Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 327,92 Kb.
səhifə5/6
tarix27.12.2018
ölçüsü327,92 Kb.
#87064
1   2   3   4   5   6

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 6 ta' Lulju, 1998 fis-6.00 p.m. b'din l-agenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Riżoluzzjoni dwar enfitewsi temporanja ta' mollijiet, bini u dritt ta' rmiġġ fil-Birgu u l-Isla lill-Port Cottonera Limited - Kontinwazzjoni;
Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta – Kumitat (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ħabs - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili - Kumitat;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Prodotti Lokali – it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar Servizzi fl-Ajruport - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi kontra l-Korruzzjoni - it-Tieni Qari (Kont);
Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea – Kontinwazzjoni; u
----------------------------------
Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar it-Telekomunikazzjoni - Kumitat Permanenti; u

Abbozz ta' Liġi dwar is-Sigurta' fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili - Kumitat Permanenti.


U xi agenda oħra li tista’ tiġi komunikata aktar tard.
MADAM SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Antoine Mifsud Bonnici.
ONOR. ANTOINE MIFSUD BONNICI: F'dawn il-ftit minuti li għandi nixtieq nagħmel riferenza għall-Aġġornament li sar fl-aħħar seduta fejn saru ċerti riferenzi għall-qasam ta' l-anzjani. Irrid noqgħod attent, Madam Speaker, kif se nitkellem ħalli forsi din il-kontro-kritika li se nagħmel ma terġax tiġi labelled bħala kritika fjakka, mingħajr bażi, imkissra u bażwijja li ma tagħmilx ġieħ la lil dan il-Parlament u lanqas lill-anzjani stess. Jien nifhem li min ikun professur f’xi branka tal-mediċina għandu ċertu awtorita' f'dik il-branka imma ma nistax nifhem kif jista’ jkollu awtorita' biex jiġġudika anke l-kritika li ssir f'dan il-Parlament. Imma m'iniex se noqgħod nirrispondi għal dawn l-affarijiet. Madam Speaker, wara n-nofs siegħa kritika li saret fuq il-qasam ta' l-anzjani, fejn sar paragun bejn kif imxejna aħna tul l-amministrazzjoni tagħna u kif qed jimxi l-Gvern Laburista issa, jien nerġa' nsostni li l-argument prinċipali tiegħi li f'dawn l-aħħar 20 xahar ma sar xejn ġdid fil-qasam ta' l-anzjani u ma sar l-ebda proġett ġdid fil-qasam ta' l-anzjani, ġie vverifikat minn kliem is-Segretarju Parlamentari stess nhar l-Erbgħa li għaddew. Il-fatt li meta l-Onor. Louis Buhagiar beda jsemmi l-proġetti mnieda mill-Gvern Laburista ma semma l-ebda wieħed ħlief l-estensjoni tad-dar ta’ l-anzjani tal-Furjana, ikompli juri kemm veru għandna raġun li ngħidu li fil-qasam ta' l-anzjani ma sar xejn ġdid minn dan il-Gvern. Issa se nidħol fid-dettall ta’ dak li qal is-Segretarju Parlamentari għall-Kura ta’ l-Anzjani.
L-Onor. Buhagiar semma l-estensjoni għad-dar ta' l-anzjani fil-Furjana u naturalment ftaħar li dan huwa proġett imniedi u maħsub totalment mill-Gvern Laburista. Huwa veru li dan huwa l-uniku proġett imniedi mill-Gvern Laburista imma lanqas huwa sewwa li jgħid li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista d-dar ta' l-anzjani tal-Furjana kienet mitluqa u ma sar xejn. Huwa veru li forsi ma wasalniex għall-estensjoni jew għar-refurbishment ta’ din id-dar imma fl-1996, proprju qabel l-elezzjoni, għamilna kċina moderna ħafna attrezzata b'kollox. Kienet priorita’ li nagħmlu din il-kċina għaliex sfortunatament kellna outbreak ta' food poisoning, daħlu fil-kwestjoni tas-sanita' wkoll u qalulna li l-ewwel ħaġa li ridna nagħmlu kienet li nirranġaw il-kċina. Sfortunatament issa dik il-kċina spiċċat għaliex se jagħmluha kamra mill-oħrajn għall-anzjani. Imma hija ħmerija li tgħid li aħna ma tajniex kas il-Floriana senior citizens u dan juri kemm ċerti affarijiet li jintqalu hawn ġew ma jkunux konformi mal-verita'. Se nitkellem issa fuq id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla.
Nerġa' nsostni li l-Gvern Nazzjonalista ddeċieda li jibni d-dar ta' l-anzjani ta' Bormla fil-post fejn qiegħda għaliex kellu pressure kbira miċ-ċittadini Bormliżi, permezz tal-kunsill lokali, u aħna ridna naqtgħu x-xewqa tal-Bormliżi. Imbagħad semma l-pedamenti u qal li din id-dar kienet l-ewwel ħofra li mela l-Gvern Laburista. Jien ma naħsibx li b’dan il-mod se jipperswadu ċerti nies għaliex sal-ġurnata ta' l-elezzjoni din il-problema tal-pedamenti kienet diġa' riżolta. Tant hu hekk, li fi Frar ta' l-1997, tliet xhur wara li l-Gvern Laburista ħa l-poter f'idejh, poġġa l-ewwel ġebla ta' din id-dar. Jiġifieri l-kwestjoni tal-pedamenti kienet riżolta taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Ftaħar ukoll li mhux qed ikun hemm tnikkir fix-xogħol u jispera li sa l-aħħar tas-sena d-dieħla tkun miftuħa. Jien ma naħsibx li għandu biex jiftaħar li biex jibni d-dar ta' l-anzjani f’Bormla l-Gvern Laburista se jieħu tliet snin! F’sena u disa’ xhur aħna rnexxilna nlestu l-ewwel fażi tad-dar ta' l-anzjani fl-Imtarfa u naħseb li s-Segretarju Parlamentari għandu esperjenza ta’ kif għamilna dik id-dar. Imma dawn jgħidu ħafna affarijiet u naturalment kulħadd jisma’ bilfors u jemmen jekk irid.
Imbagħad qal ukoll li qed titwettaq strateġija ġdida fil-qasam tad-djar ta' l-anzjani u nikkwota x'qal:
"Illum għandna strateġija differenti minn qabel għad-djar ta' l-anzjani, għalkemm il-parti l-kbira tagħhom kienet dedikata għall-anzjani indipendenti, imma parti żgħira tkun dedikata għall-anzjani li jkunu totalment dipendenti. Għandi pjaċir ngħid li din l-istrateġija mexxejniha tajjeb u qed ikollna riżultati tajba.”.
U hawnhekk bilfors ikolli nagħmel riferenza għal dak li ntqal meta ftaħna l-ewwel fażi tad-dar ta' l-anzjani fl-Imtarfa. Fil-fatt quddiemi għandi cutting ta' gazzetta bl-Ingliż - mhux ta' "In-Nazzjon" - li tgħid b'ittri kbar:
"Prime Minister ..."
- kienet qed tirreferi għall-Onor. Fenech Adami -
"... announces new admission policy for community homes for the elderly, dependent or semi-independent persons to be given priority over those who can take care of themselves.".
Dan ifisser li kien Gvern Nazzjonalista li qabad din l-istrateġija u mhux il-Gvern Laburista.
Irrid nikkwota ftit minn dak li kien qal il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien fil-ftuħ ta' l-ewwel fażi tad-dar ta’ l-anzjani fl-Imtarfa.
"Illum qed ninawguraw l-ewwel fażi bil-ħsieb li mill-ewwel jibda x-xogħol fuq it-tieni fażi li minn barra d-day centre u l-kappella, għall-ewwel darba se tinkludi wards għall-anzjani dipendenti u li jkunu jeħtieġu l-kura.".
Imbagħad jiġi hawnhekk is-Segretarju Parlamentari u jgħid li għandhom strateġija ġdida biex idaħħlu anzjani dipendenti f’dawn id-djar! Inkompli nikkwota:
“Għaliex għażilt li nsemmi dan il-punt? Preċiżament għaliex jindika l-evalwazzjoni li qed jagħmel il-Gvern fil-politika tiegħu f'dan il-qasam. Sal-lum il-politika ta' ammissjoni ta' anzjani fid-djar tal-gvern fil-komunita' kienet ibbażata fuq kriterji ta' etika u ta' ċirkostanzi mediċi u soċjali, kif professjonalment verifikat minn bord nominat għal dan l-iskop, basta l-anzjan jew l-anzjana jkunu fi stat li jistgħu jkunu indipendenti, tant li fil-mument li anzjan jew anzjana jsiru tant fraġili li ma jibqgħux kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom b'mod indipendenti, allura dawn jiġu ttrasferiti minn dawn id-djar għal istituzzjoni oħra. Imma l-gvern, permezz tal-ministeru għall-iżvilupp soċjali, qed jirrivedi din il-politika biex jassigura aħjar li s-servizzi jingħataw bi priorita' lil min l-aktar fil- bżonn u skond il-bżonn speċjali tal-persuna.”.
Jiġifieri mhux veru li għamlu xi strateġija ġdida fl-admission policy fid-djar ta' l-anzjani. Imma s-Segretarju Parlamentari ġie hawnhekk jgħid affarijiet li m’humiex veru u ħaseb li jista' jitwemmen! Se ndur biex nitkellem issa fuq San Vincenz de Paule.
Nerġa' nsostni li f’dawn l-aħħar 20 xahar ma sar xejn minn dan il-Gvern għall-anzjani ta’ San Vincenz. Is-Segretarju Parlamentari semma d-dining room li saret għall-istaff. Huwa qal li huwa importanti li l-istaff ikun kuntent u motivat għaliex b’dan il-mod igawdu wkoll l-anzjani. Jien naqbel li l-istaff għandu jkollu l-amenities meħtieġa imma naħseb li l-istaff u n-nurses ta' San Vincenz ikunu ferm iktar motivati jekk jingħataw inqas transfers minn dan il-Gvern. Jien għandi quddiemi kopja ta' transfer list li ħarġet fil-15 ta' Ġunju, 1998 fejn insibu mhux inqas minn 27 transfer ta' persuni li jaħdmu f'San Vincenz. Imbagħad is-Segretarju Parlamentari qagħad jiftaħar li waqqaf kumitat biex jieħu ħsieb ir-refurbishment ta’ wards 19 u 20.
Hawnhekk irrid ngħid li r-refurbishment ta’ wards 19 u 20 kien fil-pjan tagħna sa minn qabel l-elezzjoni, imma naturalment ma tistax tagħmel kollox f’daqqa. F'20 xahar Gvern Nazzjonalista mhux waqqaf kumitat biex jieħu ħsieb ir-refurbishment, imma għamel żewġ wards. Taħt Gvern Nazzjonalista saru diversi xogħlijiet, fosthom ir-refurbishment ta' wards 9 u 10 tan-nisa, wards 20 u 21 ta’ l-irġiel, is-psychogeriatric unit li tinkludi wards 13, 14, 15 u 16, l-admission ward, il-female ward 22, u n-naħa ta’ Rużar Briffa ġie kollu refurbished. Dawn huma affarijiet li kulħadd jista’ jarahom b’għajnejh u nappella lill-Gvern Laburista biex iħares lejn dak li għamel Gvern Nazzjonalista u kif mexa fil-qasam ta’ l-anzjani. Semma wkoll l-ispiżerija ta' San Vincenz. Bl-ikbar responsabilita’ ngħid li lanqas staħa jsemmi l-ispiżerija għaliex kif aħna lestejna l-aħħar ward qabel l-elezzjoni konna se nibdewha u fil-fatt saret fil-post fejn konna indikajna aħna. Huwa veru li saret spiżerija moderna imma naħseb li l-anzjani mhux spiżerija moderna biss għandhom bżonn imma li jkollhom il-mediċini disponibbli f'dik l-ispiżerija għaliex lanqas qatt ma kien hemm nuqqas ta’ mediċini daqshekk hemm illum f’dik l-ispiżerija. Din hija d-differenza fil-mod kif mexa Gvern Nazzjonalista u kif qed jimxi Gvern Laburista fil-qasam ta’ l-anzjani.
Imbagħad is-Segretarju Parlamentari semma wkoll id-day centres li fetħu f'Tas-Sliema u fiż-Żurrieq. Dawn kienu l-istess proġetti tal-Gvern Nazzjonalista u lili min jaf kemm għajjarni hawn ġew għaliex kien jgħidli li l-post magħżul f’ Tas-Sliema ma kienx adattat u li għamilt kuntratt ħażin fuq id-day centre taż-Żurrieq. L-uniku proġett li jista’ jiftaħar bih dan il-Gvern huwa l-extension tad-dar ta' l-anzjani tal-Furjana u m’għandux għalfejn joqgħod jgħidli li huwa ta’ diżunur għalija għaliex irriferejt għall-billboard li twaħħal fil-Furjana. L-argument tiegħi kien biex nuri li dan il-Gvern jiftaħar fuq ix-xejn għaliex jekk biex tagħmel l-extension tad-dar ta’ l-anzjani fil-Furjana trid twaħħal billboard, allura Gvern Nazzjonalista kellu jimla dik il-partit tat-triq bil-billboards għax-xogħol ġdid u proġetti ġodda li għamel fil-qasam ta' l-anzjani.

Meta tisma' lis-Segretarju Parlamentari jitkellem b'dik l-awtorita’ taħseb li jifhem iktar minn ħaddieħor x'inhu dinjituż għal dan il-Parlament imma, kif diġa' għidt għalkemm jista’ jkollok ċertu awtorita' biex titkellem fuq il-qasam li tkun speċjalizzat fih, żgur ma tistax timponi fuq ħaddieħor hawnhekk u tgħidlu li qed jagħmel kritika bażwija. Nerġa' nsostni - u ma rridx indum għax hawn sieħbi li jrid jitkellem - li f'20 xahar ta' Gvern Laburista l-qasam ta' l-anzjani mar lura bħall-granċ u l-uniku proġett imniedi mill-Partit Laburista kienet l-estensjoni tad-dar ta’ l-anzjani fil-Furjana. Kieku ma konniex aħna li bdejna d-dar ta' l-anzjani f’Bormla, kieku lanqas kienet issir. Quddiemi għandi l-ittra li l-Prim Ministru kien bagħat lill-anzjani qabel l-elezzjoni fejn kien wegħidhom tant affarijiet imma milli wegħiduhom ma tahom xejn. Imisshom jistħu kif daħku bl-anzjani! Għalhekk l-anzjani qed jaraw id-differenza bejn dak li għamel Gvern Nazzjonalista u dak li qed jagħmel Gvern Laburista. Grazzi.


THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Anton Tabone.
ONOR. ANTON TABONE: Sur President, xtaqt nagħmel riferenza għar-rimarki li għamel il-Prim Ministru nhar is-Sibt fin-Nadur, Għawdex fejn tkellem fuq il-vapuri, fuq marinas f'Ħondoq ir-Rummien, fuq iċ-ċivil, fuq l-isptar u fuq it-turiżmu. Għalkemm tkellem fuq il-kriżi li teżisti fil-partit tiegħu u l-kriżi li hawn fil-pajjiż sab il-ħin ukoll li jagħmel rimarki fuq dawn is-suġġetti li semmejt u jien inħossni fid-dover ukoll li nagħmel riferenza għal dawk ir-rimarki.
Il-Prim Ministru qal li għall-bini tal-vapuri se jkun hemm bżonn ta' nefqa ta' Lm2 miljun iktar fuq il-kuntratt oriġinali għaliex iridu jitbiddlu xi affarijiet, filwaqt li kelliem ieħor tal-Gvern ftit tal-ġranet qabel qal li dawn issa se jiġu jiswew Lm50 miljun; u allura wieħed jibda jifhem daqsxejn li hemm esaġerazzjoni kbira bejn is-somom li se jintnefqu biex jinbnew dawn il-vapuri. Pero' żgur li l-iktar ħaġa importanti li m'għandha taħrab lil ħadd hija n-neċessita' li dawn il-vapuri jinbnew biex jagħtu servizz bejn Malta u Għawdex u darba għal dejjem ikollna servizz kif inhu mixtieq. Wieħed jinnota b'dispjaċir kbir - u dan issa nafuh b’mod uffiċjali - li x-xogħol fuq il-bini ta' dawn il-vapuri waqa' lura sewwa. Nafu li l-ewwel vapur kellu joħroġ fi Frar tas-sena d-dieħla u minflok issa se joħroġ f'Settembru tas-sena li ġejja. It-tieni vapur kellu joħroġ f'Settembru ta’ l-1999 u issa sirna nafu li dan se jkun lest for delivery f'Jannar tas-sena 2001. It-tielet vapur li kellu joħroġ f'Ġunju tas-sena 2000 se jkun lest, skond il-previżjonijiet li qegħdin isiru, fi Frar tas-sena 2001. Allura wieħed jikkonstata kemm ix-xogħol waqa' lura u nħeġġeġ lill-Gvern biex jikkonċentra fuq dan il-proġett għaliex dan m’huwiex xi proġett kontroversjali u jagħmel ħażin min jitkellem b’sens kontroversjali fuq il-bini tal-vapuri li tant huma bżonnjużi biex jaħdmu bejn Malta u Għawdex. Jien inħeġġeġ lill-Gvern biex iġib lura ż-żmien mitluf biex kemm jista' jkun malajr dawn il-vapuri jkunu operabbli. L-istess nista' ngħid għall-berth No. 2 fiċ-Ċirkewwa li kellu jkun lest u issa nafu b'mod uffiċjali li dan mhux se jkun lest u ċertament ix-xogħol mhux se jitlesta sa l-aħħar ta' din is-sena.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq yacht marina f'Ħondoq ir-Rummien u l-isbaħ ħaġa li qal kienet li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet se tkun kontra dan il-proġett. Jien nixtieq inkun naf x'kellu x'jindikalu li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tieħu dan it-tip ta' atteġġjament meta aħna lanqas nafu b’dan il-proġett. Forsi l-iktar li ssemma darba darbtejn minnu stess u nafu wkoll li dak inhar li tkellem fin-Nadur qal li l-yacht marina tal-Kottonera għandha strateġija warajha biex ikun hemm estensjoni ta' marinas f'postijiet oħra u f'dan il-kontest semma l-idea ta' yacht marina f'Ħondoq ir-Rummien. Meta kien hawn id-dibattitu fuq il-Malta Maritime Authority f'dan il-Parlament jien kont staqsejt u tlabt lill-ministru konċernat biex fil-winding-up jagħti xi ħjiel dwar dak il-proġett li kien issemma mill-Prim Ministru u li fil-fatt ħadd ma kien jaf xejn dwaru. Pero’ effettivament fil-winding-up ma kien ingħata l-ebda ħjiel u jien naf li lanqas il-kunsill lokali tal-Qala ma jafu xejn. Saħanstira spiċċaw biex kitbu wkoll Kastilja minn fejn intbagħtu għand il-ministeru tat-turiżmu, li anke min-naħa tagħhom ma kienu jafu xejn fuq dan il-proġett. Allura kif il-Prim Ministru jaqbad u jiddeċiedi li se jkun hemm dan il-proġett u li aħna se nieħdu pożizzjoni kontra tiegħu? Jien ma nistax ngħid ħaġa oħra ħlief li dan il-bniedem ikejjel b'xibru għaliex il-Partit Laburista fl-oppożizzjoni dejjem ħareġ kontra kull proposta ta' proġett li saret għal Għawdex mingħajr ġustifikazzjoni ta' xejn. U naturalment issa qed japplika l-atteġġjament tagħhom għall-atteġġjament tagħna. Imma ċertament li aħna għandna atteġġjament differenti għaliex il-punto di partenza tagħna huwa li naraw x'inhu l-ġid nazzjonali. Mingħajr ma nidħol fil-mertu ta’ din il-ħaġa għaliex ma nafu xejn, ngħid biss li żgur li f'dan il-każ partikolari n-nies tal-lokal iridu jgħidu tagħhom huma wkoll. Pero’ milli jidher huma ħafna dawk in-nies li suppost huma konċernati u ma jafu xejn fuq dan il-proġett.
Għal darba oħra l-Prim Ministru reġa’ semma s-60 ħaddiema Għawdxin li jaħdmu maċ-ċivil f’Malta. Dan il-każ ilu ħafna jsemmih u ma nafx x’inhu jistenna biex jibgħathom jaħdmu Għawdex. Għalkemm għaddew kważi sentejn minn meta l-Partit Laburista tela’ fil-gvern, ħadd minn dawn il-ħaddiema ma rifes jaħdem f'Għawdex. Jien nixtieq infakkar, Sur President, li fis-sajf ta' sentejn ilu ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni, l-Ombudsman kien ta direttiva biex dawk il-postijiet f'Għawdex li qegħdin okkupati minn nies li m'humiex skrivani għandhom jimtlew mill-iskrivani Għawdxin li jinsabu jaħdmu f'Malta. Jekk m'iniex sejjer żball kien hemm madwar 30 post tax-xogħol li kienu ġew identifikati biex imorru jaħdmu fihom skrivani li kienu qegħdin jaħdmu Malta. Jien m'għandix l-iċken dubju li Kabinett Nazzjonalista kien jimxi mad-direttiva ta' l-Ombudsman u kieku baqa’ Kabinett Nazzjonalista sa l-aħħar ta' dik is-sena, dawn in-nies kienu jmorru Għawdex biex jimlew dawk il-postijiet li kienu okkupati minn nies li ma kenux skrivani. Imbagħad naturalment kien jissokta x-xogħol biex wieħed jidentifika dak li jissejjaħ back-up office work, ħalli wieħed ikun jista' jżid l-opportunita' ta' nies li jaħdmu f'Malta biex jitilgħu jaħdmu Għawdex. Jien nawgura li dawn l-iskrivani li qed jistennew biex imorru jaħdmu Għawdex jitilgħu fl-iqsar żmien possibbli.
Qal ukoll li dan il-Gvern ħaseb fl-infrastruttura ta' l-isptar ta’ Għawdex wara li tħalla f'taħwid kbir min-Nazzjonalisti u issa, skond hu, saret infrastruttura fl-isptar li rranġat l-affarijiet. Jien m'għandix ħin biżżejjed biex nitkellem fit-tul pero' li nista' ngħid huwa li qatt ma niftakar li l-isptar ta' Għawdex ma kellux supretendent li kien residenti f'Għawdex. Dan juri li l-affarijiet m’humiex mexjin kif għandhom jimxu, għaliex jien ma nistax nimmaġina kif bniedem responsabbli mill-isptar ma jkunx residenti f'Għawdex. Dan ifisser li dan m’huwiex qiegħed on call, kif normalment jitlob post ta' supretendent ta' sptar ġenerali, li għalkemm għandu l-ħinijiet normali tax-xogħol tiegħu jrid ikun qiegħed on call, u biex ikun qiegħed on call ma jridx ikun qiegħed Malta imma jrid ikun ħames minuti 'l bogħod mill-isptar! Min hu responsabbli llum bħala supretendent ta’ l-isptar imur jagħmel il-ħinijiet normali tax-xogħol li jagħmel kull min hu impjegat mal-gvern u mbagħad imewweġ lejn Malta. Il-Prim Ministru għandu ħabta jiddeskrivi b’ċerti aġġettivi billi jgħid li hemm it-taħwid u joħloq kontroversja mix-xejn. Nerġa' ngħid li meta għandek bniedem b’dik ir-responsabilita’ li m’huwiex residenti f'Għawdex, allura m'huwiex qiegħed f'pożizzjoni li jista' jilħaq fil-mument ta’ bżonn u allura jkollu jsib lil xi ħadd biex jissostitwih u dak ix-xi ħadd qatt m'hu se jkollu dak ir-rwol preċiż.
Sur President, il-Prim Ministru qal ukoll li fix-xahar ta' Ġunju li għadda nkrew 75 coach għat-turisti iżjed milli kien inkrew is-sena ta' qabel u skond hu, dan juri li t-turiżmu f'Għawdex qiegħed fl-aqwa tiegħu u qatt ma kien daqshekk tajjeb. Jien irrid ninnota li dawn huma coaches li jdawru lit-turisti madwar Għawdex u allura dawn huma turisti li jiġu għal ftit sigħat f'Għawdex. Naturalment aħna nilqgħuhom għaliex xi ftit tal-kummerċ jagħmlu wkoll, l-iktar fil-qasam tat-trasport, kemm ta’ l-art u kif ukoll tal-baħar, imma ftit li xejn jagħmlu iktar kummerċ għax dawn ikunu day trippers. Ċertament ma tistax tkejjel it-turiżmu minn dan il-lat biss għaliex l-industrija tat-turiżmu ma tikkonsistix biss fid-day trippers.
Kieku tgħidli li l-occupancy rate fil-lukandi u fil-farmhouses konvertiti għat-turiżmu f'GĦawdex żdiedet allura nifhem li qed tibni l-industrija tat-turiżmu imma meta ma tagħti ebda figuri ta’ l-occupancy rate fis-settur ta' l-akkomodazzjoni f’GĦawdex u ssemmi biss il-coaches, naħseb li tkun qed taqleb l-affarijiet ta' taħt fuq u ma tkunx qed tagħti xi figura li għandha xi sinifikat kbir. Il-Prim Ministru huwa fid-dover li jkun jaf li l-occupancy rate fil-lukandi u f’akkomodazzjonijiet oħra f’Għawdex b'mod ġenerali fuq medda ta' 12-il xahar hija ferm iktar baxxa minn dik ta' Malta, anzi l-informazzjoni li għandi hija li r-rata kompliet titbaxxa u dan huwa sinjal ta' preokkupazzjoni. Jekk wieħed irid jagħmel l-affarijiet bis-serjeta' u jikkwota figuri li jidhru, allura jrid iħares ukoll lejn dawn l-occupancy rates li fuqhom hija bbażata l-industrija tat-turiżmu.
Sabiex tagħmel minn GĦawdex destinazzzjoni għat-turiżmu, trid tipprovdi l-akkomodazzjoni u tara li dik l-akkomodazzjoni timliha għaliex minn hemm tista' tkejjel jekk is-settur tat-turiżmu huwiex miexi 'il quddiem jew le. Meta toqgħod issemmi l-coaches, tkun qed qed tagħti stampa miżera ħafna tal-kwadru ġenerali u ma tkunx qed tiffoka verament fuq l-iktar parti essenzjali li hija l-figura ta’ l-occupancy rate fil-lukandi u f’akkomodazzjoniiet oħra f'GĦawdex. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 6 ta' Lulju fis-6.00 p.m. bl-agenda kif komunikata mill-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 327,92 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin