ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Regolamenti għall-ħarsien ta' l-għasafar u tal-fenek selvaġġ, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6185.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar text-books pubblikati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bejn l-1990 u l-1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5681; u
Informazzjoni dwar il-Kumitat Tomorrow's Teachers imwaqqaf mill-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita', bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5683.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Dokument dwar is-sejħa għall-offerti għal dawl fit-toroq f'Bugibba, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6301.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Ministru tat-Turiżmu nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' ċirkolari maħruġa mill-Kumitat ta' Azzjoni ta' Bugibba dwar sponsorship campaign, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6214; u
f'isem il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Analiżi ta' persuni jirreġistraw għax-xogħol taħt Part I tar-Reġistru f'Marzu 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6164; u
Tabella li turi n-numru ta' Formoli ta' Bidu ta' Impieg mibgħuta lill-ETC dwar persuni li joqogħdu fil-11 u t-12-il Distrett, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6303.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-Critical Overview dwar Posta Limited maħruġ f'Jannar 1997;
Kopja tar-rapport ta' l-investigazzjoni mill-pulizija fuq il-Bulkmail Contract ma' Euromail Limited maħruġ f'Marzu 1997;
Kopja tar-rapport tat-tieni investigazzjoni mill-pulizija fuq il-Bulkmail Contract ma' Euromail Limited maħruġ f'April 1997; u
Kopja tar-rapport dwar allegati abbużi fuq l-Information Technology System u Accounting System f'Posta Limited maħruġ f'Mejju 1997.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 77 ta' l-1997 - Regolamenti ta' l-1997 dwar Swimming Pools (Drittijiet għall-Analiżi ta' l-Ilma);
Informazzjoni dwar impjegati fid-Dipartiment tas-Saħħa li għandhom permess jagħmlu xogħol barrani, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6193;
Tabella li turi n-numru ta' sigħat li ħadmu overtime impjegati fil-Medical Records ta' l-Isptar San Luqa matul April u Mejju 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6196; u
Informazzjoni dwar infermiera fid-diversi sptarijiet u ċentri tas-saħħa u ħlasijiet li jieħdu, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6215.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDINIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-AWTORITA' MARITTIMA TA' MALTA MALTA MARITIME AUTHORITY (AMENDMENT) BILL
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Nipproponi t-Tielet Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att ta' l-1991 dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att li jemenda l-Att ta' l-1991 dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta" jkun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IL-EUROCONTROL EUROCONTROL (AMENDMENT) BILL
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Nippropona t-Tielet Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Eurocontrol.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att li jemenda l-Att dwar il-Eurocontrol" ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
MOZZJONI DWAR IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-EDUKAZZJONI
MADAM SPEAKER: Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali huwa in possession.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, dalgħodu kont qiegħed nispjega x'inhuma is-sitt għanijiet ewlenin li għalihom qed titwaqqaf din il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni. Paragrafu ieħor f'din il-mozzjoni jispjega kif din il-kummissjoni għandha tkun magħmula mic-chairman u numru ta' membri li ma jkunx iżjed minn 16 li fil-fehma tal-ministru jkunu jirrappreżentaw diversi oqsma ta' l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni, l-ġenituri, l-ekonomija, il-kultura u l-unions. Fil-fatt il-membri ta' l-ewwel kummissjoni jirriflettu dawn l-oqsma kollha għaliex kollha huma nies li jagħtu kontribut validu f'xi wieħed jew aktar minn dawn l-oqsma li semmejna.
Il-punt li nixtieq nagħmel hawnhekk huwa li għalkemm dawn huma kollha ġejjin minn xi organizzazzjoni, ma ntgħażlux hemmhekk bħala xi rappreżentanti ta' dawn l-organizzazzjonijiet. Qed ngħid dan għaliex ridna li l-kummissjoni nagħtuha l-liberta' kollha biex tkun tista' topera u min ikun membru tagħha ma jkunx qiegħed jorbot lill-organizzazzjoni li ġej minnha. Fil-fehma tagħna din tgħin sabiex ikun hemm aktar spirtu liberu fil-kummissjoni u sabiex il-membri jkunu jistgħu jidħlu fil-kwestjonijiet li jkunu qegħdin jistudjaw u jikkonsidraw. Dan ma jfissirx li fuq kull ħaġa jridu joqogħdu jieħdu l-pożizzjoni ta' l-organizzazzjoni uffiċjali li huma jifformaw parti minnha. Qed ngħid dan għaliex meta ħabbarna t-twaqqif ta' din il-kummissjoni u l-lista tal-membri, kien hemm diversi organizzazzjonijiet li staqsewna għaliex ma ħtarniex rappreżentant minnhom. Dan m'għamilnihx għax m'għandniex pjaċir bin-nies li kkuntattjawjna iżda għaliex ma ridniex li din il-kummissjoni tkun qisha xi kunsill rappreżentattiv tal-protoganisti ewlenin fil-qasam edukattiv u fil-qasam tal-ħajja pubblika f'pajjiżna. Barra minn hekk f'kunsill rappreżentattiv ta' dak it-tip, in-nies li jkunu preżenti ma jkunux jistgħu jikkonsidraw l-aspetti tal-kwestjonijiet edukattivi b'mod ħieles imma jkunu l-ħin kollu attenti għall-kariga uffiċjali li għandhom u għall-pożizzjonijiet li l-organizzazzjonijiet tagħhom jista' jkollhom. Kif diġa' għidt, dawn huma kollha nies b'moħħ indipendenti, nies li kollha jagħtu kontribut validu fil-qasam tagħhom u m'hemmx dubju li biex il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni tagħmel xogħolha sew u twettaq dmirijietha se jkollha - bħall-kummissjonijiet simili f'pajjiżi oħra - tinvolvi fix-xogħol tagħha nies oħrajn.
Kif diġa' għidt dalgħodu, jien m'għandix dubju li hemm individwi oħra minn oqsma differenti tal-ħajja li żgur għandhom kontribut validu x'jagħtu fl-edukazzjoni. Jien nittama li din il-kummissjoni tibda taħdem b'sistema ta' sotto-kumitati fuq aspetti differenti ta' l-edukazzjoni biex dawn ikollhom ċans li jagħtu s-sehem tagħhom. Fix-xhur li għaddew saret ħidma sabiex kemm jista' jkun dak li nkunu qed nagħmlu fl-edukazzjoni nagħmluh bħala sforz komuni. Qed nagħmlu konsultazzjonijiet sħaħ u kontinwi mal-protagonisti ewlenin tal-qasam edukattiv, jiġifieri ma' l-edukatturi nfushom, mal-Malta Union of Teachers u mal-ġenituri permezz ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi. Dan qed nagħmluh għax meta niġu biex nieħdu deċiżjoni qed ninvolvu fil-konsiderazzjoni ta' x'deċiżjoni għandha tittieħed lin-nies milquta f'dak il-qasam. Linja bħal din tista' tidher li tieħu aktar żmien imma ċertament li fl-edukazzjoni dejjem għandna żewġ tensjonijiet kontra xulxin; min-naħa waħda għandna t-tensjoni ta' l-għaġġla li hemm bidliet urġenti li għandhom iseħħu u min-naħa l-oħra li l-bidliet iridu jkunu maħsuba u kkonsidrati sew għaliex fl-edukazzjoni huwa faċli tagħmel żball pero' mbagħad huwa diffiċli biex issewwih. Għalhekk huwa importanti li l-linja deċiżiva li mexjin biha tkun linja ta' prudenza ħalli naraw li jsiru l-bidliet li hemm bżonn isiru sabiex nagħtu nifs u ħajja ġdida lill-edukazzjoni f'pajjiżna. Hemm bżonn li nikkonsultaw u niddiskutu l-ħin kollu dwar dak li nkunu qed nagħmlu. Aħna rridu noqogħdu attenti li f'kull inizjattiva li nagħmlu, kemm dawk li għamilna fix-xhur li għaddew kif ukoll dak li se nagħmlu fix-xhur li ġejjin, nissieħbu u fiha nsieħbu lill-pratoganisti ewlenin tal-ħajja edukattiva, jiġifieri lill-edukaturi, lill-ġenituri, lill-istudenti u anke lil nies f'oqsma oħra tal-ħajja li huma involuti fil-qasam ta' l-edukazzjoni. Aħna bdejna u se nkomplu mmexxu f'din il-linja għax naħsbu li din hi linja li se tagħti l-aħjar riżultati.
Madam Speaker, ta' min jgħid li diġa' għamilna konsultazzjonijiet twal u serji ma' l-iskejjel primarji u fil-fatt fl-aħħar ta' dan ix-xahar se nibdew nikkonsultaw ma' l-għalliema ta' l-iskejjel sekondarji u ta' l-Universita' sabiex naraw x'hemm bżonn jinbidel fl-eżamijiet tal-Matsec ħalli dan l-eżami jaqdi iktar il-bżonnijiet ta' l-istudenti u ta' l-iskejjel tagħna. Ta' min jgħid ukoll li aħna bdejna sensiela ta' konsultazzjonijiet anke mal-qasam post-sekondarju u fil-fatt uħud minnhom diġa' qed jagħtu l-frott. B'hekk inkunu qed insaħħu l-qasam post-sekondarju ħalli l-bieb ta' l-Universita' ma jibqax ikkontrollat biss mis-sistema preżenti ta' żewġ A Levels tal-Matsec, tliet eżamijiet intermediate u Systems of Knowledge. L-istituzzjonijiet post-sekondarji għandhom ikunu mfassla b'mod li jkunu mmirati kemm għal dawk l-istudenti li jkunu jridu jaqbdu d-dinja tax-xogħol kif ukoll għal dawk li jkunu jridu jkomplu jistudjaw. Fid-dinja tal-lum ix-xogħol u l-istudju saru iktar marbutin flimkien u spiċċa dak iż-żmien fejn wieħed kien iqatta' perijodu minn ħajtu jistudja u perijodu ieħor jaħdem. Illum min jaħdem, minn żmien għal żmien ikollu jerġa' jirritorna għall-istudju għax dak li nkunu tgħallimna ftit snin qabel ma jibqax jgħodd u għalhekk jkollna nerġgħu naġġornaw dak li nkunu nafu. Huwa importanti li s-sistema edukattiva tagħna tkun tirrifletti din il-bidla li qed isseħħ u li se tkompli sseħħ kemm fid-dinja tal-lum u iktar u iktar fid-dinja ta' għada.
Madam Speaker, ċertament waħda mit-temi li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni se jkollha taffronta hija kif jista' jkun hemm integrazzjoni aħjar fil-livelli differenti ta' l-edukazzjoni ħalli livell jipprepara lill-istudenti għal-livell ta' wara. Aħna rridu nikkonsidraw ukoll li noħolqu sistemi miftuħa ta' edukazzjoni adulta - f'pajjiżna dawn għad ma għandniex biżżejjed minnhom - ħalli min ikun irid jerġa' jaġġorna lilu nnifsu jsib sistema kif jagħmel dan. Per eżempju, ċertament f'dan il-qasam hemm spazju kbir għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għan-nisa li jkunu waqfu mil-karriera tagħhom biex jieħdu ħsieb il-familja u mbagħad ikunu jridu jerġgħu jirritornaw lura għad-dinja tax-xogħol jew għad-dinja ta' l-istudju. Hemm bżonn li nsaħħu opportunitajiet għalihom f'dawn l-oqsma. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex pajjiżna - f'ċerti oqsma aktar minn oqsma oħra - meta tqabblu ma' pajjiżi oħra ta' l-Ewropa għandu pjuttost parteċipazzjoni baxxa ta' nisa fid-dinja tax-xogħol. M'għandix dubju li waħda mill-kwestjonijiet li din il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni se tkun qed taffronta hi li tistudja liema huma dawk l-aspetti fis-sistema edukattiva tagħna li minħabba fihom in-nisa u t-tfajliet għadhom fi żvantaġġ. Għad għandna oqsma sħaħ ta' l-edukazzjoni fejn in-nisa ftit li xejn huma preżenti. Tajjeb li nistudjaw x'qed iżomm lill-bniet milli jkunu preżenti f'ċerta oqsma. Dan ċertament ma jagħmilx ġid la lilhom u lanqas lill-pajjiż. Irridu naraw ukoll x'inhuma l-problemi li għandna fil-livell primarju u dak sekondarju li jaħdmu kontra żvilupp sħiħ tan-nisa fl-edukazzjoni.
Il-kummissjoni, kif diġa' għidt, hija magħmula minn nies ta' kwalita' għolja. Fil-fehma tiegħi huma nies ta' opinjonijiet differenti u nies li bejniethom għandhom esperjenza u talent li jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-iżvilupp ta' l-edukazzjoni f'pajjiżna. Dawn in-nies ġejjin minn oqsma differenti u għalhekk għandhom esperjenzi differenti. Bejniethom hemm diversita' u rikkezza ta' opinjoni, esperjenza u orjentament u m'għandix għalfejn naħseb li m'huwiex se jagħtu kontribut kbir.
Waħda mill-affarijiet li ġieli lmentaw minnha ċ-ċittadini f'pajjiżna kienet il-biża' li ma' kull bidla fl-amministrazzjoni se jkun hawn skossi kbar fis-sistema edukattiva. Din hija xi ħaġa li ma tagħmilx ġid. Kultant anke meta jkollok intenzjoni tajba biex tbiddel għall-aħjar, jekk il-bidla ma tkunx ippjanata sew aktar tispiċċa tagħmel ħsara milli ġid. Allura jien naħseb li struttura bħal din tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li kif diġa' għidt tressaq ir-rapporti tagħha lill-Parlament u li mbagħad jiġu diskussi fit-tul kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali, tista' tgħin biex ikun hawn aktar linja komuni u linja li ma tħallix lok għal terremoti u għal skossi fit-tfassil tal-policies edukattivi f'pajjiżna. Ġieli kelli ħbieb min-naħa l-oħra jgħiduli li f'pajjiżna għandu jkun hemm sistema fejn iż-żewġ partiti jaqblu flimkien fuq policies ta' l-edukazzjoni. Naħseb li dik hija xi ħaġa żbaljata. Hemmhekk inkunu qed nagħmlu l-partitokrazija u mhux id-demokrazija. Inkunu qisna qed niftehmu bejnietna minn wara dahar in-nies. Naħseb li huwa aktar għaqli u naslu aktar fit-tul u b'mod aktar san u pożittiv jekk il-protagonisti ewlenin ta' l-edukazzjoni - tkun xi tkun l-amministrazzjoni tal-ġurnata - jieħdu sehem bir-riċerka, bir-rakkmandazzjonijiet u bil-kritika tagħhom fit-tfassil ta' policies edukattivi ġodda. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni, fil-fehma tiegħi, se toffri spazju biex dan ikun jista' jsir. Jekk kull amministrazzjoni timxi bil-policy li qabel tieħu deċiżjoni kruċjali fil-qasam edukattiv tikkonsulta u tisma' sewwa x'għandhom xi jgħidu n-nies li huma nvoluti f'dak il-qasam allura ma jkollniex lok għal skossi u għal terremoti bla bżonn fis-sistema edukattiva. Ċerti bidliet li ġieli seħħew taħt amministrazzjonijiet differenti, anke jekk l-intenzjoni kienet tajba, ma ħallewx ir-riżultat mixtieq.
Fost temi oħra li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni se tkun trid tiffaċċja hi s-sitwazzjoni ta' l-għalliema. Illum il-karrieri differenti għal min jistudja kibru, twessgħu u nfirxu aktar minn qabel. Irridu naraw x'għandna nagħmlu biex inkomplu nħajru nies ta' kwalita' intelletwali u morali tajba biex jaqbdu t-triq biex isiru għalliema. Din hija xi ħaġa li rridu nieħdu ħsiebha bis-serjeta' għax inkella nistgħu naslu f'sitwazzjoni fejn 'il quddiem ikollna problemi serji. F'pajjiżna għandna nuqqas ta' għalliema f'ċerti suġġetti, bħal per eżempju l-matematika, il-physics, l-accounts, il-graphical communication u l-computer studies li huma suġġetti li jiġu mgħallma fil-livell sekondarju. Meta ma jkollokx biżżejjed għalliema fil-livell sekondarju, l-istudenti se jkunu mċaħħda minn tagħlim importanti. Barra minn hekk se jkollok problema li m'intix tipprepara biżżejjed tfal u żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw dawk is-suġġetti tant kruċjali aktar 'il quddiem. Għalhekk irridu naraw kif se nieħdu ħsieb problema bħal din. Diġa' għandna maħsuba xi passi li nittama li fi ftit snin iħallu l-frott mixtieq.
Problema serja li jrid ikollna l-kuraġġ naffaċċjawha hi kif se nħajru aktar gradwati ġodda u għalliema żgħażagħ imorru jgħallmu fil-primarja. Sfortunatament li tgħallem fil-primarja għadha meqjusa xi ħaġa ta' inferjorita'. Irridu nifhmu għaliex qed jiġri dan u rridu naraw x'passi hemm bżonn nieħdu sabiex inħajru aktar gradwati ġodda jmorru jgħallmu fil-primarja. Jekk mhux se jirnexxielna nagħmlu dan, fi żmien ħamsa jew għaxar snin jista' jkollna problema serja ħafna. Mill-primarji bdew jispiċċaw u se jkomplu jispiċċaw dawk li kienu ġew imħarrġa fil-kulleġġ qabel ma l-Universita' beda jkollha l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni tagħha. Ikun żball jekk b'xi mod jew ieħor ma nikkoreġux din l-impressjoni żbaljata u ma jirnexxielniex nħajru gradwati ġodda u żgħażagħ jibdew jgħallmu fil-primarja. M'għandux aktar jitqies li min imur jgħallem għamel hekk għax ma rnexxilux jingħata post fis-sekondarja. L-edukazzjoni primarja hija mportanti u essenzjali ħafna u hija l-pedament li fuqha rridu nibnu futur u hemmhekk għandna bżonn li jkollna l-aħjar għalliema. U fost l-aħjar edukaturi li għandna fil-pajjiż hemm dawk li marru kontra l-kurrent - minkejja l-preġudizzji kollha li għad hemm tat-tagħlim fil-primarja - u għażlu li jgħallmu fil-primarja.
Il-kwestjoni tal-preġudizzju għandha għeruq twal u fondi u rridu nippruvaw nifhmu għaliex hemm dan il-preġudizzju. Waħda minnhom hi li l-ħajja ta' għalliema fl-iskejjel primarji hija aktar diffiċli, għaliex kif inhi s-sistema tagħna, dawn ftit li xejn għandhom ċans jiltaqgħu bejniethom, m'għandhomx ċans joħroġu mill-klassi għaliex jridu l-ħin kollu jibqgħu mat-tfal. M'għandhomx ċans, imqar darba fix-xahar, jiltaqgħu bejniethom u jirriflettu ftit fuq x'qed jiġri fl-iskola u jfasslu futur għal dik l-iskola biex jagħtuha l-identita' u l-viżjoni li jixtiequ. Għalhekk hemm bżonn li fis-sistema tagħna ndaħħlu dawn l-opportunitajiet u b'hekk inkunu qed ngħollu l-kwalita' ta' l-edukazzjoni. Irridu nagħtu ċans lill-għalliema tal-primarja biex ma jkunux biss qishom Charles Chaplin fil-"Modern Times", maqbudin fil-makna ta' kuljum u lanqas biss ikollhom ċans ikunu jafu x'qed jagħmlu. Għalhekk huwa mportanti ħafna li l-għalliema tal-primarja jingħataw iċ-ċans li jħarrġu lilhom infushom, li jkollhom l-iżvilupp professjonali li għandhom bżonn u li jingħataw l-informazzjoni biex iġeddu u jaġġornaw il-kapaċitajiet tagħhom. Jekk ma nagħmlux hekk ma jkollniex ċans intejbu l-edukazzjoni fil-primarja.
L-aħħar punt fil-mozzjoni huwa li l-kummissjoni għandha tkun iffinanzjata mill-gvern b'vot annwali sabiex din tkun tista' tagħmel ix-xogħol tagħha. Kif diġa' għidt, f'pajjiżi oħra kummissjonijiet bħal dawn huma ffinanzjati kompletament mis-settur privat. Fil-każ tagħna, biex nibdew qegħdin ngħidu li għandu jkun il-gvern li jiffinanzja x-xogħol ta' din il-kummissjoni, pero' fl-istess ħin qegħdin nistiednu lil setturi oħra biex ukoll jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex din il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni tkun tista' tagħmel ix-xogħol tagħha. Fil-fatt qed ngħidu li hija tista' wkoll tattira u tiġbor fondi għall-ħidma tagħha minn sorsi privati. Tkun idea tajba ħafna jekk is-settur privat ukoll jagħti sehmu f'dan il-qasam għaliex m'hemmx dubju li l-qasam ta' l-edukazzjoni huwa wieħed importanti ħafna tant li lanqas hemm għalfejn nenfasizzaw l-importanza tiegħu. Huwa qasam li minnu jiddependi l-futur tal-pajjiż u tat-tfal u żgħażagħ li għandna fis-sistema edukattiva.
Jiena nagħlaq billi nawgura li bix-xogħol li se tkun qed tagħmel din il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni inkunu qed ngħinu biex intejbu l-kwalita' ta' edukazzjoni li noffru fl-iskejjel tagħna għaliex meta nagħmlu dan inkunu qegħdin insaħħu u ntejbu l-futur għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Għalhekk jien nitlob li dan il-Parlament japprova t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Louis Galea.
ONOR. LOUIS GALEA: Madam Speaker, l-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-Ministru għall-istedina tiegħu biex f'dan id-dibattitu wieħed jagħmel diskors bil-kalma, kemm jista' jkun oġġettiv u bla għaġġla fuq suġġett li huwa ta' importanza kbira għall-pajjiż u huwa suġġett delikat u sensittiv. Jien diġa' kelli diversi okkażjonijiet fejn iddikjarajt x'inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni dwar l-edukazzjoni. Il-pożizzjoni tagħna hija li f'dan is-settur partikolari l-interess ta' wliedna u tal-pajjiż inpoġġuh l-ewwel u qabel kollox. Il-pożizzjoni tagħna hija waħda ta' kollaborazzjoni iktar milli ta' oppożizzjoni. Aħna rridu kemm jista' jkun infittxu l-consensus minflok politiċizzazzjoni partiġjana, u l-motivi li jispiraw lill-Oppożizzjoni f'din id-direzzjoni huma ċari, minħabba l-fatt li l-edukazzjoni hija qasam vitali u delikat, speċjalment fiċ-ċirkostanzi tal-lum fejn il-poplu tagħna għandu bżonn direzzjoni, strateġija ċara u stabbli, li tevolvi f'kontinwita' minn amministrazzjoni għall-oħra biex l-iżvilupp edukattiv jinbena saff fuq saff. M'hemmx dubju li f'dan il-kontest ma naffordjawx il-ħela ta' żmien fl-ebda kontroversja inutli; ma naffordjawx naħlu enerġija f'inizjattivi li ma jkollhomx direzzjoni; ma naffordjawx li fis-settur ta' l-edukazzjoni nimbarkaw fuq avventuri bla ħsieb; ma naffordjawx li l-pożizzjoni dwar l-edukazzjoni tkun waħda ispirata minn xi ideoloġiji u ideat, wisq iktar jekk dawn ikunu sorpassati, u ma nistgħux naffordjaw pożizzjoni li tkun preġudikata. Meta ngħid dan id-diskors ma rridx niġi mifhum bħallikieku qed nippriedka l-kwalitajiet is-sbieħ minn xi punto di vista ta' xi Fariżew, anzi bil-kuntrarju dan id-diskors huwa mibni
fuq il-fatt li jien konxju ħafna li l-iżvilupp li għandna fil-pajjiż huwa frott tal-ħidma ta' amministrazzjonijiet differenti; huwa żvilupp ta' kwantita' ta' ġid li jkun twettaq minn kwantita' ta' protagonisti, ħaddiema, uffiċjali u professjonisti f'kull qasam, hi x'inhi l-opinjoni politika tagħhom.
Id-diskors tiegħi huwa ispirat ukoll mill-fatt li jekk jien konxju li matul iż-żmenijiet twettaq kwantita' ta' ġid, daqshekk ieħor inħossni konxju li matul iż-żminijiet, taħt amministrazzjonijiet differenti ntilfu opportunitajiet siewja li kieku għarafna neħduhom u nisfruttawhom konna nkunu f'pożizzjoni ħafna aħjar milli qegħdin fiha llum. Nemmen li matul il-medda u l-firxa taż-żmien ntilfu opportunitajiet li kienu importanti għall-iżvilupp edukattiv u kulturali tal-poplu tagħna. Huwa dan l-iżvilupp edukattiv u kulturali li huwa l-bażi ta' kull żvilupp ieħor fl-oqsma l-oħra tal-ħajja, li jagħmel id-differenza kollha fil-kwestjoni fundamentali tal-kwalita' tal-ħajja. Meta wieħed jibda jitkellem fuq dawn is-suġġetti jista' joqgħod iħares lura u jagħmel diskorsi twal u validi dwar l-akkwisti li l-amministrazzjoni tiegħu setgħet kisbet a favur l-evoluzzjoni ta' dan l-iżvilupp edukattiv. Pero' anke kieku wieħed jagħmel dan it-tip ta' diskors, fl-opinjoni tiegħi, dejjem irid isir mill-perspettiva ta' kemm hi twila t-triq u ta' kemm għad fadal xi jsir biex tassew inkunu qegħdin fil-pożizzjoni li nagħtu lill-poplu tagħna dak l-istrument ta' edukazzjoni fis-sens wiesgħa li għandna bżonn fid-dinja tal-lum.
Madam Speaker, kif spjega l-Ministru, jien ngħid li llum aħna, bħala Maltin, ma nistgħux nagħmlu sistema edukattiva li l-karatteristika prinċipali tagħha hija ta' kompetizzjoni bejnietna l-Maltin, sistema li turi kemm aħna l-Maltin nistgħu nkunu lħaqna livelli ta' intelliġenza, maturita' u għerf a paragun ma' Maltin oħra. Biex pajjiżna jkun jista' jtejjeb il-kwalita' tal-ħajja u jkun jista' jiżviluppa l-kompetizzjoni tagħna l-Maltin fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-ħiliet u tat-talenti tagħna, il-kompetizzjoni trid tkun mal-bnedmin tad-dinja kollha. Dan għaliex, kif għidna kemm-il darba, id-dinja għaddejja - biex ma ngħidx għaddiet - minn rivoluzzjoni ta' entita' enormi, ta' istatura bħal dik tar-rivoluzzjoni industrijali. Illum il-ġurnata bir-rivoluzzjoni ta' l-elettronika, ta' l-informatika u tat-teknoloġija tal-computers nafu li t-tkattir tal-prosperita' jiddependi minn din il-ħidma flimkien ma' kompetizzjoni ta' ħafna swieq u oqsma oħra. Hija kompetizzjoni li tirrikjedi li jsir dak kollu possibbli biex jekk jista' jkun ma jkunx hawn lanqas bniedem wieħed fostna l-Maltin u l-Għawdxin li ma jkunx ingħata l-opportunita' effettiva li jiżviluppa l-ħiliet, il-potenzjal, il-kreattivita' u l-intelliġenza tiegħu.
Meta l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien stedinni nservi bħala shadow minister f'dan id-dekasteru jien ħassejt li r-rwol tiegħi għandu jkun li nappoġġa u ngħin b'entużjażmu dak kollu li jkun fid-direzzjoni t-tajba u għall-ġid ta' pajjiżna f'dan is-settur. Jien fhimt li f'dan id-dekasteru huwa importanti li nimbotta dak li huwa għall-ġid komuni u mhux dak li jista' temporanjament jidher li jkun fl-interess tal-partit, fl-interess partiġjan. Ridt nipprova sabiex f'dan is-settur inħares lejn il-kwestjonijiet li jqumu minn żmien għal żmien fid-dawl ta' l-interess nazzjonali u nipprova nagħti mill-aħjar li nista' l-kontribut umli tiegħi għall-konsolidament u għat-twessiegħ ta' l-arja tal-consensus li jien nemmen li f'dan is-settur hi meħtieġa u essenzjali għall-ġejjieni. Safejn naf jien dak kollu li għamilt u għidt matul dawn is-seba' xhur ta' dan il-Gvern huwa xhieda ta' dan li qed ngħid anke jekk mhux dejjem ġejt mifhum minn kulħadd u anke jekk mhux dejjem sibt min jaqbel ma' dan it-tip ta' atteġġament. Jien nemmen li l-ġid tal-pajjiż jitlob li wieħed jimxi f'din il-perspettiva u anke l-kummenti li qed nagħmel illum hawnhekk huma ispirati minn dan il-motiv ta' kif wieħed għandu jħares, nerġa' ngħid, lejn kollox, imma b'mod partikolari lejn il-qasam ta' l-edukazzjoni.
Madam Speaker, jien naturalment segwejt b'attenzjoni kbira mhux biss dak li qal illum il-Ministru f'din il-Kamra imma dak kollu li kien qed jiġri fil-qasam ta' l-edukazzjoni f'dawn is-seba' xhur tal-Gvern il-ġdid. Kelli diversi okkażjonijiet fejn ħassejt li għandi naqbel u ħassejt li għandi nfaħħar ħafna minn dak li wieħed jara u jisma' fuq dan is-suġġett u apprezzajt ukoll li l-Gvern il-ġdid, permezz tal-Ministru tiegħu, kien qiegħed jieħu dan l-atteġġament li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sab, li jkompli bl-isforzi biex jirranġa fejn hu dgħajjef u fejn jista' jkun żbaljat. Allura l-atteġġament tiegħi hu li nirriżerva l-ġudizzju, nagħti ċans u nara kif se tiżviluppa d-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern. Wieħed jaqbel mal-biċċa l-kbira tad-diskors tal-Ministru - dan id-diskors smajnieh drabi oħra, mill-istess Ministru u anke mill-Ministri preċedenti fl-amministrazzjoni li minnha jien kont nagħmel parti, b'enfasi differenti. Imma fuq kwantita' ta' argumenti hemm qbil li nkomplu f'dawk id-direzzjonijiet li huma bażi tajba għall-evoluzzjoni ta' edukazzjoni ta' kwalita'. Jien fhimt li f'dan il-kamp edukattiv qegħdin nersqu iktar lejn sitwazzjoni fejn tkun tista' tiġi adottata dik li bl-Ingliż insejħulha a bipartisan approach.
Fl-aħħar tad-diskors tiegħu l-Ministru Bartolo deher li kien qed jgħid li m'għandniex nagħtu l-impressjoni li fuq l-edukazzjoni qed nagħmlu xi ħaġa li fuqha jaqblu ż-żewġ partiti għax inkella nistgħu nagħtu l-impressjoni li qed nagħmlu eżerċizzju ta' partitokrazija u mhux ta' demokrazija. Jien, bir-rispett kollu, naħseb li wieħed irid jifhem aħjar x'irridu nfissru meta ngħidu li fil-qasam edukattiv għandna bżonn a bipartisan jew a multipartisan approach. Fl-edukazzjoni l-ħsad tal-frott tal-miżuri, d-deċiżjonijiet, il-policies u l-istrateġiji li wieħed jadotta ma jsirx f'temp ta' sena jew tnejn, lanqas f'temp ta' leġislatura, imma jsir f'temp u fi żmien ħafna itwal. Il-Ministru Bartolo semma 10 u 15-il sena. Allura huwa importanti ħafna li wieħed jagħti lil kull min huwa nvolut f'dan il-kamp messaġġ ta' djalogu kostruttiv kontinwu, ta' evoluzzjoni kontinwa imma ta' direzzjoni li għandha ċerta stabbilta' u kontinwita'.
Madam Speaker, meta wieħed jara x’inhi l-mozzjoni li għandha quddiemha l-Kamra llum li biha l-Gvern se jwaqqaf Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni, ir-reazzjoni spontanja ta' kulħadd, anke ta' sħabi, hija waħda pożittiva u qed ngħidu li din hija ħaġa tajba. Ma’ l-ewwel daqqa t'għajn wieħed itendi li jgħid li nistgħu mmexxu, pero’ jekk fl-edukazzjoni rridu nagħtu kontribut li huwa validu ma nistgħux aħna naqblu b'mod simpliċistiku.
Wara li smajt lill-Ministru Bartolo jispjega ħafna dettalji - nista’ ngħid li naqbel mal-biċċa l-kbira ta' l-affarijiet. Iżda nista’ ngħid li l-Gvern jaħseb li jrid jagħmel hekk u by and large aħna naħsbu li din hija fid-direzzjoni t-tajba, allura npoġġu bil-qiegħda nċapċpu u ngħidu li naqblu? Ma naħsibx li dan huwa l-eżerċizzju li aħna rridu nagħmlu. Ma naħsibx li nkunu qed naqdu dmirna jekk aħna nittrattaw din il-mozzjoni sempliċement skond kif tolqot l-għajn. L-ewwelnett għaliex l-edukazzjoni hija suġġett ta' importanza kbira, u anke għaliex wara li flejtha u wara li smajt l-ispjega tal-Ministru, bilfors ikolli ngħid li għad għandi riżervi fuq din il-Kummissjoni. Meta wieħed jirrifletti sewwa fuq din il-mozzjoni donnu jsib kif jgħid l-Ingliż that there may be more than meets the eye, li taħt il-brix proverbjali tal-wiċċ hemm kwesjtonijiet importanti li fl-opinjoni tiegħi jenħtieġu spjega u amplifikazzjoni. Għalhekk fl-ispirtu tal-ġid li aħna nixtiequ li jsir fil-qasam ta' l-edukazzjoni minn din in-naħa nixtiequ nispjegaw id-diffikultajiet li aħna għandna. Il-Ministru ġab il-mozzjoni hawn għaliex qed jagħti piż kbir u rilevanza kbira lir-rwol ta' din il-Kummissjoni u allura wieħed bilfors irid jagħmel skrutinju tajjeb ta' dak li aħna verament qed nagħmlu. Meta naħseb fuq din il-mozzjoni nibda nistaqsi lili nnifsi jekk dan huwiex każ ta' idea tajba li tista' qed issir b'mod ħażin. Qed ngħid dan għaliex fid-diskors kollu ta' din il-mozzjoni, fil-kostruzzjoni anke ta' din il-kummissjoni, hawn diskors xi ftit kontradittorju. Aħna qed naraw li s-sinjal li wieħed jista' jagħti minn din il-kummissjoni jista' jkun sinjal li huwa żbaljat. Fuq din il-kwesjtoni rrid nispjega punt punt għaliex naħseb li l-affarijiet jistgħu, u setgħu, saru aħjar. Ħalli nibda minn punt li m'għandux x'jaqsam miegħu l-Ministru responsabbli mill-qasam ta' l-edukazzjoni.
Madam Speaker, aħna għandna Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra li jiltaqa' regolarment biex suppost jippjana l-ħidma ta' dan il-Parlament. Dan il-Kumitat iltaqa’ u ħadd ma semma li ġejja mozzjoni għad-diskussjoni. Imbagħad nhar l-Erbgħa fil-għaxija waqt il-ħin ta' l-Aġġornament skoprejna li se naġġornaw għat-Tnejn fil-għodu - jiġifieri llum - biex niddiskutu l-mozzjoni li għandna quddiemna bil-ħsieb li nagħtu l-approvazzjoni tagħna għad-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni, u rċevejna l-aġenda nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Madam Speaker, jien naħseb li dan m'huwiex mod tajjeb ta' kif għandna nimxu. Għaliex jekk is-suġġett huwa ta' daqstant importanza, u jekk qed ngħidu li rridu nagħtu opportunita' lill-Parlament biex jagħti ħarsa wiesgħa fuq is-suġġett ta' l-edukazzjoni, kif nistgħu nagħmlu diskussjoni mil-lum għal għada? Madam Speaker, jien naħseb li m'għandux jibqa' jiġri hekk għaliex inkella bil-kliem inkunu qed ngħidu li nixtiequ nittrattaw l-affarijiet bis-serjeta', pero' x'ħin niġu fuq il-bank tal-prova din is-serjeta' ittir mar-riħ u nibdew nagħmlu teatrin minn affarijiet serji imma fil-verita' jkun hemm ukoll ħwejjeġ li m'humiex ta' serjeta'. Jekk niddiskutu l-mozzjoni - li hija maħsuba li tqanqal diskussjoni fuq l-edukazzjoni - b'dan il-mod, naħseb li ma jagħmilx ġustizzja lanqas ma' l-isforzi ta' min irid li s-suġġett jiġi trattat bl-ikbar serjeta'.
Madam Speaker, imbagħad hemm il-punt l-ieħor li jien nagħtih ċerta importanza. Il-Gvern qed jipproponi li jwaqqaf Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni meta l-Gvern diġa' waqqafha. Din il-Kummissjoni bdiet taħdem diġa' u issa l-Gvern qed jitlobna li napprovaw din il-kummissjoni. Madam Speaker, għadu frisk f'moħħna d-diskors tiegħek ta' nhar is-Sibt li għadda meta int tkellimt dwar il-perspettiva nazzjonali tal-Parlament Malti minkejja li huwa prodott ta' ideat politiċi differenti. M'iniex ċert li din il-kummissjoni tista' tiġi kwalifikata bħala "Kummissjoni Nazzjonali". Hawnhekk hawn punt li naħseb li rridu nagħtu kasu. L-ewwelnett jekk wieħed jaqbad il-versjoni tal-policies aġġornati tal-Partit Laburista u jara ftit kif kienet imsawra l-proposta fil-ktieb "Iċ-Ċittadin l-Ewwel", il-politika ġdida Laburista, f'paġna 81 isib miktub hekk:
"Ikun hemm Kummissjoni Nazzjonali ta' l-Edukazzjoni li jieħdu sehem fiha rappreżentanti minn kull qasam importanti tal-pajjiż u li xogħlha jkun li ssegwi dak li hu għaddej fl-edukazzjoni, tagħti ħarsa fit-tul lejn dak li hemm bżonn fil-futur u tagħmel minn kollox biex tgħolli l-kwalita' ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ f'pajjiżna."
Jiġifieri hawnhekk dak iż-żmien l-idea kienet li jkun hawn Kummissjoni li tkun magħmula minn rappreżentanti minn kull qasam importanti tal-pajjiż. Jiena nistaqsi: Huwa veru li din il-kummissjoni hija magħmula minn rappreżentanti minn kull qasam importanti tal-pajjiż? Jien nixtieq nistaqsi wkoll x'konsultazzjoni saret dwar it-twaqqif ta' din il-kummissjoni. Nafu li jkun hemm konsultazzjonijiet fuq it-tfassil tal-curriculum minimu nazzjonali u konsultazzjonijiet fuq kwestjonijiet oħrajn li jolqtu l-qasam edukattiv, imma fuq it-twaqqif ta' din il-kummissjoni ma' min saret konsultazzjoni?
Ġie rrapportat fil-gazzetti li meta l-Ministru kien qiegħed ikellem lill-kapijiet ta' l-iskejjel waqt is-seminar li sar fil-Lukanda Diplomat, huwa qalilhom, fost ħwejjeġ oħra, li qed jaħseb biex jippubblika white paper fuq il-qasam ta' l-edukazzjoni kollu kemm hu. Dan is-seminar sar fl-20 ta' April. Ftit wara, minflok ma ħarġet il-white paper, twaqqfet mill-ewwel din il-kummissjoni. Tħabbru l-ismijiet fil-gazzetti u issa qegħdin hawnhekk sabiex niddiskutu l-mozzjoni, fejn hawn magħrufa wkoll it-terms of reference tagħha. Allura ma' min saru l-konsultazzjonijiet dwar din il-kummissjoni? Fi ħdan liema organi saru? Fejn ġiet diskussa? Għax nerġa' ngħid li aħna m'aħniex qegħdin nagħmlu xi think tank - ħaġa li kull Ministru u kważi kull membru ta' din il-Kamra għandu dritt jagħmel - imma qegħdin hawn biex tiġi mwaqqfa kummissjoni li l-Gvern jixtieq li jagħtiha l-awra ta' kummissjoni nazzjonali. Għalhekk naħseb li wieħed ma jistax f'nifs jgħid li l-affarijiet iridu jsiru b'mod ta' sħubija imbagħad jipproponi kummissjoni li konsultazzjonijiet dwar il-funzjonijiet u l-kompożizzjoni tagħha bażikament ma jkunu saru ma' ħadd.
Hemm punt ieħor Madam Speaker, li xtaqt li kieku l-Ministru rrifera għalih anke fl-introduzzjoni tiegħu. Sal-lum, il-qasam ta' l-edukazzjoni huwa regolat bil-Liġi dwar l-Edukazzjoni - liġi li għandna nsegwu - u fost ħwejjeġ oħra din il-liġi tipprovdi għal Kunsill għall-Edukazzjoni. Hemm Kunsill għall-Edukazzjoni li huwa mwaqqaf bil-liġi u l-kompożizzjoni tiegħu m'hjiex waħda ad hominem; m'hijiex kompożizzjoni skond il-persuni partikolari li huma imma hija rappreżentattiva fejn parti minnhom huma nominati mill-kunsilli ta' l-iskejjel u oħrajn mill-ministru. Il-liġi tispeċifika bi preċiżjoni li f'dan il-kunsill irid ikun hemm rappreżentant ta' kull skola u li l-membri maħtura mill-ministru jridu jirrapreżentaw lill-pubbliku in ġenerali, fosthom membri biex jirrappreżentaw lill-iskejjel tal-Knisja Kattolika f'Malta u lill-iskejjel l-oħra li m'humiex skejjel ta' l-Istat. Dan hu kunsill għall-edukazzjoni mwaqqaf b'liġi u jien nistaqsi: Dan il-kunsill qiegħed imwaqqaf? Huwa nominat? Ġie mitlub il-parir dwar it-twaqqif ta' din il-kummissjoni? Għandna liġi li taħseb għal kunsill għall-edukazzjoni li għandu l-funzjonijiet li jagħti pariri fuq kull ħaġa li għandha x'taqsam ma' l-edukazzjoni, sew kif jidhirlu xieraq dak il-kunsill jew inkella kif jiġi riferit lilu mill-ministru. Huwa kunsill li għandu funzjoni mogħtija lilu b'liġi li jħejji pjainjiet għall-iżvilupp ta' l-edukazzjoni u għal integrazzjoni aħjar tas-servizzi edukattivi f'Malta - dawn il-funzjonijiet kien qed jirriferi għalihom il-Ministru fl-introduzzjoni tiegħu - u għandu l-funzjoni li jagħti pariri lill-ministru dwar kull proposta ta' emenda għad-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni nnifsu.
Jiena nifhem il-preokkupazzjoni tal-Ministru li jħares lejn dan il-Kunsill għall-Edukazzjoni u jistaqsi jekk dan il-kunsill jaħdimx jew jekk iltaqax, u jekk iltaqa' kemm-il darba ltaqa'? Il-Ministru qalilna li l-parti tal-kunsill kienet l-aktar waħda li ma ħadmitx fil-liġi. Dan il-kunsill fil-fatt iltaqa' biex iwettaq il-funzjoni tiegħu kull meta kien hemm proposti ta' tibdil fil-liġi, meta kien hemm proposti ta' bidliet strutturali fil-qasam edukattiv bħal meta kien hemm il-proposta ta' twaqqif tal-Junior College u fuq insistenza tal-Malta Union of Teachers, iltaqa' wkoll sabiex jiddiskuti s-settur post-sekondarju u sabiex jagħti pariri u jagħmel proposti. Fil-fatt qabel u għamel skema ta' kif għandu jiġi ttrattat is-settur post-sekondarju. Iltaqa' xi darba oħra anke biex jiddiskuti kwestjonijiet marbutin mat-teknoloġija ta' l-informatika u jien informat li mid-dehra din kienet laqgħa li ma tantx kellu suċċess. Jien nifhem li wieħed jista' jgħid li l-Kunsill għall-Edukazzjoni għandu wisq forma ta' assemblea u huwa wisq kbir - fil-fatt dan fih rappreżentant minn kull skola fejn hemm kunsill ta' l-iskola, imbagħad numru, li ma jkunx ikbar minnu, ta' nies oħra li jirrappreżentaw il-pubbliku ġenerali, l-iskejjel tal-knisja, l-iskejjel fondazzjonali, l-iskejjel privati u oqsma oħra fil-qasam edukattiv - pero' huwa metodu li tiġi l-Parlament u ma tgħidx x'se jsir mill-Kunsill għall-Edukazzjoni? Dan se jitneħħa, se jiġi riformat jew se jitħalla hemm? Aħna ma nafux x'se jiġri minnu dan il-kunsill, apparti li qiegħed hemm bil-liġi. Il-liġi tesiġi li ma jistgħux isiru bidliet fl-Att dwar l-Edukazzjoni hawnhekk qabel dawn il-bidliet jiġu riferiti lil dan il-Kunsill għall-Edukazzjoni. Jien ma nafx jekk l-abbozz ta' liġi li ppreżenta l-Ministru għall-Ewwel Qari intbagħatx lil dan il-Kunsill għall-Edukazzjoni u lanqas naf jekk dan il-kunsill huwiex imwaqqaf u minn min hu magħmul. Fi żmien meta kien imwaqqaf kien hemm rappreżentanza miż-żewġ naħat tal-Kamra, jekk m'iniex sejjer żball mill-istess Onor. Bartolo u mill-Onor. Tonio Borg. Hawnhekk qed nagħmlu kummissjoni meta ma ġietx riżolta l-kwestjoni tal-Kunsill għall-Edukazzjoni.
Madam Speaker, punt ieħor huwa li aħna qegħdin ngħidu li din hija kummissjoni nazzjonali. Pero' kummissjoni nazzjonali tkun kummissjoni li tkun magħmula kollha kemm hi minn persuni nominati u appuntati personalment mill-Ministru? Persuni li jċemplulhom mill-ministeru u jgħidulhom li l-Ministru se jwaqqaf kummissjoni dwar l-edukazzjoni u qiegħed jistiednek biex isservi fuqha? Imbagħad wieħed irid jagħti r-risposta dwar jekk jaċċettax jew le. Jiena qed ngħid: Hekk għandha ssir, jew inkella għandha tkun magħmula minn nies li jirrappreżentaw l-oqsma differenti? Nerġa' ngħid li fil-proposta kif fhimtha jiena kif hija mfissra fil-proposti tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni kellha tkun magħmula minn persuni li jirrappreżentaw l-oqsma differenti. Lil min qed jirrappreżentaw in-nies li għandna fuq il-kummissjoni? X'konsultazzjoni saret, Madam Speaker?
Qegħdin ngħidu wkoll li din se tfittex finanzi mis-settur privat u nixtiequ li jkollha ċerta miżura ta' suċċess anke f'dan ir-rigward. Imbagħad wieħed isib li s-setturi kostitwiti li l-aktar li jirrappreżentaw dawn is-setturi bil-kemm issibhom rappreżentati. Veru li ssemmiet il-figura tas-Sur Tony Cassar. Is-Sur Tony Cassar huwa magħruf għall-imprenditoria' tiegħu, pero' qiegħed hawn a titolo personale mhux biex jirrappreżenta l-fehma tal-Federazzjoni ta' l-Industrija. Il-Ministru qal li hu ma xtaqx li l-kummissjoni tkun magħmula minn nies li jkunu qegħdin jirrappreżentaw proprju l-fehmiet ta' dawn il-korpi kostitwiti. Pero' bir-rispett kollu jien ngħid li kieku ridna li l-kummissjoni twettaq il-funzjonijiet tagħha u tilħaq l-objettivi tagħha, kif hemm fit-terms of reference, il-persuni nominati fuqha kellhom jiġu mill-firxa ta' l-oqsma differenti tal-kamp edukattiv u ta' l-oqsma relatati. Il-Ministru kien qiegħed jgħid li ma jridx li jkollu kummissjoni li tirrepetilu l-ġudizzji u l-evalwazzjonijiet li jisma' minn ġo ħdan il-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-Universita' u setturi oħra, imma jrid li jkollu struttura li tħares minn barra lejn dawn l-affarijiet. Jien m'iniex ċert jekk din l-istruttura li l-Ministru jridha li tħares minn barra għandhiex tkun kummissjoni nazzjonali. Jista' jkun li hija ħaġa tajba li l-Ministru jkollu din l-istruttura biex tagħtih feedback u tagħmillu studji, riċerka u rapporti li m'humiex għaddejjin mill-kanali tas-soltu tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, tal-korpi kostitwiti, ta' l-assoċjazzjonijiet involuti u ta l-unions. Imma ma naħsibx li għandha tkun kummissjoni nazzjonali. Jien nemmen illi ma tantx jista' jkollok kummissjoni nazzjonali leġittima meta tkun magħmula u nominata b'dan il-mod.
Madam Speaker, jiena m'għandi l-ebda kumment negattiv x'nagħmel fuq il-kompetenza tal-membri li jiffurmaw din il-kummissjoni, pero' meta kien qiegħed jitkellem il-Ministru qalilna li din il-kummissjoni m'għandhiex poter eżekuttiv imma trid tkun kummissjoni li jkollha awtorita' morali. Qal li jrid ikollha dak il-livell ta' awtorita' morali kif għandu l-Ombudsman, pero' l-Ministru jaf li l-Ombudsman għandu din it-tip ta' livell ta' awtorita' morali għax intgħażel bi proċess ta' consensus u b'konsultazzjoni. Meta għażilna l-Ombudsman l-affarijiet għamilnihom kif għandhom ikunu. M'hemmx dubju li l-Ombudsman għandu din l-awra ta' awtorita', din il-leġittimita' li forsi ftit awtoritajiet fil-pajjiż għandhom daqskemm għandu hu, għaliex tajjeb jew ħażin f'pajjiżna din it-tip ta' awtorita' morali li l-Ministru jrid li jkollha l-kummissjoni nazzjonali tiġi anke mill-mod ta' kif isiru l-affarijiet. Għalhekk jista' jkun li jkollna the makings of a good idea, imma l-metodu li tiġi adoperata bih ikun kontro-indikat għall-objettivi u l-iskopijiet li wieħed irid jilħaq.
Irrid ngħid li meta wieħed jgħid "struttura nazzjonali" jkun qed jimplika struttura li tibbilanċja bil-fatti u fid-deher l-ispectrum sħiħ u li tirrifletti l-pluraliżmu ta' l-ideat soċjo-politiċi differenti li jkun hawn fil-pajjiż. Jiena ma nkunx qed inkun onest mal-Kamra u mal-Ministru jekk ma ngħidx li filwaqt li m'għandi xejn x'ngħid dwar il-kompetenzi professjonali tan-nies li qed jiġu nominati fuq din il-kummissjoni, ma nistax ma ngħidx li l-miżien ixaqleb bil-kbir lejn ċertu orjentament ta' ħsieb soċjo-politiku li fil-pajjiż kulħadd jafu. Jien naħseb li biex ħaġa tkun verament nazzjonali ma rridux nagħmluha hekk, pero' f'dan il-każ ma narax li kien hemm l-iċken tentattiv biex l-Oppożizzjoni tiġi involuta u tagħti l-kontribut kostruttiv tagħha. Gvern Nazzjonalista, mhux fi struttura waħda imma f'diversi okkażjonijiet, ipprova jikkonsulta man-naħa l-oħra u stedinha biex tkun preżenti ħalli tagħti l-kontribut tagħha, pero' f'din l-okkażjoni ma kienx hawn lanqas l-iċken tentattiv biex wieħed forsi jitlob għal xi suġġerimenti. Ħadd m'hu marbut biex josserva dawk is-suġġerimenti li jingħataw, imma fl-ispirtu li rridu naħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż naħseb li dan irridu nagħmluh bil-fatti u mhux bid-diskors.
Madam Speaker, jidhirli li dan il-punt huwa mportanti għax meta wieħed iħares lejn it-tielet term of reference tal-kummissjoni jara li qiegħed jingħad li l-kummissjoni għandha:
"Tagħmel rakkmandazzjonijiet għal bidliet li jkun hemm bżonn biex l-edukazzjoni f'Malta tkun waħda effettiva u tiżgura li l-pajjiż ikollu nies bil-ħila meħtieġa għas-soċjeta' u għall-ekonomija moderna tal-futur.".
Fl-opinjoni tiegħi dan it-term of reference huwa brief essenzjalment politiku - qed ngħid politiku fis-sens tajjeb tal-kelma mhux fis-sens politiku partiġjan - fejn dan il-grupp ta' nies irid jagħti pariri u rakkmandazzjonijiet dwar l-għażliet għall-futur ta' pajjiżna. Fl-opinjoni tiegħi l-kompożizzjoni ta' din il-kummissjoni setgħet tkun ħafna aktar bilanċjata milli fil-fatt hi - b'mod li tirrifletti aħjar is-sitwazzjoni fil-pajjiż - anke għaliex fil-pajjiż ma kienx hawn diskussjoni karga fuq dan is-suġġett ta' l-edukazzjoni u dan huwa mertu anke tal-Ministru. Allura la ma kienx hawn din l-atmosfera ta' politiċizzazzjoni fuq dan is-suġġett, fl-opinjoni tiegħi, kien ikun ħafna aħjar li kieku l-metodu li għażilna għall-kompożizzjoni tagħha kien differenti.
Madam Speaker, irrid ngħid ukoll li ma nafx kemm huwa fair u etiku li wieħed jagħmel kummissjoni, jinnomina n-nies, jippubblika l-ismijiet tagħhom, jiġi jagħmel mozzjoni fil-Parlament, jagħtihom terms of reference u mbagħad jiġi jgħid lill-Oppożizzjoni biex tapprovahom. Kieku l-affarijiet kienu bil-kontra u jien bħala ministru ta' l-edukazzjoni kont immur fuq l-Onor. Bartolo b'lista ppubblikata ta' nies diġa' magħżula u li diġa' bdew jaħdmu u allura ma nistax nerġa' lura minn kelmti, kien ikun fair u etiku? Jiena naħseb li kieku l-Ministru kien fil-pożizzjoni tiegħi kien jagħmel diskors feroċi f'din il-Kamra. Mhux hekk biss, imma lanqas huwa fair ma' l-istess nies li huma nnominati fuq dik il-kummissjoni li tesponi isimhom bla ma tikkonsulta lil ħadd u mbagħad tmur u titlob l-approvazzjoni u l-kunsens tal-Kamra.
Irrid ngħid li l-Ministru għamel sforz biex isib l-aħjar nies kompetenti, kapaċi u rappreżentattivi, imma din l-idea tajba seta' ħadimha ħafna aħjar u l-fatt li ma ħadimhiex aħjar nibża' li jnaqqas mill-impatt u l-effett li seta' jkollha. Nerġa' ngħid li jekk il-Ministru jrid jagħmel think-tank, kitchen cabinet, brains trust, grupp ta' nies li jkun responsabbli bażikament lejh ... Huwa veru li nistgħu niddiskutu x-xogħol ta' din il-kummissjoni hawnhekk - wara kollox dan il-Parlament m'hawn ħadd li jista' jżommu milli jiddiskuti kwalunkwe ħaġa taħt il-kappa tax-xemx - imma finalment il-kummissjoni hija responsabbli lejn il-Ministru u jiena ma jkollix diffikulta' jekk il-Ministru jgħid li għandu bżonn kumitat ta' ċertu tip ta' esperti u se jagħżel esperti li ġejjin mid-diversi oqsma tal-kamp edukattiv għaliex iħoss li minbarra d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, id-dipartimenti fi ħdanu, l-Universita' u ħafna affarijiet oħra xorta jixtieq li jkollu opinjoni fformata minn grupp ta' nies li jaraw l-affarijiet b'mod aktar detached. Kieku għamel hekk jiena kont ngħid li din hija ħaġa trasparenti, il-Ministru jrid kumitat biex jagħtih il-pariri, għandu dritt li jagħżlu hu, għandu dritt li jkollu dan il-kumitat, nafu fejn aħna u nawgurawlu li dan il-grupp ta' nies ikollu l-akbar suċċess. Imma li mbagħad tipprova ddaħħal din is-sitwazzjoni taħt it-titlu ta' "nazzjonali" ... Jien jidhirli li l-metodu ta' kif saru l-affarijiet ma jiġġustifikax li l-kummissjoni tissejjaħ "nazzjonali". Għalhekk jien naħseb li f'sitwazzjoni bħal din ma jistax jonqos li jkolli dawn ir-riżervi fuq din il-kummissjoni. Għad irrid nifhem eżattament xi trid tagħmel, kif se tagħmlu u kif se taġixxi, għalhekk naħseb li l-affarijiet jistgħu jsiru ħafna aħjar. Jien nixtieq - ma nafx il-Gvern għadux fil-waqt li jirrikonsidra din is-sitwazzjoni - li l-affarijiet nagħtuhom l-ispinta fid-direzzjoni li ddikjara li jrid jagħtihom il-Ministru u fid-direzzjoni li nixtieq neħodhom jien.
Madam Speaker, it-terms of reference tal-kummissjoni huma ġeneriċi u wesgħin ħafna u meta wieħed jibda jiflihom ftit iktar isib li ma joħroġx għal kollox ċar jekk din il-kummissjoni hijiex se tkopri s-settur kollu edukattiv jew inkella hijiex se tiffoka fuq xi parti minnu. It-terms of reference huma ġeneriċi u wesgħin ħafna. Il-Ministru qalilna li l-kummissjoni m'għandux executive powers imma fl-istess ħin it-terms of reference tagħha jgħidu li din il-kummissjoni se jkollha d-dritt tagħmel l-awditjar soċjali, funzjoni li għandha n-natura ta' eżekuzzjoni ta' xi ħaġa partikolari. F'dan l-awditjar soċjali diġa' hemm mibni fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni l-capability, il-funzjonarji, l-uffiċjali pubbliċi li suppost qed jiġbru t-tagħrif meħtieġ ħalli jkun jista' jsir dan l-awditjar, dan il-quality assurance programme li għadna fil-bidu tiegħu.
Madam Speaker, nifhem li l-Ministru jista' jħossu frustrat meta jiġi ffaċċjat mill-burokrazija tad-dipartiment. Jien ormai għandi esperjenza ta' kważi għaxar snin fis-settur pubbliku u nistqarr li kultant is-sistema tad-dipartimenti tal-gvern toħloqlok sensila ta' diffikultajiet biex tkun tista' timplimenta l-programm tiegħek. Allura jista' jkun li l-Ministru jrid jipprova jkollu din l-istruttura li permezz tagħha jniggeż aktar lil din il-burokrazija sabiex timxi 'l quddiem. Pero', x'se tkun ir-relazzjoni bejn din il-kummissjoni, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-ministeru? Kif għidt aktar kmieni, t-tielet term of reference tgħid li din il-kummissjoni:
"Tagħmel rakkmandazzjonijiet għal bidliet li jkun hemm bżonn biex l-edukazzjoni f'Malta tkun waħda effettiva u tiżgura li l-pajjiż ikollu nies bil-ħila meħtieġa għas-soċjeta' u għall-ekonomija moderna tal-futur;".
Forsi, dan m'huwiex ukoll mission statement tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Mhux dan hu x'suppost jagħmel dak li qabel konna nafuh bħala d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Mhux dan hu x'suppost tagħmel l-Universita'? Allura x'se tkun ir-relazzjoni tal-kummissjoni ma' dawn l-affarijiet kollha?
Fid-diskors tal-Ministru saret riferenza għan-national minimum curriculum fejn nafu li għaddejjin proċessi biex dan jiġi aġġornat ħalli jkun jista' jirrifletti aħjar l-esperjenza li nkisbet minn kemm ilu jeżisti għal dawn l-aħħar snin u biex inbiddluh ukoll ħalli jintlaħqu obbjettivi li naqblu fuqhom ilkoll, jiġifieri li nsostnu l-kwalita' ta' l-iżvilupp tal-personalita' taċ-ċittadini tagħna u l-kwalita' ta' l-edukazzjoni, imma ntaffu kemm nistgħu t-tensjoni li tiġi minn enfasi mill-iktar esaġerata fuq l-eżamijiet bħala l-uniku mezz ta' stima ta' assessment tal-livelli li jkunu ntlaħqu. Imma l-kummissjoni dwar in-national minimum curriculum kif se tidħol u x'se tieħu over minn dak il-proċess li għaddej bħalissa? Meta ngħidu li l-kummissjoni se tagħmel awditjar soċjali dwar kif ikunu qegħdin jitmexxew u jingħataw is-servizzi edukattivi, qed ngħidu li għandha l-poter li tinvestiga l-affarijiet tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u tagħmel monitoring ta' l-attivitajiet u l-performance tagħha?
Naħseb li l-Ministru ta kjarifika tal-frażi "awditjar soċjali" u tkellem dwar kif jixtieq jara li jiġi analizzat l-assenteiżmu u l-fenomenu tal-bullying fl-iskejjel tagħna. Imma anke hawn, biex nanalizzaw l-assenteiżmu u l-bullying irridu proprju kummissjoni nazzjonali? Għax il-fenomenu ta' l-assenteiżmu u tal-bullying u fenomeni oħrajn ikunu jridu jiġu analizzati u evalwati fil-livelli kollha. Jien jidhirli li f'dan is-settur il-kummissjoni tirrikjedi li tkun ħafna iktar bilanċjata għaliex fil-fatt tista' tagħti ċertu orjentament partikolari u tista' anke tidduplika x-xogħol li jagħmlu ċerti dipartimenti bħad-dipartiment għall-iżvilupp tal-curriculum, id-dipartiment ta' l-operations, id-dipartiment li jaħseb għall-ħteġijiet kontinwi tas-servizzi ta' l-istudenti, id-dipartiment li jieħu ħsieb l-edukazzjoni ogħla u dik ta' l-adulti. Jiġifieri hawn numru sostanzjali ta' uffiċjali edukattivi li suppost huma kwalifikati u mħarrġa biex jagħmlu ħafna minn dan ix-xogħol. Allura jien nixtieq inkun naf kif se tkun ir-relazzjoni bejn ix-xogħol li qed isir mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u x-xogħol l-ieħor li se tagħmel din il-kummissjoni. Meta l-Ministru kien qiegħed jitkellem dwar ix-xogħol tal-kummissjoni qal li din se tkun tista' tagħmel hearings dwar kif se tgħaddi għall-istudju, kif se tagħmel ir-riċerka u kif se tiżviluppa l-opinjonijiet tagħha. Meta tgħid li se tagħmel hearings ifisser li l-laqgħat tal-kummissjoni se jkunu kollha pubbliċi? Se jkun hemm l-aġenda li ssir pubblika jew inkella l-kummissjoni tiddeċiedi meta tagħmel ix-xogħol tagħha li huwa pubbliku?
Irrid ngħid li mbagħad hemm ukoll punti li jirrigwardaw ċerti dettalji bħal, per eżempju, jekk jaqbilx li wieħed jiċċirkoskrivi x-xogħol ta' dan l-uffiċjal eżekuttiv - magħżul mis-settur pubbliku - li se jkun maħtur billi jħejji l-estimi annwali u jippreżentahom għall-approvazzjoni tal-kummissjoni. Jien għandi rispett kbir għall-kompetenzi u l-esperjenza ta' l-uffiċjali pubbliċi - ħdimt ma' ħafna minnhom u meta tqis iċ-ċirkostanzi li jaħdmu fihom m'hemmx dubju li dawn jagħtu riżultati pożittivi ħafna. Pero' nixtieq nistaqsi jekk jaqbilx li wieħed jintrabat li din il-kariga timtela bilfors minn uffiċjal pubbliku. Ma stajniex ngħidu li preferibbilment ikun uffiċjal pubbliku u f'każ li all things being equal allura għandu jintgħażel l-uffiċjal pubbliku? B'hekk lill-kummissjoni wieħed iħallilha ċ-ċans li tkun tista' anke timraħ biex tfittex l-aħjar nies bl-aħjar esperjenza u bl-aħjar kwalifiki.
Irrid ngħid ukoll li ma tantx jien favur il-mod kif jiġu mpjegati n-nies, li kif jingħad fil-mozzjoni jinħatru miċ-chairman tal-kummissjoni. Jien naħseb li l-ħatra għandha tiġi approvata mill-kummissjoni bħala kummissjoni u mhux sempliċement miċ-chairman waħdu. Naħseb li jkun aħjar jekk wieħed se mai jagħti l-fakulta' lill-kummissjoni li tista' timpjega - jidhirli li m'għandux jorbotha li timpjega biss minn fost l-uffiċjali pubbliċi imma għandu jgħid "preferibbilment ikunu uffiċjali pubbliċi" - u jħalli ċerta deċiżjoni ta' dan it-tip għad-diskussjoni mhux tac-chairman waħdu imma tal-kummissjoni kollha kemm hi. Fl-opinjoni tiegħi l-ħatra ta' l-impjegati għandha tiġi vestita fil-kummissjoni u mhux fiċ-chairman.
Tajjeb ukoll li meta wieħed jitkellem fuq ir-rapport li jitressaq lill-Parlament jistabilixxi meta għandu jitressaq dan ir-rapport annwali għaliex hawnhekk qegħdin ngħidu "jitressaq rapport annwali dwar il-ħidma tagħha". Fil-mozzjoni li kellna dwar it-teknoloġija ta' l-informatika l-pożizzjoni kienet li dan ir-rapport annwali, jekk m'iniex sejjer żball, irid jitressaq f'April. Jien naħseb li wieħed irid jistabilixxi meta għandu jitressaq l-ewwel rapport annwali. La ħassejna l-bżonn li fil-kummissjoni l-oħra dwar it-teknoloġija ta' l-informatika anke nistabilixxu x-xahar meta għandu jsir ir-rapport annwali, stajna anke hawnhekk nagħmlu l-istess ħaġa.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru qalilna li lill-kummissjoni jridha tagħmel monitoring u jridha li tkun watchdog. Imma din il-kummissjoni x'se tifli eżattament u ta' liema policies u pjani se tagħmel monitoring? Ta' kull ħaġa dwar l-edukazzjoni taħt il-kappa tax-xemx? Jiġifieri jien naħseb li b'xi mod wieħed irid joħloq qafas ta' pjan, ikollu policies li huma stabiliti u dokumentati sabiex wieħed ikun jista' jagħmel monitoring tagħhom. Għaliex jekk qed nesiġu din il-funzjoni ta' evalwazzjoni x'se jiġi evalwat? X'inhuma l-objettivi preċiżi li ġew stabiliti f'dan il-kamp? Meta wieħed jiġbor l-informazzjoni, jidentifika l-ħteġijiet u jagħmel l-auditing ma' xiex se jqabbel l-miri? Jien jidhirli li m'hawnx biżżejjed framework stabilit li fi ħdanu wieħed irid jopera. Għalhekk naħseb li kien ikun ħafna aħjar kieku din il-kummissjoni twaqqfet b'metodu tali li tirrappreżenta iktar l-bilanċ ta' l-opinjonijiet soċjo-politiċi differenti li hawn fil-pajjiż. Wieħed ikun qiegħed idaħħal rasu fir-ramel jekk jgħid li din il-kummissjoni għandha din il-firxa. Jien għandi kull rispett għan-nies kollha li ġew nominati mill-Ministru sabiex iservu fuqha, imma min-naħa l-oħra wieħed ma jistax ma jsostnix dan il-kumment li qegħdin nagħmlu. Jien ngħid li fir-rigward ta' dan is-settur ta' l-edukazzjoni rridu direzzjoni, strateġija u viżjoni ċara. Il-fatt li qed nagħmel dawn il-kummenti fuq il-kummissjoni ma jfissirx li qed ngħid li m'hemmx bżonnha imma qed ngħid li għandu jkun hawn struttura - sejħilha kummissjoni jew kunsill - li tagħti ħarsa aktar mill-għoli ta' x'qed jiġri f'dan is-settur. Jien naħseb li struttura bħal din tista' tagħmel il-ġid, bil-proviso li tkun magħmula u d-deċiżjonijiet isiru b'metodu aħjar minn dak li hemm. Il-ministeru ta' l-edukazzjoni ma jeħux ħsieb biss l-iskejjel statali imma huwa responsabbli għall-edukazzjoni kollha fil-pajjiż, f'kull qasam u livell.
Madam Speaker, jiena naħseb li f'dan is-settur irridu nersqu lejn sitwazzjoni fejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tisvesti ruħha kemm jista' jkun, mill-għoti tas-servizz innifsu. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha funzjoni enormi għaliex hi stess hi involuta fl-għoti tas-servizz. Din tiddedika l-biċċa l-kbira ta' l-enerġija tagħha biex tagħti dan is-servizz a skapitu ta' funzjonijiet oħra importanti bħalma huma l-funzjonijiet regolatorji li permezz tagħhom tirregola s-settur kollu kemm hu, l-funzjoni li tippjana, l-funzjoni li tagħmel dak li f'din il-mozzjoni qed jissejjaħ l-awditjar soċjali, l-quality assurance u l-monitoring, u dan a skapitu tal-funzjoni li tikkordina u a skapitu tal-funzjoni li tgħin lill-Gvern u lill-Parlament jiffissa l-prijoritajiet li huma meħtieġa għall-iżvilupp ta' pajjiżna. Jiġifieri jiena naħseb li hawn bżonn ta' struttura nazzjonali li tiggwida l-ministeru u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, u jekk din l-istruttura tkun magħmula tajjeb tista' tagħmel ħafna ġid.
Madam Speaker, jien nemmen li għandna bżonn ta' strateġija nazzjonali u pjanifikazzjoni integrattiva f'dan is-settur u ma nafx jekk din il-kummissjoni nazzjonali li qiegħda tiġi proposta hawn hijiex fil-pożizzjoni li tipprovdi dan, li nagħmlu strateġija nazzjonali u li nippjanifikaw ma naħsibx li hija funzjoni biss tal-ministeru ta' l-edukazzjoni imma jrid ikun hemm l-involviment tal-partijiet kollha li għandhom interess u kontribut x'jagħtu f'dan is-settur. Ngħid ukoll li l-partijiet kollha flimkien iridu jaħdmu għal din l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni li fuqha jimxi l-pajjiż, hemm min hemm fil-gvern, għaliex jiena nemmen li fil-qasam ta' l-edukazzjoni ma nistgħux nippjanaw skond il-perspettiva tal-gvern tal-ġurnata, għaliex hemm ħwejjeġ li jmorru 'l hinn mill-firxa taż-żmien li xi gvern jista' jipproġetta għalih innifsu bħala ż-żmien li fih iwettaq il-programm tiegħu. Naturalment meta qed nitkellmu fuq strateġija nazzjonali qegħdin ngħidu li trid tkun xi ħaġa li hi ħajja u li tkun tista' tiġi riveduta b'mod sistematiku, konsistenti u regolari. Huwa tajjeb li f'dan il-proċess mhux biss il-ministru, imma anke d-deputati ta' din il-Kamra - kif anke nsista l-Ministru nnifsu - ikollhom id-dritt u d-dmir li jagħtu l-kontribut tagħhom ħalli din l-istrateġija tiġi aġġornata kemm jista' jkun b'mod maqtugħ mis-sentimenti partiġjani. Meta ngħid hekk bl-ebda mod ma rrid infisser li l-Gvern tal-ġurnata m'għandux id-dritt li jinfluwenza b'mod tajjeb, speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu l-għażla ta' ċerti prijoritajiet, s-settur li qegħdin nitkellmu fuqu. Imma li jkun hawn strateġija nazzjonali maħsuba u kemm jista' jkun maqbula naħseb li huwa ta' ġid għall-pajjiż kollu kemm hu, biex meta jkun hemm il-bidla fil-gvern - hawnhekk naqbel mal-Ministru - ma jseħħux rivoluzzjonijiet fil-qasam ta' l-edukazzjoni. Għaliex bidla fil-gvern tista' ġġib bidla f'ċerti prijoritajiet pero' għandu jkun hemm evoluzzjoni u mhux rivoluzzjoni. Jiena naħseb li d-diversi kwestjonijiet li qabad il-Ministru llum għandhom jintrabtu kollha f'qafas ta' viżjoni, strateġija u pjan, għaliex huwa fil-kontest ta' dak il-pjan li wieħed ikun jista' jsegwi l-iżviluppi li jkunu qegħdin isiru.
Jien nixtieq li fl-għeluq ta' din id-diskussjoni l-Ministru forsi jirreferi b'iktar preċiżjoni u jgħid jekk din il-kummissjoni hijiex se jkollha l-inkarigu li ssegwi dak li qed tagħmel l-Universita'. Per eżempju, il-qasam terzjarju jaqa' fit-terms of remit ta' din il-kummissjoni? U la qed insemmi l-Universita' nixtieq ngħid li m'għandniex nagħtu l-impressjoni li kwalunkwe importanza li tingħata lill-Universita' tista' tkun xi darba xi importanza żejda, għaliex l-Universita' hija l-post fejn jiġu fformati l-għalliema u s-suċċess tal-bidliet u r-riformi tal-mentalita' u ta' l-attitudni li huma meħtieġa jridu jinħmew proprju ġo l-Universita'. Jien nemmen li biex il-bidliet li huma meħtieġa fil-qasam edukattiv ikunu jistgħu jiġu assimilati fis-sistema, irridu nagħtu importanza primarja lill-formazzjoni ta' l-għalliema li qiegħda ssir fl-Universita', għax inkella, wisq nibża', li nkunu qegħdin nagħżqu fl-ilma. Għalhekk naħseb li wieħed jagħmel sew li jagħti importanza kbira lis-settur primarju, imma rridu noqogħdu attenti li ma nagħmlux diskors li jista' jiġi interpretat - anke jekk il-Gvern ma jkunx irid li jfisser hekk - bħallikieku l-Universita' ngħatat jew qed tingħata importanza żejda għaliex jien naħseb - anke minn dak li nsegwi u li nara - li l-Universita' rridu niżvolġulha r-rwol tagħha ta' pace setter , ta' struttura li tifformola l-mentalita' u l-attitudini, li toħloq il-klima u l-ambjent kulturali u li ġġib magħha żvilupp ta' kreattivita', ta' innovazzjoni u analisi kritika. Mingħajr dawn il-kwalitajiet ir-riformi li l-Gvern irid jagħmel jogħtrulu u ma jirnexxulux. Jien naħseb li f'dan is-settur ma nistgħux nimxu 'l quddiem jekk wieħed ma jgħinx lill-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni sabiex torjenta ruħha aħjar għat-taħriġ professjonali ta' l-għalliema u anke għat-taħriġ ta' diversi support staff li huwa meħtieġ f'dan is-settur.
Il-ġimgħa li għaddiet jiena u l-Ministru Bartolo attendejna għall-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Malta Union of Teachers u hemmhekk wieħed seta' jara d-diversita' ta' opinjonijiet, atteġġamenti u attitudnijiet li jeżistu fil-korp professjonali ta' l-għalliema. Madam Speaker, jekk irridu nimxu lejn l-iżviluppi fil-qasam ta' l-edukazzjoni li għalihom kien qed jirriferi l-Ministru, hemm bżonn li tingħata iktar importanza lil dan is-settur. Jiġifieri jekk wieħed mhux se jħares lejn l-Universita', b'mod partikolari lejn il-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni, u jipprova jifhem ftit x'inhu l-prodott li qed tagħti l-Fakulta' u kemm dak il-prodott huwa mħejji biex jimplimenta l-bidliet li huma meħtieġa, allura naħseb li jista' jkollna ċerti problemi. Waħda mill-problemi li rrifera għaliha l-Ministru - naħseb li hija waħda akuta u reali - hija dik li ħafna għalliema li joħorġu mill-Universita' jsibuha diffiċli li jmorru jaqdu d-dmirijiet tagħhom fl-iskejjel primarji ta' l-Istat. Numru ta' għalliema, li donnu dejjem qed jiżdied, isibuha wkoll diffiċli li jmorru fi kwalunkwe skola ta' l-Istat u b'xi mod jagħżlu anke l-iskejjel li huma ta' natura oħra bħalma huma skejjel tal-Knisja, privati jew fondazzjonali. Jien jidhirli li fil-formazzjoni ta' l-għalliema mhux biss hija importanti l-formazzjoni akkademika, teknika u professjonali imma anke ndaħħlu sens ta' missjoni, vokazzjoni u mpenn. L-għalliem irid iħares lejn din il-professjoni mhux bħala għażla ta' mpjieg komuni imma bħala għażla vokazzjonali u ta' missjoni li jrid jidħol għaliha.
Meta niġu għas-settur edukattiv fil-qasam tekniku, jiena naqbel ħafna ma' dak li kien qed jgħid il-Ministru dwar l-importanza li l-edukazzjoni teknika u teknoloġika ma tibqax biss għażla tat-tieni klassi. Pero' biex ma jibqax ikun hekk irridu nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. M'hemmx dubju li biex pajjiżna jiżviluppa għandu bżonn ħafna aktar nies li huma ppreparati aħjar fid-diversi ħiliet ta' l-industrija tas-servizzi, tal-manifattura u tat-teknoloġija ta' l-informatika u għalhekk irridu noħolqu l-istrutturi biex dan nagħmluh. Ta' min ifakkar li kien hemm il-proposta li jitwaqqaf kulleġġ ta' l-arti, xjenza u teknoloġija applikata, proposta li diġa' kien sar ċertu ammont ta' xogħol fuqha. Il-ħsieb tal-Gvern preċedenti kien li din l-istruttura tibda topera fis-sena skolastika li se tibda f'Settembru li ġej u allura bilfors li nistaqsu x'se jiġri eżatt f'dan is-settur. Se tkun għaddiet sena skolastika oħra u dawk l-ideat li kienu ġew żviluppati se nwaqqfuhom għal kollox? Se niffriżawhom? Se nbiddluhom? Kif se nbiddluhom? Huwa importanti li ssir xi ħaġa konkreta li tgħolli l-istatus ta' dan il-qasam ta' tagħlim imma li wkoll ittejjeb il-kwalita' tat-taħriġ u tat-tagħlim f'dan is-settur, inkella, fl-opinjoni tiegħi, inkunu qegħdin inpoġġu subgħajna fuq il-ferita u nagħmlu d-dijanjosi imma ma nkunux qegħdin nipprovdu l-kura li hija meħtieġa għaż-żmenijiet tal-lum u li forsi jmissna applikajna diġa' u li żbaljajna li ma applikajnihiex qabel, skond il-bżonnijiet li kellna. Nerġa' ngħid li jiena naħseb li t-taħriġ ta' l-għalliema huwa qasam li wieħed għandu jiffoka fuqu u l-istess jista' jingħad għat-twaqqif ta' struttura li tieħu ħsieb dan il-livell post-sekondarju u l-livell vokazzjonali fl-oqsma tat-teknoloġija u f'oqsma tekniċi li huma importanti.
Imbagħad hemm punt ieħor li jiena naħseb li rridu nagħtuh imbottatura b'iktar urġenza. Il-Ministru qalilna li meta tħares lejn l-iskejjel tara li skola li tkun qed tagħmel suċċess hija skola li għandha l-kap tagħha li għandu viżjoni, li kapaċi joħloq relazzjoni ma' l-għalliema u li kapaċi joħloq skema ta' tisħib bejn għalliema u ġenituri, filwaqt li skola li m'hijiex ta' suċċess hija skola fejn il-kap u l-għalliema ma rnexxilhomx jilħqu dawn il-kwalitajiet. Jien kelli l-opportunita' - il-Ministru jkollu opportunitajiet iktar minni - li nattendi għal ċerimonji ta' għoti ta' premjijiet sew fl-iskejjel tal-gvern - l-aħħar li attendejt kien fl-iskola tas-Siġġiewi - kif ukoll fi skejjel tal-knisja u privati.
Ftit taż-żmien ilu jiena u l-Ministru konna flimkien fl-okkażjoni tal-premjazzjoni fl-iskola ta' Santu Wistin. Din l-iskola, bħala kap, għandna lil Fr. Ray Francalanza, persuna denja li qed tiġi nominata fuq din il-kummissjoni. Meta tkun f'din l-iskola tħossok tapprezza l-ambjent, l-atmosfera, is-sens ta' missjoni u l-viżjoni li għandha din l-iskola. Fil-ftit ħin li għamilt hemm smajt bit-talenti ta' l-istudenti u bil-kontribut li jagħtu l-ġenituri. L-investiment tal-ġenituri f'din l-iskola mhux investiment tant ta' flus imma huwa iżjed investiment ta' enerġija u ta' ħsieb. Smajt ukoll dwar il-mod kif l-għalliema huma magħqudin bejniethom biex lil din l-iskola jġibuha 'l quddiem. Jien kelli ċans nisma' d-diskors ta' Fr. Francalanza u meta mort l-iskola ta' Sant'Agatha, ir-Rabat smajt ukoll id-diskors tal-kap ta' dik l-iskola. Il-kapijiet ta' dawn l-iskejjel meta jitkellmu jgħidu li l-viżjoni u l-identita' ta' l-iskola tagħhom jarawha f'din il-perspettiva. Per eżempju, fl-iskola ta' Santu Wistin jingħataw sensiela ta' premjijiet għall-valuri; - premju għall-valur tad-dixxiplina, premju għall-valur tas-sħubija u premju għall-valur tal-parteċipazzjoni. Għaliex qed ngħid dan, Madam Speaker? Għaliex imbagħad, sfortunatament meta tmur fi skola ta' l-Istat issib li l-head ta' dik l-iskola, anke meta tkun head b'kapaċita' kbira, kważi tħossha li ma tistax titkellem fuq il-viżjoni u l-identita' ta' l-iskola tagħha.
Jiena naħseb - u ma naħsibx li l-Ministru qiegħed 'il bogħod minn dan il-ħsieb - li l-bidla radikali fis-settur ta' l-iskejjel ta' l-Istat trid tiġi billi nagħtu awtonomija u identita' lill-iskejjel tagħna. Jekk l-iskejjel ta' l-Istat mhux se jsiru skejjel b'identita' kif inhuma l-iskejjel tal-knisja, fondazzjonali u privati, u m'aħniex se naslu.
Dostları ilə paylaş: |