MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Rapport dwar l-effiċjenza milħuqa mill-kunsilli lokali għall-perijodu bejn Jannar u Marzu 1997.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ press release maħruġa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma fit-12 ta’ Mejju 1997 dwar xogħlijiet fuq il-provvista ta’ l-ilma fis-Siġġiewi u l-Fgura, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5600.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar proġetti fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa għas-sena 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5509.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IL-PORTIJIET ĦIELSA TA' MALTA MALTA FREEPORTS (AMENDMENT) BILL
L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.
Ikompli mid-19 ta' Mejju, 1997.
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
MADAM SPEAKER: Hemm aktar rimarki jekk jogħġobkom? (Onor. Membri: No) Nistieden lill-Ministru jgħaddi għall-winding up.
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO (Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija): Madam Speaker, il-bieraħ għamilt introduzzjoni qasira dwar dan l-abbozz ta' liġi u spjegajt li dan l-abbozz huwa ntiż biex jagħmel żewġ tipi ta' emendi pjuttost tekniċi. Minn mindu twaqqfet il-Freeport Corporation u minn mindu l-Parlament approva l-Malta Freeports Act tbiddlu diversi liġijiet u għalhekk kien hemm il-ħtieġa ta' bidla teknika f'dan is-sens. It-tieni emenda li qegħdin nipproponu m'hijiex waħda ta' natura teknika biss imma tippermetti lill-Freeport Corporation li tagħti faċilitajiet b'ċens għal mhux aktar minn 50 sena mingħajr ma dan jiġi kkonsidrat bħala bejgħ, ħaġa li ma setgħetx issir taħt il-liġi oriġinali. Għaldaqstant id-dibattitu tal-bieraħ kien maqsum fuq żewġ binarji - wieħed b'mod ġenerali dwar il-Freeport Corporation, u l-ieħor b'mod partikolari dwar ir-riallokazzjoni tal-kumpannija Medserv fil-Freeport. Għalkemm ma kienx wieħed twil dan id-dibattitu kien interessanti ħafna għaliex tana l-opportunita' li nitkellmu dwar il-Freeport Corporation bħala intrapriża fil-kontest tal-politika industrijali tal-forzi politiċi tal-pajjiż. Qed nuża l-frażi "forzi politiċi" għal raġuni speċifika għax, kif kellna l-opportunita' nisimgħu, il-Freeport jikkostitwixxi proprju kontinwita' ta' politika fil-qasam mhux biss industrijali imma b'mod speċifiku għat-trasbord.
L-idea tat-trasbord bdiet dieħla in voga minħabba li kellna perijodu fejn kien hawn żieda qawwija fis-swieq internazzjonali fil-prezz taż-żejt u minflok li l-vapuri bdew imorru direttament għal dawk il-portijiet of final destination, is-sidien intebħu li jkun aktar għaqli u aktar ekonomiku li l-merkanzija titniżżel f'portijiet oħra nofs triq fejn hemmhekk imbagħad jidħlu in xena l-feeder vessels li jġorru l-merkanzija għall-inħawi differenti b'inqas spiża. Fil-fatt kien proprju għalhekk li l-iżvilupp sar f'żewġ oqsma għax dak iż-żmien kien beda proċess biex isir it-trasport tal-qamħ mill-grain terminal għas-silos u kien beda wkoll proċess biex Marsaxlokk isir port anċillari u fil-fatt illum nistgħu ngħidu li għal dak li huwa shipping il-Port ta' Marsaxlokk huwa prinċipali daqs il-Port il-Kbir.
Ngħid għalija, l-importanza tal-portijiet hija relatata ħafna ma' l-istorja ta' pajjiżna u m'għandix dubju li pajjiżna wasal fejn wasal grazzi għall-portijiet naturali li għandna. Tant hu hekk li d-differenza li teżisti fil-qasam tal-kummerċ u ta' l-industrija bejn dak ta' Malta u dak ta' GĦawdex jien naraha li primarjament ġejja mill-fatt li Malta għandha portijiet naturali u GĦawdex m'għandux. L-istess nistgħu ngħidu għall-gżejjer li jinsabu ħdejn Malta, bħal Lampedusa. Dawn m'għandhomx l-iżvilupp industrijali, kummerċjali u soċjali li għandu pajjiżna għar-raġuni ewlenija li m'għandhomx il-portijiet li għandna aħna. Il-Port il-Kbir dejjem kellu żvolġiment ma' l-istorja politika ta' pajjiżna għaliex minħabba li Malta hija mbierka bl-aqwa portijiet fil-Mediterran - u probabbilment anke 'l hinn mill-Mediterran - ma setax ikun mod ieħor ħlief li l-iżvilupp li sar mal-miġja taż-żmien isir kollu fl-inħawi tal-Port il-Kbir. Biżżejjed insemmu li fi żmien il-Granmastru Pinto nbnew dawk il-warehouses - f'dik il-parti tax-xatt bejn il-Belt u l-Marsa - u dawn huma kapulavur u għalhekk għandna nindukrawhom sew.
Madam Speaker, kulħadd jifhem li l-iżvilupp ta' l-industrija marittima għandu rabta kbira ma' l-iżvilupp tax-xogħol fil-portijiet. Aħna nafu li minn dejjem, partikolarment minn żmien il-Kavallieri, b'xi mod jew ieħor il-Port il-Kbir kien involut fit-tiswija tal-vapuri u meta mbagħad Malta għaddiet f'idejn l-Ingliżi dan ix-xogħol ingħata spinta kbira, l-aktar bl-iżvilupp tat-Tarzna fin-naħa t'isfel ta' Malta. Hawn ta min igħid li madwar mitt sena ilu nibtet l-idea li jiġi żviluppat il-Port ta' Marsaxlokk għax kienet ilha tinħass il-ħtieġa li pajjiżna jkollu iktar minn port wieħed. Kien Lord Strickland li l-ewwel li ġietu l-idea li jiżviluppa l-Port ta' Marsaxlokk u dan juri kemm il-politiċi Maltin minn dejjem kienu konxji ta' l-importanza li f'pajjiżna jkun hawn aktar minn port wieħed. Sfortunatament l-idea ta' l-ex-Prim Ministru Malti ma mmaturatx kif wieħed kien jixtieq u pajjiżna kellu jistenna għexieren ta' snin biex jagħti bidu għall-bini ta' breakwater f'Marsaxlokk. Hawn irrid ngħid li ċertament dan ma kienx xogħol faċli u ta' min ifaħħar lil min bena dan l-ilqugħ għax min jifhem fl-inġinerija marittima jgħidlek li hemmhekk il-baħar huwa fond u hemm ħafna kurrenti. Imbagħad bil-mod il-mod bdew jiġu żviluppati l-bankini u fl-1988 il-Gvern Nazzjonalista waqqaf il-Freeport Corporation u sena wara l-Parlament approva l-Att dwar il-Portijiet Ħielsa ta' Malta. Dan kollu qed ngħidu biex nuri li l-idea li l-Port ta' Marsaxlokk ikun dedikat għat-trasbord kompliet tiġi żviluppata bl-iktar mod għaqli.
Madam Speaker, nista' ngħid mingħajr tlaqliq li l-ħsieb prinċipali tal-Freeport huwa li jkun hub għat-transhipment - żgur li ma rridux naħsbu li l-Freeport Corporation m'għandhiex funzjonijiet oħra, iżda fuq dan nitkellem iktar 'il quddiem - għax kif qal tajjeb il-kollega tiegħi l-Onor. Bonnici llum il-Freeport huwa wieħed mill-aqwa portijiet ta' transhipment li hawn fil-Mediterran. Dan huwa wieħed mill-iktar portijiet effiċjenti u l-pożizzjoni strateġika ta' pajjiżna tirrendih attraenti ma' diversi linji tal-vapuri. Illum il-linji tal-vapuri li jidħlu l-Freeport huma t-tliet linji l-kbar tal-Hyundai, tan-Norasia u tal-Grand Alliance. Hawn wieħed għandu japprezza li bis-saħħa ta' dawn il-linji Malta hija konnessa direttament ma' 56 port ieħor madwar id-dinja. Fil-fatt kemm il-Viċi Prim Ministru kif ukoll x-shadow minister responsabbli għal qasam ekonomiku, it-tnejn qalu li meta jiġu avviċinati minn persuni li jkunu interessati f'pajjiżna, kull darba li jsemmulhom il-Freeport dejjem iġibu l-boċċa ħdejn il-likk għaliex dan huwa wieħed mis-suċċessi li l-pajjiż huwa kburi bih.
Il-Freeport huwa wieħed minn dawk il-portijiet li jaħdmu s-sena kollha kontinwament għax matul is-sena jieqaf biss għal ħamest ijiem. Dan il-port għandu workforce ta' abbilta' kbira u fil-fatt jien naħseb li l-mertu ta' dan is-suċċess għandu jingħata liċ-chairman, lill-bord, lill-management, lill-ħaddiema li jaħdmu direttament mal-Freeport Corporation u anke lill-ħaddiema tax-xatt. GĦalhekk ikun tajjeb jekk aħna napprezzaw ix-xogħol li qed isir f'dan il-qasam u rrid infaħħar u nirringrazzja wkoll lid-diversi għaqdiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Freeport Corporation, fosthom il-GWU, il-UĦM u l-GRTU għaliex mill-mod matur kif dawn iġibu ruħhom u kif jiffaċċjaw il-problemi jidher li japprezzaw l-importanza ta' dan il-port għall-pajjiż in ġenerali.
Madam Speaker, huwa tajjeb li wieħed igħid li filwaqt li sa seba' snin ilu kienu jidħlu fil-Freeport ftit 'il fuq minn 200 vapur fis-sena, fl-1996 l-ammont ta' vapuri li daħlu fil-Port ta' Marsaxlokk laħħaq iċ-ċifra ta' kważi 1,400. Wieħed irid iżid jgħid ukoll li n-numru ta' containers kważi eċċeda s-600,000 u din iċ-ċifra wieħed għandu jaraha mill-perspettiva li hemm pajjiżi ħafna akbar minna li qed jikkompetulna. Kulħadd jaf li qed isir xogħol qawwi fuq il-phase 2 tat-terminal li bis-saħħa tiegħu l-Freeport se jkun kapaċi jirdoppja n-numru ta' containers that it can handle għal kważi 'l fuq minn miljun u kwart. Jiġifieri għandna biex nkunu kburin u għalkemm il-Freeport Corporation ma nsejħulhiex "gioia", hija verament gioia li rridu nindukrawha.
Semmejt il-kelma "gioia" għaliex kulħadd jaf li fil-qasam tat-trasbord Malta kellha edge fuq pajjiżi kompetituri oħra, fis-sens li l-idea kienet ilha li żviluppat - naturalment dan il-ħsieb f'kemm ili ngħidlek ingħata spinta 'l quddiem biex il-Freeport seta' jilħaq il-livell li laħaq - u mbagħad man mano fil-Mediterran kulħadd beda jintebaħ bil-konċett li port ħieles jista' joffri prospetti tajbin ħafna għall-ekonomija ta' kwalunkwe pajjiż. Naturalment Gioia Tauro huwa l-port l-iżjed viċin tagħna imma fil-Mediterran hawn numru sostanzjali ta' portijiet li qed jagħmlu l-istess xogħol, fosthom Barcelona, Marsilja, La Spezia u anke fl-Eġittu. Jiġifieri wieħed irid dejjem joffri servizz itjeb u aktar effiċjenti għaliex li nżommu l-pożizzjoni tagħna ma tiddependi minn ħadd iżjed ħlief minna. Nista' ngħid ukoll li kieku Terminal II kien lest diġa' jeżisti xogħol għalih u dan huwa ta' inkorraġġiment kbir għaliex juri l-fiduċja li għandhom il-linji tal-vapuri f'pajjiżna.
Terminal II mhux biss se jkabbar il-potenzjal u l-faċilitajiet li għandna imma se jagħtina l-faċilita' li nagħtu ċerti slots f'ċerti ġranet. Ħafna drabi l-linji tal-vapuri kompetituri tagħna jaħdmu b'sistema ta' slots u jikkompetu għall-istess slot fl-istess ġurnata. Medda ta' 24 siegħa tista' tfisser miljuni kbar ta' dollari u għalhekk huwa importanti li noffru dan is-servizz lil linji differenti. Dan huwa importanti għaliex kulma jmur wieħed aktar qiegħed jirrealizza li l-linji tal-vapuri qegħdin jingħaqdu f'alleanzi u iżjed ma' jgħaddi ż-żmien din il-globalisation iżjed se tidħol fil-qasam marittimu.
Kif wieħed kellu wkoll l-opportunita' li jismagħni ngħid, l-intenzjoni hija li sa l-aħħar tas-sena d-dieħla l-phase 2 tkun fully operational. Din hija l-istruttura tat-timetable u sal-lum jidher li din l-istruttura qiegħda tinżamm. Nista' ngħid li Terminal II qed isir permezz tal-ħaddiema li kien hemm qabel - qabel kien hemm żewġ kumpanniji li llum huma mseħbin f'kumpannija waħda li jisimha l-Kalaxlokk li fl-amministrazzjoni tagħha hemm involuta wkoll il-kumpannija Novita' - u jidher li x-shedules qegħdin on target. Fil-qasam marittimu nistgħu ngħidu li probabbilment din hija waħda mill-aqwa kumpanniji li llum akkwistat esperjenza kbira f'dak li għandu x'jaqsam ma' xogħol ta' kostruzzjoni marittima.
Kif diġa' kellu l-opportunita' jgħid il-Prim Ministru dwar diversi xogħlijiet li huma ntiżi għal din il-kumpannija - ovvjament wieħed dejjem jipprova jqanqal xogħol ta' tip marittimu peress li Malta hija ideali biex wieħed ikattar dan it-tip ta' xogħol - ġie ndikat li wara li tispiċċa phase 2 ta' Terminal II isir ix-xogħol biex jiġi żviluppat il-Port taċ-Ċirkewwa kif ukoll il-Port ta' l-Imġarr f'Għawdex sabiex ikollna aktar faċilitajiet. Dan għaliex il-Gvern Laburista jagħti importanza kbira lill-qasam marittimu tant li llum għandna lill-Ministru Joe Debono Grech li jikkonċentra l-enerġija kollha tiegħu fuq dan il-qasam. Jien nara li huwa sinjal ta' maturita' politika min-naħa ta' dan il-Parlament u anke sens ta' demokrazija li wieħed jifhem li hemm ċerti oqsma li huma 'l fuq mill-politika partiġjana. Meta nisma' ċerti dibattiti li għandhom x'jaqsmu mal-qasam ta' l-industrija, mal-qasam marittimu u mal-qasam tat-turiżmu nintebaħ li l-forzi politiċi tal-pajjiż jingħaqdu biex itejbu u mhux biex jipprovaw imaqdru dak li qed jiġri. Din hija pożittiva għall-aħħar li nirrealizzaw li hemm ċerti oqsma li huma 'l fuq mill-politika partiġjana u kif jgħidu ż-żewġ naħat tal-Kamra - kemm meta fuq il-bankijiet ta' l-Oppożizzjoni kien hemm il-Partit Laburista u kemm illum li hemm il-Partit Nazzjonalista - Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Madam Speaker, servizz ieħor li toffri l-Freeport Corporation għandu x'jaqsam mal-warehousing u fil-fatt għal dan ix-xogħol twaqqfet kumpannija apposta. Preżentement din il-kumpannija tieħu ħsieb 10 warehouses ta' 2,400 metru kwadru 'l waħda u fihom wieħed isib l-iktar faċilitajiet moderni. Dawn il-warehouses jintużaw għal diversi affarijiet, fosthom biex isir storage u anke biex isir ċertu xogħol li ma jkunx ta' natura manifatturali, bħal ngħidu aħna labelling fuq il-prodott li jkun se jiġi esportat. Issa kif ġie spjegat il-bieraħ, parti mix-xogħol tal-kumpannija Medserv huwa dak ta' warehousing u allura hemm synergy totali bejn dak li qed isir fil-Freeport u dak li huwa intenzjonat li tagħmel il-Medserv fiż-żmien li ġej.
Madam Speaker, ingredjent ieħor li nsibu fil-Freeport huwa dak li jissejjaħ oil tanking. Il-kumpannija li tagħmel dan ix-xogħol ta' oil tanking mhux biss taħżen iż-żjut f'tankijiet differenti - mingħalija l-ammont ta' żejt li jinħażen ilaħħaq għal 400,000 metru kubu - imma tagħmel ukoll ċertu xogħol ieħor. Fil-fatt fid-diskorsi li għamlu kemm ix-shadow minister f'dan il-qasam kif ukoll il-Viċi Prim Ministru taw indikazzjoni li hemm synergy bejn ix-xogħol li qed isir preżentement fl-oil tanking u x-xogħol li tista' tagħmel il-kumpannija Medserv. Wara kollox din il-kumpannija sservi ta' supply station f'dawk is-servizzi li għandhom x'jaqsmu maż-żejt u mat-trasport ta' prodotti li jiġġeneraw l-enerġija. Evidentement il-Freeport Corporation hija abbinata b'mod dirett ma' l-iżvilupp marittimu u għalhekk kien tajjeb li meta ġie indikat li l-Medserv għandha tidħol f'qasam li għandu x'jaqsam direttament mal-Freeport ittieħed into consideration li l-Medserv ikollha synergy kbira ma' dak li jkun qed jiġri fil-Freeport.
Madam Speaker, wieħed għandu jsemmi wkoll il-fatt li l-Freeport Corporation għandha diversi fergħat oħrajn.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili nwaqqfek għaliex skadielek il-ħin u għandek bżonn il-Leave of House biex tkompli tinstema'. Hawn Leave of House? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Madam Speaker, nirringrazzja lill-Kamra kollha talli estendietli l-ħin biex inkompli bl-intervent tiegħi. Kont se ngħid xi ħaġa dwar il-fergħat l-oħra li għandha l-Freeport Corporation, li wkoll huma importanti imma li forsi m'humiex daqshekk magħrufa popolarment. Il-Freeport Corporation għandna kumpannija sussidjarja b'shareholding barrani li xogħolha għandu x'jaqsam ma' inġinerijia marittima u hemm ukoll qasam ieħor li għandu x'jaqsam ma' training of Freeport personnel. Dan huwa importanti li wieħed japprezzah għaliex bla dubju ta' xejn l-eċċellenza tal-ħaddiem Malti tispikka f'dak li huwa assorbiment u potenzjal fix-xogħol tiegħu. Żgur li meta niġu biex nitkellmu fuq l-abbilta' tal-ħaddiem Malti m'hemmx lok għal inċertezza, kelma li saret tintuża ħafna dan l-aħħar minn ċerti nies. Meta l-ħaddiem Malti jkun irid kapaċi jasal għal livelli l-aktar għolja u jaf iħabbatha ma' min irid. Bla dubju ta' xejn l-aqwa riżors li għandna hija l-kapaċita' tal-ħaddiem Malti, il-lealta' tiegħu lejn il-post tax-xogħol, il-flessibbilta' li jadatta ruħu għaċ-ċirkostanzi u l-assorbiment ta' ċertu xogħol ta' teknika u preċiżjoni. Fil-fatt il-Freeport huwa mera ta' dan għaliex hija l-effiċenzja li għandna li tiddistingwina minn freeports oħrajn fil-Mediterran.
Jekk wieħed jara l-balance sheets ta' l-oħrajn jinduna bid-distinzjoni netta bejn freeport li huwa mmexxi fuq linji kummerċjali, bħalma huwa l-Freeport ta' Marsaxlokk, u freeports oħra viċin tagħna. Aħna nafu x'juru u x'ma jurux il-balance sheets ta' l-aqwa kompetituri tagħna u dan huwa importanti għaliex huwa tajjeb li tkun taf f'liema qagħda jinsab fiha dak li jkun qed jikkompeti miegħek. Pero' wieħed m'għandux iserraħ rasu fuq dan għaliex żgur li l-kompetituri jagħmlu minn kollox biex jilħqu livelli ogħla u jattiraw lejn pajjiżhom ix-xogħol li għandna aħna. Għalhekk huwa importanti li ntejbu dak li qed noffru għaliex b'hekk biss nistgħu nibqgħu kompetittivi. U hawn nerġa' norbot l-argument tiegħi mal-fatt li l-Medserv se tkun parti mill-qasam ta' l-industrija marittima.
Madam Speaker, kien proprju għalhekk li d-deċiżjoni ttieħdet li jkun għaqli li jkun hemm konċentrament ta' dan it-tip ta' servizz fil-qasam li huwa l-Freeport innifsu. Il-bieraħ il-Viċi Prim Ministru u l-kelliem ewlieni ta' l-Oppożizzjoni f'dan il-qasam tkellmu fuq il-location tal-Medserv u ppreżentaw l-argumenti tagħhom dwar jekk din il-kumpannija għandhiex tmur fil-qasam tal-Freeport jew le. U l-argumenti minn naħa tal-Gvern għandhom proprju l-qofol tagħhom f'dak li għadni kemm għidt, ċioe' li l-Medserv toffri servizz li huwa ta' natura marittima u jkun ideali li din tkun lokalizzata f'dak li llum huwa magħruf bħala l-Freeport. Għalhekk meta wieħed jgħid li l-Medserv sejra Birżebbuġa ma jkunx preċiż. Ix-shadow minister f'dan il-qasam huwa minn Birżebbuġa u jiena nista' ngħid li ommi twieldet Birżebbuġa u missieri għandu proprjeta' f'dawk l-inħawi, jiġifieri m'hemmx dubju li għandi aktar minn ċerta simpatija għal dik il-parti ta' Malta li m'hux ta' b'xejn jisimiha Pretty Bay. Li huwa nteressanti huwa li l-Freeport mhux qiegħed f'Birżebbuġa per se imma qiegħed f'Kalafrana u allura l-Medserv m'hijiex se tkun f'Birżebbuġa imma se tkun proprju fejn illum hemm il-Freeport.
Jiena naħseb ukoll li hemm ċerta misconception f'dak li huwa xogħol li tagħmel il-Freeport Corporation, kif ukoll nibża' li ftit hawn min jaf minn fejn se tibda topera l-Medserv. Il-korporazzjoni diġa' tagħmel servizz ta' entita' sostanzjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' trasbord, warehousing u oil tanking, filwaqt li l-Medserv se tagħmel xogħol ta' servicing għax se jkollha storage facilities f'qasam partikolari tal-Freeport u l-vapuri tagħha jidħlu f'dik il-parti tal-Freeport l-aktar imbiegħda minn Birżebbuġa u kemm jgħabbu u jitilqu. Mela jekk għall-grazzja ta' l-argument il-Medserv kellha tkun riallokata f'xi post ieħor fil-Port ta' Marsaxlokk, xorta waħda kien se jiġri li l-vapuri jidħlu fil-port. Per eżempju, il-bieraħ issemma' li wieħed mill-postijiet fejn seta' kien hemm l-idea li tiġi l-Medserv kien fejn illum hemm il-power station. Imma wieħed bilfors irid igħid li kieku l-vapuri kellhom jibqgħu deħlin lejn in-naħa tal-power station kienu jgħaddu proprju minn quddiem Birżebbuġa, filwaqt li issa l-vapuri li se jidħlu għall-qasam tal-Medserv - dan il-post anke indikajnih fuq il-mappa - se jużaw il-quay l-aktar imbiegħed mir-raħal ta' Birżebbuġa. Dan il-post qiegħed bejn il-breakwater u l-quay, li allura jiġi d-dar - hekk isejħulu - ta' Terminal II u mhux ta' Terminal I.
Forsi kien hemm min ħaseb u anke qal li l-Medserv se tiġi proprju qrib il-qasam residenzjali. Jien naħseb li min qal hekk - irrid ngħid li dan ma ntqalx min-naħa ta' l-Oppożizzjoni imma kien għajdut li ġġenera fil-lokal ta' Birżebbuġa - kien informat ħażin għaliex, kif inhu indikat fuq il-mappa li l-bieraħ poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra, il-lokazzjoni ta' l-attivita' tal-Medserv hija fl-aktar post remot li hemm fil-Freeport u li huwa l-aktar post imbiegħed mill-qasam residenzjali. GĦalhekk naħseb li huwa importanti li l-poplu u n-nies ta' Birżebbuġa jifhmuh dan u bħala l-ministru responsabbli mill-Freeport qed noffri l-possibilita' lil kull min jixtieq sabiex jiġi jara l-post indikat għax wisq nibża' li għad hawn taħwid ta' ideat dwar minn fejn se tkun topera l-Medserv. Lin-nies ta' Birżebbuġia li raw il-Freeport nista' ngħidilhom li s-sit qiegħed fejn illum hemm dik l-excavation sħiħa u fejn hemm l-impjant li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp tal-phase 2 tal-Freeport, li huwa fl-aktar post imbiegħed. Qed nirriferi għal fejn qed isir ix-xogħol bħalissa, proprju biswit it-tankijiet taż-żejt.
Barra minn hekk, il-moll li se tuża l-Medserv m'huwiex se jkun dak tal-Freeport ħdejn Birżebbuġa. Dawn ma jistgħu jużaw l-ebda moll ħlief wieħed li huwa ta' 200 metru. U hawnhekk jien irrid niddikjara li se ngħaddi lill-kollega tiegħi d-diversi ftehim li qed isiru mal-Medserv. M'iniex se npoġġihom illum fuq il-Mejda tal-Kamra għaliex għadhom m'humiex iffinalizzati - għad hemm xi klawsoli li għad irid isir xi fine-tuning fuqhom - imma nwiegħed li kif dawn jiġu ffinalizzati jiena npoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn jinvolvu tliet agreements: wieħed għandu x'jaqsam mat-trasferimenti ta' l-ishma bejn il-Gvern u Albert Abela Corporation; hemm ukoll ftehim ieħor bejn il-Medserv u d-Dipartiment ta' l-Artijiet; u ftehim ieħor bejn il-Medserv, il-Gvern u l-Freeport Corporation. Aktar tard jien se ngħaddi dawn id-dokumenti lill-kollega tiegħi ta' l-Oppożizzjoni - li għandi kull fiduċja fih għax kieku ma ngħaddihomlux f'dan l-istadju - u kif jiġu ffinalizzati npoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra. Jidher li din il-misconception fejn se jkun is-sit tal-Medserv hija l-aktar ħaġa li wieħed irid jikkonċentra fuqha meta jitkellem dwar jekk Birżebbuġa hijiex se terfa' xi piż akbar milli qed terfa'. Jekk ma tkunx il-Medserv tista' tkun xi ħaġ'oħra li tiġi llokata hemmhekk.
Il-bieraħ l-Onor. Bonnici staqsa jekk jistax jagħti l-kas li l-lok jintuża għal skop aħjar bħal skop ta' manifattura. Meta huwa kien ministru kien hemm l-intenzjoni minn xi ditti li jagħmlu xi xogħol f'dawk l-inħawi u probabbilment l-istess proġetti li ġew ippreżentati lilu reġgħu ġew ippreżentati lili kif sirt ministru. U kif kien hemm ċerta evalwazzjoni fi żmienu, l-istess ħaġa ssir illum. Jien naħseb li hawnhekk l-Onor. Bonnici kien qed jirriferi għal proġett partikolari li kien jenħtieġ iktar studju fuqu minħabba ċerti effetti li seta' jkun hemm. Kien proprju għalhekk li l-Medserv intgħażlet biex tmur f'dan il-qasam għax kieku ma kenitx il-Medserv ċertament li kien se jkun hemm xi ħaġa oħra. Il-Medserv se tkun qiegħda fl-art dedikata lill-Freeport, jiġifieri l-post mhuwiex se jerfa' piż industrijali akbar għar-raġuni li l-Medserv se tiġi lokalizzata hemm. Jien ma nistax neskludi l-possibilita' li jkun hemm xi proġett ta' manifattura għax jekk jiġi proġett li jkollu synergy u jkun fl-interess tal-poplu u tan-nazzjon m'iniex se neskludi din il-possibilita'. Li nista' ngħid ċar u tond u b'ċerta determinazzjoni huwa li l-qasam li hemm allokat għal dan it-tip ta' xogħol fil-Freeport m'huwiex se jitwessa'.
Nisimgħu ħafna diskorsi ta' "erfajna biżżejjed u s-slaleb tagħna huma tqal". Dan huwa minnu imma huwa fatt ukoll li dan l-iżvilupp huwa sostenibbli għaliex qiegħed jirrendi u jagħti kontribut lill-ekonomija in ġenerali ta' pajjiżna u b'mod partikolari lil Birżebbuġa. Kieku ma kienx għal ċerti xogħlijiet li saru fil-Freeport kieku Birżebbuġa m'għandhiex dak ix-xatt tant sabiħ bir-ramel li għandha llum. Allura wieħed japprezza li l-fatti huma li huma u l-Freeport hu li hu. Pajjiżna huwa ċkejken u l-possibbiltajiet huma limitati minħabba l-ispazju. Meta imbagħad tiġi għall-qasam tal-portijiet il-limitazzjonijiet huma ħafna u ħafna akbar u t-tieni port li seta' jiġi żviluppat wara dak tal-Port il-Kbir kien proprju dak ta' Marsaxlokk. Għaldaqstant wieħed irid japprezza l-possibbiltajiet li dan il-pajjiż jiżviluppa biex wara kollox nikkreaw ix-xogħol. GĦalxejn noqogħdu nitkellmu dwar il-kreazzjoni tax-xogħol li jġib miegħu ġid dirett għall-pajjiż u b'mod indirett għaċ-ċittadin. Id-dinja m'hijiex magħmula biss mill-ward u biex ikollok il-ward irid bilfors ikollok xi xewk 'l hemm u 'l hawn. Din hija sfortuna imma hija wkoll ir-realta' ta' kull żvilupp f'pajjiż bħal tagħna li t-territorju tiegħu huwa ċkejken. Aħna nafu kif pajjiżi bħal Singapore, Hong Kong u oħrajn żviluppaw u jien naħseb li għandna nimmiraw biex nilħqu ċerti kapaċitajiet u potenzjal li għandhom dawn il-pajjiżi għaliex kulħadd jaf li fil-qasam ekonomiku dawn żviluppaw b'mod li wieħed jixtieq ikun bħalhom. U Malta tista' tiżviluppa b'dan il-mod fil-Mediterran.
Il-bieraħ l-Onor. Bonnici semma x-xewqa li kellu l-partit tiegħu li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea u semma kif l-Irlanda, pajjiż b'popolazzjoni żgħira imma b'land mass kbira llum qiegħda tiġi indikata bħala the shining light ta' l-Unjoni Ewropea. L-Onor. Membru qalilna wkoll li huwa kien qed jara lil Malta bħala a shining light fil-Mediterran fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Jien ngħidlu li Malta hija diġa' stilla għalkemm m'għandhiex dik id-dija li għandhom ċerti pajjiżi, pero' jenħtieġ li minflok infixklu lil xulxin u noqogħdu niddibattu jekk għandniex nidħlu jew le fl-Unjoni Ewropea għandna ningħaqdu fil-ħsieb komuni li nagħmlu lil Malta the shining light fil-Mediterran. GĦax huwa żgur li għal dak li jirrigwarda l-qasam industrijali, u l-qasam tas-servizzi, u possibilment anke l-qasam marittimu, il-politika li qed joffri l-Gvern Laburista f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Unjoni Ewropea m'hijiex waħda inferjuri għall-politika li offra l-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern. L-intenzjoni tal-Gvern Laburista hija li kemm jista' jkun nersqu għal dak li aħna qed insejħulu an industrial free trade zone. Id-distinzjoni hija li l-mira tal-Partit Nazzjonalista kienet u għadha sħubija sħiħa, filwaqt li l-Partit Laburista fil-gvern qed jara li f'ċerti oqsma għandu jkun hemm ftehim li jkun fuq l-istess bażi, partikolarment fil-qasam industrijali. Allura ma tistax tgħid li m'hemmx synergy bejn il-ħsebijiet, bejn l-intenzjoni u bejn il-politika taż-żewġ partiti. Aħna ma jidhrilnix li dak li qed nipproponu huwa b'xi mod inferjuri għal dak li kien jixtieq u kellu fil-mira tiegħu l-Partit Nazzjonalista fil-gvern.
Meta niġu għall-industrija aħna għandna napprezzaw li dan hu qasam li dwaru ż-żewġ partiti, bla dubju ta' xejn, għandhom l-istess direzzjoni. Aħna għandna nibnu bħala pajjiż fuq dak li hu komuni u m'għandniex nipprovaw naraw id-distinzjonijiet u nħottu dak li kien hemm jew li għad hawn. Irridu nibnu fuq dak li huwa komuni. L-għajta li bdejna nippriedkaw bħala eżekuttiv kienet li dak li jidhrilna li sar tajjeb u li huwa ntiż skond il-politika tal-partit tagħna u li huwa fl-interess nazzjonali rridu nibnu fuqu. Fil-fatt jekk wieħed jara l-politika tal-Gvern Laburista għal dak li għandu x'jaqsam mal-Freeport innifsu jsib li dan huwa proprju l-kreazzjoni għal darb'oħra ta' dan il-ħsieb u ta' dan il-kliem. Il-kliem faċli tgħidu imma biex tattwah huwa diffiċli. Bħala Partit Laburista aħna dejjem tkellimna favur il-kontinwita' fejn jidħlu l-industrija, in-negozju u t-turiżmu. Għandna ntejbu s-servizzi li qed nagħtu f'kull qasam li għadni kif semmejt u rridu ntejbu l-kwalita' u l-effiċjenza għax b'hekk biss Malta tista' timxi 'l quddiem.
Madam Speaker, jekk illum wieħed iħares lejn kif il-Freeport baqa' jaħdem bl-istess ritmu u bl-istess treġija bilfors li jara ċerta kontinwita' li turi maturita' politika kbira. Jiena konvint li ż-żewġ naħat tal-Kamra jafu li l-kontinwita' fil-Freeport tiġi qabel kull ħsieb jew intenzjoni oħra għax hekk jaqbel fl-interess nazzjonali u hekk għandu jkun f'dawk l-affarijiet li huma 'l fuq mill-politika partiġjana. In-nies ta' Birżebbuġa m'għandhomx jaraw il-Medserv bħala theddida għall-paċi u l-mistrieħ tagħhom imma jridu jqumu 'l fuq mill-politika partiġjana. Il-Medserv bl-ebda mod m'hi se tkun ta' piż għaliex se tkun fil-konfini tal-Freeport. Hawnhekk jien nistieden lin-nies ta' Birżebbuġa u ta' l-inħawi sabiex imorru jaraw b'għajnejhom stess fejn ġejja l-Medserv għax kif diġa' għidt din ġejja fl-aktar post imbiegħed minn Birżebbuġa. L-attivita' kummerċjali tagħha m'hijiex xi waħda li se tikkawża x'inkonvenjent. Mhux se jkun hemm l-inkonvenjent tal-ħsejjes minħabba l-ġenerazzjoni ta' l-elettriku għaliex il-cables diretti mill-power station għall-Freeport altru li huma adegwati għall-proċess li għandha bżonn il-Medserv.
Madam Speaker, matul id-dibattitu tqajmu wkoll xi punti oħra li xtaqt nirrispondi għalihom. Rigward il-post għall-berthing irrid ngħid li dan huwa minimu bħala operat. Il-possibbilta' ta' tniġġiż fil-baħar minħabba li jaħrab xi żejt waqt li l-vapur ikun qed jaħdem qed tiġi minimizzata aktar għaliex il-berthing tal-vapuri li jiġu serviced mill-Medserv se jsir fl-aktar post imbiegħed.
Nixtieq ngħid ukoll li d-design u d-development tal-faċilitajiet tal-Freeport huma b'mod li huwa kontigwu għax-xogħol li se tagħmel il-Medserv. Ċertu xogħol, bħall-warehousing - ingredjent prinċipali tal-Medserv - diġa' qed isir illum mill-Freeport Corporation. Hemmhekk diġa' hemm 10 warehouses ta' 2,400 metru kwadru l-wieħed u l-Medserv se tagħmel warehouse oħra. Jiġifieri din il-kumpannija se żżid ma' l-operazzjoni li preżentement qed issir fil-Freeport, iżda mhux barra l-Freeport.
Madam Speaker, importanti wkoll li ngħid li se jittieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak li jirrigwarda sigurta' u nista' ngħid li parti mill-ftehim jitratta preċiżament dan. Dan tkellem dwaru wkoll il-Viċi Prim Ministru pero' wieħed ma jridx jinsa li f'qasam tant vulnerabbli, minħabba d-dinamiżmu tax-xogħol, wieħed irid joqgħod aktar b'seba' għajnejn minħabba l-possibbilta' ta' ċerti ħwejjeġ li huma illeċiti. Importanti wkoll li wieħed japprezza li ċertu xogħol li jista' jkun relatat ma' l-inġinerija tal-portijiet fil-qasam tal-manifattura ma jsirx ħdejn Birżebbuġa fil-Freeport imma jsir f'ċerti fabbriki li hemm fl-industrial estate ta' Ħal Far. Tnejn minnhom huma l-Malta Win, dik id-ditta li tibni l-containers u li twaqqfet fl-aħħar snin ta' Gvern Nazzjonalista, u l-oħra li tibni l-gantry cranes li għadha ma bdietx taħdem, fis-sens li l-makkinarju għadu ma ġiex. Huwa tajjeb li wieħed jgħid li dawn it-tnejn jinvolvu xogħol ta' manifattura li għandu x'jaqsam b'mod dirett mal-qasam ta' l-industrija marittima. Kieku l-Gvern ried dawn setgħu ġew riallokati fil-Freeport innifsu għax jagħmel iktar sens li jekk inti għandek bini ta' gantry cranes u containers dawn tippostjahom fil-qasam tal-Freeport, imma minħabba l-element ta' manifattura kien ġie deċiż li dawn isiru f'Ħal Far. Il-Malta Win u l-Malta Gantry Cranes qegħdin fil-qasam industrijali ta' Ħal Far imma li hemm tajjeb hu li dawn m'humiex 'il bogħod min xulxin u waħda tikkomplimenta lill-oħra. Meta aħna nitkellmu fuq il-kumpless li wieħed jista' joffri f'dik il-lokalita' aħna dejjem ngħidu li fil-qasam tal-Freeport għandna kumpless li għandu x'jaqsam mas-servizzi, waqt li l-qasam tal-manifattura b'konnessjonijiet ma' l-industrija marittima qiegħed f'qasam industrjali ftit kilometri 'l bogħod mill-Freeport imma b'aċċess dirett - fil-fatt hemm it-triq minn wara li tiġi direttament għan-naħa fejn hemm l-uffiċċji prinċipali tal-Freeport Corporation - li ma jdejjaq lil ħadd. B'hekk wieħed jevita kull inkonvenjent li jista' jsir bit-trasport ta' affarijiet min-naħa ta' Birżebbuġa.
Sur President, ta' min wieħed jinnota wkoll li l-Freeport Corporation, entita' kbira fiha nnifisha, hija lesta li fejn tgħin fit-titjib ta' l-inħawi fil-viċinanzi tagħha għandha terfa' dik ir-responsabbilta'. Għalkemm għadni kemm semmejt il-bajja sabiħa tar-ramel li saret, wieħed irid isemmi wkoll li preċiżament f'Wied Buni qed isir investiment ta' eluf kbar ta' liri biex iz-zona tissebbaħ. Il-bieraħ għidt ukoll li l-Medserv għandha diġa' ċertu impenn, per eżempju, mal-football club ta' Birżebbuġa. Jien informat ukoll li jekk tiġi identifikata biċċa art, il-Freeport Corporation hija lesta li tikkonvertiha f'football ground għaċ-ċittadini ta' dawk l-inħawi. Dawn kollha huma affarijiet pożittivi u wieħed għandu japprezza dak li qed isir mill-qasam industrijali tal-pajjiż.
Sur Presiden, nixtieq ngħid ukoll li l-kumpannija li tieħu ħsieb l-oil tanking, li hija
parti mill-Freeport Corporation, għadha kemm offriet li tagħmel pjan ta' integrazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-diversi siti fil-qasam ta' l-enerġija tal-pajjiż, li huma diversi. Qed nirriferi kemm għat-tankijiet kif ukoll għall-ħażna ta' taħt l-art, kif ukoll għad-dolphin li hemm fil-Port ta' Marsaxlokk. Jekk tiġi kkontemplata din l-offerta żgur li l-Gvern iżomm quddiem għajnejh l-interess tan-nies u taċ-ċittadini ta' dawk l-inħawi, mhux biss f'dak li jirrigwarda l-periklu dirett għan-nies - u nassigura lil kulħadd li aħna konxji tiegħu - imma anke minħabba ċertu impatt ambjentali li għandhom ċerti ħażniet f'dawk l-inħawi ta' pajjiżna.
Sur President, nikkonkludi billi ngħid li d-deċiżjoni li l-Medserv tmur fil-qasam tal-Freeport ittieħdet b'mod konxju ħalli din bl-ebda mod ma tkun ta' xkiel ambjentali, la b'mod dirett u lanqas b'mod indirett, minħabba xi ħsejjes li jista' jkun hemm fil-viċinanzi. Anzi aħna naraw dan bħala fattur pożittiv li jista' jżid ukoll il-kummerċ f'dawk l-inħawi billi jkun hemm aktar viżitaturi u għaldaqstant il-kummerċ f'Birżebbuġa jista' jgawdi wkoll minn dan l-aspett. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att dwar il-Portijet Ħielsa ta' Malta, Kap. 334" jkun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Nipproponi li dan l-Abbozz ta’ Liġi li għadna kemm għaddejna mill-istadju tat-Tieni Qari jiġi trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Portijet Ħielsa ta' Malta jiġi kkonsidrat fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
Dostları ilə paylaş: |