Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 430,19 Kb.
səhifə2/8
tarix03.01.2019
ölçüsü430,19 Kb.
#88944
1   2   3   4   5   6   7   8

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Sinjura President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 82 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 li jemendaw ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet (Telegrafija mingħajr Fili).
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 83 ta’ l-1998 – Regolamenti ta’ l-1998 tal-Kors għall-Grad ta’ Master of Psychology in Clinical PsychologyM.Psy. (Clin.)or in Counselling Psychology – M. Psy. (Couns.)or in Educational PsychologyM.Psy. (Ed.).
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar bini u allokazzjoni ta’ djar mill-Awtorita' tad-Djar qabel is-26 ta' Ottubru, 1996 bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13193.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Madam Speaker, skond l-Ordni Permanenti Nru. 13 ta' din il-Kamra, nitlob l-aġġornament tal-Kamra fuq xi ħaġa definita u ta' importanza pubblika urġenti.
Madam Speaker, kif taf is-Sinjorija Tiegħek u din il-Kamra, nhar l-Erbgħa dan il-Parlament iddibatta l-mozzjoni ta' sfiduċja fil-Gvern li pproponejt jien. Il-Gvern, min-naħa tiegħu, ippropona emenda li kienet titlob il-fiduċja tal-Kamra u nafu li kemm il-mozzjoni prinċipali u kif ukoll l-emenda sostantiva tal-Gvern ġew defeated. Is-sitwazzjoni hija kritika kemm għal raġunijiet politiċi u anke għal raġunijiet kostituzzjonali u bla dubju t-tnejn huma ta' importanza nazzjonali. Ir-raġuni politika toħroġ mill-fatt li ż-żewġ mozzjonijiet li fuqhom ivvotat il-Kamra ġew miċħuda bl-appoġġ ta' din il-Kamra. Rigward il-mozzjoni li ressaqt jien, il-motivazzjoni kienet li filwaqt li jidher li fil-pajjiż hawn qbil li t-triq għal free trade area m'hijiex ħażina għal Malta, waħedha hi ħażina. Għalhekk il-motivazzjoni ta' l-isfiduċja kienet għaliex tlabna lill-Gvern biex simultanjament ikompli bin-negozjati għall-eventwali sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u sal-lum għadu m'aċċettax.
Il-motivazzjoni ta' l-emenda ta' fiduċja li ressaq il-Gvern kienet tittratta dwar ir-raġunijiet speċifiċi għaliex il-Gvern irid li jkollu l-fiduċja tal-Parlament fil-politika li qed jimxi biha rigward ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ewropa. Dik il-mozzjoni, għalkemm saret f'forma ta' emenda, ġiet miċħuda. Dik l-emenda kienet tispiċċa bil-kliem: "Għaldaqstant din il-Kamra tagħti l-fiduċja sħiħa tagħha lill-Gvern ..." Imma ladarba m'għaddietx, kif jirriżulta mill-Minuti tas-Seduta ta' nhar l-Erbgħa li ġew approvati llum, ifisser li l-Kamra ma tatx il-fiduċja tagħha lill-politika tal-Gvern. Hawn tiġi l-urġenza politika li għandu quddiemu l-pajjiż.
Il-Gvern miexi b'politika li jfittex relazzjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea u llum jirriżulta li dan il-Parlament ċaħad il-fiduċja tiegħu lill-Gvern fuq dik il-politika. Huwa veru li ċaħad ukoll il-mozzjoni tiegħi, riferibbli għall-politika tal-Gvern kif mitluba mill-Partit Nazzjonalista, jiġifieri dik li twassal għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Allura, kif kiteb tajjeb ħafna Onor. Membru min-naħa l-oħra tal-Kamra, illum il-pajjiż jinsab fil-limbu. Qed ngħid hekk għax dan il-Parlament jinsab f'sitwazzjoni fejn m'aċċettax il-politika tal-Gvern kif immexxija mill-Prim Ministru, l-Onor. Alfred Sant, u ċaħadlu l-fiduċja. Huwa veru li l-mozzjoni li ressaqt jien ġiet miċħuda wkoll u għalhekk qegħdin f'sitwazzjoni fejn il-politika tal-Gvern qiegħda fil-limbu - qed nuża din l-espressjoni għax ma nafux aħniex sejrin il-ġenna jew x'imkien ieħor! - għax ma ġietx approvata minn dan il-Parlament. L-ewwelnett din hija kriżi politika għall-Gvern pero' hija kriżi politika gravi anke għal pajjiżna. Qed ngħid li hi gravi għall-fatt li din il-politika tant importanti ma tirrigwardax biss il-qasam tar-relazzjonijiet esteri imma timpinġi fuq l-andament ta' l-ekonomija tal-pajjiż kollu, biex ma ngħidx li timpinġi bl-iktar mod qawwi fuq il-fiduċja li l-pajjiż tant għandu bżonn u li bħalissa m'għandux.
Madam Speaker, ma nħossx li hemm għalfejn inżid iktar dwar il-kriżi politika li rriżultat wara l-vot ta' nhar l-Erbgħa li għadda, pero' rrid ngħid li teżisti wkoll kriżi kostituzzjonali. Il-Kostituzzjoni tagħna tiddistingwi bejn il-Gvern, li huwa l-lat eżekuttiv, u dan il-Parlament. Kif nafu, il-ħajja ta' l-eżekuttiv tiddependi minn dan il-Parlament u, jekk dan ma jsostnix lill-Gvern fl-azzjonijiet tiegħu, skond il-Kostituzzjoni tagħna dak il-Gvern ma jistax ikompli jiggverna. Il-Kostituzzjoni tipprevedi li jekk ikun hemm vot ta' sfiduċja fil-Gvern, il-Prim Ministru għandu l-obbligu li fi żmien tlett ijiem jiddeċiedi li jagħti parir lill-President sabiex ixolji l-Parlament. Ladarba ma jagħmilx hekk, il-President jingħata ċerti poteri.
Il-Kostituzzjoni tagħti tliet possibbiltajiet ta' azzjoni lill-President, dejjem fl-interess nazzjonali. Dan jista' jagħżel jew li jxolji l-Parlament mingħajr il-parir tal-Prim Ministru; jew li jbiddel il-Prim Ministru u jinkariga lil xi ħadd ieħor biex jifforma gvern; jew inkella jekk jara li huwa fl-interess nazzjonali jista' jiddeċiedi li ma jagħżel l-ebda waħda minn dawn il-possibbiltajiet. Hawn irrid ngħid li bħalissa l-pajjiż jinsab fi kriżi u għalhekk jidhirli li din il-Kamra għandha tiddibatti din is-sitwazzjoni sabiex fl-interess nazzjonali tinstab soluzzjoni għal din il-kriżi politika u kostituzzjonali. Il-mozzjoni li qed nitlob lill-Kamra sabiex tiddiskuti hija urġenti minħabba li fiha interpretazzjonijiet politiċi u kostituzzjonali.

Din hija urġenti wkoll għax inżerta li l-ġimgħa d-dieħla, fl-1 u fit-2 ta' April, se jiltaqa' l-Kumitat Konġunt bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament Malti, u fil-5 ta' Frar se jitkomplew id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-komunikazzjoni. Jekk m'iniex sejjer żball għada fil-għodu se jiltaqa' l-General Affairs Council ta' l-Unjoni Ewropea biex jiddelibera fuq il-komunikazzjoni li bagħtitlu l-Kummissjoni Ewropea. Il-pożizzjoni hi urġenti ħafna għax meta d-delegati ta' dan il-Parlament nhar l-Erbgħa u l-Ħamis tal-ġimgħa d-dieħla jmorru biex jiddiskutu dwar ir-relazzjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea jrid ikollhom idea ċara dwar x'mandat għandu l-Gvern preżenti. Il-mandat, li jirriżulta mill-vot li ttieħed fil-Kamra nhar l-Erbgħa li għaddew, huwa wieħed negattiv kemm għall-Gvern u kif ukoll għall-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni sal-lum. Allura hemm bżonn li din il-materja tiġi ċċarata kemm jista' jkun malajr.


Madam Speaker, għalhekk se ngħaddilek din id-dikjarazzjoni biex insostni l-argument tiegħi li l-Kamra għandha taġġorna biex tiddiskuti din il-materja urġenti u ta' natura nazzjonali. Din id-dikjarazzjoni tgħid hekk:
"Illi fis-Seduta ta' nhar l-Erbgħa 18 ta' Marzu, 1998 (Seduta Nru. 202), waqt id-diskussjoni ta' mozzjoni ta' sfiduċja mressqa mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni, il-Viċi Prim Ministru ressaq emenda li biddlet il-mozzjoni ta' sfiduċja f'waħda fejn il-Kamra ntalbet "tagħti l-fiduċja sħiħa tagħha lill-Gvern".
Illi din l-emenda ġiet issekondata mill-Prim Ministru.
Illi kif jirriżulta mill-minuti ta' l-istess seduta, din l-emenda m'għaddietx għaliex ma sabitx l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Kamra.
Illi konsegwentement ġie stabbilit li l-Kamra ċaħdet li tagħti l-fiduċja sħiħa lill-Gvern, kif ġiet mitluba li tagħmel mill-istess Gvern, u dan dwar materja ta' politika ewlenija li fuqha jiddependi l-interess nazzjonali.
Illi b'riżultat ta' dan kollu nħolqot kriżi kostituzzjonali li kabbret l-inċertezza fil-pajjiż.
Illi barra minn dan illum hu stabbilit li l-Gvern m'għandux l-awtorita' leġittima li jkompli jiddiskuti r-relazzjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea fl-għażla tiegħu għal żona ta' kummerċ ħieles minflok sħubija sħiħa u dan għaliex il-Parlament ċaħad din il-politika bil-vot li ngħata fis-Seduta ta' nhar l-Erbgħa 18 ta' Marzu, 1998.
Illi fi ftit ġranet oħra (fl-1 u fit-2 ta' April 1998) għandu jiltaqa' l-Kumitat Konġunt bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament Malti, kif ukoll għandhom jitkomplew id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-komunikazzjoni tal-5 ta' Frar, 1998.
Illi għalhekk din hi materja definita ta' importanza pubblika u hi urġenti u għandha tiġi diskussa minn dan il-Parlament minnufih.".
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, f'isem din in-naħa tal-Kamra nixtieq nissottometti li din it-talba għal sospensjoni tar-regolamenti għandha tiġi respinta għax assolutament ma tinkwadrax ruħha fil-kontest attwali, politiku u kostituzzjonali tal-pajjiż.
Din il-mozzjoni qed tassumi li hawn xi kriżi kostituzzjonali imma din ma teżistix ħlief f'moħħ il-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Jekk wieħed jara sew x'tgħid il-Kostituzzjoni jsib li dan il-Gvern qed imexxi skond il-Kostituzzjoni, mija fil-mija, u nista' nagħmilha ċara li fit-tlett ijiem ta' wara li ttieħed il-vot ta' nhar l-Erbgħa li għaddew, jien bl-ebda mod ma kkuntattjajt lill-Eċċellenza Tiegħu, il-President tar-Repubblika, għax inħoss li qegħdin fil-linja t-tajba.
Nifhem li hawn min jixtieq li jkun hawn kriżi kostituzzjonali fil-pajjiż imma, kif jgħid Marcel Proust, dawn huma rememberings of things past. GĦalhekk meta ntalab li jsir l-aġġornament tal-Kamra dan ma kienx ibbażat fuq ir-realta' imma kien ibbażat fuq chimera politika. Għax anke f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni politika, min jitkellem dwar il-leġittimita' ta' dak li qed isir għandu jiftakar li din toħroġ mir-rieda u mill-volonta' tal-poplu, kif espressa f'elezzjonijiet li jsiru kull ħames snin. Effettivament il-leġittimita' ta' dan il-Gvern toħroġ mir-riżultat elettorali ta' Ottubru ta' l-1996, li l-Oppożizzjoni sal-lum ipprovat tagħmel minn kollox biex tiċħad.
Allura, Sinjura President, fuq din il-bażi din in-naħa tissottometti li din it-talba għandha tiġi respinta. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Forsi wieħed dejjem jibqa' jittama! (Interruzzjonijiet) Mela ma nkomplix nittama! Dik hi l-irġulija. Jien smajt, analizzajt u ġibt traskrizzjoni tad-diskors li għamel il-Prim Ministru l-bieraħ f'Santa Venera, fejn qal:
"Aħna naqblu li jekk hemm rieda tajba jsiru diskussjonijiet li jkunu ta' ċertu kalibru u li jirriflettu l-ħsebijiet tal-Gvern Laburista, u ovvjament ta' l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, imma li jsiru fir-rispett sħiħ tal-mandat elettorali li ksibna fl-aħħar elezzjoni.".
Jien xtaqt li jekk is-Sinjorija Tiegħek tippermetti li d-diskussjoni ssir skond ir-regolamenti tal-Kamra, din tkun indirizzata proprju fuq id-dibattitu li kien hawn f'dan il-Parlament nhar l-Erbgħa li għaddew, fejn din in-naħa, permezz tiegħi, uriet id-disponibilita' tagħha li jkun hawn xi kwalita' ta' diskussjoni. Wara li l-Prim Ministru l-bieraħ f'każin Laburista - jew f'xi post ieħor fejn kien qed jindirizza lin-nies tal-partit - għamel din id-dikjarazzjoni, jien deherli li dan seta' jfisser li jekk il-mozzjoni tiġi dibattuta llum tkun tista' toħroġ lill-pajjiż mill-kriżi li jinsab fiha.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, sempliċement nixtieq nerġa' nistqarr li ma teżistix kriżi ħlief f'moħħ il-Kap ta' l-Oppożizzjoni. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Madam Speaker, dan m'huwiex il-mument li wieħed joqgħod jidħol f'polemiċi u għalhekk m'iniex se nidħol f'polemiċi. Pero', bħala co-chairman tal-Joint Parliamentary Committee bejn Malta u l-Unjoni Ewropea nixtieq nattira l-attenzjoni tiegħek li, safejn għandu x'jaqsam dan il-kumitat, żgur li m'hemm l-ebda kriżi għax ir-regolamenti li jipprovdu għat-twaqqif ta' dan il-kumitat jagħmluha ċara x'għandu jagħmel, u se nikkwota:
Rule 2:

"The task of the EC-Malta Joint Parliamentary Committee shall be to consider all aspects of relations between the EC and Malta and, in particular, the implementation of the Association Treaty and the application of Malta for membership of the EC and/or other future relations between the two sides.".


Mela dan il-kumitat li jiltaqa' wara l-ġimgħa d-dieħla m'hu se jkollu l-ebda diffikulta' u l-Kap ta' l-Oppożizzjoni m'għandux joħloq kriżi fejn m'hemmx kriżi.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-Kamra hija sospiża.
Fis-6.50 p.m. il-Kamra kienet sospiża u rriżumiet fis-7.55 p.m.


Yüklə 430,19 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin