Is-Sedja kkonsidrat bir-reqqa t-talba tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni biex il-Kamra tissospendi x-xogħol tagħha ħalli tiddiskuti l-materja msemmija fid-dikjarazzjoni ppreżentata minnu.
Qabel xejn is-Sedja tirrileva li kull talba li titressaq taħt l-Ordni Permanenti Nru. 13 jeħtieġ li tissodisfa tliet rekwiżiti, cioe' li tkun materja definita, ta' importanza pubblika, u urġenti. Il-materja mressqa li tittratta r-relazzjonijiet li Malta għandu jkollha ma' l-Unjoni Ewropea hija materja definita u hija wkoll ta' importanza pubblika li kienet is-suġġett ta' diskussjoni diretta u indiretta f'dan il-Parlament ħafna drabi. L-element ta' urġenza huwa neċessarjament l-aktar element importanti li għandu jittieħed in konsiderazzjoni meta jinqala' każ taħt dan l-Ordni Permanenti.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jsostni li nħolqot kriżi kostituzzjonali. Is-Sedja rriferiet ruħha għal dak li ġara fis-Seduta ta' nhar l-Erbgħa, 18 ta' Marzu, 1998 u għalkemm huwa fatt illi meta fuq l-emenda għall-mozzjoni prinċipali li kienet qed tiġi dibattuta, peress li l-voti ġew indaqs, kien meħtieġ il-vot tas-Sedja - li skond il-proċeduri parlamentari vvotat favur iż-żamma tal-mozzjoni fil-forma oriġinali tagħha - meta l-Kamra sussegwentement ġiet biex tivvota fuq il-mozzjoni ta' sfiduċja kif oriġinarjament ippreżentata din il-mozzjoni ġiet miċħuda mill-Kamra. GĦaldaqstant ma jistax jingħad li fil-Kamra seħħet xi sitwazzjoni li ġġib fuq quddiem l-artiklu 76 tal-Kostituzzjoni ta' Malta, b'mod partikolarli s-subartiklu (5), paragrafu (a) li jgħid:
"jekk il-Kamra tad-Deputati tgħaddi riżoluzzjoni, li jkollha voti favur tagħha ta' maġġoranza tal-membri kollha tagħha, li m'għandhiex fiduċja fil-Gvern, u l-Prim Ministru fi żmien tlett ijiem la ma jirriżenja mill-kariga tiegħu u lanqas jagħti parir għal xoljiment, il-President jista' jxolji l-Parlament.".
GĦaldaqstant ma teżisti l-ebda kriżi kostituzzjonali. U f'dan il-kontest irid jingħad li din il-Kamra ma tista’ bl-ebda mod tvesti ruħha bi prerogattivi li l-Kostituzzjoni tagħti lil ħaddieħor.
Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jsostni wkoll illi llum "hu stabbilit li l-Gvern m'għandux l-awtorita' leġittima". Din hija osservazzjoni suġġettiva u hija wkoll osservazzjoni suġġettiva dik li għamel l-istess Kap ta' l-Oppożizzjoni meta qal verbalment li hawn kriżi politika. Il-Kamra ma tistax timxi b’dawn il-kriterji. Il-Kamra trid neċessarjament timxi bir-regoli ta' l-Ordnijiet Permanenti u dawk kostituzzjonali.
Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni semma bħala raġuni ta' urġenza l-laqgħa li jmiss ta' l-1 u t-2 ta' April tal-Kumitat Konġunt bejn il-Parlament Ewropew u dak Malti. Is-Sedja eżaminat ukoll l-agenda ta' dawn il-laqgħat u ma jirriżultalhiex li dawn il-laqgħat se jwasslu għat-teħid ta' xi deċiżjonijiet li jorbtu iżda huma biss tkomplija ta’ diskussjonijiet esplorattivi.
GĦaldaqstant sal-lum dan l-element ta' urġenza m'hux ġustifikat għall-finijiet ta' l-Ordni Permanenti Nru. 13 u t-talba tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni hija respinta.
Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Naturalment noqogħdu għar-ruling tas-Sinjorija Tiegħek pero' nixtieq nagħti avviż ta' żewġ mozzjonijiet. Jien smajt b'attenzjoni dak li qal il-Prim Ministru, fost affarijiet oħra, li hu ma kellimx lill-President wara s-seduta ta' nhar l-Erbgħa, u għalhekk se nressaq din il-mozzjoni li hija forma ta' indirizz lill-President:
"Aħna, l-Membri tal-Kamra tad-Deputati, bir-rispett ninformawk li fis-Seduta li nżammet nhar l-Erbgħa 18 ta' Marzu, 1998 .... "
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, huwa in order li jingħata dan l-avviż ta' mozzjoni in faciem curiae?
MADAM SPEAKER: Onor. Fenech Adami, jekk għandek xi mozzjoni, jekk jogħġbok, għaddiha lill-Iskrivan tal-Kamra.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Madam Speaker, fiċ-ċirkostanzi tad-dibattitu li żvolġa s'issa jien għandi dritt nagħti notice lill-Kamra. Per eżempju, meta jkollna d-diskors tal-President fil-ftuħ tal-leġislatura, immedjatament iqum xi ħadd u jagħti avviż ta' mozzjoni. Safejn naf jien notice tal-mozzjoni tista' tingħata any timewaqt is-seduta tal-Kamra, pero' ma nsib l-ebda diffikulta' li nagħmilha issa u ngħaddiha lill-Iskrivan tal-Kamra immedjatament. Jien se nippreżenta żewġ mozzjonijiet.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, jien nibqa' nsostni li nsegwu l-proċeduri tas-soltu.
MADAM SPEAKER: Insegwu l-proċeduri normali.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Ma nsib l-ebda diffikulta' li ngħaddi ż-żewġ mozzjonijiet lill-Iskrivan tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
MOZZJONIJIET
ESTIMI TA' NFIQ TA' L-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA GĦAS-SENA FINANZJARJA 1998
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent u Kap tal-Kamra tad-Deputati): Madam Speaker, nipproponi illi:
Wara li l-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ra l-Estimi ta’ Nfiq ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għas-sena finanzjarja 1998, li kopja tagħhom ġiet ċirkolata lill-Onor Membri, u li kopja oħra qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra;
Wara li sema’ l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Awditur Ġenerali personalment fuq il-kummenti kollha li sarulu fil-laqgħa ta’ l-istess Kumitat li saret fis-16 ta’ Marzu, 1998;
Wara r-rakkmandazzjoni li saret mill-Kumitat,
Il-Kamra tad-Deputati tapprova l-Estimi ta’ Nfiq ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għas-sena finanzjarja 1998 kif preżentati.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Rimarki? Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, qed inressaq din il-mozzjoni biex naderixxu għal dak li jitlob minna l-Att Nru XVI ta' l-1997 dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li jitkellem fuq Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika, li xogħlu jkun li jeżamina l-istima tas-somma li l-Awditur Ġenerali jqis li hija meħtieġa, f'dan il-każ għas-sena 1998.
Madam Speaker, dan il-kumitat hu kompost mill-Onor. John Dalli, l-Onor. Pierre Muscat, l-Onor. Carmelo Abela, l-Onor. Chris Agius u minni. Fis-16 ta' Marzu eżaminajna l-estimi ta' spiża għas-sena finanzjarja 1998 u għamilna l-mistoqsijiet li dehrilna li kellna nagħmlu. Ninsabu sodisfatti li ngħatajna raġunijiet plawsibbli kemm għall-projections li qed jagħmel l-Awditur Ġenerali, rigward l-ispejjeż, u anke għall-għanijiet dwar kif għandu jimxi dan l-uffiċju.
Għalhekk waqt li nirrikkmanda lill-Kamra li taċċetta dawn l-estimi ta' nfiq, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Estimi ta’ Nfiq ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Awditur għas-sena finanzjarja 1998.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda, jekk jogħġobkom?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No)
Il-mistoqsija hi l-mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Viċi Prim Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. MADAM SPEAKER: Ngħaddu issa għall-Ordnijiet tal-Ġurnata.