Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 469,56 Kb.
səhifə4/6
tarix27.12.2018
ölçüsü469,56 Kb.
#87063
1   2   3   4   5   6

AĠĠORNAMENT



ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 16 ta' Ġunju, 1997 fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Mozzjoni biex titwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni - Kontinwazzjoni;
Abbozz ta' Liġi biex jagħmel Provvedimenti Speċjali dwar Proċeduri quddiem Qrati - t-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jħassar l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni - it-Tieni Qari; u
xi agenda oħra li tista' tiġi komunikata aktar tard.
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Proprjeta' Industrijali - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Condominia - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Hawn rimarki? L-Onor. Bertu Pace.
ONOR. BERTU PACE: Madam Speaker, il-ġimgħa li għaddiet żewġ Membri ta' l-Oppożizzjoni rrimarkaw dwar in-nuqqas ta' applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Nixtieq li nieħu din l-okkażjoni biex nirribatti dak li qalu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista, b'mod speċjali l-Onor. George Pullicino u l-Onor. Ċensu Galea, meta qalu li fis-settur tal-bini kollox jinsab wieqaf u li kien hemm tnaqqis ta' 42% fin-numru ta' applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Jien ma nafx minn fejn ġabu din l-informazzjoni dawn il-kelliema iżda dak li qalu żgur m'huwiex minnu, għax kieku vverifikaw l-affarijiet u kieku ħadu l-medja ta' l-applikazzjonijiet li saru f'dawn l-aħħar erba' snin - dawn wieħed jista' jsibhom fil-pubblikazzjonijiet li toħroġ kull sena l-Awtorita' ta' l-Ippjanar - kienu jaraw li l-affarijiet m'humiex kif qed jgħidu huma. Tant hu hekk li fl-1992/93 kien hemm medja ta' 634 applikazzjoni kull xahar, fl-1993/94 il-medja niżlet għal 607, fl-1994/95 kien hemm medja ta' 621 u fl-1995/96 il-medja kienet ta' 624, filwaqt li l-medja għall-aħħar tliet xhur li għaddew hija ta' 659 applikazzjoni fix-xahar. Jiġifieri mhux talli l-applikazzjonijiet ma naqsux talli din is-sena s'issa kien hemm żieda ta' 9.45% jew kważi 10% aktar milli kien hemm is-sena l-oħra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, lill-Onor. Pace ngħidlu li l-informazzjoni li kkwotajt fil-ħin ta' l-aġġornament il-ġimgħa l-oħra ġibtha minn erba' mistoqsijiet parlamentari u dik iċ-ċifra wasalt għaliha abbażi tad-dħul li kellha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dawk li huma applikazzjonijiet ġodda u ħlasijiet ta' fees.
ONOR. BERTU PACE: Madam Speaker, jekk l-Onor. Pullicino qed jgħid li kkwota mill-mistoqsijiet parlamentari aħjar jiġbed l-attenzjoni tal-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista għaliex din ġabet li n-numru ta' applikazzjonijiet naqas b'42% u l-istess għamlet il-gazzetta "The Times" fejn qalet li kien hemm "a sharp drop in development permit applications".
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, lill-Onor. Bertu Pace ngħidlu li jien m'iniex l-editur tal-gazzetta "in-nazzjon". Jien diġa' ġbidt l-attenzjoni għat-titlu ta' l-artiklu li rrifera għalih pero' rrid ngħidlu li kieku qara l-kontenut tar-rapport ta' dak li ntqal waqt il-ħin ta' l-Aġġornament isib li dan huwa korrett.
ONOR. BERTU PACE: Pero' jiddispjaċini ngħid li l-heading ta' "in-nazzjon" iqarraq għaliex jgħid "42% anqas".
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, kieku l-Onor. Pace ndenja ruħu jaqra l-kumplament tar-rapport naħseb li r-risposta kien isibha.
ONOR. BERTU PACE: Ir-rapport qrajtu.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Ma naħsibx.
ONOR. BERTU PACE: Madam Speaker, issa ħalli ngħidlu x'tgħid l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u se nikkwota minn statistika maħruġa minnha stess. Din tgħid:
"A sharp increase in the number of receipts was again recorded during April. In fact an increase of almost 10% was noted in the three-month average compared with the same period last year.".
Mela mhux talli l-applikazzjonijiet ma naqsux talli f'dawn l-aħħar tliet xhur, ikkomparati ma' l-istess perijodu s-sena l-oħra, żdiedu b'10%. Allura dan igiddeb dak kollu li qalu ż-żewġ kelliema ta' l-Oppożizzjoni.
Madam Speaker, kritika oħra li sikwit nisimgħu hija li l-applikazzjonijiet tal-Gvern għall-proġett ta' Buġibba ġew ipproċessati fi żmien qasir komparat ma' l-applikazzjonijiet tal-pubbliku in ġenerali. Xebgħu jgħidu li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvat dawn l-applikazzjonijiet fi ftit ġimgħat. Filwaqt li nsostni li l-Gvern dejjem issottometta l-applikazzjonijiet meħtieġa għar-rigward tal-proġett ta' Buġibba, nixtieq nistaqsi jekk il-Gvern Nazzjonalista ssottomettiex applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dak li jirrigwarda x-xogħlijiet li saru fit-Triq tal-Barrani u l-inħawi ta' madwar. Jiena nitlob lill-Oppożizzjoni sabiex tiċċekkja jekk kenitx talbet permessi għal dawn ix-xogħlijiet u nistenna tweġiba mingħandhom.
Tajjeb ukoll li nsemmi li l-applikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex dan ikun jista' jagħmel alterazzjonijiet fil-headquarters tiegħu sabiex jagħmel l-istudios tat-television ġiet ipproċessata wkoll fi żmien record. Din l-applikazzjoni daħlet fl-24 ta' Marzu u ġiet approvata fit-28 ta' Mejju, 1997. Dan ukoll huwa record għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar. GĦalhekk jien nistaqsi jekk kenitx inħasset il-ħtieġa li jsir environmental impact assessment jew jekk kienx sar assessment dwar problemi ta' parking li setgħu jinħolqu. Kemm dam jitħabat il-Partit Laburista wara li tefa' l-applikazzjonijiet tiegħu biex jibni l-Kwartieri Ġenerali fil-Ħamrun! Kemm instabu skużi u katletti! Il-Gvern Laburista bħalissa huwa mpenjat bi sħiħ biex jirriforma l-awtorita', biex jagħmilha aktar effiċjenti, aktar trasparenti u aktar accountable u għal dan il-għan twaqqaf sotto-kumitat tal-Kabinett biex flimkien ma' dawk kollha nvoluti, flimkien mal-Kamra tal-Periti, esperti legali u membri ta' l-istess awtorita', mill-aktar fis possibbli u fid-dawl tad-diversi studji u rapporti li tħejjew, iressaq it-tibdiliet meħtieġa.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, jiena qed nintervjeni għaliex ma rridx li xi ħadd minn barra li qed jisma' din it-trasmissjoni jifhem li l-Onor. Bertu Pace qed jgħid li l-applikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista qisha li tpoġġiet fuq xi fast track u li ġiet ipproċessata b'mod li ma sarx skond kif inhu miftiehem u kif suppost isir il-proċess. Għandna nkunu ċari ħalli l-poplu ma jiġix żgwidat.
ONOR. BERTU PACE: L-applikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ingħatat prijorita'. (Interruzzjonijiet) Jien nitlob lill-Onor. Pullicino sabiex jikkompara kemm ħadet żmien l-applikazzzjoni tal-Partit Laburista u l-applikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ħalli jara kemm tpoġġiet fuq fast track. Jekk il-Partit Nazzjonalista verament jemmen li hemm bżonn issir riforma fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar m'għandux joqgħod ixewwex u jipprova jindika li l-Partit Laburista għandu xi skop li jaħtaf lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar taħt idejh. Dan m'hu veru xejn għax aħna kulma rridu huwa li ssir riforma - fil-fatt qed issir wara ħafna studju - biex il-pubbliku jkun moqdi aħjar u jkun hemm trasparenza u accountability. Jekk il-Partit Nazzjonalista jemmen f'dawn l-affarijiet m'għandux joqgħod jikkritika imma għandu jkun hu stess li jressaq suġġerimenti ħalli t-tibdil li hemm bżonn isir mill-aktar fis.
Issa li ġej is-sajf ta' sikwit iqum is-suġġett dwar il-ħtieġa li l-pubbliku jkollu aċċess tajjeb għax-xtut. Madwar Malta hawn numru sabiħ ta' xtut u bi ftit ħsieb u spejjeż jista' faċilment jinħoloq aċċess għalihom għall-konvenjenza tal-pubbliku in ġenerali. Dan l-aħħar kien hemm artiklu tajjeb f'"The Times" li fih kien hemm li l-Gvern għandu jagħmel ħiltu kollha sabiex ix-xtut, speċjalment dawk bil-blat, jiġu żviluppati ħalli l-pubbliku jkun jista' jgawdihom. Dan hemm bżonn li jsir, partikolarment fin-nofsinhar ta' Malta, bejn Birżebbuġa u l-Ġnejna. F'din il-parti ta' Malta l-uniċi żewġ aċċessi li hemm għall-baħar huma Wied iż-Żurrieq u GĦar Lapsi. L-area policy li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ippubblikat dan l-aħħar dwar Wied iż-Żurrieq titkellem dwar il-bżonn li jsir upgrading billi jitkabbar il-car park u jissebbħu l-ħwienet. Hemm ukoll involviment kbir mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi. Hawnhekk irrid ngħid li jiddispjaċini li m'hemmx l-istess ippjanar għal GĦar Lapsi fejn il-bżonnijiet huma kbar.
Meta titlaq min-naħa ta' Ħaġar Qim jew min-naħa ta' Villa Monsinjur Gonzi fid-direzzjoni ta' GĦar Lapsi tħossok dħalt f'żona fejn kien hemm xi gwerra għax it-toroq u l-inħawi jinsabu fi stat diżastruż. Issib toroq kollha trab u ma tara ebda sinjali tat-traffiku jew xi sinjal li jimmarka d-direzzjoni għal GĦar Lapsi. Meta u jekk jirnexxilek tasal ħdejn GĦar Lapsi ssib diżastru ieħor b'kullimkien imkisser u mimli ħofor u saħansitra t-taraġ , għat-tieni darba fi żmien sena, reġa' nqala' kollu għax ix-xogħol sar ħażin. Fil-parking area m'hemm l-ebda sinjali ta' żebgħa u numru kbir ta' karozzi jkunu pparkjati fuq il-blat bil-konsegwenza li minn hawn u fi ftit żmien ieħor, meta jibdew jinżlu l-karozzi tal-linja, l-konfużjoni tkompli tikber. Din is-sitwazzjoni issa saret insapportabbli u fis-sajf in-nies ikunu ppakkjati ħdejn il-baħar qishom sardin għax minkejja li GĦar Lapsi huwa mdawwar b'bajjiet mill-isbaħ u tajbin ħafna għall-għawm ħadd qatt ma pprova joħloq aċċess diċenti ħalli l-pubbliku jkun jista' jinfirex. Għandu jinħoloq mod ta' aċċess għad-dilettanti tas-sajd li għandhom dgħajsa u li ma għandhomx minn fejn iniżżluha bil-konsegwenza li biex igawdu d-delizzju tagħhom dawn iridu jew imorru Birzebbugia jew inkella jitilgħu lejn in-naħa ta' fuq ta' Malta. L-ispazju tal-car park jista' jitkabbar u jirdoppja faċilment, bħalma jistgħu jitpoġġew faċilment numru ta' bankijiet. GĦandu wkoll ikun hemm landscaping fl-inħawi. Dawn ix-xogħlijiet huma iktar u iktar meħtieġa peress li numru kbir ta' scuba divers barranin jagħmlu użu mill-inħawi u dan ukoll fid-dawl li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed tippjana li bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi jinħoloq marine park li żgur għandu jkun ta' attrazzjoni kbira għal kulħadd.
Jien nistenna li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi - flimkien ma' għaqdiet oħra li jinsabu f'dan il-lokal - jinvolvi ruħu sabiex jagħmel rappreżentazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħalli dawn jiġu inkorporati fil-pjanijet lokali. Jekk kulħadd jaħdem għal dan il-għan jien ċert li Għar Lapsi jissebbaħ daqs kull post ieħor f'Malta. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Iktar rimarki? L-Onor. Chris Agius.
ONOR. CHRIS AGIUS: Madam Speaker, ftit tal-ġimgħat ilu l-Gvern Laburista organizza konferenza nazzjonali fil-Jerma Palace Hotel. Il-politika tal-Gvern għal parteċipazzjoni mill-aktar wiesgħa setgħet tidher anke fit-tfassil tal-pjan ta' żvilupp ekonomiku u soċjali għan-nofsinhar ta' Malta li ġie diskuss waqt din il-konferenza. F'din il-konferenza ltaqgħu dawk kollha li b'xi mod għandhom konnessjoni man-naħa t'isfel ta' Malta sabiex flimkien mal-Prim Ministru u mal-ministri responsabbli mill-ambjent, mit-turiżmu, mit-trasport, mix-xogħlijiet, mill-kostruzzjoni, mill-edukazzjoni u mill-kunsilli lokali jiddiskutu dan il-pjan. Il-Partit Laburista kien ilu jgħid li lil dawn in-naħat kien se jagħtihom dik l-attenzjoni li tixraqilhom u fil-manifest elettorali tagħna stess dan l-għan huwa mfisser ċar.
Madam Speaker, pero' sfortunatament mhux l-istess jista' jingħad għal dak li sar f'dawn in-naħat mill-Gvern preċedenti f'dawn l-aħħar disa' snin u nofs għax għalkemm kienu saru ħafna wegħdiet fil-fatt sar ftit li xejn. Ftit ġranet qabel l-elezzjoni l-Gvern Nazzjonalista pprova jitfa' lin-nies tal-Kottonera fil-lixka billi qalilhom li se jinbeda proġett turistiku li jgħaqqad ix-xatt tat-tlett ibliet flimkien, xewqa tan-nies tal-Kottonera kollha. Fil-fatt kien ġie ppubblikat fuljett mill-isbaħ mill-Partit Nazzjonalista dwar dan il-proġett bit-tibdil kollu mixtieq min-nies ta' dawn in-naħat, inkluż il-Baċir Nru. 1, u dan il-fuljett intbagħat fid-djar kollha tat-Tieni Distrett. Minħabba li saret il-wegħda li l-Kottonera waterfront kienet se tingħata dik id-dehra tant mixtieqa min-nies kif ukoll minħabba li ttieħdet biċċa sostanzjali mit-Tieni Distrett, il-Partit Nazzjonalista ħaseb li se jtella' t-tieni kandidat minn dan id-distrett, pero' mhux hekk ġara għax dawn in-nies kienu ilhom jisimgħu ħafna wegħdi li fil-fatt minnhom ma sar xejn. Madam Speaker, in-nies tal-Kottonera u dawk tat-Tieni Distrett reġgħu wrew il-lealta' tagħhom lejn dak il-partit li kull meta kien fil-gvern dejjem ta kas ta' l-interessi taċ-ċittadini kollha, ġejjin minn fejn ġejjin u mingħajr ebda distinzjoni. Fil-fatt mal-bidla fil-gvern in-nies tat-Tieni Distrett raw b'għajnejhom l-impenn tal-Gvern lejn dawn in-naħat.
Bit-twaqqif ta' planning council fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali dawn in-nies se jkunu jistgħu jibdew jaraw titjib fil-lokalitajiet tagħhom, liema titjib ilu tant mistenni u mixtieq. Il-kunsilli lokali se jkollhom sehem dirett f'dan ir-rigward għaliex il-planning council se jkun qed jikkordina s-sottomissjonijiet li jagħmlu l-kunsilli lokali fuq dak li jixtiequ jseħħ fil-lokal tagħhom. Din l-istanding conference għandha quddiemha diversi temi għal konsiderazzjoni, fosthom l-ambjent, l-infrastruttura, it-turiżmu, l-iżvilupp ekonomiku u kummerċjali, l-edukazzjoni, il-kultura, l-isport u l-aspett soċjali ta' dawn in-naħat. Madam Speaker, fil-ħin li għad fadalli nixtieq ngħid kif l-aspett soċjali jolqot lid-distrett tiegħi u nagħmel xi ftit punti fuq l-iżvilupp li qed iseħħ fil-Fgura.
Rigward l-aspett soċjali nixtieq nibda billi ngħid xi ħaġa fuq in-numru ta' nies qiegħda li hemm fit-Tieni Distrett li qed jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru. In-numru ta' nies qiegħda f'dan id-distrett huwa wieħed konsiderevoli. Fil-fatt jekk naraw kemm kien hemm nies jirreġistraw f'Novembru ta' l-1996 insibu li f'Bormla kien hemm hemm 209, fil-Birgu kien hemm 62, fil-Fgura kien hemm 161, fil-Kalkara kien hemm 50, fl-Isla kien hemm 123 u fix-Xgħajra kien hemm 11-il persuna. Dawn kollha flimkien jammontaw għal 716-il persuna. Hawnhekk wieħed ma jridx jinsa jsemmi wkoll lil dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol li joqogħdu f'dik il-parti ta' Ħaż-Żabbar li tagħmel mat-Tieni Distrett. Minn hawn nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex nifraħ lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali li flimkien ma' l-ETC organizza xahar ta' taħriġ għal diversi mpjiegi fil-każin tal-banda San Ġorġ ġewwa Bormla. Jien nemmen u nħoss li inizjattivi bħal dawn għandhom isiru iktar spissi, speċjalment f'dawk il-postijiet fejn in-numru ta' persuni qiegħda huwa għoli għaliex dawn in-nies għandhom bżonn kull għajnuna u attenzjoni sabiex isibu l-impjieg li jixirqilhom.
Madam Speaker, problema soċjali oħra li qed tiġi indirizzata bl-ikbar serjeta' hija dik tal-housing. Fil-fatt din il-problema tinħass l-iktar fit-Tieni Distrett, b'mod partikolari fil-Kottonera. Minħabba l-effetti tal-gwerra, li issa ilhom 'il fuq minn 50 sena f'dawn in-naħat, hemm ammont ta' abitazzjonjiet li huma nieqsa minn ħafna bżonnijiet bażiċi. Per eżempju, biżżejjed ngħid li hemm djar li għandhom soqfa perikolużi, għandhom ħafna umdita' u ma għandhomx kamra tal-banju jew imqar toilet. Fi kliem ieħor, dawn id-djar ma laħqux mal-progress li sar tul dawn l-aħħar snin. Saret drawwa li wieħed jilmenta dwar l-istat ħażin ta' dawn l-abitazzjonijiet, pero' aħna lkoll nafu li problemi bħal dawn ma jiġux solvuti mil-lum għal għada għax dawn il-problemi tant tħallew jikbru li jrid jgħaddi ż-żmien sabiex jiġu mtaffa. Fil-fatt hawnhekk nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex nifraħ lil sieħbi, il-Ministru tad-Djar, għall-attenzjoni u għall-impenn li qed jagħti sabiex din il-problema tibda tittaffa. Kif qalilna l-Ministru stess, il-Gvern għandu proġett kbir imħejji għal bini ta' djar ġewwa Pembroke u fl-istess waqt ħejja pjan ta' slum clearance biex jibni blokk ta' appartamenti fil-Kottonera. Biżżejjed ngħid li qed isiru pjanijiet għal proġetti fi Triq San Ġwann, fi Triq Mariano Gerada, fi Triq il-Pellegrinaġġ f'Bormla u fi Triq il-Papa Alessandru VII ġewwa l-Birgu. Madanakollu għalkemm qed issir din il-ħidma kollha min-naħa tal-Gvern hemm bżonn li min jiflaħ jagħmel il-parti tiegħu wkoll għaliex ma jistax ikun li l-Gvern jagħmel kollox hu u kulħadd jippretendi post b'xejn mingħand il-Gvern.
Madam Speaker, problema soċjali kbira oħra li teżisti f'dawn in-naħat hija li l-popolazzjoni qed tixjieħ. Fil-fatt l-ammont ta' anzjani li jgħixu f'dawn in-naħat huwa kbir ħafna u ħafna minnhom jgħixu weħidhom, ħafna drabi fi djar li saru kbar wisq għalihom. GĦalkemm ħafna mill-anzjani ta' dawn in-naħat ikunu jixtiequ jibqgħu jgħixu fil-komunita' li trabbew fiha jkun kważi impossibbli għalihom li jagħmlu dan għax ma' l-anzjanita' jinħolqu problemi ta' mard u ta' dipendenza u meta timrad jew ma tibqax indipendenti tkun trid bilfors iddur għall-għajnuna. Fil-fatt ħafna minn dawn in-nies qed jinkitbu fi djar ta' l-anzjani, pero' minħabba li l-ammont ta' talbiet simili dejjem qed jikber il-waiting list qed tiżdied minn ġurnata għal oħra. Hawn irrid ngħid b'sodisfazzjon li f'Bormla qed tinbena dar ta' l-anzjani biex tkun tista' tilqa' t-talbiet ta' dawn l-anzjani li jgħixu fil-Kottonera. Fil-fatt din id-dar, li hija l-ħolma ta' ħafna anzjani mill-Kottonera, se tilqa' fiha 67 anzjan. Issa nixtieq ngħid xi ħaġa dwar it-tibdil li ilna nistennew li jseħħ ġewwa l-Fgura.
Madam Speaker, il-Fgura rat tibdil enormi f'dawn l-aħħar 20 sena u minn raħal ċkejken illum għandha popolazzjoni ta' kważi 12,000 ruħ. Uħud mill-problemi li jeżistu f'dan il-post inħolqu minħabba t-tibdil kbir u mgħaġġel li sar f'dawn l-aħħar 15 jew 20 sena. Problema oħra li kienu u li għadhom ibatu biha ħafna min-nies ta' dawn in-naħat hija l-istat verament ħażin li tħalliet fiha Żabbar Road. Din it-triq hija traffikuża ħafna għax minnha jgħaddi t-traffiku kollu lejn in-naħa t'isfel ta' Malta u minnha jgħaddu trakkijiet, containers u heavy vehicles oħra. Issa li qed isir dan il-proġett kbir ta' Żabbar Road inħoss li għandu jsir studju dwar il-mezzi ta' trasport li jkunu jistgħu jgħaddu minn din it-triq għax naħseb li hemm bżonn li tinstab triq oħra minn fejn ikunu jistgħu jgħaddu l-heavy vehicles li jkunu sejrin għal postijiet oħra. Il-proġett ta' Żabbar Road huwa wieħed ta' min ifaħħru ħafna għax qed isir b'serjeta' liema bħalha u b'effiċjenza kbira. Fil-fatt innotajt li s-servizzi kollha, fosthom l-ilma, id-drenaġġ, il-cable television u l-water culverts qed jiġu mgħoddija minn taħt il-bankini fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Dan l-eżempju għandu jittieħed u jiġi attwat kull meta jkun se jsir xogħol simili f'toroq oħra għax b'hekk niffrankaw li t-toroq isiru qishom xi zip, jinfetħu u jingħalqu ma' kull ħsara li tista' tinqala' minn żmien għal żmien. Ix-xogħol f'din it-triq qabad ritmu mgħaġġel u dalwaqt naraw ir-riżultat ta' dan ix-xogħol li kien wieħed organizzat u ppjanat. Madam Speaker, hawnhekk irrid infakkar li l-Gvern preċedenti ried li x-xogħol ta' din it-triq isir mill-Kunsill Lokali tal-Fgura minkejja li l-finanzi vvotati lil dan il-kunsill lokali żgur li ma kenux biżżejjed. Pero' għall-kuntrarju dan il-Gvern mill-ewwel wera l-impenn tiegħu sabiex din it-triq hekk traffikuża tingħata dik id-dehra li jixirqilha u fil-fatt hekk qed isir.
Xogħol ieħor li ta' min ifaħħru għax sar bil-għaqal u konna ilna nistennewh kien dak li sar fi Triq il-Liedna u fi Triq il-Kampanella. Fil-fatt filwaqt li qabel kulħadd kien jiskarta dawn iż-żewġ toroq illum wieħed jitgħaxxaq meta jgħaddi minnhom. Ta' min jinnota li bħalissa għaddej xogħol estensiv fuq ħafna toroq fil-Fgura għax l-istat ta' dawn it-toroq tħalla jmur lura ħafna. Fil-fatt minkejja dan l-impenn min-naħa ta' l-amministrazzjoni ċentrali l-ġdida għad hemm ħafna toroq li għadhom qed jistennew li xi darba tmisshom din ix-xorti. Insemmi każi bħal Triq Mondion, Triq Baldassare Lanci, Triq Vincenzo Maculano u Triq Ġdida fi Triq il-Karmnu. Minkejja li hemm ħafna djar lesti f'dawn it-toroq l-istat tagħhom huwa verament ħażin. Jien ċert li dawn it-toroq u oħrajn bħalhom ma jdumux ma tmisshom ix-xorti li jsir ix-xogħol fuqhom sabiex jiġu mtejba.
Problema oħra li jħabbtu wiċċhom magħha r-residenti tal-Fgura hija s-sitwazzjoni fit-trasport pubbliku. Hemm bżonn li f'lokal bħall-Fgura, li kiber tant f'qasir żmien, isir tibdil fil-mod ta' kif jitħaddem it-trasport pubbliku. Illum ħafna mir-residenti tal-Fgura jkollhom joqogħdu jistennew fuq l-istages sakemm jiġu karozzi tal-linja li jitilqu mill-venda ta' Ħaż-Żabbar. Naturalment il-karozzi tal-linja jimtlew matul it-triq qabel ma jgħaddu quddiem l-istages kollha tal-Fgura bil-konsegwenza li n-nies ta' dan il-lokal idumu jistennew għal ħinijiet twal biex jirkbu. Wieħed jista' jimmaġina x'sitwazzjoni jkun hemm waqt il-peak hours u kemm idumu jistennew dawn in-nies biex jirkbu! GĦalhekk f'komunita' li qed tkompli tikber inħoss li għandu jkun hemm studju dwar il-possibbilita' li jkun hemm venda tal-karozzi tal-linja tal-Fgura. Sakemm naslu għal xi konklużjoni dwar din il-venda, nixtieq nagħmel proposta lill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex il-karrozzi tal-linja jibdew jitilqu minn Ħaż-Żabbar iktar ta' spiss u jekk hemm bżonn fil-peak hours jitilqu vojta. B'hekk inkunu nistgħu nsolvu ftit il-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ta' kuljum ir-residenti tal-Fgura.
Madam Speaker, irrid ħafna iktar ħin biex inkompli nelenka l-problemi li tħallew jakkumulaw matul is-snin f'dan id-distrett. Jien ċert li l-Gvern għandu biċċa xogħol kbira biex f'dawn in-naħat isir dak l-iżvilupp li tant ilhom jixxenqu għalih in-nies tat-Tieni Distrett. Aħna konvinti, għax qed naraw b'għajnejna, li l-Gvern Laburista se jżomm il-wegħda elettorali tiegħu li l-kwalita' tal-ħajja taċ-ċittadini ta' dawn in-naħat titjieb. Grazzi, Madam Speaker.

MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.

Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 16 ta' Ġunju, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.


Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 469,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin