Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 327,92 Kb.
səhifə3/6
tarix27.12.2018
ölçüsü327,92 Kb.
#87064
1   2   3   4   5   6

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

RIŻOLUZZJONI DWAR ENFITEWSI TEMPORANJA TA' MOLLIJIET, BINI U DRITT TA' RMIĠĠ FIL-BIRGU U L-ISLA LIL PORT COTTONERA LIMITED



Tkompli mill-1 ta' Lulju, 1998.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Karl Chircop.
ONOR. KARL CHIRCOP: Madam Speaker, jien beħsiebni nkompli dan id-dibattitu dwar ir-riżoluzzjoni minkejja l-kriżi u l-konfużjoni sħiħa li jeżistu f'pajjiżna, pero’ qabel ma niġi għas-suġġett tajjeb li naraw verament fiex jinsab il-pajjiż bħalissa għaliex aħna ma rridux inqarrqu bin-nies. Effettivament l-ekonomija ta' pajjiżna bħalissa m'hijiex sejra ħażin u kif jaf kulħadd fl-ewwel jiem tal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru, l-Onor. Alfred Sant kien iddikjara li s-settur privat għandu jkun il-mutur ta' l-ekonomija tagħna u meta qal hekk żgur li ma kellux f'moħħu ekonomija ċentralizzata fejn il-gvern ifittex li jkabbar is-sehem tiegħu fl-ekonomija.
Din kienet dikjarazzjoni kuraġġuża meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ekonomika li sab ruħu fiha l-Gvern Laburista dak iż-żmien, fejn kien wiret ekonomija li kienet tiddependi wisq fuq l-infiq tal-gvern. Sfortunatament din is-sitwazzjoni għadha teżisti llum - għaliex ma rridx nagħti l-impressjoni li aħna għamilna xi miraklu u mil-lum għal għada qlibna l-folja - pero' l-Gvern Laburista ried jara x'jagħmel biex is-settur privat ma jibqax iserraħ wisq fuq in-nefqa tal-gvern u għalhekk inħoloq spazju fejn is-settur privat seta' jiżviluppa u ma jibqax imdendel mad-djul il-gvern. Fil-fatt kull settur ekonomiku ġie eżaminat, b’mod partikolari l-kumpanniji parastatali, abbażi ta’ rapporti finanzjarji serji u razzjonali u saru anke xi rakkommandazzjonijiet. Dan wassal biex ċerti kumpanniji, bħalma hija l-Gozo Channel, mill-ewwel bdiet tirreġistra xi forma ta' qligħ u fil-kontest ta' din ir-riżoluzzjoni tal-Kottonera ma nistax ma nsemmix il-Malta Drydocks fejn konna ppreżentajna riżoluzzjoni f'dan il-Parlament li kienet tenfasizza tibdil radikali kemm fit-tmexxija tal-Malta Drydocks kif ukoll fil-mentalita' tad-dipendenti tagħha.
Fil-fatt diġa’ bdew jinkisbu riżultati pożittivi u nista’ ngħid li dan l-aħħar meta kont Piraeus fil-Greċja, fejn attendejt għal maritime exhibition internazzjonali, ġejt informat li sar esperiment fejn il-Malta Drydocks esebixxiet mhux fi ħdan il-padiljun ta' Malta iżda fi ħdan il-padiljun ta' aġent privat li huwa aġent internazzjonali bbażat f'Piraeus fil-Greċja u kien hemm prospettivi ta’ ordnijiet sbieħ għal xogħol għall-Malta Drydocks. Mhux ta' b'xejn li l-ħaddiema tal-Malta Drydocks għandhom fiduċja sħiħa fit-tmexxija ta' dan il-Gvern u inutli li noqogħdu nġibu skużi bil-lobbying ta' l-unions tax-xellug meta aħna konna għadna fl-Oppożizzjoni.
Kulħadd jaf li r-ristrutturizzazzjoni dejjem ikollha xi konsegwenzi diffiċli, pero’ madanakollu l-Gvern huwa konvint li jekk l-ekonomija Maltija ma tiġix ristrutturata llum, il-konsegwenzi għall-ekonomija jkunu ħafna agħar fil-futur qarib. Dan l-eżempju nistgħu narawh meta wieħed ikun qed irabbi t-tfal tiegħu b'għożża u jaf li xi kultant irid ikun iebes magħhom u jżomm id-dixxiplina proprju biex jinvesti fil-futur tagħhom. Jien naħseb li kulħadd jiftakar il-kliem fieragħ tal-Gvern Nazzjonalista li se nidħlu membri fl-Unjoni Ewropea mil-lum għal għada u l-istqarrijiet li kienu jsiru li l-ekonomija tagħna kienet lesta għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Madanakollu l-aċċettazzjoni tagħna bħala membri sħaħ qatt ma seħħet proprju minħabba l-fatt li l-ekonomija tagħna ma kenitx ippreparata għal dan il-pass. X'għamel il-Gvern Laburista f'dawn l-aħħar sena u nofs?
Kif tela' fil-gvern il-Partit Laburista mill-ewwel għaraf l-importanza tas-settur ekonomiku u fil-fatt l-esportazzjoni żdiedet bħalma żdiedu n-numru ta' turisti li jżuru xtutna. Fil-fatt fil-perjodu ta' bejn Jannar u Marzu ta' din is-sena l-esportazzjoni domestika żdiedet b’madwar Lm13-il miljun li hija ekwivalenti għal iktar minn 13% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. L-esportazzjoni totali lejn l-Unjoni Ewropea żdiedet ukoll bi 13% fil-bidu ta' din is-sena, filwaqt li kien hemm żieda ta' 7% f'dik li hija esportazzjoni lejn l-Amerika u żieda ta’ 21% fl-esportazzjoni lejn l-Asja. Jekk effettivament se nkomplu norbtu din ir-riżoluzzjoni ma' vot ta' fiduċja fil-Gvern Laburista, irridu ngħidu li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb. Fil-fatt fid-19-il xahar li ilna fil-gvern tajna priorita' lis-settur tat-turiżmu u rnexxilna nwaqqfu t-triq tan-niżla li kien qabad dan is-settur fl-aħħar sena ta' tmexxija Nazzjonalista fejn minn tnaqqis ta' 6%, aħna mhux talli ma ħallejniehx at a loss talli effettivament it-turiżmu żidnieh b'5.4%. Apparti minn dan, il-cruise liners li jżuru pajjiżna żdiedu b’madwar 80% u huwa stmat li din is-sena għandhom jidħlu madwar 200 vapur tal-passiġġieri fi xtutna.
Madam Speaker, effettivament aħna għandna nħarsu lejn dan il-proġett tal-Kottonera fit-totalita' tiegħu mhux biss biex insebbħu u nġibu 'l quddiem il-Kottonera imma anke biex inżidu l-kummerċ fuq dawn iż-żewġ mollijiet li jħarsu lejn xulxin. Jekk jirnexxilna niżviluppawhom kontemporanjament inkunu qegħdin iktar milli nirdoppjaw il-potenzjalitajiet ta' dawn iż-żewġ proġetti flimkien. L-importanza li dejjem ta dan il-Gvern lis-settur privat hija waħda notevoli u kien propju għal dan il-għan li anke f'dan il-proġett ħsibna sabiex indaħħlu mhux biss investiment privat lokali, imma investiment barrani mill-Istati Uniti għal dan il-proġett. Fil-fatt din hija l-ewwel darba f'dawn l-aħħar 30 sena fejn investiment Amerikan qed jersaq lejn pajjiżna u din hija prova tal-fiduċja ġdida li l-Amerikani għandhom fit-tmexxija ġdida Laburista. Iż-żjara ta' l-ex-Ambaxxatur Paolino, apparti dan il-proġett, kienet tikkonċerna wkoll aktar investimenti Amerikani. Dan l-aħħar deher artiklu f'ġurnal prominenti Amerikan “The Washington Times” li fost oħrajn faħħar l-isforzi li qed isiru sabiex pajjiżna jitmexxa fuq linji aktar aġġornati. Il-provi tal-progress taħt dan il-Gvern, Madam Speaker, jispikkaw bla dubju ta' xejn anke meta tanalizza d-deċiżjonijiet li qegħdin jieħdu l-industrijalisti privati.
L-industrija privata qed terġa' tieħu spinta kbira 'l quddiem bis-saħħa tal-mergers ta' kumpanniji kbar. Il-fatt li kumpanniji bħal Farsons u Marsovin se jingħaqdu flimkien juri li l-progress ekonomiku żgur qed iseħħ. Ftit wara li ħarġet din l-aħbar, smajna wkoll li se ssir amalgamazzjoni bejn id-ditta ta' l-assigurazzjoni ta' Gasan u dik ta' Galdes & Mamo. Din hija prova ċara ta' ekonomija b'saħħitha għaliex dawn il-mergers isiru minħabba l-antiċipazzjoni ta' aktar profitti u huma sinjal qawwi li l-pajjiż ikun qiegħed javvanza 'l quddiem ekonomikament. Barra minn hekk jgħinu biex l-ekonomija tagħna tissaħħaħ b'tali mod li tkun tista' tħabbatha ma' ekonomiji tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea għaliex id-daqs medju ta' kumpanniji Maltin huwa żgħir wisq biex ikun jista' jikkompeti fix-xena internazzjonali. Meta jasal iż-żmien li Malta tkun verament lesta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, kumpanniji Maltin ikunu jridu jiffaċċjaw kompetizzjoni iktar ħarxa fis-swieq internazzjonali. Dawn il-mergers iżidu l-attivita' fl-istock exchange ta’ pajjiżna u jista' jkun hemm il-possibbilta' li jiġu murija fl-istock exchanges barra minn Malta. Fil-fatt dawn l-avvenimenti jħajru aktar kumpanniji biex jagħmlu l-istess ħaġa u b'hekk l-industrija Maltija ssir aktar kompetittiva.
Pero’ dan ma jfissirx li kollox huwa ward u żahar għaliex hemm id-drittijiet tal-ħaddiema li aħna bħala Partit tal-Ħaddiema rridu nibqgħu nħarsuhom u ħafna mergers iridu jkunu mħarsa direttament mill-Gvern. Fl-interess tal-kompetizzjoni ħielsa l-Gvern irid jassigura li ħadd ma jibni monopolju u jikkontrolla xi settur partikolari ta' l-ekonomija Maltija.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, irrid niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li barra li d-diskussjoni hija waħda irrelevanti għal dak li għandna quddiemna, hawn ukoll nuqqas ta’ quorum fil-Kamra.

MADAM SPEAKER: Hawn talba għal quorum u għalhekk is-Seduta hija sospiża għal ħames minuti.
Is-Seduta ġiet sospiża fis-6.55 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Chircop jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. KARL CHIRCOP: Madam Speaker, kif jgħidu t-Taljani la verita' offende u jien kont qed nipprova nuri għalfejn in-Nazzjonalisti ħarġu kontra dan il-proġett għaliex filwaqt li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb, aħna konna se nintroduċu dan il-proġett biex inkomplu ntejbu l-qagħda ekonomika tal-pajjiż. Fil-fatt dan iwassalna biex nikkonfermaw li s-saħħa attwali ta' l-ekonomija Maltija hija xhieda tal-kunfidenza li jgawdi dan il-Gvern mas-soċjeta' tal-kummerċjanti. U hawnhekk nista’ nsemmi, per eżempju, is-suċċess tal-ħruġ ta' l-ishma tal-Maltacom kemm hawn Malta u kif ukoll barra minn Malta u din hija prova oħra ta' fiduċja assoluta fil-Gvern Malti. Effettivament l-interess qawwi fl-ishma tal-Maltacom juri kemm l-iskuża għall-kriżi politika hija waħda superfiċjali għaliex kemm iċ-ċittadini Maltin u kif ukoll in-nies barra minn Malta huwa fiduċjużi li l-Gvern se jissaħħaħ wara din il-kriżi. L-akbar prova ta' dan hija proprju t-tkabbir ekonomiku għal din is-sena, Madam Speaker, li effettivament qabeż ir-rata ta' 11% tal-gross domestic product. Fil-fatt din ir-rata hija aqwa mill-ogħla rata li qatt kien hawn taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Jekk din m'hijiex kunfidenza fil-gvern, allura x'suppost nagħmlu biex niksbu l-kunfidenza? Il-credit ratings l-aktar riċenti li taw l-iStandard and Poor lil Malta effettivament baqgħu l-istess u fil-fatt ir-ratings qegħdin A+ għal dawk li huma flus barranin filwaqt li huwa AA+ għal dawk li huma flus lokali. Kien hemm ukoll kumpannija oħra li tispeċjalizza f'dan il-qasam tar-ratings, il-FITCH IBCA Ltd li tat rating tajjeb lill-ekonomija Maltija. F'Malta l-politika għandha sehem kbir fil-proċess ekonomiku. Sfortunatament dan ma jistax jingħad għall-Istati Uniti fejn jiftaħru li jisimgħu bil-gvernijiet tal-ġurnata meta jitwieldu u jmutu biss.
Irrid ngħid ukoll li l-polz mgħaġġel fis-setturi turistiku jinħass b’mod ċar u issa wasal iż-żmien tant mistenni wara li l-Gvern Laburista għamel dak kollu li seta' biex jikkoreġi l-iżbalji tan-Nazzjonalisti u jimla l-ħofor li ħallew warajhom. Wara kollox jekk il-proġett tal-Kottonera ma jimxix 'il quddiem inkunu qegħdin nagħtu vantaġġ kbir lill-kompetituri tagħna barranin 'l hinn minn xtutna u mhux lill-Oppożizzjoni jew lil min qed ifixkel. Irridu nkunu konxji mill-fatt li fil-Mediterran il-ħin kollu jsir titjib fil-faċilitajiet tal-vapuri tat-turisti u tal-yachts lussużi. Per eżempju, f'Port Vell f'Barcelona għadu kif ġie inawgurat proġett ġdid li jikkonsisti f'moll u anke marina ultra moderna li tinkludi fiha ukoll maxi cinema u l-akbar aquarium li hawn preżentement fl-Ewropa. Għalhekk jien nistaqsi: Aħna għandna nibqgħu spettaturi ta' dan il-proċess kollu li qed iseħħ madwarna u ma nimxux 'il quddiem? Issa ħalli niġi proprju għall-kwestjoni li għandna quddiemna sabiex tan-naħa l-oħra ma joqogħdux jaħsbu li qiegħed indur mal-lewża jew li rrid naħli ż-żmien.
Kif diġa' għidt, dan il-Gvern qed iqis il-proġett tal-Kottonera bħala l-ewwel fost sensiela ta' proġetti li jridu jseħħu f'dan il-pajjiż u se jseħħu dment li l-Partit Laburista jibqa’ jmexxi dan il-pajjiż. Dawn il-proġetti mhux biss se jsebbħu n-Nofsinhar ta' Malta u d-dawra tal-Port il-Kbir, imma se jservu wkoll sabiex l-ekonomija Maltija tkompli miexja 'l quddiem fuq linja aktar moderni, cioe’ fuq il-bażi li l-ekonomija tagħna tagħti wiesgħa biżżejjed għal investiment privat, kemm lokali kif ukoll barrani, basta jkun hemm il-buona volonta' li l-affarijiet isiru sewwa fl-interess ta' pajjiżna. Aħna ma rridux ngħinu kumpanniji fantażmi li jipprovaw jużaw lil pajjiżna sempliċement biex forsi jirriċiklaw xi flus jew għal xi skop ieħor, bħalma kienet il-kumpannija ta' l-AMS.
Meta niġu biex nitkellmu fuq il-Kottonera minn fuq dawn is-siġġijiet ma rridux inħarsu biss lejn il-vantaġġ politiku li nistgħu nieħdu għaliex f'dawn l-inħawi jgħixu nies dħulin li trid tagħmilha magħhom ta' kuljum u mhux biss xi erbat ijiem qabel l-elezzjoni. U hawnhekk ma nistax ma nwiddibx lin-Nazzjonalisti stess li jgħixu f'dawn l-inħawi li taw il-vot tagħhom lil dawk il-politikanti li ġew iħabbtu l-bibien tagħhom fl-aħħar ftit minuti qabel l-elezzjoni u xtrawhom b'ħafna affarijiet artifiċjali bħalma huma l-istreet parties u rigali oħra li tqassmu waqt dawn l-istreet parties. Lil dawn in-nies nistaqsihom: Għaliex ma vvotajtux lil dawk id-deputati li proprju jistgħu jħossu l-polz tagħkom, bħas-Sur Manwel Borda li verament jaf xi tħossu? Aħna d-deputati li nagħmluha man-nies tal-Kottonera nafu x'inhuma x-xewqat u l-aspirazzjonijiet ta' dawn in-nies, u nafu wkoll il-problemi soċjali tagħhom, Madam Speaker.
Waħda mill-problemi kbar li jeżistu fil-Kottonera u li ħadd ma jista' jinjora hija l-problema tal-housing. Din il-problema ilha ġejja għexieren ta' snin, tant li kienet waħda mill-kawżi li ħafna nies telqu minn dawn l-inħawi għaliex ma setgħux ikomplu joqogħdu f'postijiet li m'humiex daqstant aċċessibbli minħabba raġunijiet ta' saħħa u ma setgħux ilaħħqu ma' l-ispejjeż tal-manutenzjoni ta' dawn il-postijiet li spiss ikunu antiki, umdużi u anke fi stat delapidat. Dan wassal ukoll biex illum il-ġurnata fil-Kottonera għandna wieħed mill-ogħla rati ta' postijiet battala fil-pajjiż, anke jekk fil-maġġor parti tagħhom dawn il-postijiet huma ta’ sidien privati. Wieħed irid jirrealizza li jekk dan il-proġett jieħu spinta 'l quddiem il-prezz ta' din il-proprjeta' se jogħla b'ammont konsiderevoli u allura din għandha tkun waħda mir-raġunijiet għaliex għandna napprovaw dan il-proġett. Barra minn hekk, l-istandard of living tan-nies tal-Kottonera se jogħla għaliex proprju l-area kollha kemm hi se timxi 'l quddiem u tibbenefika minn dan il-proġett. Għalhekk jien ngħid li dan żgur għandu jkun argument favur li jseħħ il-proġett, Madam Speaker. Is-saħħa ta’ dawn in-nies sofriet ukoll matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin minħabba n-No. 1 Dock minħabba d-dħaħen tas-sandblasting u ż-żjut li jiskulaw mill-bastimenti fl-ibħra tal-madwar bir-riżultat li ħafna nies li joqogħdu f'dawn l-inħawi jbatu minn ħafna mard tas-sider, allerġiji u asthma.
Irrid nitkellem ukoll fuq il-livell ta' l-edukazzjoni ta' dawk it-tfal u żgħażagħ illi joqogħdu fil-Kottonera, Madam Speaker. Kulħadd jaf illi l-Kottonera għandha l-iżgħar ammont ta' studenti li jidħlu u jiggradwaw mill-Universita'. Barra minn hekk, f'dawn l-inħawi għandna livell qawwi ħafna ta' illitteriżmu. Jien nistaqsi lid-deputati u lill-kandidati kollha li jikkontestaw fuq dan id-distrett, huma ta’ liema kulur politiku huma, kemm iżuruhom żgħażagħ ta' kuljum illi jkunu qegħdin ifittxu xi forma ta' impjieg u li lanqas ikollhom kwalifika waħda biss fuqxiex jaħilfu. Allura kif qatt nistgħu naspiraw li xi darba dawn in-nies se jimxu 'l quddiem? Kif jgħid il-qawl Malti “Ma’ min rajtek xebbahtek” u fil-fatt dak li qed jiġri fil-Kottonera għaliex iż-żgħażagħ illi qed jitrabbew fil-Kottonera m'għandhomx motivazzjoni sabiex jimxu 'l quddiem u ma jingħatawx l-eżempju sa minn meta jkunu għadhom żgħar sabiex jagħmlu l-kuraġġ ħalli jkomplu jistudjaw. Nista’ ngħid li l-iskemi tal-pupil/student workers illi kienu twaqqfu taħt amministrazzjoni Laburisti passati ma kenux daqshekk ta' għajnuna daqskemm forsi kien mixtieq għaliex dawn l-iskemi kienu effettivi għal min diġa' kien qiegħed fil-lower middle class, mentri min kien fil-klassijiet il-baxxi tas-soċjeta' ma tantx seta' jibbenifika minnhom għas-sempliċi raġuni li s-social framework tal-lokal xorta waħda ma ġietx mogħtija dik l-imbuttatura ħalli jkun hemm inizjattiva privata sabiex il-ġenituri l-ewwel jimmotivaw lilhom infushom imbagħad jimmotivaw lil uliedhom. Waqt li nkun qiegħed fuq xogħli fil-Birgu kuljum niltaqa' mal-problema taċ-ċertifikati ta’ l-assenteiżmu mill-iskejjel u niskanta meta nara lil dawn l-istudenti akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom stess. Dan ifisser li minflok li l-ġenituri qed jagħtu eżempju tajjeb u jfiehmu lil uliedhom illi fl-iskola iridu jagħmlu daqsxejn sforz u sagrifiċċju għaliex jiswielhom għal quddiem, qed jiġri bil-maqlub u jitolbuk huma stess sabiex tiskuża lil uliedhom mill-iskola ħalli jkunu jistgħu jmorru jaħdmu baxx baxx. Fil-maġġor parti ta’ dawn il-każi, fil-familja ma jkunx hemm dik l-aspirazzjoni għolja għal dak illi jirrigwarda achievements akkademiċi.
Irrid nitkellem ukoll fuq il-problema tad-droga li tolqot lil dawn l-inħawi, għalkemm irrid nammetti li din hija problema li taffettwa kwalunkwe klassi tas-soċjeta' f’kull lokal f’Malta. Pero' min-naħa l-oħra kulħadd jaf illi inqas ma ż-żgħażagħ tagħna jkollhom motivazzjoni, iktar għandhom iċ-ċans illi jaqgħu fil-vizzju tad-droga minħabba li d-drogi jikkaġunaw illużjonijiet sbieħ f’moħħ dawn iż-żgħażagħ u allura d-droga sservi ta’ refuġju għal dawn iż-żgħażagħ illi jkunu diżappuntati għaliex ikunu għadhom ma akkwistaw xejn f’ħajjithom. Madam Speaker, ikun żball kbir jekk wieħed ma jeħux ħsieb il-livell primarju tal-prevenzjoni meta jkun qed jipprova jittekkilja din il-problema u dan jista’ jsir billi tingħata edukazzjoni mill-iskejjel tagħna. Jien nemmen illi l-problema ta' l-assentejiżmu mill-iskejjel u l-problema tad-drogi għandhom jiġu miġġielda flimkien. Naħseb illi dan il-proġett tant se jiġġenera investiment f'din l-area u tant se joħloq inizjattiva privata li awtomatikament dawn il-familji għandhom ikollhom futur aħjar. Wieħed ma jridx jinsa jsemmi l-1,000 impieg ġdid li se joħloq dan il-proġett u kulħadd jaf kemm hemm nies jirreġistraw għax-xogħol minn dawn l-inħawi li kollha kemm huma se jibbenifikaw minn dan il-proġett innifsu. Jien nistaqsi: X'qatt għamlu n-Nazzjonalisti fis-settur tas-saħħa fir-reġjun tal-Kottonera ħlief illi ħallew il-poliklinika ta' Bormla taqa' biċċiet u fi stat żdingat bil-ġrieden jiġru liberalment fis-sular t'isfel fejn kienet l-għassa l-antika? Aħna sibna d-dar ta’ l-anzjani f’Bormla fi stat prematur ħafna fost ħafna dejn li kien hemm mal-kuntratturi li kien għad baqgħalhom x’jitħallsu tax-xogħol illi kienu diġa' għamlu.
Madam Speaker, issa niġi għall-punt l-aktar kruċjali. Għaliex in-Nazzjonalisti ma jridu bl-ebda mod japprovaw dan il-proġett tant meħtieġ għal dan ir-reġjun u għall-pajjiż kollu kemm hu? Jien ma stajtx ħlief nidħak meta dan l-aħħar kont qed naqra ktieb illi jirrigwardja l-Birgu li jismu “Birgu - A Maltese Maritime City”, li kien ġie ippubblikat fl-1993. Ikolli nistqarr hawnhekk illi peress illi huwa ktieb estensiv ħafna ma kellix ċans naqrah kollu meta kont xtrajtu, pero' dan l-aħħar kont qiegħed inħares lejh u laqatni ħafna l-epilogu ta' dan il-ktieb. Dan il-kapitlu ma nkitibx minn xi ħadd f'din il-Kamra imma min kitbu żgur illi kellu sehem importanti fit-tfassil ta' strateġija li farrket ix-xogħol siewi li kien wettaq il-Partit Laburista fis-snin sebgħin u tmenin, speċjalment mill-Perit Mintoff innifsu. Dan il-bniedem bil-filosofija tiegħu kien kapaċi jagħraf x'kienu d-djufijiet tal-partit fil-gvern ta' dak iż-żmien, il-bniedem illi kien strumentali biex jitfasslu l-famużi 20 punt. Għalkemm l-istorja turina li ħafna minn dawn l-20 punt ġew imwettqa, kien hemm oħrajn illi ġewx imwettqa mill-Partit Nazzjonalista immexxi mill-Onor. Fenech Adami, b'mentalita' ta' konfrontazzjoni politika. Issa nafu li effettivament din il-mentalita' għadha teżisti sal-ġurnata tal-lum għax nafu dak illi seħħ fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista l-ġimgħa l-oħra meta l-Onor. Fenech Adami u xi wħud minn sħabu pproponew illi jibbojkotjaw lill-Parlament.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, il-punt illi għadu kif semma l-Onor. Chircop diġa' ġie miċħud bl-iktar mod assolut u hija assolutament invenzjoni ta' min qalha jew kitibha. Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fl-ebda mument ma ddiskuta jew inkella kkonsidra li jibbojkottja lill-Parlament u nistieden lill-Onor. Chircop biex jissostanzja dak illi għadu kif qal jew inkella jirtiraha.
ONOR. KARL CHIRCOP: Jien kont qed nirreferi għal dak li ntqal fil-gazzetta.
THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli Chircop, irridu nkunu korretti ma’ dak illi nkunu qegħdin ngħidu.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, jew jissostanzja din il-gidba li għadu kif qal jew inkella jirtiraha.
THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli Chircop irridu nkunu korretti ma’ dak illi jingħad hawn ġew. (Interruzzjonijiet) L-Onor. George Vella, on a point of order.
ONOR. GEORGE VELLA: Point of order, Sur President. Ma nħossx illi hemm xi raġuni għaliex l-Onor. Ċensu Galea ma jistax jippermetti li l-Onor. Chircop jagħti l-interpretazzjoni tiegħu ta' l-aħbarijiet u dak illi jintqal fil-gazzetti. L-Onor. Chircop għandu dritt jagħti l-interpretazzjoni tiegħu bħalma n-naħa l-oħra għandha dritt tkompli tirrepeti affarijiet illi aħna ċħadnihom miljun darba u huma jibqgħu jgħiduhom.
THE DEPUTY SPEAKER: Għandi nifhem li l-Onor. Chircop qed jikkwota mill-gazzetta u l-Onor. Ċensu Galea qiegħed jikkwota mill-istqarrija li saret min-naħa l-oħra. Jiena naħseb li din il-kwestjoni għandha tingħalaq hawnhekk. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Ċensu Galea, on a point of order.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, ma jistax ikun illi l-Parlament jiġi wżat biex jipperpetwa l-gideb. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Ikompli l-Onor. Karl Chircop.
ONOR. KARL CHIRCOP: Jien diġa’ aċċennajt li kont qed nirriferi għal dak li ntqal fil-gazzetti. Inkompli ngħid li l-bniedem li kiteb l-epilogu tal-ktieb “Birgu - A Maltese Maritime City” huwa l-ex-Rettur ta’ l-Universita', ir-Rev. Peter Serracino Inglott, fejn fih qed jispjega kif il-Birgu huwa l-ikbar xhieda f'pajjiżna tat-transizzjoni li seħħet minn żmien il-medjuevu għal żmien ir-rinaxximent. Fil-fatt qiegħed jargumenta favur il-potenzjal illi għandu dan il-post, jekk dejjem jiġi żviluppat bil-għaqal, u qed jgħid - u se jkolli nikkwota bl-Ingliż - li:
''To me it seems clear that the most luminous future for Birgu lies in the revitalisation of its glorious but sadly decayed waterfront. It is necessary that the waterfront be enlivened with sidewalks, cafes, shops, restaurants and hotels. The kind of use that is being envisaged for this particular area is such that its financing cannot be a matter of just government investment.''.
Meta wieħed jifli dan l-artiklu illi għadni kif ikkwotajt jinduna li dan il-bniedem, li fil-passat tgħidx kemm ħadem minn taħt biex jipprova jfarrak lill-Partit Laburista, illum il-ġurnata jaqbel perfettament mal-policies il-ġodda tal-Partit Laburista u dan juri illi n-nies illi ssapportjaw lill-Partit Nazzjonalista fil-passat m’humiex qed jaqblu mal-policies ta’ l-Oppożizzjoni. Dan juri wkoll illi l-Partit Nazzjonalista jinsab miexi bla direzzjoni u b'ħafna diżgwid intern li llum il-ġurnata ħareġ anke fil-beraħ. Jiddispjaċini għal dawk il-votanti li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvotaw għall-Partit Nazzjonalista, partit antikwat b'menalita' ta' konfrontazzjoni li għadu qed jaħdem fuq linji ta' politika ta' madwar 20 sena ilu. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Alex Sceberras Trigona.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Sur President, ma kontx beħsiebni nitkellem fuq din ir-riżoluzzjoni għaliex, bir-rispett kollu lejn sħabi kollha ta’ din il-Kamra, l-ewwelnett kont nistenna li din il-Kamra tirrealizza li ħafna mill-business illi ġie mblokkat matul dan l-aħħar xahar seta' jitkompla minn din il-Kamra minflok ma komplejna nkarkru b'ċertu ammont ta' speeches parlamentari. Qed ngħid dan għaliex qegħdin joħorġu ċerti fatturi ġodda minn żmien għal żmien fuq dan il-proġett illi jeħtieġu iktar spjegazzjoni. Jien ma nistax nara kif nistgħu naslu għall-vot mingħajr ma l-Kamra tkun sodisfatta mill-ispjegazzjonijiet meħtieġa għall-mistoqsijiet imqajma ġewwa din il-Kamra u barra minn din il-Kamra. Irrid nibda billi nsemmi l-kwestjoni ta' l-employment.
Meta wieħed jisma’ li se jiġu impjegati 1,000 ruħ f'dan il-proġett b'garanzija ta' 500 impjieg għan-nies tal-Kottonera, dak li jkun iqawwi qalbu li se jkun proġett tajjeb li ta' min jappoġġjah. Jien ngħid j'Alla l-proġett jimpjega 1,000 ruħ u 500 minnhom ikunu min-naħa tal-Kottonera, fejn għandna l-ogħla rata ta’ qgħad hawn Malta. Pero’ jiddispjaċini ngħid li meta flejt il-kuntratt illi għandna quddiemna ma sibt l-ebda garanzija li l-consortium se jimpjega 1,00 ruħ, b’500 minnhom mill-Kottonera. Allura dan il-kliem kollu fuq l-employment wieħed bilfors irid jieħdu with a pinch of salt u jgħid li bilfors ġej minn xi sorsi oħra ibbażati fuq xi studji illi għadhom lanqas waslu quddiem il-Grupp Parlamentari Laburista u wisq inqas ma waslu quddiem din il-Kamra u mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra. Issa jekk hawn fattur ewlieni li l-Partit Laburista huwa msemmi għalih meta jagħmel proġetti huwa l-labour content ta' dawn il-proġetti. Pero’ jiddispjaċini ngħid li s’issa l-labour content ta' dan il-proġett issemma biss mill-media fejn qalu li se jiġu ġenerati 1,000 impjieg, b'500 minnhom għan-nies tal-Kottonera.
S’issa hawn ġew domna xahar niddiskutu dan il-proġett skond l-ewwel riżoluzzjoni li tressqet u li ġiet negatived fit-8 ta' Ġunju, qed niddiskutu it-tieni riżoluzzjoni fuq kuntratt illi matul ix-xahar ġie emendat bi tmien emendi sostanzjali u imkien ma għandna xi kontenut dwar l-impjiegi. Anzi jiena nixtieq insemmi illi fl-ewwel kuntratt tas-26 ta' Mejju, 1998 insibu klawsola interessanti ħafna - kieku Malta kienet xi pajjiż lussuż skandivanu, b'xi GNP per capita ta' madwar Lm30,000 kont napprezza li tiddaħħal kondizzjoni bħal dik fi klawsola 11- illi tkellem fuq 0.5% ta’ l-ispiża li se ssir biex tikkummissjona opri ta' l-arti. Mingħajr ma nnaqqas bl-ebda mod mill-importanza ta' l-opri ta' l-arti kont naħseb illi l-kriterji ta' l-impjiegi jiġu qabel l-ammont ta' l-ispiża li għandu jiġi attribwit għall-opri ta' l-arti. Niftakar meta konna rrestawrajna l-Palazz ta' Spinola, konna għamilnieh apposta biex jiġu esibiti pitturi u skulturi kontemporanji li saru mill-1800 sal-lum. Kienet ħasra illi l-Gvern Nazzjonalista għalaq dak il-Mużew ta' Arti Kontemporanja u għamlu uffiċini għax il-ħsieb ewlieni kien illi l-Palazz ta' Spinola mhux biss iservi bħala ċentru għall-esibizzjonijiet ta' l-opri ta' l-arti imma anke bħala suq għall-artisti kontemporanji minn fejn ikunu jistgħu jbigħu l-prodotti tagħhom f’dan iċ-ċentru turistiku. Din il-klawsola 11 - issa ġiet rinumerata fit-test il-ġdid tal-kuntratt - tgħid illi dawn l-opri ta' l-arti għandhom jitqiegħdu permanentement b'wirja fis-sit illi se jiġi żviluppat u jingħataw 0.5% tal-flus biex jitħallsu dawn l-opri ta' l-arti. Pero’ jien nistaqsi: Fejn hi l-klawsola li titkellem dwar kemm se jiġu mpjegati nies f'dan il-proġett? Jien ma nafx jekk hemmx xi side letter, imma nistqarr illi fl-ebda laqgħa tal-grupp parlamentari jew kemm ilna niddiskutu din ir-riżoluzzjoni ma rajna għall-inqas xi sketch dwar xi minimun amount of employment.
Hawnhekk irrid insemmi l-Marina ta' l-Imsida u ta’ Ta' Xbiex fejn hemm nies impjegati direttament bil-paga u min qiegħed impjegat indirettament għaliex hemm min ix-xogħol tiegħu qed ikun iktar imtejjeb minħabba li hemm din il-marina u per eżempju, fejn qabel kien idaħħal Lm4000 fis-sena, issa minħabba li hemm il-marina qed idaħħal Lm6000 fis-sena. Imma fejn huma l-istudji li saru fuq l-ammont ta’ impjiegi li jista’ jiġġenera dan il-proġett? Jiddispjaċini qed inqajjem dan il-punt essenzjali wara xahar u jumejn ta’ diskussjoni, imma naħseb li huwa importanti li qabel nagħlqu din id-diskussjoni naraw preċiżament x'hemm garantit bħala minimum employment f'dan il-proġett. Meta wieħed jara l-ammont ta’ impjiegi diretti involuti fil-Marina ta’ l-Imsida u ta’ Ta’ Xbiex isib li m’hemmx iktar minn 12-il impjieg dirett u forsi hemm xi 12 oħra indirettament. Issa din l-informazzjoni ma ġibthiex minn xi studju, imma wieħed jistaqsi biex jara kemm hemm potenzjal ta' impjiegi. Ovvjament I stand to be corrected jekk qed isir studju iktar kompetenti u awtorevoli dwar l-ammont ta' impjiegi li se jiġu ġenerati min-naħa tal-marina. Jekk wieħed jitkellem dwar il-moll illi se jkollu open air cafeteria u open air restaurant inkunu qegħdin nitkellmu fuq madwar 30 impjieg ta' part-time waiters, part-time waitresses u part-time cooks. Barra minn hekk, skond il-pjanti li ġew esibiti fuq it-television se jkun hemm madwar 30 ħanut li ma jkollhomx iktar minn żewġ salesgirls jew salesmen f’kull ħanut. Imbagħad il-bank li se jiftaħ forsi jimpjega sitta min-nies oħra, il-klinika li se jkun hemm timpjega xi sitt persuni oħra u se jkun hemm il-badminton and squash pitch li ma tridx iktar minn erba’ min-nies biex jieħdu ħsiebu, għaliex dawn il-courts ikunu managed qishom club house u dak li jkun jieħu ċ-ċavetta tal-pitch u wara li jilgħab xi logħba badminton jew squash jerġa’ jħalli ċ-ċavetta fis-central reception area. Dan ifisser li jistgħu jiġu impjegati 24 ruħ għall-marina, madwar 30 persuna għall-open air restaurant u open air cafeteria u madwar 50 persuna oħra biex jaħdmu fil-ħwienet, bank, klinika u l-badminton and squash pitch. Issa jien qed nitkellem skond il-pjanti li rajna barra minn din il-Kamra, pero’ tajjeb li wieħed jinnota li n-numru ta’ impjiegi m’humiex garantiti fil-kuntratt.
Irrid nissottolinea wkoll illi l-prassi min-naħa tal-MDC hija li tagħti importanza kbira lill-aspett ta’ l-employment meta wieħed ikun ġej minn barra minn Malta biex jiftaħ xi intrapriża kummerċjali, industrijali jew turistika. Jien kont nippretendi ukoll li għall-Malta Labour Party il-kriterju tal-labour content huwa kriterju intimu u kont nistenna li min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti bħalma huma l-MDC, il-Malta Maritime Authority u l-NTOM jgħidulna x’inhu n-numru ta’ impjiegi li se jinvolvi s-settur tagħhom f’dan il-proġett mingħajr ma wieħed jesaġera għar-reklam. Irrid nkunu ċerti li fi żmien 24 xahar minn meta joħorġu l-permessi tal-Planning Authority u jiġi kompletat il-proġett, il-kumpannija timpjega lil dawn in-nies għallinqas gradatament sakemm tasal għal ċertu minimum ta’ impjiegi illi jkunu garantiti għall-Maltin kollha, kemm għan-nies tal-Kottonera u kif ukoll għal dawk li joqogħdu barra mill-Kottonera. Il-fatt li qed jingħad li mill-1,000 job li se jkun hemm, 500 minnhom se jkunu garantiti għan-nies tal-Kottonera qajjem xi ftit ta’ kontroversja għaliex min joqgħod barra mill-Kottonera qed jgħid li għandhom jiġu kkonsidrati daqs in-nies tal-Kottonera għal dawn l-impjiegi u n-nies tal-Kottonera qed jgħidu li jekk se jkun hemm possibilita’ ta’ 600 impjieg, dawn għandhom jingħataw lin-nies tal-Kottonera. Jiġifieri l-wording ta' dan ir-reklam ma kienx feliċi ħafna. Jien naħseb li l-aħjar approach kellu jkun illi wieħed jgħid x'hemm minimum garantit bħala impjiegi mill-kumpannija għas-setturi differenti involuti fil-proġett. Per eżempju, fi żmien sena u nofs minn wara li jkollhom il-permessi kollha u jiġi kompletat il-proġett, se jkun hemm minimum employment ta' 60 ruħ, imbagħad sena wara jiġu impjegati 60 ruħ oħra u għallinqas ikunu diġa’ ġew garantiti 120 job. B’dan il-mod il-Parlament Malti jkun sodisfatt li dan il-proġett qiegħed fil-fatt irendi jobs li tant hawn bżonnhom ġewwa pajjiżna.
Naħseb li l-MDC trid tara li dan il-fattur tal-labour li għandu impatt soċjali fuq kull proġett li jsir ikun eżegwit b'ċertu viġilanza u l-garanzija ta’ impjiegi ma tingħatax bil-fomm biss, fejn, per eżempju, il-kumpannija tgħid li tiggarantixxi 120 impjieg fi żmien sentejn minn meta jiġi kompletat il-proġett, jiġifieri fi żmien erba' snin mil-lum jew inkella erba' snin plus iż-żmien li tieħu l-Planning Authority biex tgħaddi l-permessi, għaliex kif inhu mfassal il-kuntratt, il-Planning Authority għandha ż-żmien tagħha biex teżamina l-permessi u mbagħad hemm żmien sentejn biex jiġi kompletat il-proġett. Pero’ ħadd ma jista’ jippretendi li l-għada li jiġi kkompletat il-proġett il-kumpannija timpjega f'daqqa waħda lin-nies kollha fil-post għaliex jekk nesiġu dan it-tip ta’ kondizzjonament fuq il-kumpannija nkunu qed nesaġeraw. Wieħed għandu jesiġi li fi żmien sitt xhur minn meta jkun kompletat il-proġett, il-kumpannija tiggarantixxi nofs il-minimum ta’ l-impjiegi u mbagħad gradatament jiġu impjegati aktar nies. Għallinqas il-pajjiż ikun jaf li għal din l-għotja ta' art għal dan l-ammont ta' żmien se jiġu garantiti 120 job fi żmien sena jew sentejn minn meta jkun kompletat il-proġett li jista' jfisser erba' snin u nofs mil-lum jew inkella minn meta jittieħed il-vot f'din il-Kamra.
Naħseb li jkun tajjeb li nikkonsidraw ukoll l-aspett ta' labour content f'dan il-proġett għal dak li jirrigwarda l-parti tal-moll li trid tiġi distinta mill-parti tad-99 sena ċens tal-bini u distinta mill-operazzjoni ta' l-irmiġġijiet għall-yachts fil-baħar. Il-parti tal-moll m’għadux iktar qiegħed jiġi mpost bħala ċens, imma qed jiġi nkwadrat bħala titolu, lanqas titolu ta' użu kif ironikament għadhom igħidu sal-lum l-Oppożizzjoni. Fil-Kodiċi Ċivili tagħna t-titolu ta' użu għandu r-regoli tiegħu u korrettement id-drafters tal-kuntratt ma waqgħux għad-dritt ta' użu meta abbandunaw il-konċessjoni enfitewtika bħala titolu riferibbli fil-Kodiċi Ċivili tagħna, imma qed jintuża l-istil ta’ l-operating agreement li lanqas m'huwa fil-Kodiċi Ċivili tagħna. Din il-kondizzjoni ta’ operating agreement nużawha ħafna fil-kuntratti għal kirijiet ta' restaurants u clubs li jiffaċilita l-konċessjoni minn sidien lill-operatur ħalli ma jiġix inkwilin u tibda tapplika l-Liġi tal-Kera. Meta jkun hemm operating agreement wieħed jagħmel inventarju ta' l-affarijiet li se jopera b'ċertu destinazzjoni, b'ċertu purpose u b'ċertu oġġettiv. Pero’ jiddispjaċini ngħid li l-iktar klawsola relevanti għadha tgħid li:
The consortium shall have the exclusive right to operate for the benefit of the consortium the quays as described, including the right to place chairs and tables, ...”.
Dan ifisser li l-mollijiet kif deskritti hawn li jinkludu madwar 5,000 metru kwadru fuq in-naħa tal-Birgu u madwar 6,000 metru kwadru fuq in-naħa ta' Bormla li b’kollox jiġu kważi 12,000 metru kwadru qegħdin jiġu konċessi - u hawnhekk m'aħniex qegħdin nitkellmu fuq xi ħmerija żgħira skond id-draft għaliex dan għadu m’huwiex finali u jekk hemm bżonn jista' jerġa' jiġi emendat - lill-consortium biex joperahom. Il-moll la qiegħed jingħata b’ċens li għandu poteri kbar u lanqas b’titolu ta’ użu li għandu restrizzjonijiet kbar imma qiegħed jingħata biex jiġi operat mill-consortium għall-benefiċċju tiegħu. Pero’ lanqas hemm il-kwalifika li dan għandu joperah għal finijiet turistiċi biss u li jistgħu jkunu determinati, minn żmien għal żmien, mill-ministru tat-turiżmu u lanqas li għandu jiġi utilizzat għal finijiet ta' divertiment biss skond kif jiġu determinati mill-ministru tal-kultura nazzjonali. Naħseb li huwa important li l-Gvern jiddetermina x’inhu l-purpose u l-objective u mhux il-consortium jgħid li se jopera for its benefit għaliex din tista’ tfisser li meta jrid jagħmel attivitajiet differenti li hu jikkonsidrahom li se jkunu for its benefit. Jiena naħseb li din il-parti trid tiġi rikonsidrata għaliex ħafna drabi t-trick ikun fil-phrasing legali.
Imbagħad il-klawsola li tkompli tgħid: “... including the right to place tables and chairs” u including the right li jagħmel il-kiosks tiegħu, li tfisser li l-Gvern ma jistax jagħti dritt lil terzi persuni biex jagħmlu kiosks oħra jiġi kollu wara. Jien naħseb li l-ewwel parti tal-klawsola li tgħid “to operate and develop the quays to its own benefit” trid tiġi kkwalifikata bid-destinazzjoni ulterjuri ta' x'se jkun dan il-benefit u f’liema oqsma, jekk hux fl-oqsma turistiċi, fl-oqsma kulturali jew fl-oqsma tad-divertiment. Jien m’inix qiegħed ngħid li l-consortium m’għandux jagħmel qligħ għaliex ovvjament dawn ġejjin hawn biex jagħmlu l-qligħ, imma l-fini jrid jiġi dirett b'anoloġija ma' dak li jsir fis-settur privat u fis-settur ċivili. Jekk, per eżempju, wieħed jingħata premises biex joperah bħala restaurant, ma jistax joperah bħala a Chinese restaurant għaliex jista’ jkun konfliġġenti ma’ xi ħadd ieħor down the road li qed jopera a Chinese restaurant. Dawn il-konflitti ta’ interessi li jistgħu jqumu bejn il-ħwienet li se jinbnew u ċerti ħwienet fil-viċinat qegħdin nieħdu ħsiebhom qabel ma jitressqu quddiem il-Planning Authority biex imbagħad ma noqogħdux ngħidu li ċerti affarijiet ma jistgħux isiru? Irridu naraw liema setturi se jingħataw il-permess li jagħmlu ċerti attivitajiet li jkunu to the benefit ta' din il-kumpannija. Jien naħseb li huwa importanti ħafna li dan il-purpose jiġi kwalifikat, dment li m’huwiex qiegħed jingħata b'ċens għaliex ġeneralment meta qed tagħti b'ċens mhux se toqgħod tillimita l-użu, allavolja nsibu ħafna klawsoli fil-kuntratti taċ-ċnus li l-post mogħti b'ċens ma jistax jintuża għal finijiet immorali jew li jmorru kontra t-twemmin tar-reliġjoni kattolika. Pero’ din il-frażi m’hijiex qiegħda f’din il-klawsola u mhux sta għalija li nqajjem dawn l-affarijiet. Dan qed nużah biss biex nuri l-ġeneru tal-kwalifika tad-destinazzjoni ta' l-użu tal-mollijiet mill-consortium. Jien naħseb li jkun tajjeb li nirrevedu din il-parti biex il-finijiet biex jiġu operati u żviluppati dawn il-mollijiet ikunu ċari.
Sur President, it-tielet punt li xtaqt inqajjem illejla jikkonċerna l-pjanti ta’ dan il-proġett. F’dan il-Parlament fis-26 ta' Mejju li għadda - u jien personalment nista' nixhed quddiemkom kollha li kelli diffikultajiet kbar ma' l-iSkrivan tal-Kamra biex jagħtini dossier li fih kien hemm il-pjanti u l-kopja tal-kuntratt għaliex ma kellux kopji oħra - saret paper laid li lanqas kienet daqstant available għal kull Membru tal-Kamra billi l-pjanti ma stajtx taqbad u tiftaħhom fuq id-desk żgħir tagħna għaliex huma pjanti li jridu desk ta' sitt piedi biex tarahom u kien hemm erba' pjanti, lands drawings 91a, b, c u d. Jien domt biex nikkonvinċi lill-iSkrivan tal-Kamra biex jagħtini kopja u fl-aħħar tahieli meta kien kważi spiċċa d-dibattitu l-ġimgħa ta' wara. Pero’ l-pjanti li rnexxili nakkwista huma pjanti li juru biss l-outline tal-limitu tat-territorju li dak iż-żmien kien qed jingħata b’ċens u x'se jsir ġewwa minn dik id-delineation ma kien hemm xejn . L-area li se tingħata hija outlined in red fuq il-pjanta imma ġewwa m’hemmx spjegat għal liema finijiet se jintużaw. Kien biss il-bieraħt lura li fuq it-television rajt lill-Perit Mintoff jiftaħ il-pjanti u jgħid li fuq din il-pjanta hemm miktub li se jkun hemm klinika, se jkun hemm madwar 30 ħanut bl-imnut u se jkun hemm open-air cafeteria u open- air restaurant. Jien naħseb li huwa importanti li dawn il-pjanti jiġu ċċirkolati lill-Membri ta' din il-Kamra biex kulħadd jara b'responsabbilta' ta' Membru Parlamentari Malti x'qed jiġi eżaminat minn din il-Kamra għaliex dawn huma l-pjanti li l-consortium qiegħed jintrabat li jagħmel. Issa dawn il-pjanti m’humiex annessi mad-draft contract li għandna quddiemna u kif qal tajjeb Dr Edgar Mizzi, il-Kamra tal-Parlament hija sovrana f'dan il-pajjiż. Aħna qegħdin hawnhekk biex neżaminaw id-draft contract u dan m’huwiex il-kuntratt finali, lest, moqri u pubblikat. Aħna rridu nanalizzaw kull klawsola ta’ dan id-draft contract biex jekk hemm bżonn isir xi tibdil fl-interess tal-pajjiż, nagħtu s-suġġerimenti tagħna sabiex dan it-tibdil iseħħ. Issa jekk il-pjanti qegħdin fil-pussess ta' Membru Parlamentari wieħed fostna, il-Perit Mintoff, kif jistgħu l-Membri l-oħra hawn ġew jivvotaw favur jew kontra jew jastjenu jekk lanqas biss rawhom ħlief min rahom faintly fuq it-televiżjoni għaliex l-isketch kien faint ħafna fuq it-televiżjoni u jien personalment ma stajtx nifhem eżatt x'hemm u x'm'hemmx. Barra minn hekk, ma naħsibx li kulħadd rahom f'nofs il-lejl! Jien ngħid li tkun ħaġa tajba li qabel ma naslu għall-vot, dawn il-pjanti jiġu ċirkolati lill-Membri parlamentari ħalli kulħadd ikun jista' jeżamina l-konsegwenzi li joħorġu minn dak it-tqassim tal-pjanti. Inkella se naqgħu fl-assurdita’ li bħala Parlament inċedu tant drittijiet lill-awtoritajiet oħra, inkluża l-Planning Authority li tista’ tirrifjuta li toħroġ il-permessi għal ċerti ħwienet bil-konsegwenza li l-consortium jiġi lura għand il-Gvern u jgħidlu li minħabba l-problemi li qed iqumu, ma jistax imexxi b'dan il-proġett! Għalhekk huwa importanti li dawn l-affarijiet narawhom minn qabel.
Nixtieq nitkellem ukoll dwar il-financial feasibility ta’ dan il-proġett. Ħalli nibda mit-30 ħanut li se jkun hemm li jekk se jingħataw b’Lm10,000 kull wieħed fis-sena se jrendu Lm300,000. Issa jekk se jkun hemm tant boats li se jiġġeneraw Lm300,000 fis-sena, il-main brunt tal-piż li se jkollu fuqu dan il-consortium se jkun għar-restawr tal-faċċati tal-ftit palazzi li għad baqa' sħaħ fuq ix-Xatt tal-Birgu. L-ispiża biex inbnew mollijiet b'saħħithom u solidi diġa' saret. Jekk niftakar sewwa l-ispiża tal-pontoons ta’ l-Imsida u ta’ Ta' Xbiex li nbnew madwar ħames snin ilu ġiet tiswa Lm300,000. Issa ħalli neħduha li minħabba l-inflation din l-ispiża tiġi Lm600,000 u forsi għandek Lm150,000 għall-bini li se jsir fuq wara, bi spiża totali ta’ Lm750,000. Allura d-differenza ta' Lm5,250,000 fejn se tmur? Jien qed nagħmel dawn il-mistoqsijiet bħala layman għaliex nixtieq li qabel ma naslu għall-vot ikollna expert studies fuq dawn il-punti li qed inqajjem. Jien nixtieq nara l-financial feasibility ta' dawn is-Lm6 miljun li qed norbtu lil din il-kumpannija li tonfoq fi żmien sentejn. Fejn se jintnefqu dawn is-Lm6 miljun? Mela l-pontoons se jiġu ndurati bid-deheb u l-fidda!! Barra minn hekk, ma tridx tonfoq ħafna biex tibni 30 ħanut ħdejn xulxin. Ma nimmaġinax li dawn il-ħwienet se jiġu attrezzati internament għaliex mhux kull ħanut se jintuża għall-istess skop u min se jarmah bħala stationery, min bħala boutique u min se jarma b’xi ħaġa oħra. Allura l-attrezzament intern se jitħalla għall-inkwilin li jieħu l-ħanut u allura jekk il-ħanut jitwella ġebel u saqaf, l-ispiża għall-consortium se tonqos. Dan japplika wkoll għall-isports facilities, iż-żewġ squash courts u l-badminton court li se jgħaddihom lil xi ħadd interessat fl-isports u mbagħad hu jagħmilhom to specifications għaliex se jaqla' l-flus mill-membri li se jmorru f'dawn l-isports centres. Allura l-consortium x'se jkun qed jagħmel? Dan se jkun qisu aġent tal-gvern biex ipappi l-Lm5.5 miljun filwaqt li l-oħrajn ikunu qegħdin jagħmlu s-sollokazzjonijiet tagħhom u l-consortium ikompli jgawdi mill-kirjiet ta' dawn il-ħwienet u mill-irmiġġijiet? Għalhekk għandha tingħata ġustifikazzjoni finanzjarja lil dan il-Parlament għaliex il-Gvern jaqbillu li jagħti dan il-proġett lil xi ħadd privat, hu min hu, at that particular price ta' Lm320,000 fis-sena, li għall-ewwel sentejn li jibdew wara li joħorġu l-permessi tal-Planning Authority li jistgħu wkoll idumu sena se jkunu Lm120,000 u Lm170,000. Issa jekk il-Planning Authority iddum sena biex tipproċessa l-permessi - u kulħadd jaf kemm il-Planning Authority hija ħabrieka fl-ipproċessar tal-permessi! - li f'dan il-każ m'huwiex ipproċessar sempliċi ta' permess wieħed imma huwa proċess kumplessiv ta' sensiela ta' permessi li jinkludu wkoll in-necessary hygienic facilities għall-isports facilities, il-permessi tas-saħħa għall-ħwienet u l-parking facilities - u naħseb min jaf kemm se jaqilgħulhom affarijiet kif jaqilgħu liċ-ċittadini individwali f'dan il-pajjiż - imbagħad jiskatta ż-żmien li l-consortium irid iħallas l-ewwel darba lill-gvern Lm120,000 ċens għaliex iċ-ċens ta' Lm320,000 għall-ewwel sena jkun ġie ridott, dan ifisser li l-ewwel sena tiġi b'xejn, it-tieni sena l-consortium iħallas Lm120,000 ċens u t-tielet sena jħallas Lm170,000 u nkunu għadna mingħajr labour content. Ovvjament m’humiex se jiġu impjegati n-nies waqt li jkun għaddej l-ipproċessar tal-permessi jew waqt li jkun qiegħed isir il-bini u l-kostruzzjoni. Dan ifisser li qabel tliet snin m’hu se jkun hemm xejn mill-1,000 job garantit li 500 minnhom suppost huma għan-nies tal-Kottonera. Jiġifieri dawn l-affarijiet irridu narawhom bis-serjeta', anke mil-lat elettorali. Għaliex qed issir din l-għaġġla kollha li lanqas jista’ jkollna financial feasibility study meta lanqas biss nafu x’inhuma l-labour content guarantees? Għaliex ma nistgħux naraw il-pjanti li issa qegħdin fil-pussess ta' deputat wieħed biss minn 69 deputat li hawn f’din il-Kamra?
Jien naħseb li dawn it-tliett fatturi juru biċ-ċar li dan il-Parlament m'huwiex qiegħed f'qagħda responsabbli li jieħu deċiżjoni fuq dan il-proġett kif inhu mfassal u proġettat s'issa, iktar u iktar meta hemm l-impjiegi fin-nofs. Jew inkella issa se nibdew nemmnu fis-settur privat tant li nibdew ngħidu li s-settur privat m’hawnx bħalu u se ngħaddulu proġett bħal dan mingħajr ma nafu fiċ-ċert jekk hux se joffri 1,000 impjieg, b’500 minnhom garantiti għan-nies tal-Kottonera? Imbagħad jekk jiġu impjegati 50 ruħ biss, il-Gvern jgħid li m’hijiex responsabilita’ tiegħu għax l-impjiegi kollha fis-settur privat jiġu determinati skond id-demand and supply u l-gvern m’għandux imisshom? Allura aħna għalfejn qegħdin hawn? M'hemmx għalfejn tkun Laburist biex tgħid li jekk il-Gvern jaf li hawn problema tal-qgħad u qed jikkonċedi proġett bħal dan lill-kumpannija privata għandu jesiġi li min-naħa tagħha tassigura li se toffri numru ta’ jobs. Dawn l-affarijiet is-soltu jsiru mill-MDC meta jkunu se jinbnew xi lukandi jew ikun se jsir xi investiment industrijali. X'għandu speċjali dan il-proġett iktar mill-proġetti tal-lukandi li jinbew f'dan il-pajjiż u iktar mill-investimenti li jsiru fl-industriji f'dan il-pajjiż?
Jien nimmaġina li l-irmiġġ tal-yachts jidħol ukoll mas-settur turistiku sakemm mhux se jkunu xi 200 yacht Malti li qed jistennew fejn jorbtu għaliex m’ għandhomx post fl-Imsida jew f’Ta' Xbiex! Imma allura hemm għalfejn inġibu xi ħadd minn barra biex jagħmel il-pontoons biex il-Maltin jipparkjaw il-yachts tagħhom fil-Birgu u fl-Isla? Il-Gvern ma jistax jibni dawn il-pontoons permezz tal-Public Works jew tat-Tarzna? Aħna nitolbu l-għajnuna tal-barranin fejn tidħol teknoloġija avvanzata li la jkollna fost is-settur pubbliku u lanqas fost is-settur privat imma sinċerament ma nafx fejn tidħol il-high technology fil-bini tal-pontoons. Jien ngħid li kemm it-Tarzna u kif ukoll ditti żgħar Maltin huma kapaċi jagħmluhom dawm il-pontoons. Insejna kemm ilna nipprovaw ngħidu lit-Tarzna li m’hijiex tagħmel xogħol privat biżżejjed u kemm ilna ngħidu lix-Shipbuilding biex tiddiversifika x-xogħol tagħha! Ix-xogħol tal-pontoons għandha tkun opportunita' tad-deheb għal dawn iż-żewġ azjendi. Niġi issa biex nitkellem fuq il-moll.
Mill-artist impressions nafu li kulma se jiżdied ma’ dak li diġa’ hemm illum huma xi lampi kbar, bħal dawk li jkun hemm fuq xi zuntier ta’ xi knisja u bankijiet li s-soltu jagħmilhom il-gvern. Hemm bżonn ngħidu lill-kumpannija barranija biex tagħmel dawn l-affarijiet? Jien nistaqsi wkoll: Hemm bżonn inġibu lil xi ħadd minn barra biex jibnilna 30 ħanut li se jitwellew ġebel u saqaf? Jien illejla naħlef li ma nistax nara lanqas b'nemes element ta' high technology li jiġġustifika li għandna nqabbdu lil xi ħadd minn barra minn Malta biex jagħmel dawn l-affarijiet. Issa forsi xi ħadd jista’ jgħidli li jien ma kontx fuq l-isteering committee fejn il-Gvern seta’ jara l-kumpanniji li applikaw u jagħmel shortlist tagħhom. Imma jien qiegħed hawnhekk biex nagħti l-analiżi tiegħi ta' dawn l-affarijiet u ma jidhirlix li hawn xi element ta' high technology li bilfors irridu nġibu lil xi ħadd minn barra biex jagħmilhom.
Yüklə 327,92 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin