Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 320,79 Kb.
səhifə5/6
tarix18.01.2019
ölçüsü320,79 Kb.
#100395
1   2   3   4   5   6

AĠĠORNAMENT



ONOR. CENSU GALEA: Mr Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada, l-Erbgħa 12 ta' Lulju, 2000 fid-9.00 a.m. b'din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur - Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi dwar Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi - Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Awtorita' ta' l-Istatistika ta' Malta - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza tad-Dwana - Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Erarju - Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi dwar il-Proċeduri Legali -Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta (Emenda Nru 2) - Tieni Qari;
Riżoluzzjoni mressqa mill-Prim Ministru dwar il-qagħda fil-pajjiż - Kontinwazzjoni; u
Abbozz ta’ Liġi għat-Twaqqif ta’ Awtorita’ ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni - Tielet Qari.
-----------------------------------
Abbozz ta' Liġi dwar ir-Rifuġjati - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Awtorita’ dwar it-Trasport Pubbliku - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat - Kumitat Permanenti.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Carmelo Borg
ONOR. CARMELO BORG: Sur President, f'dawn l-aħħar tliet ġimgħat waqt il-ħin tal-mistoqsijiet innotajt xi affarijiet li kien ili nħosshom f'dan il-parlament. Qed nirriferi għan-nuqqas ta' tmexxija serja li qiegħda ssarraf fi tbatija żejda fuq il-poplu tagħna. Nafu li l-qagħda finanzjarja li ninsabu fiha bħalissa hija riżultat ta' hekk, pero` minkejja dan xorta waħda dawn in-nuqqasijiet għadhom jirrepetu ruħhom. Żewġ okkażjonijiet fejn innotajt dan in-nuqqas kien meta qamet ġo dan il-parlament il-problema tar-rimi ta' l-iskart domestiku fid-Dwejra.
Meta jien kont ġbidt l-attenzjoni tal-Ministru għall-Ambjent għall-applikazzjonijiet pendenti li hemm quddiem l-awtorita` ta' l-ippjanar sabiex barrieri jibdew jintużaw għal dan l-iskop, kien qam l-istess ministru u qalli li wieħed irid joqgħod attent minn dan minħabba l-kontaminazzjoni ta' l-ilma. Issa dan l-argument ma jreġix għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett għaliex l-aħjar ilma ta' Għawdex ma jitlax min-naħa tal-punent fejn hemm dawn il-barrieri imma jitla' min-naħa tal-lvant ta' Għawdex, jiġifieri l-inħawi tan-Nadur u x-Xagħra, u t-tieni nett l-iskart li għandu x'jaqsam ma' l-industrija tal-bini fil-parti l-kbira tiegħu huwa magħmul minn materjal naturali, liema materjal mhux se jagħmel ħsara lill-aquifer. Il-fatt li jintqalu dawn l-affarijiet minn ministru responsabbli mill-ambjent jindika li l-istess ministru ma jifhimx f'xogħlu.
Sur President, din hija problema li m'hemmx soluzzjoni waħda biss għaliha imma hemm diversi soluzzjonijiet. U waħda mis-soluzzjonijiet hija li l-barrieri li llum hemm vojta jerġgħu jibdew jiġu mimlija bl-iskart li ġej mill-industrija tal-bini, liema skart huwa magħmul minn materjal li oriġinarjament ġie mill-istess barrieri. Soluzzjoni oħra hija li parti minn dan l-iskart jiġi riċiklat u jerġa' jintuża fl-istess industrija u parti oħra jiġi maħdum u jintuża sabiex bih tibbilanċja l-ħamrija jew it-tafal u b'hekk tkun qiegħed tolqot żewġ għasafar b'ġebla waħda. Minn banda tkun sibt post fejn tarmi dan l-iskart u fl-istess ħin tkun qed tibbilanċja l-ħamrija u t-tafal. Pero` minn dan il-parlament stess sirna nafu li l-awtorita` ta' l-ippjanar qiegħda tikkontrolla hi fejn għandu jintrema dan it-tip ta' materjal, u dan meta m'għandhiex informazzjoni biżżejjed. L-ewwelnett m'għandhiex il-klassifikazzjoni tar-raba' - nafu li jeżistu diversi tipi ta' raba' - u t-tieni nett m'għandhiex id-dettalji ta' liema raba' hu tajjeb li tista' titfa' ħamrija fuqu, liema raba' hu tafli li tista' tibbilanċjah, u liema raba' huwa xagħri uli tista' tirranġa l-ħamrija fuqu mingħajr ma tagħmel ħsara lill-pjanti indiġeni.
U l-ħażin hawnhekk qiegħed fil-fatt li minkejja li l-awtorita` ta' l-ippjanar m'għandhiex dan in-know-how, xorta waħda qegħda tikkontrolla hi. Fejn qabel dan ix-xogħol kien f'idejn id-dipartiment ta' l-agrikoltura, illum qiegħed f'idejn l-awtorita` ta' l-ippjanar u dan minkejja li d-dipartiment ta' l-agrikoltura għandu materjal fuqhiex jaħdem ferm aktar milli għandha l-awtorita`. Irrid ngħid hawnhekk li f'Għawdex għandna nies li huma ntiżi f'dan is-suġġett u jafu liema raba' hi tajba biex twaddab ċertu materjal fih u liema raba' jew xagħri mhux tajjeb biex twaddab ċertu materjal fih, pero` dawn qegħdin jitħallew jagħmlu xogħol ieħor li m'għandu x'jaqsam xejn ma' l-istudju li jkunu għamlu. U hija ħasra għaliex qiegħed jiġri li xogħol li suppost isir minn nies esperti f'dak il-qasam qiegħed isir minn nies li jew m'għandhom xejn esperjenza jew inkella għandhom ftit knowledge dwar dak il-qasam, bil-konsegwenza li l-affarijiet ma jsirux sew. Ħalli nagħti eżempju.
Dan l-aħħar beda jitferrex materjal tal-barrieri fuq raba' xagħri. Għal ċerti nies dan ma jfisser xejn pero` meta tidħol fil-fond issib li fuq dak il-ftit raba' xagħri jkun hemm pjanti indiġeni li bil-materjal li jkun qiegħed jitferrex fuqhom ikunu qegħdin jinqerdu. Barra minn hekk il-materjal li qiegħed jintefa' hemmhekk m'huwiex ibbilanċjat, bil-konsegwenza li l-prodott li qiegħed jinżera' fih mhux qiegħed ikun ta' suċċess. Mela filwaqt li qegħda ssir il-ħsara minħabba li l-pjanti indiġeni qegħdin jinqerdu għal kollox u għal dejjem, il-prodotti agrikoli li qegħdin jinżergħu, minħabba li l-materjal li qed jintefa' m'huwiex ibbilanċjat, mhux qed iħalli r-riżultati mixtieqa.
Sur President, jiena bħala rappreżentant tal-poplu, inweġġa' meta nara l-poplu fiex jinsab minħabba deċiżjonijiet żbaljati li qegħdin jittieħdu minn dan l-istess parlament. Din għalija m'hijiex serjeta` u jekk verament irridu nnaqqsu l-piżijiet minn fuq dahar il-poplu tagħna jeħtieġ li nieħdu l-affarijiet b'aktar serjeta` u x-xogħol nibdew nagħtuh lil dawk in-nies li jkunu kapaċi jagħmluh ħalli b'hekk il-poplu jkun qed jieħu l-aħjar servizz għal flusu. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Speaker, fl-aġġornament tal-bieraħ jiena tkellimt dwar il-proġett tal-Kottonera u dwar l-iskandli li ħerġin minn dan il-proġett, fosthom li Sant' Anġlu se jispiċċa. Jidher li l-appelli li qed nagħmel lin-nies tal-Kottonera m'humiex jaqgħu fuq widnejn torox għaliex dawn l-istess residenti lesti li jagħtu sehmhom biex ma jħallux lil min m'għandux għal qalbu l-interess tal-Kottonera jkisser l-arkitettura storika li għandna f'dawk l-inħawi. Fl-istess aġġornament tkellimt ukoll dwar it-trab iswed li qed ikun hemm fil-Fgura u anke dwar xi testijiet li saru u li r-riżultat tagħhom għadu ma ħariġx fil-beraħ. Jien minn hawnhekk inħeġġeġ sabiex meta ssir xi forma ta' protesta dwar dan jieħu parti fiha kulħadd. Nista' ngħid li jiena, kemm bħala kelliem ewlieni ta' l-oppożizzjoni għall-ambjent kif ukoll bħala deputat li ġej minn dak id-distrett se nkun wieħed minn ta' quddiem f'din il-protesta.

Sur President, illum f'din l-ewwel opportunita` li għandi xtaqt nitkellem dwar ir-riżoluzzjoni ta' l-artijiet li kienet qed tiġi diskussa f'dan il-parlament. Qed ngħid "fl-ewwel opportunita`" għaliex din ir-riżoluzzjoni għaddiet minn dan il-parlament fis-seduta ta' dalgħodu u sakemm kienet għadha qed tiġi diskussa ma stajtx nitkellem dwarha fil-ħin ta' l-aġġornament għaliex kien iqum xi ħadd u jgħid li jien out of order u kien ikollu raġun. Għaliex waqt li kont qed nitkellem dwar din ir-riżuluzzjoni rriferejt għall-awtorita` ta' l-ippjanar, qam l-Onor. Mugliett u qal li kont qiegħed out of order meta fil-fatt ma kontx, aħseb u ara meta veru nkun out of order kemm se jqumu aktar! U fil-fatt, kif kont spjegajt, l-awtorita` ta' l-ippjanar kellha x'taqsam mar-riżoluzzjoni li konna qegħdin niddiskutu. Tant hu hekk li kien hemm anke kelliema min-naħa tal-gvern li daħħlu fl-argumenti tagħhom lill-awtorita` ta' l-ippjanar, fosthom l-Onor. Mario Galea, pero` l-Onor. Mugliett ma qamx jgħid li l-Onor. Galea kien qiegħed out of order. U allura bilfors ikolli ngħid li r-raġuni għalfejn l-Onor. Mugliett qam jgħid li jien kont out of order kienet li l-verita` kienet qed tweġġgħu. Jien kont qed nitkellem mill-esperjenza ta' x'qed jiġri fil-pajjiż kemm mil-lat ta' spekulazzjoni ta' artijiet kif ukoll mil-lat ta' kif qed taġixxi l-awtorita` ta' l-ippjanar.


Waħda mill-affarijiet li tkellimt fuqhom jien kienet il-mod li bih kienet se tingħata l-art lill-iscouts u għedt li kif kien il-kuntratt kien hemm lok ta' abbuż. U tant kelli raġun f'dak li kont qed ngħid li n-naħa tal-gvern aktar 'il quddiem ressqet emenda dwar dan. Kont ukoll ġbidt l-attenzjoni għall-fatt li ma kien hemm xejn li jitkellem dwar il-landscaping u anke hawnhekk saret emenda fejn daħlet klawsola li titkellem dwar dan. Waqt id-diskussjoni jien kont għedt li anke meta l-awtorita` ta' l-ippjanar toħroġ permess u tgħid li għandu jsir landscaping, fil-verita` dan il-landscaping ma jsir qatt. Ħalli nagħti eżempju realistiku.
Fil-power station ta' Delimara kellu jsir il-landscaping, pero` minkejja li għaddew ħafna snin, għadu ma sar xejn. Għalhekk jien għedt li għandna nagħtu perijodu ta' żmien li fih wieħed irid jagħmel il-landscaping. Dan is-suġġeriment ġie milqugħ min-naħa tal-gvern u fil-fatt iddaħħlet klawsola li tgħid li l-landscaping għandu jkun lest wara perijodu stipulat minn meta joħroġ il-permess. U hawnhekk xtaqt nagħmel parentesi żgħira u nitlob sabiex tittieħed bis-serjeta` t-talba li qed issir minn diversi nies sabiex tinstab art li fuqha jkun jista' jsir mużew tat-trasport.
Sur President, minkejja l-fatt li ħafna mis-suġġerimenti li kont għamilt jien waqt dak id-dibattitu ġew aċċettati min-naħa tal-gvern u anke tressqu emendi, ir-reazzjoni ta' wieħed mill-kelliema tan-naħa tal-gvern kienet sempliċement biex jipprova joskurani. Se nikkwota hawnhekk silta mir-rapport li deher fuq "The Malta Independent" tal-lum fejn jingħad hekk:
"Dr. Mifsud Bonnici reacted to Joe Mizzi's accusation about Cottonera and said that work was indeed done to provide the area with a football ground. Anyway, Mr. Mizzi was a minister for 22 months and yet did nothing about this issue.".
Huwa veru li jien kont ministru għal 22 xahar pero` ma kontx jien li qabel l-elezzjoni ta' l-1992 wegħdt li se jsir ground tal-football u saħansitra twaħħlet tabella fejn intqal li kien se jsir ground tal-football! Kien għamel hekk l-ex ministru ta' l-edukazzjoni, Ugo Mifsud Bonnici, biex minn dan kollu baqa' ma sar xejn. Imma ħalli issa ngħidlu x'għamilt jien fit-22 xahar li domt ministru.
L-ewwelnett jiena kont nagħmel parti minn kumitat soċjo-ekonomiku li kien qed iħejji rapport għan-naħa t'isfel ta' Malta. Dan il-kumitat kien qed jaħdem flimkien mal-kunsilli lokali, l-għaqdiet politiċi u l-għaqdiet reliġjużi tan-naħa t'isfel ta' Malta sabiex isir pjan soċjo-ekonomiku għal dik in-naħa. Minn dak ir-rapport irriżulta li l-ground ta' Verdala għandu jiġi rranġat sabiex ikun jista' jiġi wżat mill-club tas-St. Georges, pero` minħabba kwestjoni ta' finanzi u affarijiet oħra, dan kellu jinbidel fi sports complex għall-area kollha. Dan ir-rapport kien ġie diskuss u kien anke ġie maqbul li kellha ssir action committee sabiex tibda tfassal il-prijoritajiet. Dak hu li għamilt jien! Is-silta minn "The Malta Independent" li kkwotajt aktar kmieni turi kif qabel kellna ministru ta' l-edukazzjoni li jgħaddi ż-żmien bin-nies, u issa hawn ieħor li qed jagħmel l-istess. Jien nista' ngħid li kull darba li kien hemm xi ħaġa li biha kienet se tiġi affettwata l-Kottonera, dejjem affrontajt sidri u ma bżajt minn ħadd. Jiftaħar tant bil-kultura, imbagħad ma ħareġ jgħid xejn fuq il-bini storiku li qed jaqa'! Baqa' b'ħalqu magħluq!
Fit-22 xahar li l-Partit Laburista għamel fil-gvern, jiena u l-ministri sħabi konna ngħaqadna flimkien sabiex naraw kif nistgħu ngħollu l-livell tal-Kottonera. Mr. Speaker, dan joqgħod isemmi ħafna kotba u stejjer, imbagħad kotba li jsemmu l-verita` u r-realta` tal-politiċi bħalma kiteb Lord Nolan ma jsemmihomx! U jiena nista' nitkellem dwar dan għaliex diġa` esperjenzajtu, darba meta d-driver ta' l-ex-ministru Mifsud Bonnici tefagħli l-bieb tad-dar ġewwa għaliex tkellimt fuq it-traffikar tad-drogi u darba oħra meta t-tifel tiegħi kien involut f'inċident tat-traffiku u kien jinsab f'qagħda gravi u xi ħadd minn ta’ l-SAG ċempel mal-ewwel lis-surġent id-depot tal-pulizija, li dan min-naħa tiegħu ċempel lil ta’ Radio 101 biex b’hekk l-aħbar kienet ixxandret fuq ir-radju qabel ma kienet għadha waslet l-ambulanza!
Sur President, ħalli issa, wara li għedt x’għamilt, ngħid x'għamiltx. Taf x'ma għamiltx jien? Ma qabbadtx driver miegħi li għandu konnessjoni mad-droga u ma kont ċempiltx f'xi għassa biex jitilqu lil xi ħadd li jkun wettaq reat kriminali. Anzi, meta jien kont ministru kont tajt struzzjonijiet biex jekk xi ħadd imur f’xi għassa tal-pulizija u jsemmi ismi jgħidulu li għandhom ordni mingħandi sabiex jimxu miegħu skond il-liġi. Jien qatt ma pproteġejt lil xi ħadd li kien akkużat li seraq xi pittura tal-Caravaggio, u qatt ma pproteġejt jew iddefendejt lil xi kriminal. U dawn l-affarijiet mhux meta kont ministru biss m’għamilthomx, imma lanqas issa li qiegħed fl-oppożizzjoni. U lanqas qatt ma nqdejt bil-parlament jew b'xi għaqda filantropika biex nagħti xi fridges għaliex tkun waslet l-elezzjoni! Jiena li għamilt għamiltu biex ngħin lin-nies tal-Kottonera għaliex inqis ruħi bħala wieħed minnhom. Jien ġej minn familja ta' ħaddiema u naf x’jiġifieri tbati. Kulħadd jaf kif jiena u l-familja tiegħi ngħixu u għalhekk meta nitkellem dwar il-Kottonera ma nitkellimx sempliċement għaliex jien qed nirrappreżenta lin-nies ta’ hemmhekk imma għaliex ngħaddi mill-istess tbatija li jgħaddu minnha huma u allura nista' nifhimhom aktar.
Sur President, jien niftakar li lill-ex ministru ta' l-edukazzjoni Mifsud Bonnici kont għedtlu li f’ħaġa waħda żgur li jirnexxi, jekk jieħu sehem f'xi reċita li għandha x'taqsam mal-Ġimgħa l-Kbira u jaħdem il-parti ta' Pilatu! U lil dan li qiegħed f'din il-Kamra u ġie jipprova jattakkani u mingħalih jikkuljunani biex jipprova jiġbor ġieħ ħaddieħor ngħidlu l-istess ħaġa li kont għedt lill-ex ministru ta' l-edukazzjoni Mifsud Bonnici. L-unika parti li jista' jaħdem, minkejja li jiġi f'dan il-parlament u jipprova jirriferi għall-kotba u juri li hu filosofu u li jemmen bl-arkitettura imbagħad ma jitkellem xejn fuq il-proġett tal-Kottonera, hija l-parti ta' Pilatu. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal għada, l-Erbgħa, 12 ta' Lulju, 2000 fid-9.00 a.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.
Fid-9.50 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 320,79 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin