ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-AWTORITA' MARITTIMA TA' MALTA 126
MALTA MARITIME AUTHORITY (AMENDMENT) BILL 126
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IL-EUROCONTROL 127
EUROCONTROL (AMENDMENT) BILL 127
MOZZJONI DWAR IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-EDUKAZZJONI 127
AĠĠORNAMENT 146
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 152
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 174
MINUTI
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): Il-minuti jistgħu jiġu konfermati?
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni li l-Onor. Louis Deguara u l-Onor. Michael Frendo kienu preżenti għas-seduta tal-bieraħ u fuq il-Minuti qegħdin imniżżlin bħala assenti.
MADAM SPEAKER: Mela l-ismijiet ta' l-Onor. Michael Frendo u l-Onor. Louis Deguara għandhom jinqatgħu mil-lista tal-membri assenti. Il-Minuti issa jistgħu jiġu konfermati? (Onor. Membri: Iva)
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 76 li saret fid-9 ta' Ġunju, 1997 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI
ALE - SNIETER KONFISKATI
5922. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm snieter ikkonfiskati mill-kaċċaturi f'idejn l-ALE illum?
Kemm ingħataw snieter lura lil sidhom qabel ma dawn ittellgħu l-qorti fl-aħħar tliet xhur?
Għaliex fil-każijiet l-oħrajn is-snieter ma ngħatawx lura qabel ma sidhom ittella' l-qorti?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Ninsab informat li sat-28 ta' Mejju, 1997 kien hemm 95 senter miżmuma mill-pulizija ta' l-administrativelawenforcement wara li dawn ġew meħuda mingħand kaċċaturi.
Matul dawn l-aħħar tliet xhur ma kien hemm ebda każijiet fejn snieter ingħataw lura lil sidhom qabel proċeduri fil-qorti.
BUĠIBBA - PROĠETT
5955. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Joe Psaila Savona) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Billi issa jidher ċar li l-proġett ta' Buġibba mhux se jkun lest fiż-żmien stabilit, jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-time-frame il-ġdid li se jiġi mogħti?
X'attenzjoni se tittieħed biex fl-istaġun turistiku l-ambjent ikun imħares mix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni li allura se jkun hemm?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Ix-xogħlijiet li għalihom daħlet responsabbli t-Taqsima tax-Xogħlijiet fl-aħħar ta' Frar ta' din is-sena, inklużi wkoll dawk ix-xogħlijiet li ġew miżjuda wara dik id-data, kienu lesti fid-data li ġiet stabilita mill-Gvern, jiġifieri fil-31 ta' Mejju, 1997. Għad fadal xi affarijiet żgħar li m'humiex lesti li fejn ix-xogħol l-ieħor kbir li sar huma ta' entita' żgħira. Dawn huma t-twaħħil ta' fanali mad-dawra tal-kosta biex tkompli tissebbaħ id-dehra ta' Buġibba u l-junction bejn Pioneer Road u Salina Coast Road. Dawn ix-xogħlijiet mistennija li jkunu lesti sa l-aħħar ta' Ġunju.
Naħseb li l-Onor. Membru wara l-31 ta' Mejju, 1997 seta' jara d-differenza kbira fid-dehra ta' Buġibba minn dak li kienet qabel Frar għal dik li hi issa.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Peress li jekk fhimt sew il-Ministru qal li l-arbli tal-promenade se jitwaħħlu sa l-aħħar ta' Ġunju, hemm xi implikazzjoni fuq l-investigazzjoni li hija għaddejja bħalissa mill-Pulizija rigward l-għoti tat-tender? Qed ngħid dan għaliex saru allegazzjonijiet li xi ħadd kien jaf b'xi dokumenti jew b'xi ħaġa simili.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Jien ma nafx għal liema arbli qed jirriferi l-Onor. Interpellant, pero' jien naħseb li jekk hemm xi inkjesta għaddejja m'hijiex etika li nitkellmu fuqha qabel titlesta.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Jekk fhimtu sew lill-Ministru waqt li kien qed jaqra r-risposta - għax għaġġel xi ftit waqt li kien qed jaqraha - qal li għad fadal li jitwaħħlu l-arbli mal-promenade u li dan ix-xogħol se jsir sa l-aħħar ta' Ġunju. Allura jista' l-Ministru jgħid hemmx xi implikazzjoni fuq l-investigazzjonijiet li tħabbru li kien hemm fuq il-gazzetti?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Ma hemmx.
ONOR. AUSTIN GATT: GĦalkemm probabbilment m'iniex se ningħata tweġiba għal din il-mistoqsija li se nagħmel minħabba li l-ministru konċernat mhux qiegħed hawn, xorta waħda nixtieq nistaqsi lill-Ministru li qed inwieġeb minfloku biex jgħidilna x'jaf dwar dawn l-investigazzjonijiet.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: Jien m'iniex investigatur u allura ma nafx.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Li l-Ministru Mizzi m'huwiex investigatur nafuh ilkoll u ma għandux għalfejn joqgħod jgħidilna, pero' billi qed jirrispondi għall-Ministru Buhagiar li m'huwiex hawn, jien sempliċement staqsejtu jekk jafx jirrispondi - u għidt li nippretendi li se jgħidli li ma jafx għaliex suppost li qed jirrispondi l-Ministru Buhagiar li m'huwiex fil-Kamra - għall-mistoqsija li staqsejtu.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Lanqas il-Ministru Buhagiar m'huwa investigatur.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Peress li l-Ministru Mizzi huwa ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u huwa responsabbli wkoll għall-Pulizija, jista' jobbliga ruħu li jindaga fiex waslu l-investigazzjonijiet? F'dan is-sens il-Ministru Mizzi huwa responsabbli għall-investigaturi.
ONOR. JOE MIZZI: Għall-informazzjoni ta' l-Onor. Zammit Dimech il-Prim Ministru huwa responsabbli mill-Pulizija u jien qiegħed fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
BORMLA - TRIQ SANTA LIENA - PROVVISTA TA' ILMA
5968. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta r-residenti ta' Block C u BlockF, fi Triq Santa Liena, Bormla se jkollhom is-servizz ta' l-ilma biex b'hekk ikunu jistgħu jgħixu fir-residenza tagħhom?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tinsab f'kuntatt mad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni tal-Bini biex xi problemi tekniċi li għad hemm dwar livelli ta' toroq u tqegħid ta' kanen għall-provvista ta' l-ilma jiġu solvuti u b'hekk l-ilma jitwassal lil dawn iż-żewġ blokki fl-iqsar żmien possibbli.
MALTA GANTRY MANUFACTURING LTD - KONSULENTI
5380. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid min huma ż-żewġ konsulenti li ġew ingaġġati mill-Malta Gantry Manufacturing Limited?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu twil il-kuntratt li għandhom, humiex full-time jew le, kemm jitħallsu, l-kwalifiki tagħhom, ir-reponsabbiltajiet tagħhom u jekk saritx sejħa pubblika u jekk iva, fejn u meta?
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.
TUG MALTA - FLEET OPERATIONS MANAGER
5381. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid min hu l-fleet operations manager li ngħata kuntratt definit mit-Tug Malta?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tul tal-kuntratt, huwiex full-time jew le, kemm jitħallas, il-kwalifiki tiegħu u jekk saritx sejħa pubblika, u jekk iva, fejn u meta?
ONOR. LEO BRINCAT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.
DIPARTIMENT TA' L-ISTATISTIKA - EKONOMISTI
5382. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid min huma s-sitt ekonomisti u l-istatistical advisor li ngħataw kuntratt definit mad-Dipartiment ta' l-Istatistika?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tul tal-kuntratt, humiex full-time jew le, kemm jitħallsu, l-kwalifiki tagħhom u jekk saritx sejħa pubblika u jekk iva, fejn u meta?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W316. Għall-aħħar parti tal-mistoqsija, iva kienet saret sejħa pubblika li dehret fil-gazzetti lokali bejn is-6 u l-24 ta' April, 1995.
Fl-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika ġew impjegati sitt ekonomisti fi skala 10, b'kuntratt definit għal sena, ħamsa minnhom bid-data tad-19 ta' Awissu 1996 u ieħor fit-23 ta' Awissu, 1996. Ġie mġedded ukoll kuntratt definit għal sena mit-2 ta' Jannar, 1997 ta' statistical advisor.
MALTA SHIPBUILDING- PROFESSJONISTI
5383. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-erba' tobba u avukat li ngaġġa riċentement il-Malta Shipbuilding?
ONOR. ALFRED SANT: Ninforma lill-Onor. Membru li l-erba' tobba ngaġġati riċentement mal-Malta Shipbuilding Company Limited huma:
Dr. Stephen Camilleri, M.D.
Dr. Noel Caruana, M.D.
Dr. Anthony Formosa, M.D.
Dr. Patrick Frendo, M.D.
Il-kumpanija ma ngaġġat l-ebda avukat riċentement u l-avukat tagħha, Dr. Philip Sciberras LL.D., ilu jagħti s-servizzi tiegħu mill-1980.
MSU - PROJECT MANAGER
5384. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu l-project manager li ġie mpjegat mill-MSU b'salarju ta' Lm14,000 u jekk saritx sejħa għall-applikazzjonijiet u fejn? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll x'inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu u t-tul tal-kuntratt?
ONOR. ALFRED SANT: Nirriferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 4287 fit-22 ta' Mejju 1997.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jirriżultalux li meta l-MSU kienet tingaġġa konsulenti fl-imgħoddi u fl-amministrazzjoni l-oħra, kenitx toħroġ call for applications? Jekk jirriżultalu dan, jista' jgħid kemm-il darba ħarġet call for applications?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Jirriżulta li hemm każi fejn effettivament meta ħarġu calls for applications u kien hemm tnejn li applikaw twaqqaf il-proċess li bih kienet qed issir l-għażla, intgħażlet persuna oħra li lanqas biss kienet applikat, ġiet appuntata fuq struzzjonijiet taċ-chairman u minnufih ġiet mibgħuta Kastilja bħala s-segretarja privata tal-persuna li dak iż-żmien kien l-assistent personali ta' l-Onor. Fenech Adami, li kien il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien. Effettivament l-informazzjoni li għandna hija li kien hemm diversi każi ta' dan it-tip.
VALLETTA - TRIQ SANT'URSOLA - GARAXXIJIET
5574. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Peress li fil-mistoqsija parlamentari numru 4293 għall-mistoqsija tiegħi biex il-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li ż-żewġ garaxxijiet li hemm fil-bini mwaqqa' fi Triq Sant'Ursola kantuniera ma' Triq San Nikola, l-Belt Valletta kienu ġew okkupati mingħajr ma ħareġ tender, il-Ministru rrisponda fit-23 ta' April li wieħed minnhom "kien gie allokat fuq bażi temporanja bħala alternattiva";
Peress li fil-mistoqsija parlamentari numru 4949, magħmula fil-25 ta' April, għall-mistoqsija tiegħi biex il-Ministru jgħid lil min ġie allokat il-garaxx li hemm fil-bini mwaqqa' fi Triq Sant'Ursola kantuniera ma' Triq San Nikola, l-Belt Valletta, il-Ministru rrisponda li "irriżulta li fil-kantuniera ta' Sant'Ursola ma' Triq San Nikola, l-Belt Valletta ma hemm l-ebda garaxx";
Peress illi jien fiż-żewġ domandi ddiskrivejt il-garaxxijiet bl-istess kliem preċiż bħala li qegħdin "fil-bini mwaqqa' fi Triq Sant'Ursola kantuniera ma' Triq San Nikola", imma evidentement iż-żewġ risposti tal-Ministru huma kontradittorji;
jista' l-Ministru jgħid għal-liema garaxx kien qed jirriferi fl-ewwel risposta, lil min ġie allokat dan il-garaxx, għaliex ġie allokat lilu u b'liema poteri seta' jingħata mingħajr tender?
Jista' wkoll il-Ministru jgħid għaliex ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4949 issemmi garaxx fil-kantuniera bejn iż-żewġ toroq, li peress li jien mill-Belt naf li m'hemmx, meta fid-domanda tiegħi jien staqsejt dwar garaxx "li hemm fil-bini mwaqqa'" bejn iż-żewġ toroq?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): It-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4293 tirrigwarda ż-żewġ garaxxijiet li hemm biswit Triq L-Ibjar.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Japprezza l-Ministru li din hi t-tielet jew ir-raba' darba li qed issir domanda fuq l-uniċi żewġ garaxxijiet li hemm fil-blokk sħiħ li qed nitkellmu dwaru? Dawn iż-żewġ garaxxijiet ma għadhomx f'idejn id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali imma qegħdin f'idejn il-Land Department u fil-fatt jien informat li filwaqt li wieħed minnhom huwa okkupat mingħajr tender l-ieħor huwa okkupat ukoll u milli nista' nifhem mir-risposta originali dan ingħata bħala alternattiva. GĦalhekk jien qed nagħmel numru ta' domandi biex niskopri jekk dan huwiex minnu. Issa filwaqt li għall-mistoqsija parlamentari numru 4293 ingħatajt ċertu tip ta' risposta, għall-mistoqsija parlamentari numru 4949 ingħatajt risposta oħra. Allura almenu l-Ministru jista' jiċċekkja li f'dan il-post hemm żewġ garaxxijiet biss u jiddetermina x'inhi l-pożizzjoni fuqhom?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, nixtieq li l-ewwel niċċekkja l-informazzjoni li qed jagħti l-Onor. Interpellant għax lanqas jien ma jien sodisfatt ħafna bl-informazzjoni li ngħatajt.
SKEJJEL - TEXT-BOOKS
5679. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Louis Galea) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu text books lit-tfal ta' l-iskejjel primarji fl-1995 u fl-1996? X'kien l-ammont kull sena?
Hemm xi ħsieb li din l-iskema, li l-ħsieb warajha kien li t-tfal jixtru u jkollhom il-kotba tagħhom li jibqgħu tagħhom, tkompli fis-snin li ġejjin?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Bejgħ ta' kotba:
1995/1996 10,085 kotba Lm 6,752.05
1996/1997 21,487 kotba Lm15,241.75
Inkwantu għall-mistoqsija dwar jekk hemmx xi ħsieb li din l-iskema tkompli fis-snin li ġejjin, ir-risposta hija fl-affermattiv. Nittama li wieħed mir-riżultati tal-kampanja favur il-qari se jkun li iktar ġenituri jitħajru jixtru kotba għal uliedhom, fosthom it-text books.
SKEJJEL - EDUKAZZJONI FIŻIKA
5680. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Louis Galea) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Issa li l-Ministru ħabbar li l-edukazzjoni fiżika se tkun eżaminabbli, jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex se jsir wara li jkun rivedut is-sillabu nazzjonali jew inkella immedjatament minn dan l-eżami li ġej, jiġifieri jiżdied mal-ħames suġġetti l-oħra?
Jekk mhux se jsir eżaminabbli minnufih, jista' l-Ministru jgħid mil-liema klassi se jkun u mil-liema data se jseħħ dan?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Bħalissa qed issir reviżjoni tal-kurrikulu u l-evalwazzjoni, li hija mod dirett biex l-għalliem ikollu feedback kemm it-tagħlim tiegħu hu effettiv, għandha titqies bħala parti mill-proċess tal-kurrikulu kollu kemm hu. Dan jgħodd ukoll għall-edukazzjoni fiżika.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għal Tqegħid ta' Karti. Il-Viċi Prim Ministru.