TQEGĦID TA' KARTI
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Sinjura President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar impjegati fil-MITTS u fil-MEU, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15249.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar maintenance agreements dwar IT hardware u/jew software fid-dipartimenti tal-Gvern li jaqgħu fid-dikasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15288; u
f'isem il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar maintenance agreements għar-rigward ta' IT hardware u/jew software fid-dipartimenti tal-Gvern li jaqgħu fid-dikasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15287.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar produzzjoni ta' ilma minn reverse osmosis plants għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ġunju tas-snin 1996, 1997 u 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15324; u
Tagħrif dwar spare parts mixtrija mill-MDS/WSC għall-użu fir-reverse osmosis plants, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15326.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabelli li juru l-klassifika ta’ l-eta’ ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-Reġistru matul Marzu 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14583;
Tagħrif dwar maintenance agreements għar-rigward ta' IT hardware u/jew software fid-dipartimenti tal-Gvern li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministru tal-Ħarsien Soċjali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15289.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja taċ-ċirkolarijiet/memos maħruġa mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, matul April 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14587;
Tabella li turi l-għadd ta’ applikazzjonijiet ġodda li daħlu fid-Dipartiment għall-Akkommodazzjoni Soċjali matul April 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14588; u
Tabella li turi l-għadd ta’ applikanti li ġew allokati post tal-Gvern mid-Dipartiment għall-Akkommodazzjoni Soċjali, bejn Jannar u Mejju 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15244.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? L-Onor. Mintoff.
KSUR TA’ PRIVILEĠĠ
ONOR. DOM MINTOFF: Madam Speaker, qed inqajjem ksur ta’ privileġġ li huwa konness ħafna mal-proċedura ta' din il-Kamra.
Il-bieraħt lura rċevejt fax minn ditta ta' wieħed mill-aqwa magazines li hawn fid-dinja dwar l-affarijiet marittimi li jismu Lloyd's List, fejn korrispondenta ta' din il-gazzetta qaltli li l-consortium li qed nitkellmu fuqu issa u li jekk niftakar sewwa qalet li jismu Waterfront Consortium - jien ma nafx x’jismu għaliex m'għandix x'naqsam xejn ma’ dawn in-nies - issuġġerewlha li f’dan il-Parlament m'aħniex qegħdin naraw jekk il-proġett huwiex tajjeb jew le imma qegħdin naraw kif nistgħu nagħmlu biex niggranfaw miegħu ħalli niġġieldu lill-Gvern.
Issa jien m'hemmx għalfejn ngħid li ilni ħafna nipprova nġiegħel lill-Gvern jiżganċja l-vot ta' fiduċja li rabat ma’ dan il-proġett u allura ħadd ma jista' jgħid li jien qed nipprova naqbad ma' dan il-proġett biex inwaqqa' l-gvern. Din hija l-ikbar threat li issa ilha għaddejja fil-pajjiż fejn qed jipprovaw jgħidu li jien irrid inwaqqa' l-gvern u rrid li jsiru elezzjonijiet ġenerali, mentri kif taf int, Madam Speaker, u kif taf il-Kamra kollha, l-unika ħaġa li rrid at this stage hija li jkollna l-fatti kollha ta’ dan il-proġett quddiemna biex inkunu nistgħu niddiskutuh bil-liberta' kollha, ngħidu fejn ma naqblux u kif jista' jiġi rranġat.
Forsi dak li jkun jgħidli li jien qiegħed fil-parliamentary group. Jien ngħid li l-Membri kollha ta’ din in-naħa tal-Kamra qegħdin fil-parliamentary group, pero’ ħadd ma kellu dawk il-pjanti li jien urejt fuq it-television. Għalkemm jien kelli arranġament mal-whip biex jgħidli x'ikun għaddej fil-parliamentary group meta ma nkunx hemm, min-naħa tiegħu qatt ma qalli xejn u sal-lum qatt ma qalli x'ġara fil-parliamentary group. Pero' huwa importanti wkoll li ngħid x'ġara mal-media għaliex dan irid jirregola l-attivitajiet ta' kull Membru ta' dan il-Parlament.
Dalgħodu jien qbadt lill-kap tax-xandir tal-poplu Malti, dak li jitħallas mill-poplu biex jagħmel ġid lill-poplu Malti u staqsejtu għaliex meta l-bieraħt lura marru jkellmuh għan-nom tiegħi biex jaraw jekk kienx lest li jagħti esclusive interview dwar dan is-suġġett importanti ħafna li ħadd ma kellu l-pjanti tiegħu u li suppost li se jagħmilhom il-consortium, qalilhom biex iħallu f’idejh u mbagħad fl-aħħar minuta beżaqli mis-sunnara meta jien mingħalija li se jkun hemm preżenti x-xandir tan-nazzjon u dak tan-Nazzjonalisti. Madam Speaker, min-naħa tiegħu wrieni li għamel ħażin. Qed ngħid dawn l-affarijiet biex ma jkomplux isiru għaliex il-kap tax-xandir ta’ l-Istat irid jaqdi dmiru u jien għidtlu li lili m’hu qed jagħmilli l-ebda pjaċir billi jipprometti li meta jkun hemm xi ħaġa hekk jġibha b’mod sħiħ. Issa jekk jagħtihiex diretta jew inkella wara, irid isir bi ftehim miegħi għaliex jekk jgħidli li se jagħtiha fl-4.00 a.m. jew fil-5.00 a.m., ngħidlu li jrid jiċċajta. Imma fuq din il-kwestjoni qbilna wkoll. Issa għaliex qed ngħid dawn l-affarijiet, Madam Speaker?
L-avukat tiegħi skopra li dan il-consortium kien qed jgħid il-ħin kollu li mhux hu xewwex lil din il-korrispondenta barranija biex tgħid li jien qed nipprova nwaqqa' l-Gvern u li dan m'għandux x'jaqsam mal-proġett. Dan taf xi jfisser, Madam Speaker? Dan ifisser li jekk aħna nieħdu l-fama hawn ġew li meta jiġu l-barranin biex jagħmlu xi proġett hawn Malta, aħna nipprovaw nisservew bihom biex inwaqqgħu l-gvern, allura l-pajjiż se nitfgħuh fil-ħmieġ u fit-tajn. Jien niġi naqa’ u nqum x’jgħidu Lloyd’s List, imma dan jagħmel ħsara kbira lil pajjiżna. Jekk se nieħdu l-fama li għax ma nkunux naqblu fuq xi ħaġa mal-gvern inkissru anke dawk l-affarijiet li jiġu bihom hawnhekk il-barranin in good faith, allura verament inkunu qed niġġennu. Għalhekk jien heddithom bil-libell u bil-malafama. Jien naf li s-Sedja trid timxi mal-proċeduri ta’ din il-Kamra fuq każ ta’ ksur ta’ privileġġ, imma jien ma nistax nistenna sakemm jgħaddu dawn il-proċeduri kollha għaliex mhux biss irrid niddefendi lili nnifsi imma rrid niddefendi lill-pajjiż u lill-Kottonera minn dan il-ħmieġ li qed jaqa' fuqna.
Madam Speaker, jien inħoss li issa tant tħawdu l-affarijiet u tant għamilna affarijiet koroh - għaliex wara kollox jien nifforma parti mill-Gvern, għalkemm jien konvint li kieku kelli mmut għada n-nies jgħidu li kont raġel sa l-aħħar minuta għaliex li qed nagħmel mhux għalija - li ma nafx kif se nagħmlu biex noħorġu minn din il-kobba. Irrid ngħid ukoll li jien irċevejt ittra mill-consortium ta' qabel fejn qaluli li riedu jiltaqgħu miegħi biex jiddiskutu dawn l-affarijiet. Qed ngħidhom dawn l-affarijiet ħalli kulħadd ikun jaf bihom. Nirringrazzjak, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja nnotat dan il-każ u issa tieħu l-passi neċessarji. L-Onor. Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF: Jien diġa' ġbidltek l-attenzjoni dwar theddid ta’ bombi li qed jasluli d-dar, u qajjimt dawn l-affarijiet mhux għaliex nibża’ imma jien għandi familja wkoll u se ngħid minn hawn li min imissli l-familja u naqbdu, m’inix se mmur qrati. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Fil-fatt diġa’ ttieħdu passi u l-ittra li tajtni għaddejtha lill-Pulizija.
Ordnijiet tal-Ġurnata.
Dostları ilə paylaş: |