Malta debates tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 353,16 Kb.
səhifə5/6
tarix17.01.2019
ölçüsü353,16 Kb.
#99718
1   2   3   4   5   6

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



P.A. - APPLIKAZZJONIJIET PENDENTI

5436. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5124?
ONOR. GEORGE VELLA: Jenħtieġ aktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.


P.A. - APPLIKAZZJONIJIET TA' L-MDP

5457. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5126?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5126 se tingħata f'Seduta Nru. 70.


GĦAWDEX: QALA - BIĊĊA ART

5472. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari u t-tweġiba relattiva numru 3216 jgħid jekk għandux xi jżid wara li issa għaddew tliet xhur?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: F'dan l-istadju m'hemm xejn aktar x'inżid mat-tweġibiiet li diġa' tajt.

ĊENTRI TAS-SAĦĦA - KONSULENTI KLINIĊI

5505. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm pazjenti ġew investigati u eżaminati mill-konsulenti kliniċi li jaħdmu fil-Health Centres? Jista' l-Ministru ġentilment jipprovdi breakdown?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, l-konsulenti li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa raw total ta' 857 ruħ. Dawn kienu mqassma hekk:
Floriana Gzira Qormi Paola Total

Jannar 89 90 53 90 322

Frar 84 75 52 59 270

Marzu 66 55 84 60 265

Total 239 220 189 209 857
Dawn il-figuri ma jinkludux pazjenti li dawn il-konsulenti raw fil-kliniċi tal-Iskeda V.


SAĦĦA - RIŻENJI TA' TOBBA

5506. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk mis-26.10.96 sal-lum kienx hemm riżenji ta' tobba mill-Primary Health Care? Kemm huwa l-complement ta' tobba preżentement?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fil-perijodu bejn is-26 ta' Ottubru u t-13 ta' Mejju kien hemm żewġ tobba fil-grad ta' Senior Medical Officer li rriżenjaw mid-Dipartiment tal-Kura Primarja.
Il-complement ta' tobba li fil-preżent hemm jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa huwa 73.

SAĦĦA - MENTAL HEALTH REVIEW

5507. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4707, jista' l-Ministru jwieġeb għall-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-Mental Health Review huwa ifformat minn
CHAIRPERSON
Mr Justice V. Caruana Colombo CCD
MEMBRI
Ms Marika Sacco

Dr Peter Muscat MD CRCP MRCS MRCP Psych (UK) (Cons. Psych)

Ms M'Louise Borg
SEGRETARJU
Mr Alfred Zammit Montebello BA (Hons) ME & AFB Ps. S.C. Psych.C.

Psych U.K.




SPTAR MONTE CARMELI - AKKUŻI KONTRA ŻEWĠ IMPJEGATI

5508. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4712, jista' l-Ministru jikkonferma li żewġ impjegati m'għadhomx jaħdmu fid-dipartiment u meta spiċċaw?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nerġa' nikkonferma li l-inkjesta Maġisterjali appuntata biex tinvestiga serq mill-Isptar Monte Carmeli għadha ma ppreżentatx ir-rapport finali tagħha u għaldaqstant sal-lum m'iniex f'pożizzjoni li nindika l-ismijiet konnessi mal-każ. Sadanittant m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba parlamentari numru 4712.


SAĦĦA - PROĠETTI

5509. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4762 tat-22.4.97?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: It-tweġiba għal din il-mistoqsija se titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.


SPTAR MONTE CARMELI - MARD

5510. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4764, jista' l-Ministru jikkonferma li t-testijiet relevanti li saru għal "inċidenza żgħira ta' diarrhea u remettar" kienu jinkludu follow-up ta' għaxar pazjenti u li ntbagħtu kampjuni għall-analisi barra minn Malta? X'kien l-eżitu ta' dawn it-testijiet?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-każi msemmija ta' diarrhea u remettar ġew investigati fost l-oħrajn permezz ta' testijiet barra minn Malta. Ir-riżultat preliminari ta' dan l-analisi kien negattiv.
Dawn il-każijiet imsemmija, kif ukoll l-iġjene fl-isptar, qed jiġu nvestigati u segwiti mill-qrib mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.


ĊIRKEWWA/MĠARR - ESPERTI MALTIN

5530. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4888 fejn waqt il-ħin tal-mistoqsijiet inti għamilt riferenza għall-esperti Maltin oħra li qed jgħinu fil-proġett taċ-Ċirkewwa u l-Mġarr (Għawdex), jista' l-Prim Ministru jgħid barra esperti ta' l-Awtorita' Marittima u tal-Gozo Channel min huma dawn l-esperti oħra Maltin?
ONOR. ALFRED SANT: Fuq il-proġett taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex hemm involuti direttament periti tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni kif ukoll tal-Kalaxlokk Co Ltd u tal-Freeport Corporation illi bejniethom għandhom snin twal ta' esperjenza fuq proġetti ta' xogħlijiet marittimi li saru hawn Malta. Dawn huma id-Direttur Ġenerali (Xogħlijiet) il-Perit Vince Cassar, ic-Chief Engineer il-Perit Patrick Grixti Soler, il-Perit Joe Bugeja u l-Perit Furtu Said.


SIĠĠIEWI - PROVVISTA TA' ILMA

5600. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni ta' nuqqas ta' provvista ta' l-ilma għal ġranet sħaħ fil-ġimgħa li spiċċat 11 ta' Mejju, 1997 f'diversi nħawi fis-Siġġiewi? X'rapporti waslu fil-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma? X'passi ttieħdu dwar dan l-inkonvenjent?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Fit-12 ta' Mejju l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma permezz tad-Dipartiment ta' l-informazzjoni xandret "press release" fejn ingħatat spjegazzjoni dwar xogħlijiet li seħħew fil-parti mis-Siġġiewi matul is-Sibt u l-Ħadd, 10 u 11 ta' Mejju 1997. Kopja ta' dan id-dokument tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta.

F'Marzu ta' din is-sena l-korporazzjoni bdiet testendi s-servizz ta' "Customer Care" matul is-Sibtijiet, Ħdud u Festi Pubbliċi fejn il-konsumaturi jistgħu jċemplu fuq servizz ta' "freephone".


Bejn dan is-servizz u s-servizz tal-"Bowsers" ġew reġistrati 40 telefonata li oriġinaw minn dawn it-toroq.
H/E Binja Ħesri

Dr Nikola Żammit Street

St. Margaret Street

Parish Street

Dum Mikiel Azzopardi Street

Mdina Road



Prof. Neriku Vassallo Street
Għaldaqstant il-korporazzjoni ħadet ħsieb li f'dawk il-jumejn tipprovdi servizz b'xejn permezz ta' l-"bowsers".


SIĠĠIEWI - WESGĦAT IL-PALAZZ

5601. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar l-iżvilupp ta' l-arja fis-Siġġiewi magħrufa bħala Wesgħat il-Palazz? Fiex jikkonsisti l-proġett kollu? Liema hu x-xogħol li għalih hu responsabbli l-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni u liema hu dak li għalih hu responsabbli l-Kunsill lokali tas-Siġġiewi? X'sar s'issa mill-proġett? X'jonqos li jsir biex il-proġett kollu jkun komplet u lest? X'inhu l-estimu ta' l-ispiża nvoluta? Kemm minnha se joħroġ il-Gvern ċentrali u kemm il-Kunsill Lokali? Meta l-arja ta' Wesgħat il-Palazz se tkun ġiet kompleta, abbellita u t-toroq kollha mogħtija t-tarmac?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
SIĠĠIEWI - WESGĦAT IL-PALAZZ

5602. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvatx il-proġett u ħarġet il-permessi kollha meħtieġa għat-tkomplija ta' l-iżvilupp ta' l-arja fis-Siġġiewi magħrufa bħala Wesgħat il-Palazz? X'permessi ħarġu s'issa, meta u għal xiex? X'permessi jonqos joħorġu, jekk hu l-każ, u fil-każ x'inhi l-pożizzjoni dwarhom?
ONOR. GEORGE VELLA: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-istħarriġ li sar jirriżulta li l-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp approvat dawn l-applikazzjonijiet fl-area magħrufa bħala Wesgħat il-Palazz, kif ġej:
PA 2783/93 Kostruzzjoni ta' `showroom', post għal abitazzjoni u garaxx fil-`basement'. Approvat fil-15 ta' Novembru 1993.
PA 0074/95 Tiġdid ta' permess għal bini ta' dar bil-`basement' u garaxx għal użu domestiku. Approvat fit-12 ta' Lulju 1995.
PA 3321/96 Bini ta' showroom, maisonette u garaxxijiet għal użu domestiku. Approvat fit-8 ta' Awwissu 1996.
Bħalissa ma jidhirx li hemm applikazzjonijiet oħra pendenti, fil-lok imsemmi.


SIĠĠIEWI - ASFALTAR

5603. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jingħataw it-tarmac it-toroq kollha fl-inħawi Ta' Kirċippu fis-Siġġiewi?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Sas-16 ta' Mejju l-kunsilli lokali kienu miftehma li jgħatu informazzjoni dwar toroq li għandhom bżonn jiġu asfaltati fil-lokalitajiet tagħhom lil-"Steering Committee" mwaqqaf bejn il-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni u dak tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali.
Deċiżjonijiet dwar xogħlijiet indikati mill-Onor. Interpellant jittieħdu wara dan ix-xogħol ta' konsultazzjoni.


SIĠĠIEWI - TRIQ NIKOLA ZAMMIT

5604. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li biċċa art mhix żviluppata fi Triq it-Tabib Nikola Zammit, Siġġiewi, preċiżament biswit il-monument ta' l-istess Nikola Zammit, u li għandha faċċata ma' żewġ toroq oħra, tiġi preservata u akkwistata mill-Gvern u proġettata bħala ċentru ta' servizzi soċjali u residenzjali, għal matul il-jum u l-lejl, għall-anzjani, persuni b'diżabilita', persuni oħra bi bżonnijiet speċjali kif ukoll biex takkomoda servizzi oħra bżonnjużi sew tal-Gvern kif ukoll tal-Kunsill Lokali? Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Direttur Ġenerali ta' l-Affarijiet tal-Familja u Welfare irċeviex rappreżentazzjonijiet dwar din l-art mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jew minn xi għaqda partikolari?
ONOR. EDWIN GRECH: Ninsab informat illi f'xi żmien matul l-Amministrazzjoni ta' qabilna, l-Onor. Interpellant, dak iż-żmien Ministru għall-Iżvilupp Soċjali, kien iddiskuta dan is-suġġett mad-Direttur Ġenerali responsabbli mit-Taqsima ta' l-Affarijiet Soċjali u tal-Familja ta' dak iż-żmien u proprju fuq l-istess linji. Jidher iżda illi kollox kien baqa' fi stat bikri għal tliet raġunijiet prinċipali li kienu:
(i) Id-deċiżjoni dwar it-teħid jew il-kiri jew ix-xiri ta' l-art li għaliha qed jirreferi l-onor. Interpellant;
(ii) Id-deċiżjoni finali ta' x'użu eżatt kellu jsir mill-art imsemmija ħalli jkun jista' jitqabbad perit biex isiru l-pjanti meħtieġa; u
(iii) L-approvazzjoni finali mill-Finanzi tal-fondi meħtieġa għat-twettiq tal-proġett kif kien mixtieq minnu bħala l-Ministru li kien primarjament konċernat.
Effettivament ma jidhirx li qatt ngħatat il-"go-ahead" biex isiru xi kuntatti uffiċjali minn naħa tat-taqsima jew mid-dipartiment konċernat mas-sidien ta' l-art jew ma' għand min kienu d-diversi biċċiet bi qbiela sabiex jinstab liema biċċiet kienu attwalment disponibbli mingħajr problemi. Naturalment dan kollu żamm lura t-tieni pass għax ma kienx possibbli illi tasal għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi u finalment għad-deċiżjoni aħħarija dwar l-użu u sussegwentement l-pjanti relattivi. Spiċċa għalhekk illi sat-tħabbira ta' l-Elezzjonijiet Ġenerali ma kien sar xejn ta' sustanza partikolari ħlief kliem u xewqat.
Ma jidhirx illi kienu saru xi rappreżentazzjonijiet bil-miktub lid-Direttur Ġenerali personalment jew lid-dipartiment konċernat la mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u lanqas minn xi għaqda partikolari dwar din l-art; iżda fil-bidu nett ta' din l-istorja kollha membru ta' l-imsemmi kunsill lokali kien ġie mitlub mill-Onor. Interpellant (meta kien Ministru) javviċina lid-Direttur Ġenerali u jara miegħu x'kellhom f'moħħhom u x'ried isir. Fil-fatt ftit taż-żmien wara d-Direttur Ġenerali kien mar personalment ma' dan il-membru tal-kunsill lokali fuq il-post ħalli jkollu idea dwar x'hiex kienu qed jitkellmu. Wara anki ntbagħtet lid-Direttur Ġenerali fotokopja tas-"site plan" biex fuqha jkun jista' jibda jaħdem xi ħaġa l-perit f'każ li tittieħed deċiżjoni dwar x'kien mixtieq li jsir minn dik l-art. Iżda kif għidt iżjed 'l fuq jidher li kollox staġna ruħu fl-ewwel pass. Kienu wkoll saru tentattivi ta' diskussjoni minn naħa tad-Direttur Ġenerali ma' uffiċjali tal-finanzi dwar il-possibbilta' li jiġu pprovduti xi fondi għas-sena 1996 bil-ħsieb illi jkun jista' jinbeda xi ħaġa matul is-sena 1996 jekk id-deċiżjonijiet preliminari kienu jaslu biex jittieħdu iżda dan kien ġie rifjutat mill-Ministeru tal-Finanzi. Sadaittant, iżda din l-istess persuna kienet tkellmet diversi drabi mad-Direttur Ġenerali dwar xi żviluppi li seta' kien hemm u t-tweġiba kienet li kollox jidher li staġna ruħu u li se jkun diffiċli li jbda jsir xi ħaġa matul dik is-sena għax il-Finanzi ma kenux ipprovdew mqarr xi ftit tal-fondi biex għallinqas tinbeda xi ħaġa konkreta.
Mill-mistoqsija ta' L-Onor. Interpellant jidher illi llum il-ġurnata il-proposta tiegħu tolqot mhux biss il-ministeru tiegħi iżda ministeri oħra wkoll, u għalhekk ma jidhirlix li għandi nintrabat fuq konsiderazzjonijiet li jolqtu ministeri oħra wkoll barra dak tiegħi. Li nista' ngħid hu biss illi safejn għandu x'jaqsam il-Ministeru tiegħi jien ser ngħaddi s-suġġerimenti ta' l-Onor. Membru lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi biex dan jagħtini l-pariri li jħoss li huma xierqa wara li jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa.


SIĠĠIEWI - MUŻEW TAL-BNIET

5605. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jikkonsidra li jakkwista għall-patrimonju pubbliku l-fond li sa ftit ilu kien jintuża għall-Mużew tal-Bniet fil-pjazza tas-Siġġiewi, proprjeta' ta' l-istess Soċjeta' tal-Mużew, biex ikun jista' jakkomoda diversi servizzi li jiħtieġu li jingħataw minn post ċentrali w aċċessibbli, bħal per eżempju, servizz ta' berġa?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-proposta ta' l-Onor. Interpellant tiġi kkonsidrata.

UFFIĊĊJU KONĠUNT - SKEMA "IXTRI DAREK"

5625. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tad-Djar: Billi beda x-xogħol fuq djar mogħtija b'kerha skond l-iskema "Ixtri darek", mill-Uffiċċju Konġunt, jista' l-Ministru jgħid kemm għaddew djar mikrija mill-Knisja għal għand il-Gvern ta' Malta?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 4203.


DELIMARA - PARK NAZZJONALI

5626. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Billi tħabbar li se jsir "park" nazzjonali fl-inħawi ta' Delimara, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Mużewijiet qattx ħejja rapporti dwar l-imsemmija inħawi jew dwar inħawi fil-qrib?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Park Nazzjonali li qed jirriferi għalih għadu fi stat bikri ta' pjanar. Naturalment, meta jkunu delineati l-konfini ta' dan il-park, id-Dipartiment tal-Mużewijiet se jkun ikkonsultat dwar monumenti u siti arkeoloġiċi/storiċi li jinsabu fl-inħawi.


CULTURAL HERITAGE CONFERENCE

5627. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-artiklu li deher fil-gazzetta "The Times" tat-Tlieta 13 ta' Mejju, 1997 (Pg. 22), jista' l-Ministru jgħid x'intqal eżatt fil-"Cultural Heritage Conference" u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskorsi li jidhirlu xierqa biex il-poplu jkun jaf x'qed jiġri mill-wirt kulturali tiegħu li prezzu ma jitqiesx fi flus?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi għall-kuntrarju ta' dak li ġie rrapportat fil-Gazzetta 'The Times' (it-Tlieta, 13 ta' Mejju, 1997), mhuwiex minnu illi l-UNESCO qatt ikkontemplat li tikkanċella t-tempji megalitiċi ta' l-Imnajdra mill-'World Heritage List' minħabba nuqqas ta' manutenzjoni.
Dak li fil-fatt kienet għamlet il-UNESCO xi snin ilu, kien li wriet tħassib serju għall-fatt li barriera tal-qawwi kienet tħalliet mill-gvern preċedenti topera hekk fil-qrib ta' l-Imnajdra, b'impatt ambjentali tant negattiv u kontra l-konvinzjoni tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Għandi l-pjaċir ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din il-barriera issa ġiet imwaqqfa mill-gvern preżenti. Wieħed jista' jżid ukoll, li kien hemm varji okkażjonijiet meta l-UNESCO esprimiet l-apprezzament tagħha kemm għall-kobor ta' l-isfidi ta' konservazzjoni li qegħdin niffaċċjaw f'dan il-qasam, kif ukoll tax-xogħol siewi li qiegħed jagħmel id-Dipartiment tal-Mużewijiet speċjalment fl-investiment qawwi li qiegħed isir fil-proġett tal-Hypogeum.
Rigward l-aħħar parit tal-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant ngħarrfu li d-diskorsi li saru matul il-'Cultural Heritage Conference', huma protetti bil-'copyright' billi dawn għandhom jiġu ppubblikati uffiċjalment mill-organizzaturi tal-konferenza.


Hospital Linen Service

5692. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5558, jista' l-Ministru jgħid liema hi s-sezzjoni waħda li tidher li fiha hemm interess li tifforma koperattiva fil-futur?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Is-sezzjoni riferuta għaliha fil-mistoqsija parlamentari numru. 5558 hija l-Hospital Linen Service.
RAĦAL ĠDID - SINJALI TAT-TRAFFIKU

5693. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru traffic lights fiż-zona ta' fejn il-Malta Shipbuilding, f'Raħal Ġdid, fejn il-volum tat-traffiku huwa kbir?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Id-Dipartiment tat-Toroq għamel disinji sabiex it-"traffic lights" jitwaħħlu u qiegħed jistenna l-permess meħtieġ mill-Awtorita tal-Ippjanar.


EDUKAZZJONI - HEALTH PSYCHOLOGY

5694. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5563 u ċioe' jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jeżisti l-post fil-Health Psychology li dwaru deher avviż fil-Gazzetta tal-Gvern tad-9 ta' Mejju, 1997 (paġna 2996)?
ONOR. EVARIST BARTOLO: S'issa qatt ma kien jeżisti l-post fil-Health Psychology fid-Dipartiment tal-Psikoloġija. Il-ħtieġa ta' korsijiet fil-Health Psychology (kemm fil-programmi tal-Psikoloġija, kif ukoll f'programmi ta' studji oħra li d-dipartiment jorganizza għall-fakultajiet l-oħra u għal uħud mill-Istituti), żdiedu tant illi madwar sena ilu nħass il-bżonn li jinħoloq dan il-post ġdid fid-Dipartiment tal-Psikoloġija.


SAĦĦA - TILQIM KONTRA T-TUBERCOLOSIS

5695. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Rigward it-tilqim kontra t-Tubercolosis, jista' l-Ministru jgħid għaliex jintuża l-Mantoux Test flok il-Heaf jew it-Time Test? Hemm vantaġġi peress li ta' l-aħħar hi anqas invasive u żżid il-compliance tal-persuni peress li ma jkollhomx bżonn appuntament biex isir; kemm tlaqqmu tfal ta' l-iskola sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin; u kemm tlaqqmu nies wara li ħarġu mill-iskola, sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninsab informat li skond rakkomandazzjonijiet ta' esperti lokali kif ukoll dawk internazzjonali, l-użu tal-Mantoux test huwa ppreferut minn dak tal-Heaf u aktar u aktar minn dak tat-Tine minħabba li l-Mantoux tista torbot fuqu ferm aktar.
Mill-istatistika li hemm miġbura fid-Dipartiment tal-Kura Primarja , in-numru ta' tfal tal-iskola, li ġew mlaqqma kontra t-tuberkolożi f'dawn l-aħħar snin kien hekk:
1993 - 1994 8504

1995 - 1996 9067


M'hemmx miżmuma figuri għas snin ta' qabel.
In-numru ta 'nies li ġew imlaqqma fiċ-ċentru ta' tilqim fil-Floriana huwa hekk:
1989 667

1990 614


1991 617

1992 919


1993 629

1994 619


1995 395

1996 505


1997 195
Dawn il-figuri jistgħu jinkludu fihom numru zgħir ta' tfal tal-iskola.

SPTARIJIET - PLASTIC UTENSILS

5696. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid humiex disposable il-utensils tal-plastic li jintużaw fl-isptarijiet pubbliċi kollha?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninsab assigurat li l-utensils tal-plastic li jintużaw fl-Isptarijiet huma disposable.


PULIZIJA - UŻU TA' SEAT BELTS

5697. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5539, jidhirlu l-Prim Ministru li din l-istatistika hi rilevanti u b'hekk għandha tibda tinġabar?
ONOR. ALFRED SANT: L-istatistika msemmija mill-Onor. Interpellant tkun utli li tinżamm, iżda l-Pulizija jħossu li ma tkunx tirrifletti l-verita' billi n-nuqqas ta' użu ta' seat belt huwa offiża kriminali u għalhekk mhux fl-interess ta' l-individwu li jammetti dan.


PULIZJA - NEIGHBOURHOOD WATCH

5728. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Mill-1.11.96, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema lokalitajiet ġiet introdotta neighbourhood watch għall-ewwel darba?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi ma ġiet introdotta l-ebda 'neighbourhood watch', mill-1 ta' Novembru 1996 l'hawn.
PULIZIJA - SERQ FUQ ANZJANI

5729. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet irrapportata lill-pulizija fuq anzjani 'il fuq minn 60 sena? X'kien l-ammont misruq? Kemm minnhom kienu hold-ups?
ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid għal liema żmien qiegħed jirriferi.


SKEJJEL - EŻAMIJIET

5743. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal kellhom eżamijiet tal-Common Entrance Examinations dan ix-xahar? Kemm minnhom m'attendewx għal xi sezzjoni ta' eżami? Minn dawn kemm jirriżulta li m'attendewx minħabba anzjeta' jew problemi psikoloġiċi oħra marbuta ma' l-istess eżamijiet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


VALLETTA F.C - GROUND

5744. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid fiex se tikkonsisti l-għajnuna tal-Gvern fl-iżvilupp tal-ground tal-football tal-Valletta F.C.? Meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol meħtieġ?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

INTERNET - SUBSCRIBERS

5745. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm "subscribers" ta' l-Internet f'pajjiżna f'Jannar 1996 u f'Jannar 1997? Kemm minnhom huma djar; u intrapriżi kummerċjali/amministrattivi?
ONOR. ALFRED SANT: Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 445.
Dwar il-kumplament tal-mistoqsija l-Onor. Membru japprezza li ġaladarba xi wħud mill-kumpanniji deherilhom li m'għandhomx jagħtu tagħrif, l-informazzjoni mitluba minnu mhix għad-dispożizzjoni tal-Gvern.


GVERN TALJAN - BOROZ TA' STUDJU

5747. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikanti għall-boroż ta' studji offruti mill-Gvern Taljan u li l-interviews għalihom għadhom kemm saru dan l-aħħar? Kemm kien hemm applikanti minn Malta u kemm minn Għawdex? Kemm intgħażlu u f'liema suġġetti ntgħażlu wieħed wieħed? Minn kien hemm fil-bord ta' l-għażla?
ONOR. GEORGE VELLA: Din is-sena kien hemm 81 applikant għall-boroż ta' studji fl-Italja. Minn dawn il-81 applikant kien hemm 74 minn Malta u seba' minn Għawdex. Intagħżlu 28.


Field Of Study

Number of Candidates

Comparative Literature

1

European Community Law

1

Psychology

4

`Glottodidattica'

1

Biotechnology

1

Literature

1

Master of Business Administration

1

International Relations and Diplomacy

2

Research - Baroque Studies

1

Master in International Economics and Management

1

Civil Law

1

Research - Maltese Artists (17th Century)

1

Restoration of Monuments

2

T.V. Journalism

1

Pedagogy (Scienze dell'Educazione)

1

Music - Violin Technique

1

Art

1

Psychobiology/Pschopharmacology

1

Voice Training

1

Research - History

1

Music - Piano Technique

1

Law

1

Journalism

1

Fuq il-Bord ta' l-għażla kien hemm:-

Maltin


Mr. G. Naudi

MFAE

Mr. L. Inguanez

MFAE

Mr. F. X. Grima

SDO (OPM)

Mr. J. Xerri

MENC

Mr. A. Vella

University of Malta

Ms. J. Pisani

MFAE

Taljani



Dott. P.A. Forlano

Italian Embassy

Prof. G. Xausa

Italian Cultural Institute

Sig.na G. Stivala

Italian Cultural Institute



SKEJJEL - SPEĊJALI - COMPUTERS

5748. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm computers għall-użu tat-tfal fl-iskejjel speċjali, skola, skola? X'inhu jsir biex dawn it-tfal jibbenefikaw huma wkoll mill-informazzjoni teknoloġika fl-Edukazzjoni?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Qed naħdmu biex ninkludu lill-iskejjel speċjali fil-programm ġenerali tad-dħul tal-IT fl-iskejjel li kienu tħallew barra fil-pjan oriġinali tal-amministrazzjoni preċedenti.
Fil-preżent hemm sitt computers fl-iskejjel speċjali li jintużaw mill-istudenti u l-istaff. Iżda sar pjan biex ħamsa u 20 computer jitqassmu f'dawn l-iskejjel fi żmien qasir. F'Ottubru 1997 għandu jingħata t-taħriġ lill-għalliema u wara jibda t-taħriġ ta' l-istudenti.


EDUKAZZJONI - INIZJATTIVI

5749. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3792, fejn il-Ministru qal li qiegħed jikkonsidra l-proposti mniżżla fil-ktieb "New Initiative in Education", jista' l-istess Ministru jgħid liema proposti minn dan id-dokument qiegħed jikkonsidra li jwettaq?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Dawk il-proposti li jgħinu biex ittejjeb il-kwalita' ta' l-edukazzjoni u meta din il-kwalita' ma tibqax ristretta għal xi 20% biss tat-tfal tagħna.


SKEJJEL - GĦALLIEMA TAL-PSE

5750. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa għalliema tal-PSE fis-settur sekondarju? Kemm minnhom huma mħarrġa speċifikament u kemm minnhom m'għandhom l-ebda taħriġ għal dan ix-xogħol? Jikkonsidra l-Ministru li dan is-suġġett jibqa' jiġi mgħallem ukoll wara l-Form II? Qed issir xi konsiderazzjoni dwar din il-materja mill-kumitat li qed jirrivedi l-Kurrikulu Minimu Nazzjonali?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


ENEMALTA - TQASSIM TA' PETROL

5751. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jaċċerta lill-poplu li l-petrol komuni mqassam mill-Korporazzjoni Enemalta huwa ta' grad primarju sabiex barra li jassigura li m'hux qiegħed jagħmel xi ħsarat fil-vetturi li jużawh, ma jagħmilx ħsara lill-ambjent?
Isiru testijiet ma' kull konsenja li tasal f'Malta?
F'liema laboratorji jiġi ċċertifikat it-test li jsir u jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-riżultati (analisi) ta' l-aħħar għaxar konsenji?
Ġieli petrol komuni reġa' ntbagħat lura minħabba li ma kienx ta' grad tajjeb? Qatt kien hemm xi complaints lill-Enemalta minn entitajiet barranin dwar makkinarju li jisfa difettuż minħabba xi nferjorita' ta' petrol? Hemm il-ħsieb li barra l-unleaded petrol jiġu mportati gradi oħra ta' petrol barra dak li qiegħed jintuża bħalissa?
ONOR. LEO BRINCAT: Kull prodott tal-Petroleum importat u mqassam mill-Korporazzjoni Enemalta ikun akkompanjat b'ċertifikat ta' kwalita' (analisi) li jsir fil-Laboratorji tar-Raffinerija qabel ma jitgħabba l-prodott. Din l-analiżi tkun saret fil-preżenza ta' Spettur imqabbad mill-korporazzjoni.

Fil-każ ta' petrol biċ-ċomb, li nifhem li għalih qiegħed jagħmel riferenza l-Onor. Membru, tinżamm l-istess proċedura.


Il-Korporazzjoni Enemalta qatt ma rċeviet konsenji ta' prodott li ma kienx ta' grad tajjeb u għalhekk, qatt ma kien hemm il-ħtieġa li xi prodott jerġa' jintbagħat lura.
Lanqas ma rċeviet ilmenti minn entitajiet barranin dwar makkinarju li safa difettuż minħabba xi inferjorita' ta' prodott.
S'issa m'hemmx ħsieb li jiġi importat xi petrol ta' kwalita' oħra.
Il-korporazzjoni tħoss li ċ-ċertifikati tat-testijiet li jkunu saru fuq il-prodotti importati huma ta' natura kmmerċjali u għaldaqstant, m'għandhomx jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.


Yüklə 353,16 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin