RIŻOLUZZJONI DWAR ENFITEWSI TEMPORANJA TA' MOLLIJIET, BINI U DRITT TA' RMIĠĠ FIL-BIRGU U L-ISLA LIL PORT COTTONERA LIMITED 110
AĠĠORNAMENT 130
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI IMWIEĠBA BIL MIKTUB 136
MISTOQSIJA GĦAL TWEĠIBA BIL-MIKTUB 148
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 236 li saret fl-1 ta' Lulju, 1998 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI
XOGĦLIJIET PUBBLIĊI - DELEGAZZJONIJIET 14237. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli (inkluż safar ministerjali) mill-1 ta' Jannar, 1997 'l hawn? X'kien l-iskop ta' kull safra, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra u kemm intnefqu flus għal kull safra?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
PARK NAZZJONALI - KUMITAT
14477. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13304, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat ta' kull item ta' ħruġ u dħul li kellu l-Kumitat li jmexxi l-Park Nazzjonali? Min tħallas, meta tħallas u għal liema materjal jew servizzi tħallas? Min ħallas lill-kumitat, għal liema servizzi ħallas lill-kumitat u meta saru l-ħlasijiet?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija f'mistoqsija parlamentari numru 15279.
MADAM SPEAKER(Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Pullicino, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, fil-fatt xtaqt ninnota r-risposta li ngħatajt għall-mistoqsija parlamentari numru 15279 kienet li l-informazzjoni qed tingħata lili biss minħabba li hija ta' natura kummerċjali. Nixtieq inkun naf x'kien hemm ta' natura kummerċjali f'dik it-tweġiba.
Jien nirrafferma dak li diġa' qalet din in-naħa tal-Kamra, cioe’ li meta ssir mistoqsija sabiex l-informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, din l-informazzjoni m'għandhiex tingħata lil persuna waħda imma għandha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li diġa’ ngħatat.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, din hija t-tieni darba matul dawn l-aħħar erba' seduti fejn l-informazzjoni mitluba qed tingħata biss lill-Onor. Interpellant li jkun qed jagħmel id-domanda. Jien naħseb li għandu jkun hemm deċiżjoni li r-risposti li jingħataw għad-domandi parlamentari jkunu għall-membri parlamentari kollha u mhux għal dak il-membru partikolari li jkun għamel id-domanda. Għalhekk nitlob li jkun hemm deċiżjoni mis-Sedja li attwalment din l-informazzjoni tingħata lill-Kamra kollha.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien ngħaddi s-suġġeriment lill-ministru konċernat pero' nista' ngħid li r-risposta hija skond l-iStanding Orders.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, filwaqt li napprezza li l-Ministru Mizzi se jgħaddi s-suġġeriment lil min hu konċernat, jien naħseb li għandu jsir huwa li jew ir-risposta ma tingħatax jew inkella tingħata lill-membri kollha tal-Kamra u mhux lil xi deputat partikolari.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, jiddispjaċini ngħid li ma naqbel xejn ma' dak li għadu kemm qal l-Onor. Galea għar-raġuni li ġieli kien hemm okkażjonijiet fejn il-membru ġenwinament ikun interessat f’xi informazzjoni. Jien ġieli kelli każijiet fejn ħassejt li għandi ngħaddi xi informazzjoni lil xi individwu biex inserraħlu rasu li l-affarijiet qegħdin above board pero' ma jkunx ifisser li din l-informazzjoni tista’ tixxandar ma' Malta kollha. Ċertu informazzjoni li tista’ tkun ta’ natura kunfidenzjali tista’ tingħata lil xi membru biex jissodisfa l-bżonn ta’ l-informazzjoni li jkollu mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jien ma naqbilx ma’ l-Onor. Galea meta qed jgħid li l-informazzjoni għandha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jew inkella ma tingħatax. Għax jekk minn naħa l-informazzjoni ma tingħatax jgħidu li għandek x'taħbi, u min-naħa l-oħra forsi ċertu informazzjoni ma tkunx tista’ ssir pubblika minħabba l-aspett kummerċjali tagħha. M’hijiex l-ewwel darba li hawnhekk għidna li iktar informazzjoni qed tingħata direttament lill-individwu u ġiel anke l-istess Membru li jkun qed jagħmel il-mistoqsija jgħid li l-mistoqsija hija waħda ġenerali pero' tirriferi għall-informazzjoni li tkun qed tingħata direttament lill-ministru.
Jien assolutament ma nistennix li s-Sedja tgħid li l-informazzjoni għandha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jew inkella ma tingħata lil ħadd.
MADAM SPEAKER: Allura jkun aħjar li taħt l-ambitu tad-diskrezzjoni fil-mod kif jingħataw ir-risposti, il-ministru jiddikjara li dik l-informazzjoni jkun qed jgħaddiha lil dak il-membru partikolari u mhux qed jagħmilha open għall-Kamra kollha, bħalma jsir meta r-risposta tkun ta’ natura kunfidenzjali.
L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, ma naħsibx li meta ministru jkun qed jerfa' r-responsabbilta' ministerjali tiegħu u juża d-diskrezzjoni tiegħu, ifisser li għandu x'jaħbi. Ħafna drabi - u issa qed nitkellem b'mod ġenerali u mhux b'riferenza għal din il-mistoqsija partikolari - jekk ċerti affarijiet tagħmilhom pubbliċi u tiżvelahom f'ċertu fażi tkun qed tagħmel iktar ħsara, għalkemm forsi iktar 'il quddiem ma jkunx inokwu li tikxifhom u allura ma jagħmilx sens li tgħid li ma tkunx trid tirrispondi. Issa jekk kemm-il darba lanqas aħna kapaċi nittollerraw li nirrispettaw ir-responsabbiltajiet li kull ministru għandu, allura ma nafx fejn se naslu.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, mingħajr ma nkun polemikuż, irrid ngħid li jien qajjimt dan il-punt għaliex ma nara l-ebda raġuni kummerċjali li minħabba fiha kelli ningħata risposta jien biss. M’iniex qed nitkellem b’mod ġenerali imma qed nirriferi speċifikatament għal din it-tweġiba.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, jien nirrispetta l-opinjoni ta' l-Onor. Membru li dik l-informazzjoni li għandu m'hijiex ta' natura kummerċjali. Pero’ l-Ministru li tah din l-informazzjoni u li ħaseb li għandha valur kummerċjali, daqsu għandu dritt jagħmel l-assessment tiegħu u joħroġ l-informazzjoni wara li jkun għamel dak l-assessment. Issa jekk l-Onor. Membru jidhirlu li dik l-informazzjoni jrid ixerridha għax m'hijiex ta' natura kummerċjali jista' jagħmel dan liberament, pero' mbagħad ovvjament għandu r-responsabbiltajiet tiegħu. Imma jien ma nistax nelimina minn fuq spallejn ministru d-dritt li jagħmel assessment ta' x'inhu u x'm'huwiex ta’ natura kummerċjali, bħalma l-Onor. kollega għandu dritt jagħmel evalwazzjoni soġġettiva ta' l-informazzjoni li għandu f'idejh, imbagħad jużaha kif irid. Wara kollox kull Membru tal-Parlament jerfa’ r-responsabbiltajiet skond il-pożizzjoni tiegħu.
MADAM SPEAKER: Imma s-Sedja jidhrilha li f’każijiet bħal dawn huwa importanti li ministru jagħmel distinzjoni jekk l-informazzjoni hux qiegħed jgħaddiha lil xi membru partikolari jew inkella hijiex xi risposta li tista' tiġi mgħoddija lil kulħadd. Għaliex jekk l-informazzjoni tingħata lil xi membru partikolari, ma jidhirlix li dan il-membru jkun liberu li jużaha b'ċerti modi. Għalhekk huwa importanti li ssir id-distinzjoni minn min ikun qed jagħti r-risposta.
L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, bir-rispett kollu ma naqbilx, fis-sens li xorta tibqa' r-responsabbilta' tal-ministru li hu jiġġudika fl-assessment tiegħu jekk dik l-informazzjoni hijiex ta' natura kummerċjali jew le. Issa jekk ikun jafda lill-Onor. Membru li jkun qed jagħmel il-mistoqsija, jista’ jgħidlu li l-informazzjoni hija ta' natura kummerċjali u jekk ikollu bżonn ta' informazzjoni fuqha jista’ jgħaddihilu għaliex jaf li huwa bniedem responsabbli. Imbagħad jekk kemm-il darba l-membru l-ieħor jgħid li dik l-informazzjoni se jagħmilha pubblika, sta għalih li jagħmel dan. Imma l-ministru jkun qed jagħti dik l-informazzjoni lill-membru biex jekk ikollu xi dubji jew queries ineħħihom u għalhekk irridu nkunu responsabbli u jekk il-ministru jidhirlu li dik l-informazzjoni hija ta' natura kummerċjali, allura l-membru li qed jirċeviha għandu jirrispetta dik l-opinjoni, jaqbel jew ma jaqbilx magħha.
DJAR - ŻIEDA FIL-KERA 15201. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ dwar tibdil fl-ammont ta' kera relatat mal-mistoqsija parlamentari numru 14453?
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali): Jien informat illi saret l-investigazzjoni meħtieġa u ma jirriżultax illi għandu jkun hemm xi tibdil fir-rati tas-sussidju fuq il-kera tal-każ in kwestjoni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, riċentement il-Ministru ħabbar li dawk il-persuni li se jkunu mneħħija minn postijiet fi slum areas u jingħataw postijiet ġodda, se jkollhom skema ġdida ta' għajnuniet fuq il-kera li jingħataw. Nixtieq inkun naf jekk il-Ministru huwiex f'pożizzjoni li jgħidilna kemm fil-fatt huwa s-sussidju, x'differenza hemm bejn is-sistema tal-lum u s-sistema ta' qabel u kif ġiet applikata din is-sistema fil-każ ta' l-Imsida?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Madam Speaker, jien ma niftakarx eżatt il-kategoriji kollha bil-figuri għax bħalma jaf l-Onor. Galea xorta jibqa' l-fatt li kull min ħa post tal-gvern wara l-1986 ikollu reviżjoni tal-kera kull sentejn. Fil-fatt din ir-reviżjoni ssir fuq l-income ta' l-individwu li jkun joqgħod fil-post, pero' min-naħa tiegħi ma nsib l-ebda diffikulta' li ngħaddilu kopja ta' kif qassamna l-gruppi fl-iskema.
Aħna fassalna policy fuq l-evictees li fiha daħħalna wkoll lil dawk li jitneħħew minn post tal-Gvern biex, per eżempju, tinfetaħ xi triq u għal dawn il-kategoriji ta’ persuni qed napplikaw l-istess kriterji li napplikaw għal dawk li jitneħħew minn postijiet li jkunu se jitwaqqgħu fi slum areas. B’dan il-mod almenu wieħed ikollu gwida ta’ kif għandu jimxi. Barra minn hekk, lil dawk li jkunu evictees ħadna ħsieb li nagħtuhom sussidju addizzjonali barra l-ewwel sussidju li tajnihom. Min-naħa l-oħra għamilna wkoll standardisation tal-kirjiet tal-postijiet tal-Gvern. Ingħatajna parir mingħand l-Avukati tar-Repubblika li ma nistgħux ngħollu l-kera aktar minn dik li hemm fil-kuntratt oriġinali u għalhekk qgħadna attenti li dan ma jsirx.
Irrid infakkar wkoll li fi żmien il-Gvern preċedenti ma kenux saru numru kbir ta' reviżjonijiet, mentri issa d-dipartiment diġa’ ra 1,200 file minn fost madwar 3,000 file ta' inkwilini li joqogħdu f'postijiet tal-Gvern. Nassigura lill-Onor. Interpellant illi kieku baqgħet is-sistema l-antika ma kienx ikun hemm roħs ta' madwar Lm2.80 fis-sena u kieku ma saritx din l-istandardisation żgur li l-inkwilini tal-Gvern kien ikollhom iktar kera milli għandhom illum meta tinħadmilhom ir-reviżjoni tal-kera.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Carmelo Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO BORG: Jista' l-Ministru jieħu passi biex jitħaffu l-proċeduri ta' dawk in-nies li għandhom plot tal-gvern u jixtiequ jifdu ċ-ċnus tagħhom? Nafu li jeżistu xi diffikultajiet mad-dipartiment ta' l-artijiet, pero' naħseb li huwa xieraq li din il-proċedura titħaffef sabiex dawn in-nies ikunu jistgħu jifdu ċ-ċnus tagħhom.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Madam Speaker, fil-fatt bħalma jista' jikkonferma wkoll il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, saru diversi taħdidiet min-naħa tal-ministeru tad-djar u min-naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar mal-Land Department sabiex insibu sistema kif nistgħu nħaffu aktar dawk it-talbiet li għandna min-nies li jew iridu jifdu ċ-ċnus ta' plots tal-gvern jew inkella jridu jixtru l-post fejn joqogħdu li kienu ħaduh bħala kera mingħand l-Awtorita' tad-Djar.
Madam Speaker, naħseb li bħala nutara tgħallimni li f’dawn l-affarijiet hemm kwestjonijiet legali bejn il-gvern u s-sidien għaliex gvernijiet preċedenti kienu ħadu artijiet għall-użu li fil-fatt ma kenux proprjeta' tal-gvern. Jien nista’ ngħid li min-naħa tagħna qegħdin ngħaġġlu kemm nifilħu biex nilqgħu t-talbiet ta’ dawk in-nies li jridu jifdu ċ-ċnus jew li jridu jixtru postijiet tal-Gvern li joqogħdu fihom, rajna x’possibbiltajiet hemm, pero' għadna ma wasalniex fejn nixtiequ.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet issa għadda. Tqegħid ta' karti. Il-Prim Ministru.