MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
11905. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Kultura u Sports u d-dipartimenti, kumpanniji u enti oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mill-1 ta' Novembru 1996 sal-lum u għal kull persuna jindika: 1) il-kariga jew xogħol li għandha; 2) taħdimx full time, part-time, casual, b'kuntratt jew xi mod ieħor; 3) il-lokal fejn tirrisjedi; 4) in-numru ta' karta ta' identita' tal-persuna; 5) id-data meta ġiet impjegata u, jekk ikun il-każ, id-data ta' terminazzjoni; 6) jekk intalabx permess ta' l-ETC u jekk iva, meta ntalab u meta ngħata; 7) jekk saritx sejħa pubblika u jekk iva, meta saret u fejn ġiet pubbliċizzata; 8) jekk ma saritx sejħa pubblika, kif sar ir-reklutaġġ? Kemm-il darba saru xi interviews għal xi wieħed mill-persuni fuq indikati, jista' l-Ministru jgħid ukoll: 1) għal liema xogħlijiet kienu jirreferu l-interviews; 2) min għamel l-interviews; 3) kemm applikaw għall-post u minn fejn kien kull applikant; u 4) jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' l-interviewing board?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 12252 inkwantu jikkonċerna s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu.
INTERNET FL-ISKEJJEL PUBBLIĊI
12175. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltacom għandhiex f'idejha proġett pilota sabiex jiddaħħal l-Internet fl-iskejjel pubbliċi? Fiex wasal dan il-proġett? F'liema skejjel qed isir? Meta se jkun terminat? X'tip ta' connection u servizz ta' Internet qed ikun jew se jkun ittestjat?
X'sehem se jkollha l-Maltacom fit-twettiq tal-proġett kollu ta' l-Internet fl-iskejjel pubbliċi?
ONOR. JOE MIZZI: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għad-diskors li għamilt f'għeluq tad-dibattitu dwar l-estimi tad-dħul u nfiq tal-Korporazzjoni Telemalta nhar il-Ġimgħa 20 ta' Frar 1998. Minħabba n-natura kummerċjali ta' dan il-proġett ma jidhirlix li għandha tingħata l-informazzjoni mitluba f'dan l-stadju. L-informazzjoni tingħata fiż-żmien opportun.
VILLAĠĠ TAL-KARNIVAL
12437. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li f'pajjiżna jsir villaġġ tal-Karnival? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jinbeda dan ix-xogħol?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Iva - iżda l-ħsieb huwa aktar fis-sens ta' workshops/post ta' esibizzjoni. Fl-aħħar tlett snin tal-Gvern preċedenti kienu ġew ivvotati aktar minn Lm160,000 vot kapitali għal tali konċett, iżda huwa ta' dispjaċir li wieħed jinnota illi dawn il-flejjes ma ntnefqux kif propost għaliex kieku forsi llum il-parteċipanti tal-karnival kien ikollhom dan il-post tant bżonnjuż.
Agħar minn hekk, jien informat li dawn il-flejjes intnefqu mill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari responsabbli mill-Kultura fi żmien il-Gvern preċedenti fuq affarijiet oħrajn minnflok fuq dan il-proġett. Il-Gvern preżenti diġa' beda bil-ħidma tiegħu billi qiegħed fil-fażi ta' identifikazzjoni ta' sit u formular ta' pjanti u applikazzjonijiet għall-permessi relevanti.
PA - SITI ARKEOLOĠIĊI
12852. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandhiex tagħrif dwar siti ta' importanza arkeoloġika fl-inħawi tal-lukanda Verdala, ir-Rabat?
ONOR. GEORGE VELLA: L-eqreb fdalijiet arkeoloġiċi fil-viċinanza tal-Lukanda Verdala jinsabu madwar 120m 'il bogħod fuq in-naħa tar-Rabat. Dan jirriżulta minn informazzjoni li għandha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fl-inventarju tas-siti arkeoloġiċi oħra fil-viċinanzi. L-informazzjoni tinkiseb permezz ta' riċerka f'dokumenti u surveys fuq il-post.
SKEJJEL - GĦAWDEX
12912. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5890 u oħrajn, jista' issa l-Ministru jgħid jekk itteħditx id-deċiżjoni favur jew kontra l-estensjoni ta' l-Iskola Primarja ta' Sannat u jekk fl-affermattiv, x'kienet id-deċiżjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-vot fl-Estimi għal dan l-iskop?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13118 mogħtija f'seduta 202.
SKEJJEL - MARIA GORETTI
12955. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li l-Iskola Santa Marija Goretti, f'Sta. Luċija qegħda mingħajr Head? Minn meta? Meta se jkollha Head regolari? Japprezza l-Ministru li kemm ilha mingħajr Head din l-iskola qed ikun hemm nuqqasijiet f'dik li hija organizzazzjoni u speċjalment dixxiplina?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-Iskola Sekondarja tal-Bniet Santa Marija Goretti ta' Ħal Tarxien ilha mingħajr Head mis-16 ta' Frar 1998. Ta' min jgħid li bħalissa l-iskola hija mmexxija minn tliet assistenti kapijiet. Id-diviżjoni ma kellha l-ebda rapporti li hemm nuqqasijiet ta' organizzazzjoni jew dixxiplina.
Il-vakanza nħolqot billi l-Kap ta' l-Iskola, inħatret bħala Assistent Direttur għal Għawdex. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet ilha li għalqet xi żmien u l-interview mistenni jsir ma jdumx.
PA - PERMESSI
13036. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li dawk li rebħu talbiet għal reconsideration ta' l-applikazzjoni tal-permessi jew appell jingħataw lura l-ħlas li ħallsu lill-Planning Authority?
ONOR. GEORGE VELLA: Il-ħlas ta' talbiet għal reconsideration ta' applikazzjoni tal-permess jew appell jingħataw lura individwalment hekk kif il-Bord ta' l-Appell jew il-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp jordna li s-somma jew parti mis-somma mħallsa għandha tingħata lura.
GĦAQDIET SPORTIVI/FILANTROPIĊI
13069. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 12825, jista' l-Ministru jgħid jekk għajnuna finanzjarja tinkludix sponsorships? Jekk fin-negattiv, tista' tingħata din l-informazzjoni għal dak li jirrigwarda sponsorships fl-1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Iva.
UNIVERSITA' - INSTRUCTORS
13070. L-ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma li l-istudenti li qed isegwu l-kors ta' l-instructors bħalissa humiex se jiġu kkonsidrati bħala f'livell ta' Scale 13 meta jiggradwaw? Huwa minnu li dawn se jitilgħu skala waħda kull ħames snin sussegwenti?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-ftehim bejn il-gvern, il-Malta Union of Teachers u l-General Workers Union dwar ir-riorganizzazzjoni tal-Gradi ta' l-Instructor fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni paġna 3 paragrafu 2,1.8 jgħid hekk: "On a once-only basis, a call for applications will be issued for the filling of vacancies of Instructors in trade and academic subjects, which will be opened to persons who have successfully completed a course in pedagogy organized by the Education Division and who have at least one scholastic year of teaching experience in an accredited school".
Min jikkwalifika minn dan il-kors ikun eliġibbli li japplika għall-ħatra ta' Instructor bl-iskala ta' paga rilevanti għal din il-ħatra.
ETC - REĠISTRAZZJONI GĦAX-XOGĦOL
12589. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Peress illi b'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 8544, il-Ministru kien qal illi sar studju dwar in-numru ta' nies li qed jieqfu jirreġistraw min jeddhom billi ġie sampled xahar partikolari li l-Ministru ma kienx jaf liema hu, jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. EDWIN GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xahar li ġie sampled għall-mistoqsija parlamentari numru 8544 kien Lulju, 1997. Kopja ta' l-istudju li kien sar hu kif ġej:
Malta
In-numru ta' nies li waqfu jirreġistraw minn jeddhom kien ta' 510.
Sa l-aħħar ta' Novembru 1997:
325 qabdu jaħdmu
18 self employed
43 reġgħu bdew jirreġistraw
1 irtira bil-pensjoni
123 pożizzjoni tagħhom għadha mhijiex magħrufa.
VALLETTA - PROĠETT
12595. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li wara li jitlesta l-proġett ta' Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta l-karrijiet tal-Karnival mhux se jitħallew jgħaddu mill-istess triq?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv.
VALLETTA - SUQ - BOZOZ
12596. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se jitbiddlu l-bozoz tas-suq tal-Belt li ilhom maqtugħin żmien twil u li dwarhom saru diversi rapporti mill-Kunsill Lokali tal-Belt?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-bozoz li jistgħu jintlaħqu se jinbiddlu mmedjatament. L-oħrajn li huma ta' periklu, se nisibu alternattiva oħra għalihom.
PBS - IMPJEGATI
12597. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11612, jista' l-Prim Ministru jgħid x'xogħol qed jagħmlu ż-żewġ ħaddiema mpjegati part-time mal-PBS?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li ż-żewġ ħaddiema part-time mal-PBS qed jagħmlu xogħol klerikali u segretarjali.
PBS - BORD TAD-DIRETTURI
12598. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk żewġ membri tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS humiex qed jagħmlu xogħol għall-kumpannija bħala kontributuri? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'xogħol jagħmlu u kemm jitħallsu? Jista' jgħid jekk dan imurx kontra l-Kodiċi ta' Etika li jorbot diretturi ta' kumpanniji tal-Gvern?
ONOR. ALFRED SANT: Jien informat li membru wieħed biss tal-Bord tal-PBS qed jagħmel xogħol għall-kumpanija bħala kontributur.
Il-ħidma ta' dan id-direttur tal-PBS ma tmurx kontra l-Kodiċi ta' Etika għal diretturi ta' kumpanniji tal-Gvern.
Bħalma diġa' għidt drabi oħra f'dan il-Parlament, fl-ambjent pluralistiku tal-qasam tax-xandir f'pajjiżna żgur li mhux fl-interess ta kumpannija kummerċjali bħall-PBS li tagħti l-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Membru.
PBS - PROMOZZJONIJIET
12599. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu dak li ġie rrapportat fil-Media u ċioe' li l-GWU interveniet mal-PBS biex twaqqaf numru ta' promozzjonijiet li kienu se jingħataw? Jekk fl-affermattiv, x'raġuni ngħatat mill-GWU u x'kienet ir-reazzjoni tal-PBS?
ONOR. ALFRED SANT: Le.
SAĦĦA - ĦADDIEMA ĠODDA
13049. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-preżent hemm talbiet mid-Dipartiment tas-Saħħa lill-MPO għal ingaġġ ta' ħaddiema ġodda mad-dipartiment? Għal liema karigi saru dawn it-talbiet u meta saret it-talba?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: It-talbiet għall-ingaġġ ta' ħaddiema tas-Saħħa jsiru permezz ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u mhux lill-MPO. L-imsemmija Kummissjoni tapprova li joħroġu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet wara li tirċievi l-verifika mill-MPO.
SERVIZZ ĊIVILI - ĦATRA TA' CGMO
13050. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess għal ħatra ta' CGMO? Meta ħarġet il-call for application biex jimtela' dan il-post?
ONOR. ALFRED SANT: Sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta' Direttur Ġenerali fid-Diviżjoni tas-Saħħa se terġa' toħroġ fil-jiem li ġejjin. L-aħħar sejħa kienet ħarġet fit-8 ta' April 1997.
SPTAR SAN LUQA - PAZJENTI
13051. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm matul is-sena 1997 kien hemm pazjenti ġewwa l-Isptar San Luqa li ġew discharged at their own request?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninsab informat li minn tagħrif mogħti s'issa mill-Isptar San Luqa, permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis, jirriżulta li fil-perjodu bejn Jannar 1997 u Novembru 1997 minn 37,349 pazjenti li ddaħlu fl-Isptar San Luqa kien hemm 832 pazjenti li ġew discharged at request.
MEDIĊINI - ENALAPRIL 20MG
13052. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Peress li l-Ministru rrisponda li kellha tinxtara konsenja ġdida b'direct order ta' pilloli Enalapril 20mg wara li dik imqassma lill-pazjenti instabet li ma kellix l-istess bioavaibility ta' l-oriġinal, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-konsenja difettuza ġiet aċċettata fl-ewwel post? Min kien responsabbli għax-xiri ta' din il-konsenja? Kemm qamet flus id-direct order? Min kien l-aġent tal-konsenja difettuża, jekk din ġietx irritornata u jekk l-aġent ġiex immultat penali? Liema tip ta' kontroll jeżisti biex mediċini ta' kwalita' inferjuri ma jispiċċawx għand il-pazjenti Maltin?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Qatt ma ntqal li l-problemi ta' l-Enalapril 20mg tablets kienu ta' bioavailability kif qed jgħid l-Onor. Interpellant. Kif intqal ukoll fl-istess risposta, "dawn il-pilloli kienu skond l-istandard farmaċewtiku stipulat u għal daqstant baqgħu jiġu mqassma".
Din il-mediċina nxtrat bil-proċess regolari ta' tender u għaddiet ukoll mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Ma saret l-ebda direct order iżda Selective Call for Quotations li qamet Lm91,000.
L-aġent tal-konsenja tat-tender kien Michele Peresso Ltd.
Taħt iċ-ċirkostanza tal-każ, il-konsenja ma ġietx ritornata u l-aġent ma ġiex immultat penali.
Il-kriterji li jiggvernaw l-istandards tal-mediċini f'dan il-pajjiż jinkludi:
(a) iċ-ċertifikat meħtieġ biex tiġi mportata mediċina fil-pajjiż li huwa msejjaħ ċ-'Ċertifikat ta' Prodott Farmaċewtiku' maħruġ mill-awtorita' rikonoxxuta u jrid jobdi l-format stipulat mill-"W.H.O.". Dan iċ-ċertifikat juri li l-prodott huwa liċenzjat fil-pajjiż li jiġi mmanufatturat u huwa wkoll ta' livell aċettat ta' "G.M.P.".
(B) Kull batch f'kull konsenja irid ikun akkompanjat minn ċertifikat ta' kwalita' maħruġ mill-kumpannija tal-manifattura u wkoll jiġi ttestjat f'laboratorju indipendenti li jkun jobdi standards Ingliżi (BP), Ewropej (E.P.) jew Amerikani (USP).
Minn informazzjoni li għandu s'issa d-dipartiment fil-każ ta' l-Enalapril 20mg tablets", il-prodott jidher li l-kriterji msemmija kollha ġew sodifikati dak inhar li nxtara.
SPTAR ZAMMIT CLAPP - PAZJENTI
13053. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk inbidlitx l-admission policy jew il-kriterji biex pazjent jidħol Zammit Clapp? Jekk inbidlet, għaliex it-tobba fil-privat, li sallum kellhom il-faċilita' jirriferu pazjenti direttament, ma ġewx informati b'din il-bidla permess ta' ċirkolari?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-admission policy jew il-kriterji biex pazjent jidħol Zammit Clapp inbidlet riċentement. Dawn il-kriterji qed jiddaħlu fis-seħħ proprju issa u t-tobba privati u oħrajn se jiġu avżati fil-ġranet li ġejjin.
SPTAR ZAMMIT CLAPP - RESPITE CASES
13054. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk inbidlitx il-policy fejn pazjenti jiġu rikoverati ġewwa Zammit Clapp bħala respite cases? Jekk fl-affermattiv għaliex it-tobba privati li sallum kellhom din il-faċilita' ma ġewx informati?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-admission policy jew il-kriterji biex pazjent jidħol Zammit Clapp inbidlet riċenti. Dawn il-kriterji qed jiddaħlu fis-seħħ proprju issa u t-tobba privati u oħrajn se jiġu avżati fil-ġranet li ġejjin.
KUNSILLI LOKALI - KONFINI ELETTORALI
13079. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'jonqos sabiex jiġi attwat ir-rapport ppreparat mill-Kumitat presjedut mill-Imħallef M. Caruana Curran dwar bdil fil-konfini elettorali tal-kunsilli lokali?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li l-Kummissjoni Elettorali se tagħmel it-tibdil fil-konfini elettorali tal-kunsilli lokali permezz ta' avviż legali li se tippubblika fi żmien qasir.
FRANZA - DELEGAZZJONI
13080. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni li fformaw parti mid-delegazzjoni mmexxija minnu fi Franza? Min kienu l-persuni residenti f'Malta jew barra li ħadu sehem fid-diskussjoni?
ONOR. ALFRED SANT: Id-delegazzjoni kienet magħmula minni u minn Dr Adrian Vassallo u s-sur Joe Borg, Assistent Personali tiegħi.
F'laqgħat uffiċjali kien hemm preżenti wkoll għan-naħa Maltija:
Il-Ministru John Attard Montalto
Dr Mario Vella
L-Ambaxxatur Vince Camilleri
RABAT - PERMESS GĦAL BINI
13081. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7911, jista' l-Ministru jagħti tweġiba jekk il-proprjeta' tistax tiġi rilaxxata?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Id-dipartiment qiegħed jiċċara l-pożizzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar jekk dan il-bini għandux jitwaqqa' biex tiġi rrispettata l-ischeme fil-lokal qabel ma tista' tittieħed deċiżjoni dwar xi rilaxx.
ĦABS ĊIVILI - ŻJAJJAR
13082. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn qed isiru ż-żjajjar tal-familjari lill-priġunieri fil-Ħabs ta' Kordin?
X'użu qed isir mill-Main Gate il-ġdida u kmamar annessi?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li rigward dawk il-priġunieri li jinsabu fid-Diviżjonijiet I, II, III u IV, iż-żjajjar tal-familjari qegħdin isiru fil-post magħruf bħala d-Debituri. Iż-żjajjar lill-priġunieri li qegħdin fid-Diviżjonijiet V, VI, VII u VIII isiru fil-viċinanzi ta' dawn id-diviżjonijiet.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab informat li l-Main Gate tintuża biex jiġi regolat id-dħul u l-ħruġ kollu għal u mill-ħabs filwaqt li l-kmamar annessi qegħdin jintużaw mis-sezzjonijiet ta' l-accounts, tar-riabilitazzjoni, mid-Detail Officer u bħala Control Room. Parti mill-kmamar qed jintużaw ukoll bħala stores.
PULIZIJA - SERQ
13083. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi rrapportati lill-Pulizija ta' serq ta' oġġetti ta' valur artistiku u/jew storiku matul l-1997 u l-1998? Kemm minn dawn ġew misjuba?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li l-istatistika dwar l-informazzjoni mitluba qabel Settembru 1997 mhix disponibbli.
Ninsab informat ukoll li l-informazzjoni mitluba għall-perijodu 1 ta' Settembru 1997 sat-13 ta' Marzu 1998 hi kif jidher hawn taħt :
Rapportati Misruqa Misjuba Affarijiet ta' antikita 20 kaz xejn
Pitturi 6 kazi xejn
Xoghol ta' arti 11-il kaz xejn
PULIZIJA - PATROL
13084. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kif qed jiġi organizzat il-foot patrol beat fid-diversi distretti mill-Korp tal-Pulizija?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi l-foot patrol fid-diversi Distretti tal-Pulizija jiġi organizzat skond in-neċessitajiet tad-distrett konċernat mill-Assistenti Kummissarji u Supretendenti responsabbli mid-Distretti.
CIVIL AVIATION - ĦADDIEMA
13141. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kategorija ta' ħaddiema tas-Civil Aviation hu mistenni li jiġu trasferiti ma' l-MIA?
F'liema grad huma fil-preżent impjegati dawk li se jiġu hekk trasferiti?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Għadu kmieni biex jingħataw dettalji li qed jitlob l-Onor. Interpellant aktar u aktar meta għadu fi stadju ta' diskussjonijiet mal-unions konċernati. Li nista' nikkonferma f'dan l-istadju huwa l-informazzjoni li diġa' tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 12940.
WSC - SWIMMING POOLS
13142. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' swimming pools li ġew reġistrati mal-Water Services Corporation? F'liema lokalita' jinsabu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: In-numru ta' swimming pools irreġistrati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma huwa ta' 2,161. Din il-figura ma tinkludix madwar 400 applikazzjoni oħra li qed jiġu proċessati.
Dawn il-lokalitajiet huma kif ġej:
LOKALITA' NUMRU