap ġol-pompa tal-bexx. Allura possibbli li l-ministeru m'huwiex kapaċi jħallas u jġib espert ħalli din il-marda kiefra li qed teqred lis-siġar taċ-ċitru tiġi eliminata, iktar u iktar meta nafu kemm hawn bdiewa li qed ibatu konsegwenzi koroh minħabba din il-marda?
Sur President, jien nixtieq li l-Ministru jara wkoll il-mod kif qed isir l-użin tal-prodotti li jiddaħħlu fil-pitkalija. Jien naħseb li llum, li ninsabu fl-aħħar ta' l-1997, wasal iż-żmien li l-ħabib tiegħi l-Onor. Farrugia jara li fil-pitkalija jkollna weighbridges ħalli meta, per eżempju, il-gabillott idaħħal vann patata jserraħ moħħu li l-piż li jagħtih is-sensar ikun ġust u finalment jiġi vverifikat li tħallas tajjeb.
Sur President, jiddispjaċini ngħid li anke d-dħul tas-sajjieda naqas b'mod drastiku matul din l-aħħar sena. Fil-fatt jekk inqabblu l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena ma' l-ewwel disa' xhur ta' l-1996 insibu li filwaqt li l-prezz medju tal-pixxispad li ddaħħal fil-pixkerija naqas b'10%, il-prezz medju tal-lampuki naqas bi 15%. Min-naħa l-oħra l-prezz tal-ħut li jiġi esportat mill-1996 għal din is-sena naqas bin-nofs. GĦalhekk bilfors ikolli nistaqsi x'ġara f'dan il-qasam għax milli jidher mhux biss qabad it-triq tan-niżla imma diġa' waqa' mill-irdum. Jien nixtieq nistaqsi lill-Ministru x'policy qed titħaddem għal dan il-qasam għax meta qrajt x'hemm fil-budget għal dan is-settur sibt li huwa fqir ħafna mill-ideat. Per eżempju, meta taqra xi jgħid il-budget għar-rigward tal-qasam tas-sajd għaliex għandek issib imniżżel li wieħed mill-proġetti li hemm għal dan il-qasam huwa s-servicing tal-pompi? X'għandu x'jaqsam is-servicing tal-pompi ma' kif għandu jitmexxa l-qasam tas-sajd f'pajjiżna! Is-servicing tal-pompi hija xi ħaġa ta' manutenzjoni regolari.
Sur President, intqal ukoll li wieħed mit-targets ta' dan il-ministeru huwa li l-produzzjoni tal-frieħ ta' l-awrat is-sena d-dieħla minn 800,000 titla' għal 1,000,000. Aħna nafu x'qed ngħidu hawnhekk? Qed ngħixu f'Malta? Jien naħseb li jkun aħjar jekk navża lill-Ministru biex joqgħod attent għan-nies li għandu ma' saqajh u biex ma jħalli lil ħadd ibellagħlu r-ross bil-labra! Sa ftit xhur ilu jien niftakar lill-membri tal-Gvern jgħidu li l-produzzjoni tal-frieħ ta' l-awrat f'San Luċjan kienet diġa' laħqet il-figura ta' bejn 1,500,000 u 2,000,000. Allura kif issa, f'daqqa waħda, din il-produzzjoni niżlet għal 800,000 u f'dan il-budget hemm miktub li qed nagħmlu target li ntellgħuha għal 1,000,000? U dawn huma affarijiet li jitniżżlu fil-budget? Jien żort il-fish-farm diversi drabi, proġett li kien immexxi minn Prof. Agius, li huwa espert. Pero' rrid ngħid li m'ilux qrajt f'gazzetta lokali li l-kuntratt tiegħu ma ġiex imġedded u jien nistaqsi lill-Ministru għaliex ma ġġeddidx il-kuntratt tal-Prof Agius, liema professur huwa recognised kważi mad-dinja kollha, tant li jiġi mqabbad bħala konsulent f'diversi pajjiżi, jaħdem għall-Food and Agriculture Organisation u kien imħallas bil-karawett. Nixtieq li l-Ministru jkollu ċans iweġibni fuq dan il-punt.
Jiddispjaċini wkoll li llum il-post fejn isiru l-experimentations sar qisu ċimiterju. Fid-diskors tal-budget hemm miktub ukoll li issa fil-fish-farm se jibdew jitrabbew l-ispnott u l-awrat. Mela qabel l-ispnott u l-awrat ma kenux jitrabbew fil-fish-farm? Terġa' ma' l-ispnott u l-awrat fil-fish-farm kien jitrabba wkoll ħut ieħor, bħal sallur, aċċol, lampuki u oysters. Allura issa qed niftaħru li neħħejna dawn it-tipi ta' ħut kollha u se nżommu l-ispnott u l-awrat biss? Jien ma rridx nitkellem fit-tul fuq il-fish-farm ta' San Luċjan pero' nemmen li dan għandu jitmexxa fuq linji ta' riċerka u mhux fuq linji ta' produzzjoni. Dan il-fish-farm qatt m'għandu jikkompeti ma' fish-farms kummerċjali oħra li hawn fil-pajjiż.
Hawn ma rridx ninsa nsemmi wkoll il-fatt li filwaqt li qabel fish-farm kien jagħmel investiment ta' Lm1 miljun mill-inqas darba kull sena, f'din l-aħħar sena lanqas ċenteżmu investiment ma sar f'dan il-qasam. Qed ngħid dan kollu biex meta l-Ministru jkun qed jagħmel id-diskors tiegħu jweġibni għall-mistoqsijiet li qed nagħmillu, u fosthom jgħidli x'inhi r-raġuni li bniedem espert bħall-Professur Agius, il-bniedem li bena din l-industrija f'pajjiżna u ta qalbu għaliha, ma ġġeddidlux il-kuntratt. Għax wieħed ikollu jistqarr li minn meta spiċċa hu l-fish-farm li hemm f'San Luċjan mhux talli qabad in-niżla imma talli waqa' mill-irdum.
Sur President, jien nitkellem ma' ħafna sajjieda u kultant bilfors ikolli nwassal ilmenti li nisma' mingħandhom. Per eżempju, hija ħaġa tal-mistħija li għalkemm is-sajjieda ta' Marsaxlokk, fejn hemm numru kbir ta' sajjieda, issa ilhom żmien jitolbu biex issir slipway, din sal-lum baqgħet ma saritx. Din is-slipway ma jriduhiex biex joqogħdu jniżżlu l-ispeed-boats imma biex itellgħu u jniżżlu l-opri tal-baħar tagħhom. Hawn ta' min jgħid li huwa kkalkolat li din is-slipway tqum madwar Lm120,000. Allura possibbli li dan il-Gvern li, bħalma għidt diġa', berbaq madwar Lm0.5 miljun f'direct orders fuq reklamar tat-tneħħija tal-VAT u l- introduzzjoni tal-famuża CET, huwa daqshekk kiefer u kattiv mas-sajjieda li m'huwiex kapaċi joħroġ Lm120,000 u jagħmel din is-slipway għas-sajjieda kollha ta' Marsaxlokk? L-istess nistgħu ngħidu għall-winch li kellha ssir quddiem is-slipway li tinsab maġenb il-Hunter's Tower f'Marsaxlokk, għax minkejja li ilha se ssir żmien, sal-lum din għadha ma saritx.
Sur President, jekk wieħed jaqra l-ktieb "Iċ-Ċittadin l-Ewwel - Politika Ġdida Laburista" jsib li, fost affarijiet oħrajn, għall-qasam tas-sajd jingħad li:
"GĦandu jsir titjib fl-infrastruttura ta' l-industrija tas-sajd, inkluż il-bini ta' pixkerija mgħammra b'imħażen tal-friża u faċilitajiet moderni u attraenti għall-bejjiegħa tal-ħut.".
Hawn ma nistax ma nsemmix il-fatt li l-pixkerija ġiet irranġata, modernizzata u mibnija mill-ġdid mill-kollega tiegħi l-Onor. Ċensu Galea u mill-ministru ta' qablu, il-Perit Lawrence Gatt. Ikolli nistqarr ukoll li tul din l-aħħar sena s-sajjieda li jmorru l-pixkerija xebgħu jitolbu biex isir hoist winch, jiġifieri miżien li jerfa' l-ħut il-kbir u jdaħħlu fil-pixkerija. Imma dan il-Gvern, li tant iħobb liċ-ċittadin, lanqas dan il-hoist winch ma kien kapaċi jipprovdi fil-pixkerija tul is-sena li ilu jiggverna. Sur President, is-sajjieda jiffaċċjaw problemi oħra li tistħi ssemmihom fl-1997.
Per eżempju, illum dawn is-sajjieda għadhom f'sitwazzjoni fejn biex itellgħu opra tal-baħar għal manutenzjoni bilfors iridu jtellgħuha Manoel Island u jaħdmu bil-ħaddiema tad-Dockyard. Ta' min jgħid ukoll li jekk il-ħaddiema tad-Dockyard idumu ġimgħa jagħmlu manutenzjoni fuq xi opra tal-baħar, is-sajjied Malti tiġih spiża ta' Lm600. Jekk l-istess sajjied itella' din l-opra tal-baħar f'xi shiprepair yard fi Sqallija l-ispiża tammonta għal madwar Lm250. Allura possibbli f'din it-tikka ta' gżira li tefagħna fuqha l-Bambin ma nistgħux nagħmlu ftehim biex almenu s-sajjieda Maltin ikollhom ċans itellgħu l-opra tal-baħar tagħhom f'Manoel Island, iħallsu tal-kera u jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa huma ħalli jkunu jistgħu jiffrankaw dawn il-flus?
Sur President, jien informat li fil-kuntratt tal-provvista ta' lixka hemm stipulat li din il-provvista ma tistax teċċedi ċertu ammont. Issa ġara li dan l-aħħar fil-cold stores tal-gvern ma kienx għad fadal lixka bil-konsegwenza li s-sajjieda kellhom jixtruha mingħand il-privat bi 3ċ ogħla f'kull kilo. Wieħed irid jikkonsidra li għal sajjied pjuttost kbir din iż-żieda ta' 3ċ kull kilo tista' tammonta għal bejn Lm500 u Lm700 fis-sena. Hawnhekk nixtieq nistaqsi jekk il-ministeru issa huwiex f'pożizzjoni li lis-sajjieda jagħtihom lura l-ammont addizzjonali ta' 3ċ kull kilo li huma kellhom iħallsu għal-lixka li xtraw mingħand il-privat.
Sur President, jien nixtieq li s-sajjieda jerġgħu jingħataw spinta 'l quddiem. Lili s-sajjieda anzjani kemm-il darba jfakkruni li fl-1971 kienu jingħataw refund ta' 15% mingħand il-gvern, jiġifieri tliet soldi fuq kull xelin u tmien soldi li jonfqu fuq il-fuel li kienu jikkonsmaw. Mela jekk illum fil-pajjiż għandna 50 sajjied kbir, wieħed malajr jikkalkola - hawn ġew kulħadd jiddeletta bil-calculators! - li dawn jikkonsmaw mat-Lm8,000 fi fuel kull sena. Għalhekk ikun tajjeb jekk il-gvern jagħtihom refund ta' 15% ta' l-ispiża tal-fuel u b'hekk fl-istess ħin jinċentivahom ħalli jaħdmu iżjed. Din lill-gvern kulma tiġih hija spiża ta' madwar Lm60,000 fis-sena. Allura, kif għidt diġa', possibbli li l-Prim Ministru, li huwa lest li jberbaq Lm0.5 miljun f'reklami għat-tneħħija tal-VAT u l-introduzzjoni tas-CET, m'għandux minn fejn jagħti lil sieħbu l-Ministru tal-Biedja u Sajd Lm60,000 ħalli b'hekk iferraħ u jimmotiva lis-sajjieda Maltin! Jien nixtieq ukoll li l-ħabib tiegħi, l-Onor. Noel Farrugia, jagħmel l-almu tiegħu biex jintlaħaq ftehim ma' l-Italja, pajjiż ġar tagħna, ħalli jkun hemm speċi ta' a closed season għal dak li huwa sajd ta' pixxispad u b'hekk il-pixxispad iż-żgħir nagħtuh ċans jikber. Jien naħseb li idealment dan il-closed season għandu jibda fil-15 ta' Novembu u jispiċċa fl-aħħar ta' Diċembru.
Sur President, bħalma s-sajjieda effiċjenti tagħna għandu jkollhom dħul xieraq, hekk ukoll għandu jkollhom ir-raħħala. Nibda biex ngħid li minkejja li smajna kemm-il darba li r-raħħala għandhom jingħataw prezz garantit ta' Lm126 kull qantar għall-għoġġiela li huma jdaħħlu fil-biċċerija, il-Ministru jaf daqsi li fil-fatt mhux veru li r-raħħala jingħataw dan il-ħlas. L-istess nistgħu ngħidu għall-produzzjoni tal-ħalib. Jien nistaqsi: Kif ir-raħħala baqgħu jitħallsu bl-istess prezz ta' qabel għall-ħalib meta l-affarijiet li huma magħmula mill-ħalib, bħall-yoghurt u l-ġbejniet, għolew daqstant? Meta lil ħaddieħor tajnieh il-fakulta' li jgħolli l-yoghurt u l-ġbejniet, kif lir-raħħal, li jforni l-ħalib biex jiġi pproċessat, ma tajniehx imqar milleżmu żieda?
Sur President, l-istess nistgħu ngħidu għall-bejjiegħa tal-laħam. Jien nitkellem ma' diversi bejjiegħa tal-laħam u kollha jilmentaw mill-fatt li biex jgħollu l-prezzijiet tal-laħam trid bilfors toħroġ price order. Ma jistax ikun li dawn jixtru l-laħam bi prezz ogħla milli suppost ibigħuh. Jien nixtieq li l-Ministru fid-diskors tiegħu jgħid xi ħaġa f'dan ir-rigward ukoll, pero' jkun inutli li jgħid li jekk kemm-il darba toħroġ price order, dan jirrifletti fuq l-indiċi tal-prezzijiet. Jekk illum il-bejjiegħ tal-laħam ġie f'pożizzjoni fejn qed jixtri l-laħam bi prezz ogħla milli suppost ibigħu, almenu għandha toħroġ price order ħalli din il-problema tiġi solvuta. Matul din is-sena smajna ħafna fuq l-esportazzjoni tal-majjal u filwaqt li qabel kien jingħad li l-majjal Malti ma tistax tesportah lejn l-Ewropa għaliex m'huwiex ta' kwalita', issa f'daqqa waħda ngħatajna l-opportunita' li nesportaw il-majjal. Madankollu minkejja l-ħafna reklami li ġibna fuq il-mezzi tax-xandir, jiddispjaċini ngħid li l-ammont ta' majjal li ġie esportat kien verament żgħir. Sur President, jien qed ngħid dan kollu biex nuri li l-Gvern preżenti qed jimxi b'mod diżonest bil-provi fl-oqsma tal-biedja u s-sajd. Minflok ma l-Gvern qed jiggarantixxi li l-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala jkollhom dħul xieraq, qed jagħmel il-kuntrarju u jkolli nistqarr - dan illum sar jafu kulħadd u nkompli nitkellem fuq dan is-suġġett iktar 'il quddiem - li llum id-dħul ta' dawn il-ħaddiema qed jonqos.
Sur President, il-ktieb "Iċ-Ċittadin L-Ewwel - Politika Ġdida Laburista" semmielna pedament ieħor li jittratta l-ħarsien ta' l-ambjent naturali. Hawn ukoll ikolli nistqarr li matul din is-sena prattikament ma sar xejn biex l-ambjent jiġi mħares. Per eżempju, hemm miktub - u l-kliem huwa mqiegħed b'tali mod li jifforma rima - li "kull fejn possibbli r-raba' bagħli jsir saqwi", imma llum nafu li dan m'hu minnu xejn. Minkejja li jien staqsejt kemm-il darba lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni xi pjanijiet għandu biex, per eżempju, jinġabar l-ilma tat-toroq u bih ikunu jistgħu jissaffew is-sistemi tad-drenaġġ. Sal-lum għadni ma ngħatajtx risposta adegwata. Issa ma jiġix il-Ministru u jgħid li ilu biss perijodu qasir fil-kariga ta' ministru, għax issa ilu sena u l-honeymoon ilu li għadda! . Illum bil-liġi tas-CET li introduċa l-Gvern preżenti, il-makkinarji kollha li jiġu installati għad-drip irrigation għolew ħafna fil-prezz. Hawn ġew issemma l-fatt li l-Gvern Nazzjonalista kellu ħsieb jagħmel eżerċizzju sabiex l-ilma tat-toroq jibda jinġabar u bih ikunu jistgħu jissaffew is-sistemi tad-drenaġġ. Fil-fatt dan l-eżerċizzju kien se jitressaq quddiem il-Kabinett ħalli finalment il-Gvern jiddeċiedi fuq tariffa ta' bejgħ ta' ilma lill-qasam agrikolu. B'hekk dan il-qasam agrikolu mhux talli ma kienx jintefa' lura, talli konna se nimbottawh 'il quddiem.
Sur President, f'"Iċ-Ċittadin l-Ewwel - Politika Ġdida Laburista" ssemma wkoll "titjib fl-opportunita' ta' bejgħ barra ta' prodotti tal-biedja u sajd". Meta naqra dan l-istatement jien nistaqsi: Hawnhekk il-Partit Laburista qed jiċċajta jew ma jafx x'qed jgħid? Biżżejjed ngħid li bit-tneħħija tal-VAT u bl-introduzzjoni tas-CET il-kompetittivita' fil-prezzijiet tal-bidwi ġiet imnaqqsa u l-ispiża minima tal-prodotti kollha li jixtri l-bidwi - din għidnieha miljun darba u pprovajnieha wkoll - għoliet mill-inqas b'5.5%. Barra minn hekk, wieħed ma jridx jinsa jsemmi li filwaqt li qabel il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda kienu jieħdu refund fuq il-VAT li titħallas għal ċerti servizzi, bħal per eżempju servizz minn bennejja u electricians, illum dan ir-refund m'humiex qed jeħduh. GĦalhekk il-kompetittivita' f'dan il-qasam bilfors li naqset, kemm f'dak li huwa bejgħ fis-suq lokali kif ukoll f'dik li hija esportazzjoni.
Sur President, imbagħad xi ngħidu għaż-żieda fil-prezzijiet ta' affarijiet li huma konnessi mal-qasam tas-sajd? Jien nixtieq li l-Ministru jiċċekkja kif kienu l-prezzijiet ta' l-affarijiet li jintużaw fis-sajd qabel ma tneħħiet il-VAT u kif inhuma llum. Per eżempju, filwaqt li qabel ma tneħħiet il-VAT il-lenza, li hija l-iktar oġġett li jintuża mis-sajjied, kienet tinxtara 95ċ-il kilogramm u lis-sajjied kienet tiġih 81ċ, għax kien jieħu 15% lura, mindu daħlet is-CET il-lenza saret tinxtara Lm1.13 u minħabba r-refund ta' 16% li qed jingħata, lis-sajjied qed tiġih 95ċ. GĦalhekk fejn qabel is-sajjied kien qed iħallas 81ċ minn butu għal kilo lenza, issa qed iħallas 95ċ-il kilo, jiġifieri 17% iktar. Issa trid tikkonsidra li s-sajjieda l-kbar jixtru madwar l-1,500 kilogramm lenza fis-sena, jiġifieri f'dan il-każ is-sajjied daħal fi spiża extra ta' madwar Lm206 fis-sena. L-istess nistgħu ngħidu għall-prezz tar-radar. U llum liema sajjied kbir għandu lanċa bla radar! Filwaqt li qabel ma tneħħiet il-VAT radar kien jinxtara bil-prezz ta' Lm2,100 u bir-refund tal-VAT lis-sajjied kien jiġi jiswlu Lm1,785 - jien nixtieq li l-Ministru jivverifika dan li qed ngħid - illum il-prezz huwa ta' Lm2,688 u bis-16% refund is-sajjied ikollu joħroġ minn butu Lm2,258. Dan ifisser li llum is-sajjied, li jkollu jbaħħar fil-maltemp 'il bogħod minn daru u mill-familja tiegħu, biex sempliċement jixtri radar se jkollu joħroġ mill-but Lm473 aktar, jiġifieri żieda ta' 26%.
Sur President, ta' min jgħid ukoll li t-tneħħija tal-VAT u l-introduzzjoni tas-CET tista' taffettwa bl-ikrah anke l-esportazzjoni tal-prodotti Maltin, partikolarment l-esportazzjoni tal-patata u ta' prodotti agro-industrijali, bħalma huma l-birer, l-inbejjed u l-ħut. Jekk kemm-il darba l-Prim Ministru jkompli jwebbes rasu li jħalli d-dazji fil-prodotti li nesportaw, il-pajjiżi li jimportaw dawn l-affarijiet kollha se jibqgħu jiġu soġġetti għal ħlas ta' levies. Dan huwa kontra dak li kien għamel il-Gvern Nazzjonalista li kien diġa' neħħa l-levies kollha fuq uħud mill-prodotti li kienu qed jiġu esportati, bħall-patata.
Il-ħames pedament li jissemma f'"Iċ-Ċittadin l-Ewwel - Politika Ġdida Laburista" huwa:
"Rieda sħiħa mill-Gvern biex b'mod pożittiv jagħti għajnuna diretta u indiretta lill-bdiewa u lis-sajjieda ħalli jtejbu l-ħidma tagħhom.".
Meta fil-5 ta' Novembru li għadda tressaq il-budget għas-sena 1998 jien staqsejt bejni u bejn ruħi jekk dan il-pedament huwiex qiegħed imniżżel fil-budget. Jien ma naħsibx li kont inti li niżżilt dan il-pedament f'"Iċ-Ċittadin l-Ewwel - Politika Ġdida Laburista", Onor. Farrugia! Imma llum fejn hi din l-għajnuna diretta u indiretta li dan il-Gvern qabel l-elezzjoni ftaħar li se jagħti? GĦax fil-5 ta' Novembru kulma ħabbar dan il-Gvern kienu żidiet fit-tariffi ta' l-ilma u ta' l-elettriku.
Sur President, issa ħalli ngħid kif se jiġi affettwat ir-raħħal u l-familja tiegħu mil-lat domestiku. Filwaqt li qabel raħħal, li l-familja tiegħu hija magħmula minn ħames persuni, inkluż hu, kien iħallas Lm8.42 kull erba' xhur għall-konsum ta' l-ilma fid-dar fejn jabita - hawnhekk m'iniex qed ninkludi l-ilma li jikkonsma fir-razzett tiegħu - illum dan se jibda jħallas Lm34.42. Barra minn hekk, filwaqt li qabel dan ir-raħħal kien iħallas madwar Lm180 fis-sena bħala konsum ta' dawl fid-dar tiegħu, illum dan se jibda jħallas Lm324 fis-sena. GĦalhekk biex ma noqgħodx insemmi ħafna figuri u naqtagħha fid-dritt, nista' ngħid li l-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma ta' dan ir-raħħal se jirdoppjawlu kull erba' xhur. Biex kulħadd ikun jista' jara li dawn il-kalkoli li għamilt huma tajbin - għax kien hemm min qal li dawn il-kalkoli huma ħżiena minkejja li ħadd ma ċċalinġjani - bil-permess tal-Kamra nixtieq inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' tabelli li juru l-varjazzjoni fit-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma.
Yüklə 407,14 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin