ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-AWTORITA` MALTIJA DWAR L-ISTANDARDS MALTA STANDARDS AUTHORITY BILL
ONOR. JOSEF BONNICI: Mr Speaker, nipproponi t-Tielet Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Awtorita' Maltija dwar l-iStandards.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. GEORGE HYZLER (Segretarju Parlamentari): Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex iħassar u jilleġisla mill-ġdid b'emendi l-Att dwar l-Awtorita` Maltija dwar l-iStandards" ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-abbozz ta' liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR CONSUMER AFFAIRS (AMENDMENT) BILL
L-Ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.
Ikompli mill-5 ta' Lulju, 2000.
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari huwa in possession.
ONOR. EDWIN VASSALLO (Segretarju Parlamentari): Mr Speaker, kif diġa` għedt, din hija liġi li se tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur. Il-ġist wara d-diskors tiegħi huwa li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom iservu wkoll bħala d-direzzjoni ta' x'inhuma d-dmirijiet għal min qiegħed fil-kummerċ. Nixtieq issa ngħaddi għal punt ieħor li għadni ma semmejtx, u dan jirrigwarda l-irċevuta.
Huwa importanti li min ikun qed jixtri jifhem li biex huwa jħares il-jeddijiet kollha tiegħu permezz ta' din il-liġi, hemm bżonn li jkollu l-irċevuta. Fid-diskors ta' l-introduzzjoni tiegħu, l-Onor. Hyzler qal li kull konsumatur li jkollu lment u jmur quddiem l-awtorita` biex permezz ta' din il-liġi jieħu d-dritt tiegħu u ssir ġustizzja miegħu, irid ikollu l-provi ta' l-akkwist ta' dak l-prodott li fuqu jkun qed jagħmel l-ilment tiegħu quddiem l-awtorita` responsabbli, u għalhekk huwa importanti li l-konsumatur dejjem ikollu l-irċevuta.
Għalkemm hemm liġijiet oħra li jitkellmu dwar l-obbligu tal-konsumatur li jara li meta jixtri jingħata irċevuta, din il-liġi qiegħda tkompli ssaħħaħ l-istess osservanza, jiġifieri dik li l-konsumatur jara li tingħatalu irċevuta. Issa hawnhekk m'aħniex qed nirriferu għall-obbligu ta' l-għoti ta' l-irċevuta li hemm fil-liġi tal-VAT jew inkella minħabba l-ħlas tat-taxxa imma qegħdin nirriferu għall-irċevuta f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsumatur sabiex huwa jieħu dak li bi dritt huwa tiegħu. Għaldaqstant il-konsumatur - u din forsi ma tantx issemmiet matul id-dibattitu - li ma jurix l-irċevuta bħala prova li jkun xtara il-prodott, meta jmur biex jmur jitlob l-after-sales service, se tkun biss kwestjoni ta' irġulija min-naħa tan-negozjant partikolari jekk jiġix emmnut. Jiena wisq nibża' li hawn Malta għadu m'huwiex qed jinftiehem kemm huwa importanti li wieħed ikollu irċevuta u dan in-nuqqas ta' għarfien huwa ta' dettriment għall-konsumatur.
Jekk rridu li nsaħħu d-drittijiet u l-jeddijiet tal-konsumatur ma nistgħux ma nitkellmux fuq il-prinċipji fundamentali ta' x'jagħmel ix-xiri u x'jagħmel il-bejgħ; proċeduri tan-negozju normali. Qed ngħid dan għaliex din il-liġi tittratta wkoll l-għaqdiet tal-konsumatur u qiegħda wkoll tinstiga bidla importanti ta' mentalita`, liema bidla fl-aħħar mill-aħħar issaħħaħ l-ekonomija kemm-il darba l-key players, jiġifieri l-imprendituri u l-konsumaturi, ikunu organizzati. Pero` din il-bidla ma tkunx tista' sseħħ kemm-il darba norganizzaw biss l-imprendituri u ma nħarsux ukoll lejn il-konsumatur. U dan irrid nisħaq dwaru għaliex naħseb li huwa hawnhekk li jenħtieġ li nibdew naħdmu. Għandna l-għodda meħtieġa - id-dipartimenti, it-tribunal tal-konsumatur u issa anke din il-liġi - għandna mentalita` li qiegħda tinbidel fejn il-konsumaturi qegħdin jagħrfu aktar x'inhuma d-drittijiet tagħhom, u għandna wkoll is-settur tan-negozju li qiegħed jara li biex jirbaħ f'din il-kompetizzjoni kummerċjali huwa importanti li jkun lest li jagħti l-aħjar servizz lill-konsumatur. U huwa għalhekk li jiena għedt li l-għaqdiet tal-konsumatur jilagħbu parti importanti, u jien nittama li għada pitgħada naslu sabiex anke permezz tal-kunsilli lokali naraw li jkollna promuturi ta' dan id-dritt tal-konsumatur.
MR SPEAKER: L-Onor. Cuschieri.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Mr Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum.
MR SPEAKER: Is-seduta hija sospiża għal ħames minuti.
Is-seduta ġiet sospiża fis-7.20 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MR SPEAKER: Is-seduta tista' tkompli. Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Mr Speaker, nikkonkludi billi ngħid li jekk irridu li l-iżvilupp ekonomiku jkun aktar komplet, bilfors li rridu naraw li l-konsumatur jieħu d-drittijiet tiegħu, u dan iseħħ kemm-il darba jkun organizzat. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Ministru Refalo.
ONOR. MICHAEL REFALO (Ministru għat-Turiżmu): Mr Speaker, l-ewwelnett nibda billi nirringrazzja lill-Onor. Herrera talli kkonċedieli li ma nsegwux l-alternanza għaliex għedtlu li xtaqt nagħmel intervent ta' ftit minuti aktar bħala korteżija għan-naħa ta' l-oppożizzjoni biex nagħtuhom notice li se nipproponu emenda fl-istadju tal-kumitat, liema emenda għandha x'taqsam mal-promozzjoni u servizzi provduti ġewwa fondi ta' time-sharing u dwar kuntratti ta' time-share.
Din hija liġi li qiegħda tipproteġi lill-konsumatur, u l-bejgħ, ix-xiri u l-promozzjoni tat-time-share ovvjament isir lill-konsumatur. Issa l-konsumatur m'għandux nazzjonalita` u aħna hawnhekk m'aħniex qed nilleġislaw biss għall-konsumaturi Maltin imma anke għal dawk barranin, pero` f'dan il-każ partikolari forsi huwa aktar pertinenti li nilleġislaw għall-konsumaturi Maltin tat-time-share għaliex f'dawn l-aħħar xhur hemm min qed ibigħ it-time-share lill-Maltin u qed jinqalgħu ċerti problemi. Jiena hawnhekk sempliċement qed nagħti notice biex in-naħa ta' l-oppożizzjoni tkun taf li fl-istadju ta' kumitat se nipproponu din l-emenda. Nirringrazzjak, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Jose` Herrera.
ONOR. JOSE` HERRERA: Mr Speaker, din il-liġi li għandna quddiemna qiegħed jemenda l-att ta' l-1994 dwar l-affarijiet tal-konsumatur u anke qiegħed jipprovdi ħwejjeġ oħra anċillari. Jien m'iniex beħsiebni niddibatti l-abbozz kollu, xtaqt biss nagħmel ftit analisi tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mat-tribunal tal-konsumatur. Dan it-tribunal ġie mwaqqaf permezz ta' l-att ta' l-1994 u b’din il-liġi qed inkomplu nemendawh.
Mr Speaker, irridu l-ewwelnett nifhmu li meta qegħdin nitkellmu fuq konsumatur bażikament qed nitkellmu fuq kulħadd għaliex kulħadd jieħu s-servizz ta' kulħadd u kulħadd jixtri mingħand kulħadd u allura naturalment din il-liġi tinteressa lil kulħadd. U kif qed nipproteġu lilna nfusna minn abbużi mis-suq u mis-servizzi? Jeżistu tliet forom ta’ protezzjoni; id-dipartiment tal-konsumatur, il-kunsill u t-tribunal. Hemm imbagħad il-liġijiet ġenerali li jiġu applikati b'mod normali mill-qrati ordinarji tagħna. Il-kunsill qiegħed hemm - u huwa sewwa li qiegħed hemm - biex iżomm lill-ministru aġġornat u jagħtih parir dwar x'hemm bżonn isir u x'azzjoni jrid jieħu pero` ma jagħtix rimedji diretti lill-konsumatur; id-dipartiment jieħu inizjattivi biex jagħti rimedji, pero` kemm l-inizjattivi kif ukoll il-protezzjoni huma ndiretti għaliex kulma jagħmel hu li jinvestiga r-rapporti li jkunu sarulu, imma m'għandux snien biex jigdem; u t-tribunal li huwa l-organu jew l-istituzzjoni fi ħdan korp ta' liġi li għandu s-snien u li qiegħed hemm biex jigdem.
Hemm imbagħad provvedimenti oħra li jgħidu li l-ministru għandu dritt jagħmel regolamenti. Fil-fatt diġa` jeżistu regolamenti stabbiliti f’artikli 7 u 9 - li l-iskop tagħhom qed jiġi mwessa’ b’din il-liġi - fejn il-ministru, għal dak li jikkonċerna reklamar u servizzi, għandu dritt jistabbilixxi regolamenti minn qabel. Jekk min ikun qed joffri dak is-servizz partikolari ma jaderixxix ruħu ma' dawk ir-regolamenti, id-dipartiment jista' jressqu l-qorti u jekk jinstab ħati li jkun ikkommetta reat kriminali, jista' jew jeħel ħabs jew inkella l-ministru jissospendilu l-liċenzja u jġiegħlu jagħmel garanzija mhux biss li fiha jgħid li se jaderixxi ruħu imma li anke se jara li l-konsumatur jiġi kkumpensat. Dawn huma rimedji diretti lill-konsumatur li jiġu enforzati mhux mit-tribunal imma mill-qrati ordinarji.
Issa jiena mmur oltre u ngħid li b'din il-liġi jew mingħajrha, b’dawn ir-regolamenti u mingħajrhom, fuq il-prinċipji tal-kummerċ in bona fede, il-konsumatur quddiem il-qrati ordinarji diġa` kien kopert. Il-Qorti tal-Kummerċ, li llum hija assorbita fil-qorti ordinarja, kellha ġurisdizzjoni mill-aktar wiesgħa mmaġinabbli b'kompetenza illimitata. Illum din il-kompetenza ħaduha qrati ordinarji, biex jekk ikun hemm żlealta fl-atti tal-kummerċ, anke mhux mill-kummerċjant per se imma minn min qed jagħti s-servizz, bħal per eżempju mastrudaxxa, professjonist, eċċ., ikunu jistgħu jingħataw rimedji mill-qrati ordinarji. Hekk kienet taħdem is-sistema, pero` kienet l-intenzjoni tal-gvern li jikkrea tribunal ad hoc li l-iskop tiegħu jkun li jagħti rimedji rigward ilmenti li normalment ġudizzjarment ma kontx tingħata rimedju għalihom. L-iskop tat-tribunal kien sabiex jekk xi konsumatur iħoss li ma saritx ekwita` miegħu - mhux ġustizzja legali imma ekwita` - allura kien ikollu xi venue fejn jista' jressaq l-ilment tiegħu. U fil-fatt dan it-tribunal, b’poteri limitati minħabba raġunijiet ovvji, seta' jindaga fuq ilmenti, kemm li setgħu jiġu trattati quddiem il-qrati, kif ukoll dawk li l-qrati ordinarji ma setgħux jidħlu fihom.
L-iskop tal-liġi kien sabiex inżidu l-kompetenza fuq affarijiet fejn qabel ma kenitx teżisti biex dejjem nagħtu aktar saħħa lill-konsumatur. Jiena naħseb li l-aktar li l-konsumatur ġie effettwat fil-prattika minn din il-liġi huwa meta mar biex jibda jiġġieled għad-drittijiet tiegħu, għaliex kif għedt qabel, dan li hawn f’din il-liġi huwa kważi ripetizzjoni jew kjarifika ta' dak li diġa` kien jeżisti b'mod ġenerali fil-kodiċi tal-kummerċ. Fl-opinjoni tiegħi, dak li huwa ġdid f’din il-liġi jemerġi l-aktar minn dan it-tribunal. Dan it-tribunal seta' jara lmenti sa Lm500 u seta' wkoll jagħti kumpens morali sa Lm100, ħaġa li ma teżistix fil-liġi normali. Illum, il-leġislatur, qed jipproponi li jagħmel emendi radikali għal dan it-tribunal, u għalhekk aktar kmieni jiena għedt li se nillimita d-diskors tiegħi preċiżament fuq dawn l-emendi.
Paragrafu (a) ta' subartiklu 16 (4) tal-liġi prinċipali titkellem dwar il-kompetenza tat-tribunal u tgħid li "fil-każ ta' bejgħ jew ta' servizz li jkun sar jew ingħata fil-fond tal-kummerċjant, fil-gżira fejn kien ikun jinsab dan il-fond;". Jiġifieri hawnhekk qed jiġi definit “att ta' kummerċ”, pero` imbagħad ariklu 20 qed tgħid li: "Tribunal ikollu ġurisdizzjoni li jisma' u jaqta' talbiet magħmula minn konsumatrui kontra kummerċjanti meta l-valur tat-talba, minbarra l-imgħax u l-ispejjeż, ma jkunx aktar minn ħames mitt lira Maltija, u meta t-talba jkollha x'taqsam ma', toħroġ minn jew tkun dwar: ix-xiri jew kiri minn konsumatur ta' oġġetti mingħand kummerċjant; l-għoti ta' servizzi minn kummerċjant lil konsumatur.". Mela dawn iż-żewġ klawsoli qed jgħidu li għandna tribunal li għandu dritt jindaga, jeżamina u jisma' ilmenti li jikkonċernaw xiri, kiri jew servizz; bażikament kollox taħt il-kappa tax-xemx. Illum ma konniex kuntenti b’dan u qed nipproponu li fejn qabel kien jingħad “meta t-talba għandha x'taqsam ma' jew toħroġ minn” issa jibda jingħad “toħroġ minn jew tkun dwar, sew direttament sew indirettament”. Jiġifieri bażikament qed ngħidu li fil-kummerċ it-tribunal għandu ġurisdizzjoni li jiddeċiedi fuq kollox mingħajr limiti abbażi biss ta' ekwita` kif iħoss hu; jagħmel il-proċedura hu u jmexxi hu.
Jiena m'iniex kuntrarju għal dan, pero` kif inhu kompost it-tribunal illum, jiena naħseb li għandna bżonn u nbiddlu l-kostituzzjoni tat-tribunal b'mod radikali għaliex fejn qabel dan it-tribunal kien dak li bl-Ingliż insejħu "petty court" - fil-kamp ċivili normali għandna t-tribunal għat-talbiet żgħar - illum dan it-tribunal se nżidulu l-kompetenza b'mod konsiderevoli, tant li minn Lm500 se titla’ għal Lm1500. Jiena nħoss li f’dan hemm xi ħaġa intrinsikament ħażina. Ma nistgħux nibqgħu nittrattaw il-proċess ġudizzjarju b'mod leġġer mingħajr ma nżommu f'moħħna mhux biss dak li huwa tradizzjonalment aċċettat bħala proċess ġudizzjarju imma anke dak li trid il-Kostituzzjoni tagħna.
Il-Kostituzzjoni tagħna trid li fid-determinazzjoni tad-drittijiet ta' kwalunkwe, dan għandu jgħaddi proċess indipendenti u ħieles quddiem tribunal indipendenti u mparzjali. Qed ngħid dan għaliex għal affarijiet żgħar huwa aċċettabbli demokratikament li jkollok tribunali ppreseduti minn chairmen li huma kkontrattati, imma meta mbagħad iżżid il-kompetenza, trid toqgħod attent għaliex jekk tmur oltre - u hawnhekk qed nitkellmu fuq Lm1500 plus Lm100 moral damages, jiġifieri Lm1600 - tkun qed tikkrea tribunal b'poteri enormi. Issa ħalli naraw daqsxejn x'tgħid il-liġi dwar il-mod li bih huwa kostitwit dan it-tribunal u x'qed jiġri fil-prattika.
Skond artiklu 17 dan it-tibunal huwa kompost minn chairman li jkun maħtur mill-prim ministru, jirċievi remunerazzjoni li jistabilixxi l-prim ministru b'avviż fil-gazzetta, ikun maħtur biss għal tliet snin, jista' jitneħħa mill-Qorti ta' l-Appell fuq talba tal-prim ministru u jrid ikun avukat b’ħames snin esperjenza. Issa fil-prattika ċ-chairman, almenu tat-tribunal ta' Malta - u m’iniex qed nikkritika lilu personalment - huwa part-time. Mela għandek chairman li jipprattika l-professjoni fil-kamp ċivili u quddiemu jmorru klijenti li jista' jkollhom ukoll kumpanniji, ditti jew interessi li jistgħu jikkreawlu konflitt ta' interess.
MR SPEAKER: L-Onor. Cuschieri, on a point of order.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Mr Speaker, niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m'hawnx quorum.
MR SPEAKER: Is-seduta hija sospiża għal ħames minuti.
Fis-7.20 p.m. is-seduta ġiet sospiża u rriżumiet ħames minuti wara.
MR SPEAKER: Is-seduta tista’ tkompli. L-Onor. Herrera.
ONOR. JOSE` HERRERA: Mr Speaker, kont qed nitkellem dwar il-bżonn li titbiddel l-istruttura tat-tribunal tal-konsumatur u r-raġunijiet li jiena kont qed nagħti huma li llum dan it-tribunal, bil-kompetenza ġdida miżjuda fuqu, ma jistax aktar jitqies bħala tribunal tat-talbiet iż-żgħar. Għedt ukoll li ma jistax ikun li jkollok chairman ta' tribunal prattikanti part-time bħala avukat għaliex jista' jkollu interessi konfliġġenti. Mela għandna maġistrati li jaħdmu fiċ-ċivil li sal-bieraħ kellhom ġurisdizzjoni ta' Lm250 li l-ġurament tagħhom lanqas iħallihom jagħtu parir jew iżommu private practice u li l-pożizzjoni tagħhom hija garantita mill-Kostituzzjoni b’garanziji li ma jistgħux jiċċaqilqu jew jiġu shifted, imbagħad ikollok tribunal b’kompetenza li hija sitt darbiet aktar milli kellu l-maġistrat, jiddeċiedi kif irid għaliex m'huwiex marbut bil-liġi tal-proċedura, m'huwiex marbut bl-aħjar prova u m'huwiex marbut ma' l-obbligu li jagħti deċiżjoni spjegata, u ċ-chairman tiegħu huwa biss avukat part-time! Dan m'huwiex aċċettabbli.
Nerġa’ ngħid li m’iniex qed nikkritika li-chairman personali, li huwa l-kandidat Nazzjonalista l-Avukat Fenech, u lanqas ma jien qed ngħid li huwa xi bniedem diżonest, pero` qed ngħid li issa li se nżidu b'mod esaġerat il-kompetenza tat-tribunali tat-talbiet żgħar, ma jistax ikun li jkollna tribunali part-time, inkella trid tagħmel il-maġistrati part-time ukoll! Kif jista' jkun ikollok tribunali part-time b’kompetenza daqstant wiesgħa? Hemm bżonn li ċ-chairman ikun avukat full-time għaliex jista' jkollu - u jkollu - interessi konfliġġenti speċjalment jekk iċ-chairman jinzerta jkun kandidat ta’ partit politiku. Għaliex filwaqt li l-liġi tgħid li ċ-chairman ma jistax ikun membru parlamentari jew membru fil-kunsill, ma tgħidx li ma jistax ikun kandidat ta’ partit politiku. Bħallikieku jekk inti għandek xi interessi għaliex int deputat parlamentari jew kunsillier li tagħmel il-pjaċiri, ma jistax ikollok l-istess interessi jekk tkun kandidat ta' partit f'elezzjoni ġenerali! Din etikament hija kompletament skorretta, ma tagħmilx sens u ġġib għajb lis-sistema ġuridika u ġudizzjarja tagħna. Ma jistax ikollok din it-tip ta' set-up u n-nies ma jistax ikollhom fiduċja f'dawn it-tip ta’ ġudikanti part-time.
Barra minn hekk jiena nemmen ukoll li jekk aħna se nkomplu nżidu l-kompetenzi ta' dawn it-tip ta' tribunali, ma jistax allura jkollok iżjed bniedem impjegat bil-kuntratt. Il-Partit Nazzjonalista jemmen ħafna f’dawn it-tip ta’ impjiegi bil-kuntratti u fil-fatt kien introduċiha fil-każ tal-permanent secretaries li tahom tliet snin kuntratt skond il-performance. Hija ħaġa tajba fil-każ ta’ l-amministrazzjoni li timxi bil-mod li jekk ma togħġbokx il-performance ta’ persuna ma ġġeddidilhiex il-kuntratt, pero` ma tistax timxi hekk mal-ġudikanti; tagħmel imħallfin, maġistrati jew chairmen ta' bordijiet ġudizzjarji bil-kuntratt. Għaliex kif tista’ tgħid li ma jogħġbokx meta dan suppost li huwa indipendenti! Biex ġudikant jaqdi l-funzjoni tiegħu, sakemm m’huwiex qed jiddeċiedi l-ħmerijiet bħal fil-każ tat-tribunal għal talbiet żgħar kif kienu oriġinarjament ikkreati ... Huwa anti-kostituzzjonali li tappunta persuna b’kuntratt meta qed nitkellmu fuq tribunal li l-poteri tiegħu huma daqstant wiesa' u li m'għandu xejn x'jikkontrollah meta jiġi biex jiddeċiedi.
Jiena nfakkar lill-gvern li meta darba kien ġie kkreat tribunal għall-kontroll tal-prezzijiet u ċ-chairman tiegħu ma kienx maġistrat, il-Qorti Kostituzzjonali Maltija, f'kawża ppreżentata mill-Avukat Vanni Bonello kienet qalet li ma jistax ikollok tribunal ippresedut b'ċerti poteri minn persuna li m'hijiex ġudikant kif kontemplat fil-Kostituzzjoni. Huwa veru li dak kien fil-kamp kriminali u dan huwa fil-kamp ċivili, pero` il-Konvenzjoni Ewropea u s-sentenzi ta' Strasbourg ma jagħmlux distinzjoni bejn iċ-ċivil u l-kriminal u allura l-analoġija tista’ ssir. Meta kien sar it-tribunal tal-familja konna qgħadna attenti li ċ-chairman ikun maġistrat, id-deċiżjoni jagħtiha l-maġistrat waħdu u l-membri, jiġifieri s-social workers u l-welfare officers li jpoġġu fuq il-board miegħu jagħtuh pariri, pero` jiddeċiedi l-maġistrat għaliex huwa indipendenti. U l-istess garanziji rikjesti fil-liġi llum biex ikollok proċess indipendenti fi żmien raġjonevoli ħieles u indipendenti fil-kriminal, japplikaw ukoll - u hemm is-sentenzi ta' Strasbourg dwar dan - għall-kamp ċivili. Qed nikkreaw tribunal ippresedut minn kandidat Nazzjonalista part-time, jagħmel xogħol privat u b'ġurisdizzjoni daqs tal-maġistrati meta dawn ta’ l-aħħar huwa marbutin li lanqas jistgħu jagħtu parir, lanqas jistgħu jiċċaqilqu u saħansitra kważi lanqas jistgħu jmorru ġo bar għaliex ngħajruhom! Nerġa’ ngħid li dawn it-tip ta' tribunali ma jistgħux ikunu hekk. Hemm imbagħad il-punt dwar kif jista’ jitneħħa ċ-chairman.
Fil-liġi qed jingħad li biex il-prim ministru jkeċċi liċ-chairman l-ewwel irid jagħmel rikors quddiem il-qorti ta' l-appell. Imma dik m’hi safeguard xejn għaliex xorta jibqa’ l-fatt li wara tliet snin jista’ jgħidlu li ma għoġbux u li m’huwiex se jġeddidlu l-kuntratt! Allura jien qed nipproponi li biex ma ndaħħkux lin-nies u biex nuru serjeta` fil-proċess ġudizzjarju tagħna u nkomplu nsaħħu l-istess proċess ġudizzjarju - allavolja dan qed insejħulu tribunal tal-konsumatur xorta waħda huwa organu ġudizzjarju u jiddeċiedi bħall-qrati tal-maġistrati - dan nagħmluh b'ċertu mod li jkun imparzjali daqs il-qrati ordinarji.
U la wasalna sa dan il-punt irrid ngħid xi ħaġa oħra wkoll dwar il-mod li bih wessajna artiklu 2 fejn minbarra l-interpretazzjoni ta' konsumatur u kummerċjant, daħħalna wkoll il-kwestjoni tar-regolamenti dwar ir-reklamar. Jekk qed inżidu din l-interpretazzjoni ma jagħmilx sens imbagħad li jkollok tribunal b'ġurisdizzjoni sa Lm1,500. Jien naħseb li jrid isir hu li t-tribunal jingħata kompetenza ta' Lm3,000 jew Lm4,000, pero` ċ-chairman jew ikun maġistrat biex b'hekk ikollu l-indipendenza garantita mill-Kostituzzjoni, jew inkella niftehmu ż-żewġ naħat fuq dan il-punt - ma naħsibx li m'għandniex ma niftehmux fuq tribunal bħal dan - u nagħtu liċ-chairman ta' dan it-tribunal l-istess garanziji li hemm għall-maġistrati. Hemm imbagħad affarijiet oħra li xtaqt ngħid rigward is-set-up ta' dan it-tribunal.
Aktar kmieni għedt li dment li t-tribunal kien ikkonċernat fuq affarijiet żgħar ta' ftit importanza ma kienx jimporta wisq x'kienet il-proċedura li tintuża, imma issa li qed inkabbruh b'dan il-mod m'huwiex sew li nagħmlu li l-proċedura jirregolaha ċ-chairman, li dan m'għandux bżonn ta' l-aħjar prova, li m'għandux dritt jaħtar periti, u li m'għandux jagħti motiv dettaljat fis-sentenza. B'din il-liġi aħna qed naraw li mhux biss issir ġustizzja mal-konsumatur imma li ssir ġustizzja wkoll ma' min qiegħed ibigħ jew joffri servizz. X'jiġifieri jkolli tribunal b'dawn il-poteri u b'din il-ġurisdizzjoni kollha li jiddeċiedi li m'hemmx għalfejn l-aħjar prova? X'jiġifieri ma jimmotivax is-sentenza? Jekk tkun xi ħmerija bħall-kawżi tad-distrett fejn tikteb erba' kelmiet fil-marġini, all right, imma hawnhekk qed nitkellmu fuq kawżi ta' Lm1,600. X'jiġifieri bniedem jista' jeħel Lm1,600 mingħajr ma jingħata motiv ta' xejn? Meta jien immur għand avukat biex nagħmel appell, dan kif se jidderiġili l-appell tiegħi? Jekk ikun hemm froġa fuq forma tas-sentenza lanqas tista' tappella minnha! Mela dan kważi huwa maġistrat super għaliex filwaqt li maġistrat tista' tikkontrollah għaliex tista' tappella, irid jagħtik sentenza, jiġġustifikaha u jimmotivaha u jrid joqgħod fuq l-aħjar prova, dan iċ-chairman jiddeċiedi kif irid, jivvinta r-regolamenti hu u lanqas biss tista' tattakkah b'xejn! U fuq kollox huwa part-timer, jipprattika ta' avukat, qiegħed ukoll fil-politika u għandu ġurisdizzjoni ta' Lm1,600! Dan m'huwiex aċċettabbli.
La aħna qed naqblu li nwessgħu din il-ġurisdizzjoni rridu naraw li nirranġaw dan it-tribunal għaliex huwa s-snien tal-liġi u ma jistax ikun li dan ma tista' tattakkah minn imkien minħabba l-liberta` assoluta li għandu. Jien ngħid li m'huwiex tajjeb li nkomplu nwessgħu l-ġurisdizzjoni ta' dawn it-tribunali mingħajr ma nżidu l-kontrolli u mingħajr ma nagħtuhom semblance ta' qorti. Issa għada pitgħada jiġi l-Ministru Gatt u jressaq emendi - u jien diġa` ktibt dwar dan u anke ddisktutejtu ma' membri tal-ġudikatura - fuq tribunali normali li jkollhom kompetenza daqs ta' dan li qed niddiskutu llum, għalkemm mhux assoluta daqshekk, u jkunu kollha part-timers bil-libera professjoni; jagħtu l-pariri u jiġġudikaw. Jien naħseb li b'hekk se ndaħħku lin-nies bina u se tispiċċa s-serjeta` fil-qorti. Is-sistema ġudizzjarja tagħna se tikkrolla kompletament jekk aħna se nippermettu li jsiru dawn il-ħmerijiet. X'jiġifieri jkollna part-time justice? Li jkollok tribunali b'poteri insinifikanti bħal meta jkollok kummissarju jaqta' t-tickets jew tribunali kif kienet oriġinarjament jiddeċiedi kawżi sa Lm250, well and good, imma li issa nibdew nimmiraw biex nispezzettaw il-qrati u nikkreaw dawn it-tribunali ad hoc biex nagħtu dawn il-pożizzjonijiet lil avukati ħbieb, kandidati u nies involuti fil-partit bħala rigal, m'huwiex aċċettabbli fis-sistema ġuridika tagħna.
Jien nemmen li jekk dan it-tribunal se nħalluh kif inhu, wara li jkun hemm l-ewwel kundanna lil xi ħadd biex iħallas xi Lm1,500 jew Lm1,600 kumpens b'xi sentenza ta' żewġ linji, mingħajr ebda motivazzjoni u mingħajr l-aħjar prova, se tqum kawża kostituzzjonali għaliex this is not the way to mite out justice. Li jkollok ġustizzja spedita kif inhu intenzjonat hawn huwa tajjeb għaliex xi kultant il-qorti timxi b'ċerta solennita` żejda u huwa tajjeb li xi kultant ikollok xi kważi judicial tribunals li jiddeċiedu biss fuq dritt naturali u ekwita`, pero` meta se tmur oltre u tibda tinterpreta l-liġijiet u r-regolamenti inti, ma tistax tagħti din il-ġustizzja b'daqstant leġġerezza qisu xejn m'hu xejn għaliex jista' jkollok l-abbużi. U din hija l-kritika tiegħi għal din il-liġi. Aħna naqblu li għandna nsaħħu d-drittijiet tal-konsumatur.
Kulħadd huwa konsumatur, kulħadd jixtieq li jekk imur jixtri oġġett ma jingidimx u kulħadd jixtieq li jekk imur jitlob servizz ma jingħatax servizz ħażin jew inkella jekk jingħata servizz ħażin ikollu xi tip ta' rimedju. Aħna naqblu mal-bżonn li l-konsumatur jiġi protett, pero` imbagħad m'għandniex immorru daqstant oltre li qisu xejn m'hu xejn u li qisna tlifna l-fiduċja assoluta fid-due process tradizzjonali tal-qrati tagħna ta' dawn l-aħħar għexieren ta' snin u f'daqqa waħda rridu nagħmlu dawn il-qrati tal-poplu. Meta darba fis-snin 70 jew 80 xi ħadd minn din in-naħa semma' l-kelma qrati tal-poplu, min-naħa l-oħra qamet għagħa sħiħa għaliex qalu li b'daqshekk se ndaħħku lin-nies. Issa hekk qed nagħmlu bil-mod il-mod; qed inkissru s-sistema ġudizzjarja tagħna kompletament u nikkreaw qrati tal-poplu. Dawn huma l-qrati tal-poplu - part-time justice; insa l-proċedura u insa kollox.
Hemm imbagħad il-kwestjoni tat-taxxa ta' l-avukati. X'jiġifieri li wara li żidna din il-kompetenza kollha m'hemmx taxxi ta' l-avukati? Qisha li l-intenzjoni tal-leġislatur hi li jeskludi l-professjoni legali minn dawn it-tip ta' kawżi. Għamilna dan l-istess żball fit-tribunali tat-talbiet żgħar, u issa qed nerġgħu nirrepetuh hawnhekk. Meta darba bdejna ngerrxu lill-avukati mill-industrial tribunal qamet għagħa sħiħa, u issa qed nagħmlu l-istess ħaġa - qed neliminaw id-dritt ta' l-avukati li jipprattikaw f'dawn it-tribunali! U min se joqgħod imur jaħdem b'xejn jew min se jqabbad avukat meta jekk jirbaħ il-kawża jrid iħallsu hu? Dan kollu juri li d-dritt li tagħżel avukat biex jiddefendik f'kawża quddiem dawn it-tribunali qed jitnaqqas sostanzjalment, ħaġa li wkoll hija anti-kostituzzjonali. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Helena Dalli.
ONOR. HELENA DALLI: Mr Speaker, qegħdin niddiskutu liġi li bla dubju tinteressana lkoll għaliex aħna lkoll konsumaturi. Sħabi ta' qabli tkellmu fuq customer departments, fuq kif nistgħu nkunu aktar consumer oriented, fuq customer charters u saħansitra tkellmu anke fuq il-bżonn ta' ombudsman għall-konsumaturi, pero` jiena Ilejla xtaqt nitkellem dwar żewġ sezzjonijiet differenti ta' konsumaturi - it-tfal u kif dawn jiġu effettwati mir-reklamar, u l-konsumaturi li jagħmlu użu mill-kummerċ elettroniku.
Xtaqt nitkellem fuq dawn iż-żewġ sezzjonijiet partikolari ta' konsumaturi għaliex inħoss li huma l-inqas protetti - fil-fatt m'huma protetti xejn - u għaliex jeżistu problemi f'dawn iż-żewġ sezzjonijiet. U dawn il-problemi mhux f'pajjiżna biss jeżistu. Fil-fatt għadu kemm sar studju rigward l-effett tar-reklamar fuq it-tfal bl-isem ta' "spoonful of sugar - television food advertising aimed at children - an international comparative survey". Minn dan is-survey ħareġ li f'ċerti pajjiżi li pparteċipaw m'hemmx regolamenti differenti għal dak li għandu x'jaqsam ma' reklami fuq ikel immirat għat-tfal u għal dak immirat lejn in-nies in ġenerali. F'pajjiżna nistgħu ngħidu li ninsabu fl-istess sitwazzjoni u minkejja li llum qegħdin nemendew il-liġi ta' l-1994 xorta waħda m'aħna qed indaħħlu xejn li jittratta dan is-suġġett minkejja li nafu li saru studji li jitkellmu dwar il-bżonn li dan l-aspett jiġi tackled b'mod speċifiku.
Mr Speaker, naħseb li kulħadd jaqbel li t-tfal għandha tingħatalhom konsiderazzjoni speċjali fejn jidħol ir-reklamar għaliex dawn huma inqas kapaċi mill-kbar biex jifhmu eżatt l-iskop tar-reklamar u t-teknika tal-persważjoni li tintuża. Nafu kemm-il darba aħna l-kbar stess naqgħu għal dawn ir-reklami, aħseb u ara t-tfal li jkunu għadhom ta' eta` impressjonabbli u ma jkunux jafu janalizzaw dak li jkunu qegħdin jaraw. Kif diġa` għedt, f'pajjiżna u anke f’ċerti pajjiżi oħra, m’hemmx regolamenti jew code of practice sabiex iħarsu lit-tfal minn ċerti tip ta’ reklami, pero` f’pajjiżi bħall-Iżvezja u n-Norveġja m’huwiex permess l-ebda tip ta' reklamar fuq it-televiżjoni li jkun dirett lejn tfal taħt it-12-il sena u lanqas huma permessi reklami waqt programmi tat-tfal. Hemm imbagħad pajjiżi oħra bħall-Awstralja li ma jippermettux reklami waqt programmi tat-tfal li huma ta' eta` preschool u l-pajjiżi Skandinavi kollha fejn ma jistax isir sponsorship tal-programmi tat-tfal.
Jiena naħseb li l-għaqdiet tal-konsumaturi għandhom rwol importanti ħafna x'jagħmlu f’dan ir-rigward kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali għaliex mhux biżżejjed li nagħmlu liġijiet għalina meta nafu li llum it-tfal tagħna jistgħu jaraw programmi li jkunu ġejjin minn madwar id-dinja kollha. U biex nassiguraw biżżejjed consumer protection għat-tfal tagħna fl-area tar-reklamar fuq it-televiżjoni l-approach irid ikun wieħed nazzjonali u jrid ikun kumplimentat ukoll b'wieħed globali. Xtaqt hawnhekk insemmi problema oħra fit-tfal tagħna u li wkoll hija relatata direttament ma' dan li qed ngħid. Qed nirriferi għall-problemi ta’ saħħa bħal, per eżempju, l-obeżita`, il-hyperactivity u mard ieħor li huwa relatat ma’ l-ikel.
Il-mod li bih nidraw nieklu meta nkunu għadna tfal, ħafna drabi jibqa’ fina meta nikbru u nafu kif ċertu tip ta’ ikel jikkawża mard tal-qalb, diabete u pressjoni għolja meta bniedem jikber. Mill-istudju li semmejt aktar kmieni sabu - f’dan l-istudju ħadu sehem l-Awstralja, l-Awstrija, il-Greċja, il-Ġermanja, Franza, il-Belġju, id-Denimarka, il-Fillandja, in-Norveġja, l-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti - li r-reklamar għall-ikel immirat għat-tfal kien l-iktar għoli fost reklamar ieħor. Sabu wkoll li aktar minn nofs ir-reklami li jaraw it-tfal fuq it-televiżjoni huma reklami għal confectionery, għaċ-ċereali biz-zokkor u għall-ikel f’restaurants li jservu fast food. Fil-fatt l-ewwel jiġu affarijiet ta' confectionery, imbagħad is-savoury snacks, imbagħad is-soft drinks u fl-aħħar il-kejkijiet u l-gallettini. Jiġifieri min-naħa għandna l-health promotion unit tgħidilna li dan l-ikel huwa ħażin għal saħħitna u tagħmel sforzi kbar biex tipprova tipperswadi lin-nies ibiddlu l-lifestyle tagħhom ħalli jkunu aktar b'saħħithom, u min-naħa l-oħra naraw dan il-bumbardament kollu mmirat lejn it-tfal għal dan it-tip ta' ikel.
Mr Speaker, organizzazzjonjiet tal-konsumaturi li kkummentaw fuq dan l-istudju tkellmu fuq l-effett negattiv li qed ikollhom dawn ir-reklami u kemm dawn qed jippromwovu unhealthy diet minħabba li l-ikel irreklamat huwa għoli ħafna fix-xaħmijiet, fiz-zokkor u fil-melħ. Min-naħa l-oħra dawn qegħdin jgħidu li r-reklami għall-ikel bżonnjuż bħalma huwa l-frott u l-ħaxix ma jeżistux. Jien naħseb li m'hemm bżonn ta’ ebda studju biex jgħidilna li ma jsirux reklami għal dan it-tip ta’ ikel, kulma wieħed irid jagħmel huwa li jara r-reklami li jsiru.
F’dan l-istess studju sabu wkoll li l-iktar advertisers prolifiċi huma dawk tal-McDonald's. Jien qed ngħid dan kollu għaliex ma nistgħux minn naħa ngħidu li rridu nderru lit-tfal tagħna jieklu healthy food imbagħad min-naħa l-oħra jkollna dan il-baraxx kollu ta' reklami li jmur kontra dak kollu li qed jingħad. Fl-analisi li saret sabu li 62% tar-reklami kienu għal prodotti high in fat, 50% għal dawk il-prodotti li huma high in sugar - f’dawn jista’ jkun li kien hemm prodotti li kienu kemm high in fat kif ukoll high in sugar - u 61% għal prodotti li kienu għoljin fil-melħ. Over all, 95% tar-reklami kienu għal ikel li huwa għoli fix-xaħmijiet, fiz-zokkor u fil-melħ.
Kif diġa` għedt, f'dan l-istudju sabu wkoll li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi li pparteċipaw fih, hemm ftit, jew m'hemm xejn, regoli speċifiċi li jikkonċernaw ir-reklamar għall-ikel immirat għat-tfal iżjed minn dawk ir-regoli li japplikaw għar-reklamar in ġenerali. Għaldaqstant biex nikkumbattu dan kollu għandna bżonn niżviluppaw il-promozzjoni ta' messaġġi nutrizzjonali pożittivi mmirati lejn it-tfal permezz tal-media. Jenħtieġ li tingħata konsiderazzjoni speċjali fejn jidħol reklamar immirat lejn it-tfal għaliex dawn ikunu għadhom ma jafux janalizzaw ir-reklami, u ħafna drabi jemmnu kulma jaraw u jisimgħu. Issa li nafu b’dawn l-istudji kollha u li hawn pajjiżi li ntroduċew ċerti restrizzjonijiet u regolamenti biex iħarsu s-saħħa tat-tfal tagħhom, hemm bżonn li naraw li dan il-prinċipju jkun imniżżel ukoll fil-liġi tagħna.
Jekk inħarsu lejn l-Unjoni Ewropea u lejn il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda naraw li dawn jgħidu li t-tfal għandhom ikunu ħielsa mill-esplojtazzjoni fi kwalunkwe aspett tal-welfare tagħhom. U r-reklamar ukoll huwa esplojtazzjoni li għalkemm hija fina u insidjuża taf tagħmel ħsara daqs, jekk mhux ukoll aktar, minn esplojtazzjoni aktar straightforward. Il-fatt li tmarrad lit-tfal permezz ta' brainwashing u nuqqas ta' kontrolli - nafu bil-mard li għandna f'pajjiżna kkaġunat mill-habits u t-tip ta' lifestyles li qed ngħixu - huwa ħażin daqs meta taħqarhom. U huwa għalhekk li l-konvenzjoni għad-drittijiet tat-tfal tgħid li t-tfal għandhom ikunu ħielsa mill-esplojtazzjoni fi kwalunkwe aspett tal-welfare tagħhom.
KeIliema ta' qabli semmew il-bżonn li fl-iskejjel ngħallmu lit-tfal x'inhuma d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi u naħseb li r-reklamar għandu jkun wieħed mit-topics li ngħallmuhom; jekk se ngħallmuhom fuq il-konsumatur għandna ngħallmuhom ukoll fuq ir-reklamar. Hemm bżonn li ngħallmu lit-tfal kif ikunu kritiċi u ma jibilgħux dak kollu li jaraw fuq ir-reklami. Huwa x-xogħol tagħna l-ġenituri, ta' l-edukaturi u tal-media li ngħinu lit-tfal jiżviluppaw l-abilita` li jifhmu l-iskop tar-reklamar u ngħinuhom jiżviluppaw attitudni kritika lejn ir-reklamar u forom oħra ta' marketing. Studji li jindirizzaw ir-reklamar u l-marketing minn perspettiva tal-konsumaturi għandhom ikunu parti mill-edukazzjoni tat-tfal sa minn eta` żgħira. Id-dipartiment tal-konsumatur u l-għaqdiet tal-konsumaturi jistgħu jgħinu f'dan billi jagħtu informazzjoni u pariri lil dawn l-edukaturi.
Ħaġa oħra li narawha tiġri ta' kuljum hija dik li l-psikologi f'dan il-qasam jgħidulha l-must-have phenomenon. Bħalissa, per eżempju, il-craze hija fuq il-Pokemons u minħabba l-bumbardament kbir ta' reklami li jsiru, it-tfal iħossuhom li huma mċaħħdin jew li huma inqas minn ħaddieħor jekk ma jkollhomx dak it-toy partikolari. U l-mira ta' l-advertisers m'hijiex biss it-tfal żgħar imma anke t-teenagers, li min-naħa tagħhom jibdew jiffittaw lill-ġenituri tagħhom ħalli jixtrulhom dak il-prodott partikolari.
Ħaġa inkwetanti wkoll f'dan il-qasam tar-reklamar hija l-influwenza li l-businesses għandhom fl-iskejjel. Dawn ipoġġu vending machines fil-canteens jew inkella jisponsorjaw xi attivitajiet jew jinkorraġġixxu lit-teachers sabiex jippremjaw lit-tfal b'vouchers li jissarrfu f'tip ta' ikel jew prodotti oħra partikolari. Kieku dan l-isponsorship isir għal skopijiet tajba, ma fih xejn ħażin, li hemm ħażin huwa li t-tfal qed ikollhom informazzjoni kontrastanti; l-ewwel ngħidulhom li huwa ħażin li tiekol ikel li huwa għoli ħafna fil-fats bħalma huma l-hamburgers, imbagħad imorru l-iskola u jagħtuhom dawn l-affarijiet għaliex ikunu sponsored minn xi kumpannija partikolari. Meta t-tfal ikunu għadhom żgħar, dawn se jibdew jistaqsu kif l-iskola jagħtuhom ċertu tip ta' ikel li d-dar ma jitħallewx jeħduh. Dawn kollha huma affarijiet li bħala ġenituri joħolquna problemi għaliex iwasslu messaġġi differenti lit-tfal tagħna.
Jien ngħid li għandu jkun hemm regolamenti li jipproteġu lit-tfal minn ammont eċċessiv ta' reklamar partikolarment ta' prodotti bħalma huma dawn li qed insemmi. Irridu nżommu f'moħħna li t-tfal irid ikollhom madwar 12-il sena biex jifhmu eżatt l-iskop tar-reklam u għalhekk reklamar indirizzat lejn tfal żgħar jista' jkun unfair u misleading. L-istudju li semmejt aktar kmieni juri kif ċerti pajjiżi, in konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-konsumaturi waslu għal forma ta' ftehim fuq restrizzjonijiet, bħal per eżempju, li ma jsirx reklamar waqt programmi għal tfal żgħar ta' preschool age, ma jsirx reklamar li ma jkunx immirat lejn tfal taħt it-12-il sena, ma jsirx reklamar immedjatament qabel jew wara programmi tat-tfal u li jkun hemm restrizzjonijiet fuq l-ammont ta' reklamar li jkun permess waqt programmi ta' tfal. Jien naħseb li nistgħu nibdew nippruvaw indaħħlu xi ftit minn dawn il-kunċetti li qed insemmu hawnhekk u naraw kif immorru bihom, pero` li lanqas biss nindirrizzaw din il-problema naħseb li huwa nuqqas li se joħolqilna ħafna problemi jekk ma neħdux ħsiebu minnufih. Issa ħalli ngħid xi ħaġa dwar dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ elettroniku.
Mr Speaker, aħna nifhmu li din għadha pjuttost sistema ġdida u allura għad m'għandna xejn fil-liġijiet tagħna li jitkellmu dwar dan, pero` konna nistennew li ladarba qed nemendaw il-liġi, indaħħlu xi ħaġa li titkellem proprju fuq dan it-tip ta' kummerċ. Xtaqt hawnhekk nagħti statistika minn studju li għamlu Pricewaterhouse Coopers li jgħid li l-frodi permezz ta' transazzjonijiet bl-e-commerce jammontaw għal nofs il-frodi kollha li jsiru fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, filwaqt li n-national criminal intelligence service tar-Renju Unit jgħid li l-problema ta' frodi permezz ta' l-internet kulma tmur qed tiżdied. Il-gvernijiet madwar id-dinja jitkellmu ħafna dwar dan pero` xi kultant ikun biss lip-service. Filwaqt li ċerti inizjattivi li ttieħdu huma ta' min ifaħħarhom, ħafna gvernijiet xorta għadhom ikaxkru saqajhom biex jirrispondu għall-isfida li din ir-rivoluzzjoni qed tippreżentalna. Id-differenza hija ċara ħafna. Jekk jiena mmur b'tal-linja jew immur naqta' xagħri naf li qed nintrabat b'arranġament fejn jien qed ningħata servizz u once li nkun sodisfatta bih, jien obbligata li nħallas tiegħu.
Dan huwa proċess sempliċi ħafna imma xi kultant niltaqgħu ma' xi ħadd li jkun diżonest jew inkompetenti u ma jagħtix dak is-servizz mistenni minnu. U huwa hawnhekk fejn jidħlu d-drittijiet tal-konsumatur. Fl-1266 kien sar l-ewwel attentat biex jiġi rregolat is-suq billi ntqal kemm kellu jkun il-qies korrett ta' l-inbid, tal-birra u tal-ħobż - dan kien sar permezz tal-Magna Carta - u minn dak iż-żmien din il-ġlieda biex iżżomm lin-negozjanti milli jidħku bil-klijenti ma waqfitx u llum hawn ħafna liġijiet li jgħidulna x'għandna nistennew meta nixtru xi affarijiet u għalxiex aħna ntitolati meta kuntratt ma jiġix onorat.
Meta l-Onor. Hyzler kien qed jippilota din il-liġi semma diversi liġijiet li għamlu gvernijiet differenti f'dan il-qasam, pero` minkejja dawn il-liġijiet kollha, kull sena eluf ta' nies iħossuhom li jew ġew misruqa jew ma ġewx trattati xieraq minn min biegħilhom xi ħaġa jew tahom xi servizz. U hawnhekk nerġa' lura għall-qasam tal-kummerċ elettroniku fejn qed naraw li qed ikun hemm ħafna każijiet ta' frodi. Jien diġa` tkellimt mas-segretarju parlamentari Hyzler u għedtlu li ma nistax nifhem kif liġi li suppost qiegħda tipproteġi lill-konsumatur, fis-sena 2000 ma tagħmel l-ebda riferenza għall-e-commerce. Huwa qalli li hemm white paper on the legislative framework for information practices u qalli wkoll biex nissuġġerilu xi ħaġa konkreta li tkun tista' tidħol f'din il-liġi. Jien fil-fatt naħseb li hemm għad ta' affarijiet x'nistgħu nagħmlu.
Aħna ta' kuljum nisimgħu fuq il-pjaċir tax-shopping permezz ta' l-internet, dak li llum qegħdin insejħulu armchair shopping. L-avukati, forsi mhux b'daqstant dwejjaq, qegħdin jgħidulna li dan il-qasam huwa a potential minefield għall-konsumaturi. Fil-fatt rapport li deher dan l-aħħar fil-consumers international jitkellem fit-tul fuq il-pitfalls li hemm f'dan il-qasam. Anke l-Euorpean media forum għadha kif ħarġet rapport fejn qiegħda tgħid lill-kumpanniji tal-credit cards biex jipprovdu protezzjoni għat-transazzjonijiet kollha li jaqbżu l-Lm25 minflok il-Lm100 li hemm speċifikat fil-Consumer Credit Act ta' l-1974. Din il-leġislazzjoni tipproteġi lill-konsumatur kontra min joħroġ il-card bl-istess mod kif tippreteġih kontra r-retailer li jkun biegħ xi ħaġa difettuża jew mhux skond id-deskrizzjoni mogħtija. Fil-fatt waħda mill-protezzjonijiet importanti li shopping sites ta' reputazzjoni jagħtu hija l-assigurazzjoni li l-flus ma jitteħdux mill-account tal-konsumatur sakemm l-oġġett li jkun xtara jasallu.
Problema oħra li jiffaċċjaw dawk li jużaw dan il-metodu biex jixtru hija li ħaddieħor jista' jieħu l-card details u jużahom biex jixtri hu. Huwa importanti li lin-nies ngħidulhom dawn l-affarijiet ħalli jkunu jafu għalxiex qed jidħlu meta jixtru b'dan il-mod. Ħaġa oħra li wieħed tajjeb ikun jaf qabel ma jixtri minn fuq l-internet huwa dak li jgħidulu r-real world address u t-telephone number tar-retailer li suppost ikun ippubblikat fuq is-site. F'nuqqas ta' dan it-tagħrif m'huwiex possibbli li tittieħed azzjoni legali jekk jirriżulta xi difett fl-oġġett mixtri. Fir-rapport li rriferejt għalih aktar kmieni jissemmew il-problemi li jistgħu jinqalgħu fejn il-konsumaturi jużaw websites barra l-pajjiż u ħafna jispeċifikaw li f'każijiet bħal dawn għandhom japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Pero` fil-każ tagħna aħna m'għandniex u kien għalhekk li lill-Onor. Hyzler staqsejtu kif bqajna ma dħalniex f'dan l-aspett fil-liġi tagħna.
ONOR. GEORGE HYZLER: Sur President, bil-permess ta' l-Onor. Dalli nixtieq nagħmel point of explantation. Jekk wieħed iħares lejn klawsola 7 jara li hemm il-poter tal-ministru li jagħmel regolamenti għal distance-selling, li probabbilment ikunu ntiżi biex jirregolaw dan il-qasam. Il-problema hija x'se jkun fihom ir-regolamenti. Jiġifieri hemm maħsub li jingħata l-poter lill-ministru biex jagħmel dawn ir-regolamenti, pero` sakemm naslu għalihom aħjar naħsbuha ftit.
ONOR. HELENA DALLI: Nirringrazzja lill-Onor. Hyzler ta' l-ispjegazzjoni, pero` kif jaf, jiena dik rajtha u xorta waħda naħseb li meta għandna dawn l-esperjenzi ta' pajjiżi barranin u la qegħdin nemendaw din il-liġi, għandna naħsbu għal dawn l-eventwalitajiet u nagħmlu xi ħaġa konkreta. Qed nieħu gost nara lis-segretarju parlamentari jaqbel miegħi.
Sur President, kont qed ngħid li l-aħħar ħaġa li dawk li qegħdin fl-industrija tal-credit cards ikunu jridu hija li l-liability tagħhom tiżdied għal Lm100, pero` min-naħa l-oħra jridu jqisu wkoll li jekk madwar nofs it-transazzjonijiet li jsiru bl-internet ikunu għal inqas minn Lm100, allura bilfors li jrid isir xi ħaġa biex jiġi protett il-konsumatur. Irridu ngħidu li tnaqqis f'dan il-limitu flimkien ma' twaqqif ta' online arbitration service li jkun sempliċi imma li jorbot, jista' jgħin is-sitwazzjoni, u l-banek ikun jaqblilhom għaliex jekk ikun hemm aktar xiri ta' dan it-tip huma jagħmlu aktar profitti mill-credit card fees. L-Ingilterra dan l-aħħar kienu qed jgħaddu l-electronics communication bill li qed tagħti legal recognition lill-firem elettroniċi wkoll. Fit-teorija din tfisser li ladarba għandek electronic signature via software fuq il-computer, tista' tagħmel transazzjonijiet u tiffirma a legally binding agreement on line li jista' min-naħa l-oħra ma tkunx aħbar tajba għall-konsumatur minħabba l-fatt li qed tintrabat b'mod aktar mgħaġġel.
THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li tkompli tinstema'.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Nipproponi li l-Onor. Helena Dalli tkompli bid-diskors tagħha.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE MIZZI: Nissekonda.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi li l-Onor. Helena Dalli tkompli tinstema'. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
Il-mozzjoni m'għaddietx.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, niġbidlek l-attenzjoni għan-nuqqas ta' quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-seduta hija sospiża għal ħames minuti.
Fit-8.50 p.m. is-seduta ġiet sospiża u rriżumiet ħames minuti wara.
MR SPEAKER: Hawn quorum u għalhekk is-seduta tista' tkompli. Aktar rimarki? L-Onor. Cuschieri.
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Mr Speaker, quddiemna għandna abbozz ta' liġi li jemenda l-Att ta' l-1994 dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u affarijiet oħra relatati miegħu. Meta jiġi ppreżentat abbozz ta' liġi, l-ewwel ma wieħed iħares huwa lejn l-għanijiet u r-raġunijiet tiegħu, u l-għan ta' dan l-abbozz huwa "sabiex jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Att dwar Bejjiegħa Bieb b'Bieb, u biex jirregola l-obbligazzjonijiet dwar il-prodotti u l-użu ta' espressjonijiet mhux ġusti fi transazzjonijiet konsumistiċi u biex jipprovdi dwar affarijiet anċillari jew konsegwenzjali għal dan kollu.". Meta wieħed jaqra dawn l-għanijiet u r-raġunijiet l-ewwel ħaġa li jagħmel hija li jistaqsi min huwa l-konsumatur u xi rridu nfissru bil-kelma "konsumatur". U r-risposta hi li l-konsumatur huwa kulħadd għaliex b'xi mod jew ieħor kulħadd jixtri xi prodott, kulħadd juża xi tip ta' servizz u kulħadd b'xi mod jew ieħor jiġi bżonn xi servizz professjonali.
Meta wieħed jagħti daqqa t'għajn lejn l-abbozz li għandna quddiemna, mill-ewwel jistaqsi jekk dak li qed jiġi propost fih huwiex biżżejjed biex il-konsumatur jiġi protett u biex jiġu msaħħa d-drittijiet tiegħu. Wieħed awtomatikament jistaqsi wkoll jekk b'dak li qed nipproponu f'din il-liġi, il-kummerċjant, jew bejjiegħ jew professjonist li qed joffri servizz, huwiex qed jiġi marbut biżżejjed b'mod legali biex jirrispetta d-drittijiet tal-konsumatur. L-esperjenza tul is-snin għallmitna li minkejja li saru diversi liġijiet u minkejja li dawn l-istess liġijiet ġew anke emendati, id-drittijiet tal-konsumatur f'pajjiżna għadhom m'humiex qed jiġu mħarsa biżżejjed u lanqas hemm rimedji b'saħħithom biżżejjed. Apparti minn hekk, donnu li lanqas hawn kuxjenza biżżejjed mill-konsumatur inniffsu dwar id-drittijiet tiegħu stess. U anke min forsi għandu kuxjenza dwar drittijietu bħala konsumatur, isibha diffiċli biex jagħmel użu mis-servizzi li jagħtu l-għaqdiet tal-konsumaturi u jsibha diffiċli wkoll sabiex jieħu l-passi legali li tipprovdilu l-liġi. Pero` dwar dan inkun nista' nitkellem aktar 'il quddiem f'aktar dettall.
Jien naħseb li wieħed ma jistax bl-aktar mod kunfidenti jgħid li b'dak li qed nagħmlu f'din il-liġi qegħdin insaħħu biżżejjed id-drittijiet tal-konsumatur. U apparti d-drittijiet tal-konsumatur versus il-bejjiegħ, il-kummerċjant u l-professjonist, xtaqt li l-ewwel u qabel kollox nitkellem dwar id-drittijiet tal-konsumatur versus id-dipartimenti governattivi u versus il-korporazzjonijiet li l-għandu sehem fihom il-gvern. Jien naħseb li l-ewwel eżempju ta' kemm verament aħna nemmnu li l-konsumatur għandu jkollu saħħa fid-drittijiet tiegħu għandu jingħata mill-korporazzjonijiet li l-gvern għandu sehem fihom u anke mill-istess dipartimenti u awtoritajiet governattivi li jagħtu servizz, xi kultant anke bi ħlas. Insemmi per eżempju, l-awtorita` ta' l-ippjanar u l-awtorita` tad-djar.
Jien naħseb li huwa tajjeb li f'dan il-mument wieħed idur dawra ma' dawn il-korporazzjonijiet u dipartimenti biex jara jekk humiex tassew qegħdin jagħtu servizz kif jixraq lill-konsumatur. Per eżempju, jekk nieħdu l-water services corporation nafu kemm kontinwament jinqalgħu diffikultajiet fejn jidħlu l-kontijiet mibgħuta minn din il-korporazzjoni li magħhom imbagħad ikun hemm il-kontijiet ta' l-Enemalta u nafu li minkejja li hemm il-customer care service, ħafna konsumaturi li jkollhom complaint dwar kontijiet jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet. Saħansitra diversi drabi - u dan taħt gvernijiet differenti - ikun hemm każijiet fejn il-konsumatur tant ma jsibx refuġju fil-complaint li jkun qed jagħmel, li jispiċċa javviċina lil xi membru parlamentari, sew min-naħa tal-gvern u sew min-naħa ta' l-oppożizzjoni, u ma kenitx darba jew tnejn, anzi kienu ħafna drabi li l-complaint tagħhom jispiċċa jitressaq f'din il-Kamra, permezz ta' mistoqsija parlamentari sabiex il-każ tagħhom ikun investigat b'mod effiċjenti.
Huwa ta’ għajb li biex konsumatur ta' korporazzjoni li toffri servizz uniku f'pajjiżna jinqeda, irid imur għand membru parlamentari, jagħtih il-kont u joqgħod jissemma fil-parlament. Irridu naraw kif insaħħu l-mekkaniżmu sabiex il-konsumatur ma jkollux għalfejn jirrikorri għal dawn il-miżuri biex jinqeda. Kemm-il darba jingħad li dawn il-korporazzjonijiet għandhom ħaddiema żejda, jiġifieri jien ma narax għaliex il-konsumatur imbagħad m’għandux jinqeda kif jixraqlu. Jekk mhux se jkunu l-korporazzjonijiet tal-gvern - hawnhekk qed nieħu l-eżempju tal-water services corporation - li jkunu minn ta' quddiem nett biex jagħtu eżempju li lesti jagħtu servizz ġust, ġenwin, reali u kontinwu lill-konsumatur bl-aktar mod effiċjenti, ikun diffiċli li nistennew li kummerċjanti, bejjiegħa u professjonisti oħra jagħmlu dan. Il-gvern għandu saħħa enormi biex jenforza dak li jrid jagħmel u jiena nemmen li b'determinazzjoni dan jsita' isir u m'għandniex għalfejn naqgħu f'ċerti assurditajiet bħal dawk li semmejt aktar qabel. L-istess imbagħad jista' jingħad għall-Maltacom.
Hemmhekk l-istess issib diffikultajiet kif il-konsumatur li jirċievi l-kont ikun jista' jwassal l-ilment tiegħu. Jien naħseb li wasal iż-żmien sabiex naraw kif niffaċilitaw il-ħajja tal-konsumatur li wara kollox qed iħallas sabiex dawn il-kumpanniji jkunu jistgħu jibqgħu mexjin. Nafu li f'dawn il-korporazzjonijiet jeżistu customer care services li jagħtu servizz tajjeb, pero` għad hemm ħafna xi jsir. Per eżempju, jien personalment niltaqa' ma' nies anzjani, persuni b'diżabilita` u nies illitterati li ma jkunx faċli għalihom li jifhmu l-kont minkejja li dan ikun mibgħut b'mod dettaljat ħafna. Għalhekk naħseb li wasal iż-żmien sabiex dawn il-korporazzjonijiet, apparti mill-customer care units, joffru wkoll servizz lil dawn in-nies u jinvestigawlhom il-complaint tagħhom u anke jagħtuhom risposta. Dawn it-tip ta' servizzi jingħataw minn kumpanniji privati f'pajjiżi kbar Ewropej u ma narax għalxiex f'pajjiżna, li huwa magħruf bħala pajjiż li jħares l-aspett soċjali, m'għandniex nibdew nintroduċu dawn it-tip ta' servizzi. Wara kollox, il-konsumatur li jkun qed jixtri prodott jew servizz għandu jkun rispettat u jingħata l-aħjar possibbli.
L-istess jista' jingħad fejn tidħol l-Enemalta, li wkoll hija kumpannija li l-gvern għandu shareholding fiha u li għandha monopolju assolut fis-servizz li tipprovdi. Apparti mill-fatt li meta wieħed imur b'complaint fuq kont, jiltaqa' ma' ċerti diffikultajiet, l-aktar li huwa nġust huwa l-fatt li meta jkun hemm xi power failure, din il-korporazzjoni ma tidħol liable għal xejn. Ħafna drabi, wara power failure il-vultaġġ jiġi lura b'saħħtu tant li jikkawża ċerti ħsarat, fost l-oħrajn fl-appliances. Bil-liġi kif inhi llum l-ebda konsumatur li qed jieħu servizz mingħand l-Enemalta ma jista' b'xi mod ifittixha. Filwaqt li nifhem is-salvagwardja li għandha jkollha l-Enemalta, nifhem ukoll lil dak il-ħaddiem li biex ikun xtara ċerti affarijiet ikun bata u għamel ħafna sagrifiċċji imbagħad jispiċċa bl-appliances bil-ħsara, u agħar minn hekk, jispiċċa mingħajr rimedju. Jiena hanwhekk irrid infaħħar il-pass li ħadet il-Maltacom li jekk wieħed japplika għal telephone u dan ma jingħatalux fi żmien xahar, ikollu dritt ifittex lill-kumpannija. B'hekk il-konsumatur li qed ħallas biex jingħata s-servizz m'għandux għalfejn joqgħod jiċċensura u jadura lil dak u lill-ieħor.
Fl-aħħar nett xtaqt nitkellem dwar id-dipartimenti tal-gvern, speċjalment dawk li taħthom jaqgħu s-servizzi soċjali. Nafu l-problemi li jiltaqgħu magħhom nies pensjonanti, romol u dawk li jirċievu xi tip ta' benefiċċju soċjali meta jkollhom xi complaint.
MR SPEAKER: Onorevoli, ippermettili ninterrompik għaliex sar il-ħin għall-aġġornament. Tibqa' in possession?
ONOR. JOSEPH CUSCHIERI: Iva, nibqa' in possession. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Nitlob lill-Ministru Ċensu Galea sabiex iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.
Fid-9.20 p.m. id-diskussjoni kienet interrotta u baqgħet aġġornata.
Dostları ilə paylaş: |