Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 469,56 Kb.
səhifə5/6
tarix27.12.2018
ölçüsü469,56 Kb.
#87063
1   2   3   4   5   6

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



EDUKAZZJONI - TEXT-BOOKS

5681. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu ppubblikati text-books mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bejn l-1990 u l-1996, sena b'sena? X'kotba ġodda jew reprints qed jiġu mħejjija bħalissa? Hemm xi pjan ta' x'kotba jenħtieġ li jiġu ppubblikati matul il-ħames snin li ġejjin u ta' liema suġġett? Kif u minn min tittieħed id-deċiżjoni fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar liema kotba għandhom jiġu ppubblikati? Hemm xi vot maħsub apposta għal dan l-iskop fil-budget ta' din is-sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Dwar pubblikazzjoni ta' text-books mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bejn l-1990 u l-1996 sena b'sena - il-lista li ġiet provduta mis-Sur Maurice Demarco li kien inkarigat mit-text-books fil-perijodu ndikat mill-Onor. Deputat tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra għall-qari aktar kmieni f'din is-seduta.
Dwar jekk hemmx kotba ġodda li qed jiġu mħejjija bħalissa, ir-risposta hija fil-pożittiv. Mill-konsultazzjonijiet li kellna dwar l-edukazzjoni primarja ssemma' l-bżonn ta' kotba fil-Malti, l-Ingliż u l-Istudji Soċjali.
Dwar reprints dawn isiru kull meta tinħass il-ħtieġa biex jinbidlu kotba li jkunu ilhom fl-idejn, u li ma jkunux aktar fi stat serviceable.
Dwar min jieħu d-deċiżjoni fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni liema kotba għandhom jiġu ppubblikati, ninforma lill-Onor. Deputat li deċiżjoni bħal din tittieħed mid-Direttur li taħtu taqa' s-Sezzjoni tat-Textbooks b'konsultazzjoni ma' l-uffiċjal inkarigat mit-text-books, u l-Education Officers konċernati, fid-dawl tal-ħteġijiet li jinħolqu minn żmien għal żmien fl-iskejjel.

SKEJJEL - MTAĦLEB

5682. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Issa li dik li kienet l-iSkola ta' l-Imtaħleb saret flok Division 7 tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, dan ifisser li l-Gvern abbanduna l-idea li dan il-post isir ċentru ta' riabilitazzjoni għad-delinkwenti żgħażagħ? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett huwiex se jitwettaq f'xi post ieħor jew inkella se jiġi abbandunat definittivament? Jekk inhu hekk, għal-liema raġunijiet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fuq deċiżjoni li ttieħdet fuq bażi ta' prijorita' l-iskola ta' l-Imtaħleb għaddiet għand id-Dipartiment tal-Correctional Services biex tiġi utilizzata għal ħabsin żgħażagħ li jbatu bil-problema tad-droga.
Dan ma jfissirx li l-gvern abbanduna r-responsabbiltajiet tiegħu favur ir-rijabilitazzjoni taż-żgħażagħ delinkwenti.
L-Onor. Interpellant japprezza li għalkemm dan il-proġett mhux abbandunat, biex wieħed jipprovdi dawn il-faċilitajiet ma hix xi ħaġa ħafifa jew li titwettaq malajr kif jaf hu mill-esperjenza ministerjali tiegħu tal-passat riċenti.


SKEJJEL - TOMORROW'S TEACHERS

5683. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma li hu waqqaf Kumitat imsejjaħ Tomorrow's Teachers? X'inhuma l-iskopijiet tiegħu u min huma l-membri li jiffurmawh? Meta hu maħsub li dan il-kumitat itemm il-ħidma tiegħu? Dan il-kumitat huwa kumplimentari jew supplimentari għall-Kummissjoni li kien waqqaf il-Ministru predeċessur tiegħu li kien ħareġ ir-rapport Tomorrow's Schools?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Le. Il-Kumitat Tomorrow's Teachers ġie mwaqqaf b'inizjattiva tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni fl-Universita' ta' Malta.
L-informazzjoni mibgħuta lili minn Dr Ronald Sultana, ko-ordinatur tal-proġett tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.


OMBUDSMAN - KAŻI IMRESSQA

5708. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' mpjegati tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li ressqu xi każ quddiem l-Ombudsman minn Ottubru, 1996 'il hawn? Kemm kienu dawn il-każi li ngħataw raġuni mill-Ombudsman u x'kumpens ħarġet id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Minn Ottubru 1996 'l hawn id-diviżjoni rċeviet 14-il każ mingħand l-Ombudsman li tressqu minn impjegati tad-Diviżjoni.
Minn dawn il-każi:
a) erbgħa ġew magħluqa u l-Ombudsman iddeċieda li m'għandhomx każ.
b) tnejn waslu fl-istadju finali ta' deċiżjoni mill-Ombudsman
c) id-Diviżjoni għamlet is-sottomissjonijiet tagħha lill-Ombudsman dwar it-tmien każi l-oħra.


DIPARTIMENT TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U SPORT - BILJETTI TA' L-AJRU

6041. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru W374 dwar ix-xiri ta' biljetti ta' l-ajru mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kwotazzjonijiet li d-dipartiment ġabar matul l-1996 biex seta' jiddetermina ma' liema aġenzija ta' l-ivvjaġġar jipprenota l-exchanges taż-żgħażagħ?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


MINISTERU TA' L-EDUKAZZJONI - KONSULENT

6042. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru W382, jista' l-Ministru jgħid jekk il-"le" li biha wieġeb il-mistoqsija tfissirx: a) li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament huwiex se jinħatar bħala konsulent fil-Ministeru jew; b) li l-Ministru għadu m'hux f'pożizzjoni li jgħid jekk din il-persuna hijiex se tinħatar konsulent jew le?
ONOR. EVARIST BARTOLO: (a) Le.
(b) Le.


SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ - SITI

6043. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 4462, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju li, skond il-Ministru, qed jagħmel is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti biex is-siti kollha li jintużaw mid-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu jintużaw bl-aħjar mezz u bl-akbar effiċjenza?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-konsiderazzjoni in kwestjoni għadha ma ġietx iffinalizzata. Malli din tiġi konkluża, ma nsib l-ebda diffikulta' li ninforma l-Kamra dwar dan.


SEGRETARJU TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ - RAPPREŻENTANT MILL-BJELORUSSJA

6044. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 4463, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali mit-Taqsima Sport li attendew għal-laqgħa li s-Segretarju għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti kellu ma' rappreżentant mill-Bjelorussja f'Marzu li għadda? Jista' jgħid ukoll x'għamel id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport bħala segwitu għal dik il-laqgħa?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-uffiċjali mit-Taqsima Sport li attendew għall-laqgħa msemmija huma s-Sur Tony Ghio, Kap tat-Taqsima Sport u s-Sinjorina Rose Moran, Liaison Officer fis-Segretarjat Parlamentari. Wara l-bdil ta' idejat li saru waqt il-laqgħa li saret f'Marzu sar draft ta' suġġetti li fuqhom jista' jsir ftehim ta' exchanges fl-isport.


ŻGĦAŻAGĦ - ĊELEBRAZZJONIJIET

6045. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li għamel il-Gvern biex jiċċelebra l-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ fil-21 ta' Marzu li għadda? Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri għal kull attivita' separatament?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

RABAT - DISCO KONTRA R-RAZZIŻMU/INTOLLERANZA

6046. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 4470, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod tanġibbli d-disco li sar fir-Rabat kien "marbut mat-tema kontra r-razziżmu u l-intolleranza?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


VAT

6149. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tad-Djar: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5959 li oriġinarjament saret lill-Prim MInistru u li issa ġiet riferuta lilek, u b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W643 u ċioe' tista' jekk jogħġbok tgħid jekk bniedem li żżewweġ qabel ma mar kors barra minn Malta u sadanittant xtara l-ewwel dar tiegħu f'Malta u qed ilestiha u jħallas il-VAT fuq ix-xogħol li jsir fiha, kif se jintlaqat bit-tibdil li se jsir fil-liġi?
F'każ li wieħed ikun għadu ma ppreżentax id-dokumenti lid-dpartiment għax informawh li jrid ikun ilu sena u nofs joqgħod Malta qabel ma jaċċettawlu l-karti għall-proċeduri biex jieħu l-VAT lura, x'inhi l-pożizzjoni u xi jrid isir? Fejn jista' japplika biex jieħu r-refund?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Skond il-klawsola 3 (1) (b) tal-Iskema, persuna trid tkun għexet f'Malta għal 18-il xahar matul l-aħħar 24 xahar qabel l-applikazzjoni. Jekk din il-kondizzjoni ma tkunx sodisfatta, il-persuna ma tistax tapplika u tibbenefika mill-iskema. Jekk iva, tista' tapplika fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

PBS - KUMPANNIJA TA' SIGURTA'

6156. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid liema hi l-kumpannija ta' sigurta' li hija ingaġġata mill-PBS Limited għal sorveljanza? Min huma d-diretturi u l-azzjonisti tas-soċjeta' hekk imqabbda? Meta ġiet imqabbda?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li l-kumpannija hi Sterling Security Co Ltd. Id-diretturi u azzjonisti ta' din il-kumpannija huma s-Sur Neville Fenech u s-Sur Carmelo Attard. Il-kuntratt ġie fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 1997 wara li ħarġet sejħa għat-tenders.
Ġejt informat ukoll li l-kuntratt ta' qabel kien ingħata lil kumpannija oħra bla ebda sejħa għal quotations jew tenders.


RAĦAL ĠDID - IPOĠEW

6163. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk dak li ġie rrapportat li qal l-Aġent Direttur ta' l-Informazzjoni lill-Gazzetta l-"Alternattiva" (ħarġa tad-29/5/97 - 12/6/97) ġiex rapportat eżatt f'artiklu taħt ir-ras "X'qed jiġri fl-Ipoġew"?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk l-Aġent Direttur ta' l-Informazzjoni kkonsultax ruħu ma' l-Awtoritajiet tal-Mużew qabel ma ta tagħrif dwar l-Ipoġew ta' Raħal Ġdid?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien hemm biss impreċiżjoni waħda fir-rapport fuq l-Ipoġew fil-ħarġa tal-Gazzetta 'l-Alternattiva' tad-29.05.97 - 12.06.97. Din kienet li l-problemi strutturali msemmija fl-istess artiklu 'għadhom ma ġewx solvuti'. Fil-fatt kif jirriżulta mill-istess artiklu instabet soluzzjoni għal kull waħda mill-problemi msemmija.
L-informazzjoni maħruġa mill-Aġent Direttur ta' l-Informazzjoni kienet provduta mid-Dipartiment tal-Mużewijiet.


ETC - REĠISTRAZZJONI GĦAX-XOGĦOL

6164. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jagħti "analysis by occupation of unemployed persons registered under Part 1 of the Register of Applicants for Employment għax-xhur Diċembru, 1996 - Marzu, 1997 kif diġa' ta lil din il-Kamra għax-xahar ta' Novembru, 1996?
ONOR. EDWIN GRECH: Tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6164 tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.


"L-ORIZZONT" - ARTIKLU "BINI STORIKU MITLUQ"

6165. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex lest li jilqa' s-suġġerimenti li saru f'artiklu "BINI STORIKU MITLUQ" li deher fil-ħarġa ta' l-"orizzont" ta' l-20 ta' Mejju, 1997 - paġna 10?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni ilu żmien iwettaq xogħol ta' restawr fuq Bini Pubbliċi, monumenti u fortifikazzjonijiet.
L-idea illi propjeta governattiva tiġi mgħoddija lill-kunsill lokali hija tajba, biss il-Gvern mhux f'pożizzjoni illi jwettaq xogħol ta' restawr fuq il-proprjeta' kollha tiegħu.
MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI - SAFAR FUQ DELEGAZZJONIJIET

6166. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5157, jista' l-Ministru jgħid x'ġie diskuss fil-laqgħat li attenda għalihom id-direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien Soċjali fi Strasbourg dwar is-Social Charter?
ONOR. EDWIN GRECH: Peress li d-Direttur tas-Sigurta' Soċjali preżentament qiegħed barra minn Malta fuq xogħol, l-Onor. Interpellant jingħata risposta f'xi seduta oħra.


NASSABA/KAĊĊATURI - LIĊENZJA

6185. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li min qed jagħmel l-eżami għal-liċenzja ta' nassab u/jew kaċċatur ma jsaqsix lill-kandidati domandi li m'humiex riflessi skond l-Avviz Legali ta' din is-sena u jsiru domandi bħal kemm għandha tkun twila x-xibka meta dan mhux iktar neċessarju taħt il-liġi l-ġdida u min fuq iwaħħlu lill-kandidati għax ma jwieġbux dak li llum mhuwiex iktar sanzjonat b'liġi?
Il-Ministru jara li jekk hu l-każ dan għandu jiġi mistħarreġ biex jinqatgħu darba għal dejjem abbużi minn min jista' jkollu xi interess li jagħmel dawn l-iżbalji intenzjonati?
ONOR. GEORGE VELLA: Nista' nassigura lill-Onor. Membru li d-domanda li rrifera għaliha qatt ma ġiet mistoqsija, lanqas meta l-qies tax-xbiek kien inkluż fir-regolamenti. Dan għaliex hemm domandi ferm aktar importanti x'wieħed jista' jistaqsi, bħal, per eżempju, meta jiftħu d-diversi staġuni, jew meta jkun staġun magħluq għall-kaċċa u l-insib. Barra minn hekk jiġu mistoqsija wkoll domandi oħra rigward l-identifikazzjoni ta' l-għasafar.

L-applikanti ġodda kollha għal-liċenzja tal-kaċċa u l-insib jintbagħatilhom fuljett li juri l-għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati u impinġija bil-kuluri, kif ukoll ir-regolamenti preżenti (Kopja tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta). Id-domandi li jiġu magħmula huma kollha fuq dan il-materjal li kif jaf l-Onor. Membru, ma jinkludux daqs ta' xbieki.




SPTAR SAN LUQA - BANK TAD-DEMM

6186. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid hux veru li d-demm donat mill-pubbliku fil-Bank tad-Demm u wkoll fiċ-Ċentru fl-Isptar San Luqa, jinbiegħu lill-isptarijiet privati meta dawn jagħmlu d-domanda għalih?
Jekk verament jinbiegħ il-Ministru jara li għandu ikun hemm skema ta' ħlas relattiv għad-donaturi ta' dan id-demm għax jekk ma ssirx allura hija ċara li ikun qed isir qliegħ a skapitu ta' nies li l-intenzjoni tagħhom żgur ma kenitx oriġinarjament li ssir negozju bid-demm li jingħata?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Skond il-kodiċi tal-etika tas-Soċjeta Internazzjonali tat-Trasfużżjoni tad-Demm, ma jistax isir l-ebda negozju bid-demm. Għalhekk la jista jinbiegħ u lanqas ma jistgħu d-donaturi jiġu mħallsa.
Dawn il-kodiċi dejjem ġew segwiti hawn Malta mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.


KUMMISSJONI GĦALL-INVESTIGAZZJONI TA' INĠUSTIZZJI

6187. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Il-Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li ilment tiegħu dwar inġustizzja ġie ġustifikat mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji proprju f'Mejju ta' din is-sena, jingħata mill-aktar fis r-rimedju issa mistħoqq?
ONOR. ALFRED SANT: Hija prattika stabilita li, meta l-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji tissottometti rapport lill-Prim Ministru fejn tkun qed issir rakkomandazzjoni pożittiva, qabel inkun f'pożizzjoni li ngħid jekk id-deċiżjoni tal-kummissjoni għandhiex tiġi aċċettata jew le, parti minn dan ir-rapport l-ewwel jintbagħat lid-dipartiment jew lill-organizzazzjoni konċernata għall-kummenti u sabiex jiġu stabbiliti l-implikazzjonijiet ta' dik ir-rakkomandazzjoni.
F'dan il-każ partikolari, ir-rapport tal-Kummissjoni wasal l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-13 ta' Mejju, 1997 u bħalissa qed jitwettaq il-proċess msemmi fl-ewwel paragrafu ta' din it-tweġiba.


STQARRIJA DOI 829

6192. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-istqarrija tad-DOI 829 fuq rapport dwar l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju ġew magħżula l-membri? Jikkonsidra li l-Kumitat kellu jinkludi lid-Direttur, lis-Supritendent u lis-Senior Principal ta' l-istess sptar fost l-oħrajn? Kemm-il darba ltaqa' il-Kumitat u ma' min? Meta mistenni jikkonkludi ir-rapport?
ONOR. ALFRED SANT: Il-kumitat imsemmi huwa magħmul minn nies kompetenti fl-oqsma ta' l-amministrazzjoni u tmexxija u f'dawk tas-servizzi medici u ta' l-infermiera.
Il-kumitat irid jagħti ħarsa oġġettiva lejn it-tmexxija u l-organizzazzjoni ta' l-Isptar t'Għawdex u għalhekk m'hemmx membri fuqu li huma involuti direttament fit-tmexxija ta' l-istess sptar.
Il-kumitat beda jiltaqa' fis-16 ta' Mejju, 1997 u sal-lum ltaqa' tmien darbiet. Huwa mistenni jissottometti r-rapport tieghu fi zmien xahrejn mill-ħatra tiegħu.
S'issa l-kumitat iltaqa' ma' uffiċjali ta' l-Isptar fosthom il-Consultant Advisor, il-Principal Anzjan, il-Manager għas-Servizzi u ta' l-Infermiera, ma' diversi konsulenti u speċjalisti, mad-Departmental Nursing Managers, ma' Nursing Officers responsabbli mid-diversi taqsimiet ta' l-isptar, ma' uffiċjali nkarigati mit-Taqsima tal-Manutenzjoni, mit-Taqsima ta' l-X-Rays, mit-Trasport, mill-kċina, mill-istores, mill-farmaċija, mill-Klinika Dentali, mit-Taqsimiet tat-Terapija, milll-Poliklinika, mil-Laboratorju, ma' rappreżentanza tat-tobba li jaħdmu l-isptar, mal-General Workers' Union u mal-Malta Union of Midwives and Nurses.


SAĦĦA - UFFIĊJALI LI JAGĦMLU XOGĦOL BARRANI

6193. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm impjegati ġewwa d-dipartiment li għandhom permess uffiċjali li jaħdmu xogħol barrani? Liema grad jokkupaw preżentement? Jista' l-Ministru jipprovdi breakdown ta' xogħol differenti li għandhom permess jagħmlu barra x-xogħol mal-Gvern? Fejn huma posted fis-servizz?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: It-tweġiba għal din il-mistoqsija tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.

SAĦĦA - CASUAL WARD CLERKS

6194. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema postijiet kienu ġew posted temporanjament il-Casual Ward Clerks fl-1 ta' Mejju, 1997? Issa li nħatru l-Ward Clerks ġodda, jista' l-Ministru jipprovdi breakdown ta' fejn ġew posted? Se jkun hemm postijiet li mhumiex sejrin ikunu covered?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fit-3 ta' Ġunju, 1997 ġew appuntati 118 Ward Clerical Assistants li ġew ippustjati kif jidher hawn taħt:


Sptar San Luqa

72

Sptar Monte Carmeli

11

Sptar Boffa

9

Residenza San Vincenz de Paule

16

Dipartiment tal-Kura Primarja

1

Dipartiment tas-Sahha Pubblika

7

Medical Stores

2

Total

118

Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jieħu passi biex jiġu appuntati 14 Ward Clerical Assistants oħra flok dawk l-14 li rrifjutaw il-ħatra mal-Gvern. B'hekk in-numru totali ta' Ward Clerical Assistants mal-Ministeru tiegħi jkun 132.


Hemm ukoll 12-il Ward Clerical Assistant li kienu mpjegati fuq bażi każwali u ma ġewx appuntati fuq bażi permanenti. Dawn inżammu fl-impjieg tagħhom fuq bażi każwali.


SPTAR SAN LUQA - NIGHT SHIFTS

6195. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex il-ħaddiema li joħorġu minn night shift qegħdin jitħallew jidħlu overtime l-għada stess u mhux waqt l-off tagħhom? Għaliex tul dan l-overtime l-ħaddiema mhux jieħdu break imma jitħallsu tal-ħin kollu? Jidhirlu l-Ministru li din is-sistema tpoġġi l-ħaddiema taħt stress kif fil-fatt qed jiġru ġewwa l-Medical Records ta' SLH?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nixtieq ninformak li l-ħaddiema ta' l-Medical Records li daħlu overtime wara night shift għamlu dan minħabba l-fatt li kien hawn back log kbir ta' xogħol. L-overtime hu offrut lil kulħadd mingħajr ebda diskriminazzjoni u ma kien hemm l-ebda ilment mill-ebda impjegat rigward xi stress. Il-ħaddiema jieħdu break u ta' dan ma jitħallsux, iżda fejn il-break ma ttiħiedx dawn tħallsu tiegħu.


SPTAR SAN LUQA - MEDICAL RECORDS

6196. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm ħaddiema tal-gradi differenti li ħadu overtime ġewwa l-Medical Records ta' St. Luke's Hospital? Jista' l-Ministru jipprovdi breakdown ġurnata b'ġurnata tul April u Mejju ta' din is-sena? Kemm kienet l-ispiża totali li tħallset bħala overtime tul Mejju u April 1997 ġewwa l-Medical Records?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ħaddiema tal-gradi differenti li ħadmu overtime ġewwa l-Medical Records tul April u Mejju 1997 huma:
GRADE HADDIEMA

Clerk 1

EN 1

Seamstress 1

H/Orderly 1

Timekeeper 2

H/Assistant 26
Lista ta' gradi u ħaddiema globali bil-ħinijiet ġurnata b'ġurnata tul dawn ix-xhur tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta iżda rapport iddettaljat ta' kemm kienet l-ispiża totali u min kienu l-persuni qegħdin jinġabru mis-Salary Section.
Kien ikun aktar ta' sodisfazzjon li kieku l-Interpellant talab breakdown ta' l-overtime u ta' TIL li kien isir fil-Medical Records ftit xhur ilu, b'hekk jiġi evalwat sewwa kemm kien isir xogħol qabel max-xogħol li qed isir issa.


DR. DIMITRIJ TABACOV - SERVIZZI

6197. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk id-dipartiment huwiex sejjer jibqa' jagħmel użu mis-servizzi ta' neurokirurgu Dr Dimitrij Tabacov għal din is-sena?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-kuntratt ta' Dr Dimitrij Tabakov, Neurokirurgu jintemm fil-31 t'Awissu, 1997. Id-dipartiment diġa' għandu żewġ neurokirurgi oħra skond il-manpower plan preżenti.


BINI - REGOLAMENTI ĠODDA

6206. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jindika meta hu maħsub li jiġu ppubblikati r-regolamenti ta' bini ġdid?
Yüklə 469,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin