THE DEPUTY SPEAKER: Hawn permess biex l-Onor. Mizzi iqiegħed dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva).
Il-permess ingħata.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra :
Kopja ta' ittra ta' riferenza ffirmata mis-Sur Alfred Fabri, Chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, dwar is-Sur Charles Sacco.
Niġu issa għall-pożizzjoni tal-general manager tal-Korporazzjoni Telemalta. Hawnhekk ipprovajna nħammġu persuna meta m'hemm l-ebda dubju ta' xejn li l-affarijiet saru bis-serjeta' u fl-aħjar interess tat-Telemalta. B'din il-kritika, l-Onor. Pullicino Orlando tani l-opportunita' biex nuri li qabel kienu saru l-vendikazzjonijiet ma din il-persuna u li kienet saret preferenza ma' xi ħadd għax kien Nazzjonalist. Jien nistaqsi: Minn mindu bdiet din il-kariga tingħata fuq seniority u kwalifiki? Għal min irid ikun jaf is-Sur Azzopardi huwa kkwalifikat u ilu biżżejjed mal-korporazzjoni biex ikun jista' jaqdi tajjeb dawn id-dmirijiet. Fil-fatt għandu l-akbar kwalifika li dejjem fittex l-aħjar interessi tal-korporazzjoni. Mhux bħan-naħa ta' l-Oppożizzjoni li dejjem ifittxu biex jimminaw lin-naħa tal-Gvern u lil min qed imexxi t-Telemalta. Issa tajjeb ngħid li minn mindu ħa din il-kariga dan għamel xogħlu tajjeb ħafna u jien kuntent ħafna bit-tmexxija tiegħu.
THE DEPUTY SPEAKER: Point of order, l-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, kont qed nattendi exhibition f'Dar l-Emigranti u sakemm wasalt hawnhekk smajt lill-Onor. Mizzi fuq ir-radju. Il-Ministru ma qal xejn fuq dan l-abbozz ta' liġi ħlief li kultant żmien jgħid: Qed tara l-ex-chairman - u attwalment direttur nominat mill-Oppożizzjoni - kemm mexa ħażin!
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Sedja diġa' ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru għal dan. (Interruzzjonijiet) Is-Sedja diġa' nnotat dan kollu. Onor. Ministru, nitolbok li torbot id-diskors tiegħek ma' dak li tgħid il-liġi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, jien qed nirrispondi għal dak li ntqal min naħa l-oħra. Niskanta kif m'oġġezzjonawx għal min semma qabli dawn l-affarijiet! Qed nirrispondi punt punt għal dak li qal.
THE DEPUTY SPEAKER: Hemm okkażjonijiet oħra meta dawn l-affarijiet jistgħu jiġu risposti.
ONOR. JOE MIZZI: Inserraħ ras l-Onor. Pullicino Orlando - u lil min issa dehrlu li kellu jagħmel point of order - li s-Sur Azzopardi ma ħax żieda barra mill-paga li kellu l-general manager l-ieħor. Lanqas on call allowance ma ħa. Issa dan ġie hawnhekk jakkużana li aħna qed naħbu għax ħa xi flus iktar minn mindu laħaq hu. Id-direttur li hemm jirrappreżenta lill-partit fl-Oppożizzjoni jew ma qalx il-verita' għaliex huwa partiġjan - u għalhekk li m'għandux ikun hemm direttur jirrappreżenta partit politiku - jew xi ħadd ried jimmislidja din il-Kamra.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension.
ONOR. CARMELO ABELA: Nipproponi li jkompli jinstema'
ONOR. RICHARD MUSCAT: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Mizzi jkompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: Iva)
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
THE DEPUTY SPEAKER: Nerġa' niġbed l-attenzjoni biex il-Ministru jżomm ma' l-għanijiet tal-liġi li għandna quddiemna.
ONOR. JOE MIZZI: Qed inżomm ma' l-għanijiet tal-liġi. Qed nuri kemm direttur li jirrappreżenta partit politiku jista' jkun partiġjan.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Jesmond Mugliett.
ONOR. JESMOND MUGLIETT: Il-Ministru qed jagħmel assumption li l-Onor. Pullicino Orlando ġab l-informazzjoni mingħand id-direttur li jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fuq il-bord tat-Telemalta. Ma setax ġabha minn sors ieħor?
ONOR. JOE MIZZI: L-Onor. Pullicino Orlando nnifsu qal li d-direttur għaddielu l-informazzjoni hu. (Interruzzjonijiet). Dawn affarijiet li ma jitwemmnux! Aħjar ġibt l-iscript għax kien ikolli l-evidenza. Ħalli jkun jaf ukoll li s-Sur Azzopardi joħroġ mill-bini ċentrali ħafna drabi wara nofs il-lejl. Hekk jagħmel bniedem li jkun dedikat. Imbagħad jiġu min-naħa l-oħra u jridu jgħidu li dan ir-raġel laħaq għax huwa minn ta' ġewwa. Issa jekk b'"ta' ġewwa" jifhem li huwa wieħed li ta' min tafdah, mela għandu raġun għax nafdah. Iżda jekk b'"ta' ġewwa" qed jifhem "tal-qalba", f'sens politiku, jew li huwa xi attivist, għandu l-akbar żball u m'hu qed jipprova jagħmel xejn ħlief ħsara lill-individwu. Lill-Onor. Pullicino Orlando nassigurah li meta l-għażla tat-tmexxija eżekuttiva tal-korporazzjoni waqgħet fuqu, is-Sur Azzopardi ma kien għadu jaf assolutament b'xejn. Lanqas kien għamel xi lobbying. Tant huwa hekk li ħafna nies ta' kull tip u ta' kulur politiku kienu sorpriżi u ħadu pjaċir ħafna bl-għażla tiegħu.
Imbagħad l-Onor. kelliem tan-naħa l-oħra mar oltre minn hekk. Għażel li jattakka personalment lill-mara tiegħu, li qabel ukoll kienet taħdem fit-Telemalta għal numru ta' snin. Iżda hawnhekk l-istess, għaliex motivat politikament u veru jara l-partiġjaniżmu qabel l-interessi tat-Telemalta u tal-ħaddiema, id-direttur dan ma qalulux lill-Onor. Pullicino Orlando. Ma qallux, per eżempju, li wara li kienet ilha taħdem għal snin twal it-Telemalta, minħabba diskriminazzjoni kontriha, għax ma kenitx tal-qalba, is-sinjura Azzopardi kellha tirriżenja fl-aħħar ta' l-1993. Għaliex kellha tirriżenja? Fil-bidu, wara li ggradwat, ma kenitx tħalliet taħdem fl-internal audit bl-iskuża li kienet mara. Dan ir-raġunar inbidel meta sena wara daħlet is-Sinjura Ingrid Dalmas fid-dipartiment. U meta wara xi żmien ħallewha tidħol f'dan id-dipartiment, hija kienet l-iktar senior fost l-accountants u ħadd ma kien ikkwalifikat iktar minnha. Issa minn hawn bdew il-manuvri biex xi ħadd tal-qalba jinqeda. Dawk huma l-affarijiet. (Interruzzjonijiet) Kulma qed ngħid għidtu wkoll fil-gazzetti, mingħajr l-immunita' tal-Parlament u qatt ħadd ma ħa passi kontra tiegħi. Għaliex ma ħadux passi kontrija? Jien ma nbeżżax nies.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Sedja kkonċedietlek biżżejjed fuq dan is-suġġett. Ma jistax ikun li jintilef il-ħin tal-Kamra fuq affarijiet u aspetti li jmorru 'l hemm mil-liġi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien qed ngħid kemm hi skorretta l-informazzjoni li tah id-direttur maħtur politikament fit-Telemalta u qed ngħid għaliex hija skoretta. Qed inġib il-provi għaliex m'għandux ikun hemm direttur politiku f'korporazzjoni. Issa għax iġġib il-provi jiġu jgħidulek li ma tistax. Din isbaħ! Jien qed nirrispondi eżattament għal dak li ntqal f'din il-Kamra.
Lis-Sinjura Azzopardi tellfuha s-seniority għax ġabu lil kulħadd fl-istess livell tagħha, professional officer 3. Imbagħad wara ġurnata biss, lill-persuna l-oħra tal-qalba laħħquha professional officer 3A u ftit wara għamluha kap tad-dipartiment. Id-direttur li jirrappreżenta lin-naħa ta' l-Oppożizzjoni fil-bord ma qalhomlux dawn l-affarijiet lill-Onor Pullicino Orlando għax ma jaqbillux isemmihom. Is-Sinjura Azzopardi kellha titlaq mit-Telemalta. Kemm kien hemm nepotiżmu u preferenzi minħabba l-kulur politiku imma dawn ma semmihomx! Lis-Sinjura Dalmas - din li laħqet flokha - tawha wkoll iċ-ċans li ġġib iċ-ċertifikati ta' l-awditur. Irnexxielha ġġibhom billi t-Telemalta għamlet tajjeb għall-ispejjeż. Dawn affarijiet ma jitwemmnux. Ħalli nsemmi x'ġara meta nbidlet l-amministrazzjoni f'Ottubru li għadda.
Fit-Telemalta kien hemm bżonnijiet fid-dipartimenti tal-finanzi għaliex is-sitwazzjoni kienet imwiergħa. Ħarġet sejħa esterna għall-PGPO (Accounts), saru l-interviews, kien hemm wieħed li ġie l-ewwel u ġie magħżul. Dan kellu esperjenza diġa' fit-Telemalta iżda tant sab sitwazzjoni imwiergħa u tal-biki li ddeċieda li jerġa' jmur fejn kien qabel. Hekk għamel dan u wara biss ftit ġimgħat qabad u telaq. X'ġara mbagħad? Floku ntgħażel min ġie t-tieni, li kienet is-Sinjura Azzopardi. Ir-riżultati ħarġu b'mod trasparenti. Mela allura x'ġara ħażin! Issa tippretendi li għaliex hemm xi ħadd tal-familja jaħdem hemmhekk, lil din ittelfilha d-dritt tagħha!
Titkellmu tant fuq drittijiet! Issa biex ikun hemm trasparenza bis-serjeta', it-Telemalta għamlet ċerti kondizzjonijiet qabel ġiet impjegata. Peress li r-raġel tagħha qiegħed bħala general manager hemmhekk, din la tista' taħdem fl-internal audit u lanqas tmexxi d-dipartiment tal-finanzi. (Interruzzjonijiet).
THE DEPUTY SPEAKER: Point of order, l-Onor. Tony Abela.
ONOR. TONY ABELA: Sur President, dan x'għandu x'jaqsam ma' l-abbozz ta' liġi li suppost qed niddiskutu? L-Onor. Membru fuq l-operat tat-Telemalta qed jitkellem. Irridu nżommu mal-liġi. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Ara jien diġa' ġbidt l-attenzjoni tal-kelliemi biex iżomm mal-liġi. (Interruzzjonijiet) Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Fuq dan il-point of order, Sur President. Waħda mill-affarijiet li ġraw matul dan id-dibattitu kienet li qam kelliem ta' l-Oppożizzjoni u għamel nofs siegħa jitkellem preċiżament fuq ix-xogħol tat-Telemalta dwar dan id-dettall li qed jidħol fih l-Onor. Mizzi. Huwa kompletament in order li l-ministru responsabbli mit-Telemalta jagħti risposta mija fil-mija ddettaljata għall-allegazzjonijiet li saru jumejn ilu mill-kelliem ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. JOE MIZZI: Dan kollu tan-naħa l-oħra ma jinteressahomx. Jien qed nispjega kemm dawn l-akkużi - li tan-naħa l-oħra qalu li huma ppruvati - m'huma akkużi xejn u m'huma ppruvati xejn, anzi kontra. Issa nħalli f'idejn l-Onor. Membru tan-naħa l-oħra biex iġib dawn il-provi biex ma jerġax joħroġ b'xi ħaġa li mhijiex il-verita'. U min jgħid xi ħaġa li mhijiex il-verita' mingħalija hemm terminu għalih. Meta xi ħadd ma jkunx qed jgħid il-verita' jgħidulu giddieb. Qal ukoll li din l-informazzjoni tahielu direttur maħtur politikament fil-Korporazzjoni Telemalta. Qal li Alla ħares ma kienx dan id-direttur maħtur politikament fit-Telemalta għaliex l-Oppożizzjoni Nazzjonalista - u ġab eżempju bih dan - ma tkunx tista' tkun taf u tikontrolla l-affarijiet. Issa dan jaf li f'dan il-Parlament għadda l-Att dwar l-Awditur Ġenerali u issa għandna ways and means bis-serjeta' biex jekk hemm xi ħaġa ħażina wieħed mhux ikun jafha biss imma jittieħdu passi wkoll.
Ħalli ngħid fuq il-karozza li xtrat it-Telemalta għall-użu taċ-chairman, għalkemm din irrispondejtha pubblikament fuq stazzjon tar-radju imma mid-dehra qabżitlu! Il-kelliem ta' l-Oppożizzjoni qal li qed jagħmel shadowing tat-Telemalta u jekk hu hekk ma nafx kif din ħarbitlu! Imma ħalli nerġa' nurih kemm hu tajjeb u kemm kien serju f'xogħlu d-direttur li għandu fiduċja fih u li kien chairman tat-Telemalta. Qed jgħid li nxtrat karozza tiswa' Lm17,700 biex jipprova jiżvijja l-opinjoni tal-pubbliku dwar kemm it-Telemalta miexja 'l quddiem. (Interruzzjonijiet) Nista' ngħidlek li fl-aħħar xhur it-Telemalta għamlet avvanz kbir.
L-Onor. Membru semma' l-affarijiet li għandha din il-karozza. Qal li ċ-chairman ried karozza b'żewġ airbags. Jien ma kontx naf li liċ-chairman ma jħobbuhx daqshekk! Forsi rieduh b'airbag waħda biex jekk ikun hemm inċident id-driver isalva u ċ-chairman ilaqqatha għax ma jkunx hemm airbag! Nispera li mhux għalhekk! Mela tajjeb wieħed jgħid li t-Telemalta kellha karozza u begħitha lill-Malta Drydocks għal Lm7,000. Issa x'għamlet? Xtrat karozza oħra wara li ħarġet call for tenders u ntgħażlet din il-karozza għaliex hemm possibbilta' kbira li nużawha għall-konferenza li se ssir f'Marzu li ġej. Wieħed irid ikollu karozza ta' ċertu kalibru għal affarijiet bħal dawn. Xi ħadd li ma jaħdimx għandu karozza aħjar minnha wkoll! Ma nafx kif ma semmiex dawn l-affarijiet. Issa t-Telemalta ħarġet Lm10,000 biss għaliex daħħlet Lm7,000 mill-bejgħ tal-karozza l-oħra. U dan mhux każ li l-karozza kienet duty free. Din il-karozza se tintuża wkoll għax ġejja konferenza importantissima. Mhux bilfors karozza bħal din irid ikollok! Issa din il-karozza m'għandhiex xi lussu speċjali. Imma x'hemm ħażin, għidli! Inti se tixtri waħda ta' Lm10,000 li mhijiex tal-kalibru għall-affarijiet li rriduha? Madanakollu din mhijiex taċ-chairman imma tat-Telemalta.
Infakkar ukoll li immedjatament wara l-elezzjoni ta' l-1987 it-Telemalta kienet ordnat żewġ karozzi Fiat Croma, waħda għaċ-chairman u l-oħra għall-ministru. (Interruzzjonijiet). Ara t-Telemalta issa, meta nħatar il-bord il-ġdid ma xtratx karozza mill-ewwel. Xtrat karozza għax hemm bżonn u spjegajt għaliex. Aħna ma żidna l-ebda karozzi fil-flotta tal-karozzi tat-Telemalta. U hawnhekk tajjeb li ngħid x'kien ġara minn dawn iż-żewġ karozzi li nxtraw fl-1987. Ara issa, l-ministru responsabbli għat-Telemalta għandu l-karozza li kien juża s-Sur Richard Cachia Caruana. Din il-ħin kollu bl-inkwiet imma ma tlabtx lit-Telemalta biex tixtrili waħda u lanqas se nitlobha. It-Telemalta xtrat karozza u jużaha ċ-chairman bl-iskop li nieħdu l-aħjar użu minnha għall-konferenza. Għidli x'hemm ħażin! (Interruzzjonijiet)
Irrid infakkar ukoll fil-każ ta' Martin Gaffarena li kien seħħ meta d-direttur li hemm illum jirrappreżenta lill-partit fl-Oppożizzjoni kien chairman tal-korporazzjoni tat-Telemalta. Mela s-Sur Gaffarena tkeċċa mill-korporazzjoni fit-30 ta' Ottubru, 1987 minħabba każ ta' dixxiplina. Qabel l-elezzjoni li għaddiet dan reġa' daħal għax is-Sur Camilleri qal li dik kienet tkeċċija inġusta. Issa meta tkeċċa Gaffarena, Camilleri kien deputy chairman u lanqas kien oġġezzjona. Qed tara kemm hu perikoluż li jkollok direttur motivat politikament? Qed jgħid li saret tkeċċija inġusta. Dawn affarijiet li ma jitwemmnux. F'dan il-każ mhux politika hemm? Ma jistax ikun li l-affarijiet jaħdmu sew meta jkun hemm il-partiġjaniżmu! Tajjeb li wieħed jinnota li ċ-ċertifikat tat-tmiem ta' l-impjieg ta' Gaffarena huwa falz. Jgħid li Gaffarena spiċċa mix-xogħol għax ġie redundant u mhux għax ġie ddixxiplinat. Dawn huma l-affarijiet li jmissu jsemmi l-kelliem tan-naħa l-oħra. U ftit qabel l-aħħar elezzjoni dan reġa' ġie aċċettat li jidħol lura għaliex kienet tkeċċija nġusta. Dawn x'affarijiet huma! Dawn l-affarijiet saru bil-barka ta' direttur maħtur politikament li tan-naħa l-oħra għandhom fiduċja fih. Dan huwa eżempju ta' kif ikunu d-diretturi maħtura politikament. Jekk ikunu hekk mhux lura mmorru imma fi ftit ġimgħat negħrqu! Jien ma nistax nifhem kif id-direttur li hemm maħtur politikament qed jagħti informazzjoni lill-kelliem ta' l-Oppożizzjoni u ċerta informazzjoni ma tahilux.
Per eżempju, fl-1992 kienet saret bomba li qerdet il-karozza tas-segretarju tal-bord, is-Sur Censu Arrigo - issa bint is-Sur Arrigo hija miżżewġa lit-tifel ta' l-ex-Prim Ministru - u din l-isplużjoni kienet għamlet ħsara wkoll lil żewġ karozzi oħra ta' terzi persuni. Waħda minnhom kienet ukoll tat-tifel ta' l-istess Arrigo. Tajjeb li tkun taf li qabel ma nbidel il-bord f'April ta' l-1992, l-istess bord kien approva malajr malajr, fuq il-parir tal-ministru tal-finanzi, li dawn it-terzi persuni - u nsemmi li fosthom kien hemm it-tifel ta' Arrigo - kellhom jitħallsu. Il-ħlas ma sarx għaliex l-investigazzjonijiet tal-pulizija wrew li kien hemm ħafna taħwid dwar dan l-inċident. Imbagħad is-segretarju tal-bord sparixxa mix-xena bil-kwiet il-kwiet u ħadd ma sema' xejn aktar. Għaliex ma qalilniex dawn l-affarijiet? Ara li kieku kellna l-Awditur Ġenerali dak iż-żmien bħala oppożizzjoni aħna konna noħorġu l-verita'. Imma huma m'għamluhx dan. (Interruzzjonijiet) Dażgur, bil-paroli jgħidu mod u bil-fatti mod ieħor! Il-maġġoranza ta' dawn l-affarijiet li qed ngħid illum għidthom fil-gazzetti, bla immunita' parlamentari u qatt ma ħa passi kontrija. Dawn huma affarijiet li ta' min jistmerrhom. Dawn huma ħneżrijiet. Imisshom jistħu. U mela tiġi hawn f'dan il-Parlament, tgħid nofs verita' u tipprova tħammeġ! Lanqas biss kien hemm id-diċenza li jgħid li din id-darba kollox sar bil-miftuħ u l-karozza ntgħażlet b'tender. Għaliex ma semmiex li fl-1994 ma nħarġitx tender iżda kienu marru għal direct order wara li nġabru
erba' quotations u b'hekk evitaw li jitilgħu quddiem id-Direttur tal-Kuntratti. Dak ma qalux. Mela għax l-affarijiet saru kif għandhom isiru tiġi tipprova tħammeġ u l-affarijiet li taf li ma sarux kif kellhom isiru tħallihom għaddejjin! Imbagħad qal li kien jippreferi li kieku tkellem dwar il-problemi tan-nisa u tat-tfal. Jiena ngħidlu li aħjar għamel hekk għax forsi kien jagħmel xi ħaġa ta' ġid għall-pajjiż għax ħsara biss issir bl-insinwazzjonijiet, bl-involviment tad-direttur li jirrapppreżenta lill-Oppożizzjoni, bil-kritika nġusta u bil-gideb.
Imbagħad semma l-kwestjoni li saru 14 il-senior principal u mhux sitta kif kien mistenni. Veru kien hemm talba mill-General Workers' Union biex għal sitta pero' mbagħad saret talba oħra biex jiżdiedu għal 14. Sar il-ftehim mat-Telemalta pero' kien hemm tnejn minn dawn l-14 li ma aċċettawx. Wara li saru dawn l-14 investigajt biex nara jekk hemmx xi ħaġa ħażina u ma sibt xejn. Sibt li hemm Laburisti u Nazzjonalisti, allura għalfejn dan il-fuss kollu? Qisu jrid li jsir xi ħadd ieħor. Il-konklużjoni tiegħi kienet li hemm xi ħadd tal-qalba. Jiena m'għandi xejn għalih u jekk ikun hemm iċ-ċans isir. Meta jkollha bżonn it-Telemalta jsir min imissu. Allura l-ġlieda kienet għax qed jipprovaw jaġevolaw lil xi ħadd u mhux għax hemm xi affarijiet ħżiena. Jiena hekk nifhimha. Ma nistax nifhem għaliex kellhom ipinġuha bħala xi ħaġa ta' korruzzjoni. Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux! Ħalli nkompli, Madam Speaker.
Saret ukoll kritika lit-Telemalta għax irrikorriet għand l-Ericsson. Il-kelliem ta' l-Oppożizzjoni għoġbu jikkritika ż-żjara li għamel il-general manager, membru tal-bord u l-AGM (Network) lil Ericsson fl-Italja.
MADAM SPEAKER: On a point of order, l-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Madam Speaker, jien hawn ġew ġejt mgħajjar meta l-affarijiet li għidt f'dan il-Parlament jumejn ilu rripetejthom barra. (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, ħalli nagħmel point of order jien.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Imma issa agħtini ċans nispiċċa! (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE MIZZI: Jekk jiena għidt hekk kellek tkun hawn biex tqajjem il-point of order f'dak il-mument. Qiegħed out of order hu. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Titkellmux f'daqqa għax inkella ma niftehmux.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Nista' nieħu ċ-ċans tiegħi jekk jogħġbok, Madam Speaker?
ONOR. JOE MIZZI: Biex tagħmel point of explanation trid il-permess tiegħi.
MADAM SPEAKER: Kompli bil-point of order.
ONOR. JOE MIZZI: Jiena xorta nagħtik permess!
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Nirringrazzjak, Onor. Mizzi. Jiena ġejt mgħajjar imma l-Onor Mizzi jmissu jaf li l-affarijiet li għidt jumejn ilu rripetejthom fuq stazzjon tar-radju pubbliku u rripetejthom darba, darbtejn, tlieta fuq il-mezzi tax-xandir. Jekk jiena kif iddeskrevejtni inti, min irid ifittixni b'libell. Hawnhekk qed niċċalinġjah. Min irid ifittixni b'libell għax kulma għidt hija l-pura verita'.
ONOR. JOE MIZZI: Semmi l-ismijiet barra, semmi kollox barra u toqgħodx iddur mal-lewża! (Interruzzjonijiet)
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Min irid ifittixni b'libell għax inti hawnhekk ġejt tgħajjarni li jiena qed nitkellem b'immunita' parlamentari. Dan m'hu veru xejn għax li għidt hawnhekk għidtu barra. Jekk jiena kif iddeskrivejtni inti fittixni b'libell għax l-affarijiet li għidt hawn għidthom pubblikament barra. Int .... (kliem maqtugħ b'ordni ta' Madam Speaker) Jiena m'għajjartekx imma issa ngħid li ..... (kliem maqtugħ b'ordni ta' Madam Speaker)
MADAM SPEAKER: Il-punt tiegħek għamiltu. Issa jekk jogħġbok poġġi bil-qiegħda. L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Issa jkolli ngħid li lanqas jaf x'jien ngħid jiena u lanqas jaf x'inhu jgħid hu għax idur mal-lewża qiegħed.
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok tkomplix tinterrompi. Onor. Mizzi, indirizza lis-Sedja.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, irid jirtira dak li qal fuqi. Għidlu jirtiraha, Madam Speaker.
ONOR. JEFREY PULLICINO ORLANDO: Ma nirtira xejn. Jirtira dak li qal fuqi hu.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, għidlu jirtiraha. (Interruzzjonijiet)
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: L-ewwel jirtiraha hu għax jien lilek qatt m'għajjartek.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, għidlu jirtiraha, jekk jogħġbok.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Ma nirtira xejn.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, ħalli ndaħħlu ftit ordni. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom, sejjaħt lill-Onor. Tonio Borg. (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE MIZZI: Ma tiflaħx tisma' l-verita'! Tibża' mill-verita'! (Interruzzjonijiet)
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Il-verita' li ġibt bit-theddid inti!
MADAM SPEAKER: Ippermettili, Onor. Borg. Il-kliem iebes li għidtu fil-konfront ta' xulxin daqslikieku m'huwiex recorded. Għidtu kliem iebes. L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Jien mhux qed ngħid li t-Telemalta hija barra mit-tema - fil-fatt hija msemmija fl-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni - imma m'għandniex nagħmlu diskussjoni fuq it-Telemalta, fuq it-trinek u fuq il-linji! Jiġifieri wieħed jagħmel il-punt u daqshekk għax rridu niddiskutu l-abbozz li għandna quddiemna.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Edwin Grech. (Interruzzjonijiet)
ONOR. EDWIN GRECH: Madam Speaker, nitolbok tagħti ruling fuq il-mod kif qed jiddeporta ruħu l-Onor. Pullicino Orlando.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, ħalli nkompli. Tibżax, ħallihom itellfuni. Il-verita' tweġġa' ħafna u għax għandi l-provi aktar u aktar se jweġġa'. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, kompli bl-intervent tiegħek u għaqqad mas-suġġett li qegħdin niddiskutu.
ONOR. JOE MIZZI: Saret kritika għax it-Telemalta irrikorriet għand l-Ericsson. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Pulliicno Orlando, jekk jogħġbok tinterrompix aktar u Onor. Mizzi indirizza lis-Sedja.
ONOR. JOE MIZZI: Id-direttur li hemm maħtur politikament min-naħa ta' l-Oppożizzjoni fuq il-bord tat-Telemalta hawn ukoll uża l-partiġjaniżmu politiku jew ma riedx juri l-verita' lill-kelliem tan-naħa l-oħra. Ħalli ngħid għaliex. Per eżempju, qed jiġi insinwat li meta l-membri tal-bord, il-manager u l-AGM (Network) marru l-Italja għand l-Ericsson huwa l-istess tip ta' safar li kien isir mill-management u l-membri tal-bord ta' qabel fejn kien isir tberbiq ta' flus.
MADAM SPEAKER: Onor. Pullicino Orlando, on a point of order.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: M'hu veru xejn li jien insinwajt xi ħaġa anzi jiena speċifikajt li m'hemm xejn fuqhiex tinsinwa u li m'hemm xejn ħażin billi marru għand l-Ericsson. Jiena dan speċifikajtu kelma b'kelma u qed nerġa' nirripeti dak li għidt. Jiena kulma għidt huwa li kif intom pprovajtu tħammġu lill-Gvern Nazzjonalista li kien sar xi safar mhux relatat mal-ministeru tat-trasport, teknoloġija u telekomunikazzjoni, allura għandi nħammeġ lilkom? Daqshekk għidt jiena u m'hu veru xejn li pprovajt inħammeġ.
MADAM SPEAKER: Onor. Pullicino Orlando, dan mhuwiex point of order. Jekk jogħġbok, poġġi bil-qiegħda.
ONOR. JOE MIZZI: Lanqas biss hemm paragun. Qabel is-safar kien isir biex intellgħu lill-ħbieb - bħal fil-każ tat-Telecom 1995, fejn infaqna madwar Lm70,000 biex inkrew vilel sħaħ, limousine, nfiq bl-addoċċ f'ikliet u entertainment għax s'intendi kienet tagħmel tajjeb l-credit card tat-Telemalta - iżda fuq il-kwestjoni tas-safar ta' qabel niġi għaliha darb'oħra, Madam Speaker.
Issa ħalli ngħid lill-Onor. kelliem tan-naħa l-oħra li skandalizza ruħu u qabbel din iż-żjara ma' dik li għamel ħaddieħor in konnessjoni mal-każ tal-biljetti tal-karozzi tal-linja. Madam Speaker, x'wiċċ irid ikollu biex, tikkompara din iż-żjara maż-żjara ta' dak il-ħmieġ li kien ħareġ. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Pullicino Orlando, tinterrompix jekk jogħġbok.
ONOR. JOE MIZZI: Se nagħti prova ta' kollox, mela le! Ħalli ngħid eżatt x'ħareġ minn din iż-żjara li l-uffiċjali tat-Telemalta għamlu għand l-Ericsson. (Interruzzjonijiet) Wara taħdidiet u negozjati li saru l-Ericsson, li hija l-unika supplier ta' l-exchanges diġitali għat-Telemalta, aċċettat li toffri roħs sostanzjali fuq l-ispiża neċessarja għall-proġett tal-value added services. Dan ir-roħs huwa stmat li jkun mal-Lm118,000. Mhux hekk biss imma ma' l-istess Ericsson irnexxielna nġibu wkoll sponsorship ta' $US260,000 għall-konferenza tal-WTDC.
MADAM SPEAKER: Ippermettili Onorevoli. Skadielek il-ħin u għandek bżonn Leave of House biex tkompli tinstema'. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. JOE MIZZI: Nirringrazzja lill-Kamra kollha tal-permess li tatni. Apparti minn hekk, mid-diskussjonijiet ħarġu affarijiet oħra fejn ġie kkonfermat mill-Ericsson li dan il-proġett tal-value added services kien tħalla fuq l-ixkaffa mill-korporazzjoni għal aktar minn sentejn. Id-direttur maħtur politikament fuq il-bord tat-Telemalta ma qalx li f'dawn il-value added services hemm dik is-sistema kif jiġu traced il-malicious calls li qed idejqu ħafna nies u li hemm bżonn li din il-kwestjoni nsolvuha malajr. Aħna qed neħduha bis-serjeta' u waħda mir-raġunijiet għaliex telgħu hija biex insolvu din il-problema. Ma jistax ikun li jibqa' ma jsir xejn fuq dawn il-problemi kollha li ilhom fuq l-ixkaffa għal sena u aktar għax qed ikun hemm anke familji li jinfirdu minħabba dawn l-affarijiet. Ma jistax ikun. Aħna kuxjenzjużi u għalhekk qed nagħmlu l-affarijiet bis-serjeta'. Tajjeb li kulħadd ikun jaf li fil-qasam tat-telekomunikazzjoni t-teknoloġija u s-servizzi jinbidlu fi żmien qasir. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok, tinterrompix aktar.
ONOR. JOE MIZZI: Jiena min-naħa tiegħi ma nagħtix tort lill-amministrazzjoni ta' qabel għaliex ma kellhomx flus għal ċerti proġetti u d-dejn li writna ma ppermettiex li l-korporazzjoni tidħol għall-proġett li għadni kemm semmejt li jiswa Lm2.5 miljun. Aħna kif se niġbru l-flus, Madam Speaker? Qed naraw kif se niġbru l-flus dovuti minn dawk li għandhom iħallsu għas-servizzi li ħadu biex ninvestu f'dawn il-proġetti li huma tant importanti għal pajjiżna, anke mil-lat soċjali. Irridu nsolvu l-problemi u speċifikajna target dates u nikkonferma minn hawn li se jsir l-iffirmar fi ftit ġimgħat oħra. (Interruzzjonijiet) Tan-naħa l-oħra tkażaw li tkellimna mal-kumpannija għax skond hu din għandha interessi kummerċjali f'pajjiżna. Hawnhekk nixtieq nistaqsi lill-kelliemi tan-naħa l-oħra: Fejn jippretendi li għandna mmorru meta l-Gvern preċedenti rabat lill-Korporazzjoni Telemalta biex l-apparat kollu ta' l-exchange tixtrih biss mingħand l-Ericsson? Id-direttur maħtur politikament ma qalulhomx dan lil tan-naħa l-oħra? Mhux bilfors hemm irridu mmorru! Il-Gvern ta' qabel rabatna. terruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Ippermettili Onor. Mizzi. Onor. Pullicino Orlando tinterrompix aktar jekk ma tridnix nieħu passi oħra.
ONOR. JOE MIZZI: Jekk dawn il-value added services bilfors riedu jinxtraw mingħand il-kumpannija Ericsson xi trid tipprova tħammeġ jekk aħna bilfors kostretti li nixtru minn hemm! Il-Gvern ta' qabel rabatna li nagħmlu hekk. Fejn qiegħed il-ħmieġ! Minkejja li aħna writna dawn il-problemi kollha aħna ma naqtgħu qalbna minn xejn anzi determinati illi nagħtu servizz tajjeb, determinati li t-Telemalta nġibuha 'l quddiem, determinati li dak li kien ħażin nagħmluh tajjeb u determinati wkoll li ndaħħlu s-serjeta'. (Interruzzjonijiet)
Il-kelliem ta' l-Oppożizzjoni pprova jżeffen ukoll id-WTDC, il-konferenza dinjija tat-telekomunikazzjoni li se ssir f'Marzu li ġej - (Interruzzjonijiet) Meta saret il-konferenza ta' l-Euro-Med kellha ssir ukoll il-konferenza ta' l-Intelsat pero' din ta' l-aħħar kellha titħassar. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok, Onor. Pullicino Orlando, m'hemmx interruzzjonijiet.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Madam Speaker, dawn huma affarijiet li semmejt f'aġġornament ta' erba' ġimgħat ilu li m'għandhom x'jaqsmu xejn mas-suġġett. (Interruzzjonijiet) Lanqas ma dħalt fil-kwestjoni tat-transfers. Qed joħroġ barra mis-suġġett kompletament.
MADAM SPEAKER: Onor. Pullicino Orlando, diġa' avżajtek biex ma tinterrompix aktar.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, qed tara kemm għandi raġun! Kif għidt fil-bidu jien għax dak li kien qal fl-aġġornament reġa' qalu hawnhekk. (Interruzzjonijet) Qed jikkonferma, Madam Speaker. Qed tara kemm għandi raġun! Fil-bidu dan għidtu jien. Ħalli nkompli.
L-Onor. Pullicino Orlando għamel mistoqsija dwar ċerti affarijiet u qal li ma ngħatatlux l-informazzjoni. Fil-fatt l-informazzjoni ngħatatlu imma ma nistgħux inpoġġu ċerti dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif jippretendi li npoġġuhom fuq il-Mejda tal-Kamra ħalli jipprova jużahom biex jagħmel il-ħsara! Kulma għandhom f'moħħhom tan-naħa l-oħra huwa li jfixklu lill-Gvern milli jiffunzjona tajjeb u milli jmexxi l-pajjiż 'il quddiem. Dak biss li qed isir min-naħa ta' l-Oppożizzjoni. Kollox negattiv u xejn pożittiv. Imma ħalli nkompli.
Kif diġa' għidt, meta saret il-konferenza ta' l-Euro-Med, li kienet xi ħaġa importanti għal pajjiżna, l-konferenza l-oħra kellha tiġi posposta u minkejja li aħna offrejna post alternattiv dan ma ġiex aċċettat u lanqas aċċettaw li din issir darb'oħra. Għalhekk hemm suspett serju li xi ħadd ipprova jagħmel ħsara lil Malta. Min-naħa tagħna aħna pprovajna nagħmlu dak kollu possibbli. Issa jien nixtieq nistaqsi jekk tan-naħa l-oħra jaqblux jekk il-konferenza ta' l-Euro-Med kenitx importanti għal pajjiżna u għall-pajjiżi involuti jew inkella liema kienet l-iktar konferenza importanti. Dażgur li ma jitkellmux! Mela nippruvaw niġu nħammġu! Issa ħalli nsemmi l-konferenza dinjija dwar it-telekomunikazzjoni li se ssir f'Malta fil-bidu tas-sena d-dieħla.
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, żomm mas-suġġett.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, din qed insemmiha għar-raġuni li meta bdew jaħdmu fuqha, d-direttur maħtur politikament fil-bord tat-Telemalta kien chairman tat-Telemalta. Issa peress illi d-direttur maħtur politikament fit-Telemalta jagħti l-informazzjoni lill-kelliem ta' l-Oppożizzjoni, jien nixtieq inkun naf jekk għaddielux din l-informazzjoni. Jekk dan m'għaddiex din l-informazzjoni lill-kelliem ta' l-Oppożizzjoni m'għandux ikun hemm direttur maħtur politikament fil-bord għax jew ikun motivat politikament jew inkella fejn ma jaqbilx ma jgħaddilu xejn.
L-istima oriġinali kienet ta' madwar Lm800,000 pero' iktar ma beda għaddej iż-żmien iktar bdiet tiela' u sa Awissu tas-sena l-oħra din kienet laħqet il-figura fenomenali ta' Lm2 miljun. Hawnhekk nista' nassigura lil kulħadd illi kieku ma nbidilx il-gvern u kieku ma nbidlitx it-tmexxija tal-korporazzjoni, kieku ċ-ċifra ta' Lm2.5 miljun li xi darba kienet issemmiet fil-kuritur minn xi ħadd tat-Telemalta konna nilħquha żgur. L-ITU approva kollox u ra li kollox ikun ta' kalibru għoli u flimkien mal-management attwali tal-korporazzjoni studja sew, kif għadni kemm għidt, kif l-ispiża totali titnaqqas mingħajr ma jintilef xejn mis-sustanza ta' din il-konferenza. Studjajna wkoll kif inġibu sponsorship lokali u minn barra u biex nikkontrollaw aħjar l-organizzazzjoni tal-konferenza. Biex ma ntawwalx irrid ngħid li l-ispiża stmata għal din il-konferenza llum hija ta' Lm885,000 u mhux ta' Lm2.5 miljun, kif kien indikat li se tkun. Issa wieħed irid iżid ukoll it-tnaqqis li ġej minn sponsorships ikkonfermati jew kważi kkonfermati illi jlaħħaq għal nofs din is-somma. Għalhekk l-ispiża proprja se tkun nofs it-Lm885,000 li semmejt, jiġifieri Lm1.6 miljun inqas mill-flus li kienu stmati li se jisparpaljaw sa qabel l-elezzjoni. Qed ngħid dan biex nuri li meta l-affarijiet isiru bis-serjeta' wieħed jieħu r-riżultat mixtieq. Ara kemm konna nidħlu fi spiża aktar kieku mmaterjalizza l-ħsieb tad-direttur illi kien qiegħed maħtur politikament u li qabel kien chairman tat-Telemalta, li l-kelliem tan-naħa l-oħra jgħid li għandu fiduċja fih.
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, nitolbok iżżomm mas-suġġett li qed jiġi diskuss. .
ONOR. JOE MIZZI: Jien qed nuri kemm m'għandux ikollok wieħed maħtur politikament fuq bord tad-diretturi.
MADAM SPEAKER: Id-diskussjoni m'hijiex dwar it-Telemalta.
ONOR. JOE MIZZI: Imma jiena qed inġib eżempju bit-Telemalta.
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, trid tiġi għall-punt prinċipali tad-diskussjoni.
ONOR. JOE MIZZI: Jien qed inġib eżempju. Tan-naħa l-oħra ġabu eżempju ta' direttur li huwa effiċjenti u tajjeb u jiena qed inġib eżempju bil-maqlub ta' dan.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino Orlando, bil-permess ta' l-Onor. Mizzi.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Nirringrazzjah tal-permess li tani. L-ewwel l-Onor. Mizzi infexx f'attakk personali fuqi u issa qed jinfexx f'attakk personali fuq is-Sur John Camilleri, mhux bħala n-nominee ta' l-Oppożizzjoni fuq il-bord tat-Telemalta - kif għandu kull dritt li jagħmel - imma bħala ċ-chairman tat-Telemalta. Meta l-Onor. Mizzi kien qiegħed fuq il-bankijiet ta' l-Oppożizzjoni tkellem ħafna drabi fuq id-difetti immaġinarji li kellu s-Sur Camilleri u ma naħsibx li huwa l-mument li issa mmorru fuq il-passat u nikkritikaw l-andament tat-Telemalta fi żmien is-Sur John Camilleri bħala chairman. Dan li qed jgħid m'għandu x'jaqsam assolutament xejn.
MADAM SPEAKER: Onor. Pullicino Orlando, għamiltu l-punt tiegħek. Kompli Onor. Mizzi u kif diġa' għidtlek għaqqad id-diskors mas-suġġett li għandna quddiemna.
ONOR. JOE MIZZI: Jien ma nafx kif l-Onor. Membru għandu l-wiċċ tost jgħid li jien m'għandix dritt insemmi lil dan il-bniedem li kien chairman biex imbagħad huwa semma l-general manager u ċ-Chairman tat-Telemalta!
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, kompli u għaqqad mas-suġġett.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, dawn qed jaraw li fit-Telemalta qed isir suċċess bil-ħila taċ-chairman, tal-bord u tal-management li qed jagħtu riżultat professjonali. Allura ċ-chairman li personalment qed jitlef mill-business tiegħu professjonali u qed jaħli ħafna ħin u qed jaħdem bis-serjeta' fit-Telemalta, għaliex m'għandux ikollu karozza li wara kollox se tintuża wkoll għall-WTDC? Jien ma nistax nifhem (Interruzzjonijiet)
Jien ma nistax nifhem kif iċ-chairman ta' qabel, li llum huwa direttur maħtur politikament fuq il-bord tat-Telemalta - qed ngħid dan biex nuri kif f'korporazzjonijiet pubbliċi m'għandux ikun hemm direttur maħtur politikament - lin-naħa l-oħra għaddielhom l-informazzjoni li deherlu u ma qalx l-affarijiet sew kif inhuma . Per eżempju, jien ma nafx kif lill-kollega tan-naħa l-oħra ma qallux li meta kien chairman hu kellu għad-dispożizzjoni tiegħu żewġ karozzi - anke ċ-chief executive kellu żewġ karozzi. (Interruzzjonijiet) Dawn l-affarijiet ma qalhomlokx!
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Grazzi talli qiegħed tgħidli. Nissuġġerilek tistaqsi lit-Telemalta għaliex fl-1994 ġew bżonn dawn il-faċilitajiet. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Tindirizzawx lil xulxin. Onor. Mizzi, indirizza lis-Sedja x'ħin titkellem. (Interruzzjonijiet) Onor. Pullicino Orlando, jekk jogħġbok tinterrompix. (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE MIZZI: Iva, l-korporazzjoni kienet miexja lejn l-irdum u f'disa' xhur dawwarniha u għamilna l-profitt, kif se nurik. Issa fil-bord hemm min qed jagħti informazzjoni ta' natura kummerċjali li tista' tkun ta' detriment u għalhekk m'għandux ikun hemm diretturi maħtura politikament. (Interruzzjonijiet) Le, jekk ikunu qed isiru affarijiet ħżiena tista' tmur għand l-Awditur (Interruzzjonijiet) Intom mhux dawn l-affarijiet tridu tużaw imma l-politika! Ħalli nkompli għax tan-naħa l-oħra qed jipprovaw ifixkluni milli nkompli nispjega. (Interruzzjonijiet)
Madam Speaker, dan id-direttur li huwa maħtur politikament fuq il-bord tat-Telemalta, ma qalx li minbarra li kellu żewġ karozzi kellu wkoll shower elettronika ma' l-uffiċċju tiegħu li kienet bħal ta' l-ispazju u li tiswa eluf ta' liri! Huwa importanti li dawn l-affarijiet tkun tafhom. (Interruzzjonijiet)
Dawn l-affarijiet missu jgħidhomlok id-direttur ħalli tkun taf kif il-flus kienu jintnefqu bl-addoċċ. Illum hemm differenza kbira għax hemm is-serjeta' u l-affarijiet mexjin 'il quddiem. Ħalli nkompli. Dan ma semma xejn għax ma jaqbillux dwar l-infiq bl-addoċċ li kien isir bil-credit card tal-korporazzjoni. Aħna f'disa' xhur għamilna l-mirakli għax ma ħallejnix dawn il-ħneżrijiet isiru. Id-direttur li ġie maħtur politikament fil-bord li hemm illum jaf x'kien isir u jmissu jgħidlu b'dawn l-affarijiet għax dak iż-żmien kien chairman hu. F'perijodu ta' sena l-ex-chairman, il-vice chairman u ċ-chief executive officer, bejniethom it-tlieta, nefqu Lm46,000 fl-użu ta' sitt credit cards li l-biċċa l-kbira minnhom kienu hospitality expenses u bla dubju ta' xejn ħafna minnhom m'humiex issostanzjati bl-invoices jew b'xi evidenza oħra. Dawn l-affarijiet li rridu naraw! Biex ngħid kollox, id-direttur maħtur politikament fil-bord tal-Korporazzjoni Telemalta għallinqas kien l-uniku wieħed li kien jinforma lill-korporazzjoni b'dak li jkun nefaq. Hawnhekk irridu ngħidu l-verita'.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino Orlando.
ONOR JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Madam Speaker, bil-permess ta' l-Onor. Mizzi nixtieq ngħid li jekk dan qed jikxef dawn il-każijiet kollha ta' korruzzjoni, imissu jara li jipproċiedu kontra min wettaqhom mhux ħafna bla bla bla u ma jressaq lil ħadd il-qorti bħalma ġara f'ħafna każijiet oħra.
MADAM SPEAKER: Dan mhuwiex point of order. L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Biex tkun taf, din se nsemmiha fl-aħħar pero' tajjeb li tkun taf ukoll li l-maġġoranza tal-files sparixxew.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Mela kif taf biha? (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE MIZZI: Imbagħad ngħidlek!
MADAM SPEAKER: Tindirizzawx lil xulxin.
ONOR. JOE MIZZI: Jien nixtieq naċċertak li meta jasal il-mument dawn l-investigazzjonijiet se jsiru bis-serjeta'. (Interruzzjonijiet) Jien ħsibtek se tgħidli li minkejja li dawn l-affarijiet issemmew fil-pubbliku u mhux taħt immunita' parlamentari ħadd ma ħa passi kontrija. (Interruzzjonijiet) Inti ddur mal-lewża u ma tgħidx l-affarijiet kif inhuma. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Indirizza lis-Sedja, Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien nitlob lill-Onor. Interpellant biex jieħu nota ta' dawn il-figuri. Iċ-chairman tajjar Lm7,562, il-vice chairman tajjar Lm10,982, iċ-chief executive sparpalja Lm27,083. Issa meta l-kelliem tan-naħa l-oħra jkollu ċ-ċans jitkellem għandu jgħid jekk dan huwiex sparpaljar ta' flus.
Nixtieq ninformah ukoll li qed naħdmu biex id-WTDC tiġina b'xejn u jekk nagħmlu profitt mhux imur għand il-ħbieb imma nagħtuh lill-għaqdiet tal-karita'. Issa ħalli nsemmi xi ħaġa għax min-naħa l-oħra qed jingħata x'jifhem li la aħna se nneħħu lid-direttur maħtur politikament mill-bord tat-Telemalta allura l-affarijiet se jmorru ħażin.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino Orlando.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Point of order. Bl-ikbar onesta' u sinċerita' rrid ngħid li jekk fil-passat saru l-abbużi jien nikkundannahom u nħeġġeġ lill-Onor. Mizzi biex jieħu passi kontra min għamel dawn l-affarijiet.
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok, Onor. Pullicino Orlando, poġġi bil-qiegħda għax dan mhux point of order.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Qatt ma tista' tiġġustifika l-ħażin li jsir issa bil-ħażin li sar fil-passat, jekk sar.
MADAM SPEAKER: Onor. Pullicino Orlando, oħroġ barra għal ħames minuti.
Fl-11.45 a.m. l-Onor Jeffrey Pullicino Orlando rtira mill-Kamra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien qed inġib il-provi - mhux kif qed jgħid il-kelliem ta' l-Oppożizzjoni - li n-naħa l-oħra qed tipprova tħammeġ lil din in-naħa, lill-management u lill-bord tat-Telemalta għalxejn. Jien mhux qed niġġustifika x'sar qabel. Meta dawn l-affarijiet intqalu barra ħadd ma rrisponda. Issa jien li jien responsabbli mit-Telemalta qed inġib l-argumenti u l-provi li dak li qalet in-naħa l-oħra m'hu minnu xejn. Issa ħalli nkompli ngħid xi ħaġa dwar dak li qed jingħad għax xtrajna karozza ta' Lm17,000 minkejja li konna ngħidu li l-Korporazzjoni Telemalta kienet f'xifer l-irdum.
Huwa veru li l-korporazzjoni kienet f'xifer l-irdum pero' nerġa' ntenni li f'disa' xhur kemm bil-pressjoni li nagħmel jien biex inġibu affarijiet ta' vantaġġ għal pajjiżna u għat-Telemalta, kemm bil-ħila taċ-chairman, kif ukoll bil-mod effiċjenti li bih miexi l-management irnexxielna nagħmlu ftehim ma' dawk li għandhom sehem f'dan il-qasam għax mhux talli lil pajjiżna ma kenux qed jagħtuh dak li kienu wegħduh talli bil-ftehim li kien sar mal-Gvern preċedenti sibna li konna qed nitilfu l-flus. Aħna dawn l-affarijiet ħadnihom bis-serjeta' u għalhekk issa qed ikollna profitt u sejrin 'il quddiem. Issa qed ninvestu iktar fit-teknoloġija moderna, qed inħarrġu iktar nies u qed naraw li l-ħaddiema jimxu b'mod serju u jingħatalhom dak li ħaqqhom imma fl-istess ħin dak li hu tagħna rridu neħduh bi dritt u m'aħna se nibżgħu minn ħadd. Issa ħalli nsemmi fejn kien hemm it-telf tal-flus taħt l-amministrazzjoni l-oħra.
Kien hemm, per eżempju, telf ta' flus mis-servizz tas-cellular. Id-direttur li hemm fil-bord tat-Telemalta llum u li qabel kien chairman jaf b'dan u ma nafx jekk tahx din l-informazzjoni lill-kelliem tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni. Fil-fatt huwa importanti kieku din l-informazzjoni tahielu biex jurih kif għandhom ikunu l-affarijiet dwar kif iġġib il-flus għall-pajjiż u mhux toħroġhom a skapitu ta' ħaddieħor. Per eżempju, minn kull telefonata bit-telecell, għal kull minuta konna qed nitilfu 0.036c u dan it-telf kien jammonta għal Lm300,000 fis-sena. Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux! Għalhekk aħna rranġajna din is-sitwazzjoni u mhux talli mhux se nitilfu dawn it-Lm300,000 fis-sena talli bil-ftehim il-ġdid li għamilna d-dħul tal-korporazzjoni se jiżdied bil-miljuni sakemm jiġi biex jispiċċa l-kuntratt. Huwa importanti li wieħed jgħidhom dawn l-affarijiet ħalli sħabi tan-naħa l-oħra forsi tiġihom it-tentazzjoni li jistaqsu għaliex is-Sur Camilleri kien baxxa rasu għal pressjoni politika. Issa mhux talli se jiżdied id-dħul għat-Telemalta talli wasalna fi ftehim dwar joint ventures mal-korporazzjoni. Madam Speaker, biex tkun taf kemm veru l-politika partiġjana kienet teżisti fit-Telemalta meta s-Sur Camilleri kien jokkupa l-post ta' chairman, trid tara x'kienet is-sitwazzjoni ta' l-arretrati.
Hawnhekk ta' min isemmi wkoll li meta waslet l-elezzjoni l-kontijiet tat-telephone ma ħarġux. Issa għaliex ma ħarġux dawn il-kontijiet, Madam Speaker? Dak inhar kien hemm min ġab skuża li kienu waqfu l-computers. Din hija gidba għax m'hu veru xejn. Mela meta tara chairman li daħħal il-politika li ma rax l-interessi tat-Telemalta bil-konsegwenza li din sofriet daqqa ta' ħarta - u issa ngħid kemm ħallset imgħaxijiet għax ma ħallsitx il-flus - kif tiġi tgħid li dan huwa xempju tajjeb ta' direttur maħtur politikament u li dan għandu jkun newtrali? Kif jista' jkun! Meta tkun partiġjan ma tistax tkun newtrali imma tibda tiġbed lejn il-partit tiegħek u mhux lejn il-korporazzjoni. Dan rajnih bil-fatti. Ħalli nkompli ngħid f'liema sitwazzjoni spiċċat it-Telemalta.
Meta waslet l-elezzjoni lil din il-korporazzjoni tefgħuha f'telf tal-biki u konna qed inħallsu miljuni ta' liri f'imgħaxijiet. Imma issa le! Issa l-ewwel nimxu bis-serjeta' u naraw x'jaqbel lit-Telemalta. Il-politika tal-Gvern m'hijiex li nindaħlu biex nieħdu gwadann politiku imma biex tara li s-servizz ikun tajjeb, effiċjenti u li fejn għandu jorħos jorħos. Il-Gvern Laburista dawn l-affarijiet jara, mhux bħall-Gvern preċedenti li kien qed jaħdem bil-maqlub. Dik hija s-serjeta'. Aħna konna għidna li ma naqblux li jkun hemm direttur maħtur minn partit politiku f'bord għax minbarra li l-partit jiġi l-ewwel - dan ġara bil-provi - m'hu veru xejn li jkun hemm il-konflitt. Għalhekk filwaqt li wegħedna li din inneħħuha wegħedna wkoll li naħtru l-Awditur tal-Verifika. B'hekk inkunu tajna xi ħaġa biex wieħed ikun jista' jivverifika. Dawn huma affarijiet li tajjeb li wieħed ikun jafhom. Għalhekk mhux sew li wieħed joqgħod jipprova joskura lil dak u lill-ieħor u jgħid li aħna se nneħħu din il-liġi biex naħbu l-affarijiet meta jkun jaf li se nagħmlu liġi oħra aqwa minnha li hija effiċjenti, serja u kredibbli. Din il-liġi ma jsemmuhiex.
Madam Speaker, il-kelliem tan-naħa l-oħra kkritika lill-Korporazzjoni Telemalta billi qal li minkejja li ngħata informazzjoni ...
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, infakkrek li d-dibattitu m'huwiex fuq il-Korporazzjoni Telemalta.
ONOR. JOE MIZZI: Naf, imma jien qed nirrispondi għal dak li ntqal.
MADAM SPEAKER: U jien nassumi li inti taf li jeżisti l-Ordni Permanenti 57.
ONOR. JOE MIZZI: Naf li jeżisti wkoll.
MADAM SPEAKER: Allura jekk jogħġbok id-diskors tiegħek agħmlu jorbot mas-suġġett li qed niddiskutu.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, jien naħseb li s-Sinjorija Tiegħek taf ukoll li jien qed nispjega r-raġunijiet li għalihom m'għandux ikun hemm direttur maħtur politikament u qed nagħti xi eżempji ħalli nkun iktar ċar fid-diskors tiegħi. Jien nassumi li, bħalma fid-diskors tiegħu ħaddieħor ta eżempji biex jipprova juri kemm huwa tajjeb li direttur jiġi maħtur politikament, għandi d-dritt nagħti eżempji biex nipprova li b'dan il-mod id-direttur ma jkunx effiċjenti u leali lejn il-korporazzjoni. Bħalma naf li jeżisti Ordni Permanenti Nru. 57, naf ukoll xi drittijiet għandi u fil-fatt jien qed nimxi eżattament mad-drittijiet li tagħtini l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, bla ma nikser l-iċken regolament. Ġaladarba f'dan il-Parlament hemm xi ħadd li qed jagħti xi eżempji biex jipprova jħammeġ, jien għandi dritt nirrispondih bl-istess eżempji li ta hu, filwaqt li nuri li d-direttur maħtur politikament qed jagħti informazzjoni żbaljata lill-kelliem ta' l-Oppożizzjoni. GĦalkemm id-direttur maħtur politikament għandu l-informazzjoni kollha fuq dan is-suġġett, din ma għaddihiex lill-kelliem ta' l-Oppożizzjoni u dan probabbilment qed jagħmlu għal raġunijiet ta' partiġjaniżmu politiku. Madam Speaker, għalhekk jien fid-diskors tiegħi qed inġib xi eżempji biex nuri kemm dan il-bord m'għandux ikollu direttur maħtur politikament.
Jien qed inġib provi black on white u għalhekk ma naħsibx li nista' nġib provi aħjar biex nuri li m'għandux ikun hemm direttur maħtur politikament f'bord ta' korporazzjoni. Xi provi nista' nġib iktar minn hekk? Din hi l-aħjar spjegazzjoni li wieħed jista' jagħti mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż biex jispjega għaliex m'għandux ikun hemm direttur maħtur politikament f'bord ta' korporazzjoni. Wieħed x'irid iktar milli gvern jgħid li ma jaqbilx li għandu jkun hemm direttur maħtur politikament u fl-istess ħin ifassal l-Att dwar l-Awditur Ġenerali, kif kien wiegħed li se jagħmel il-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni, biex f'każ li jkun hemm xi affarijiet mexjin ħażin wieħed ikollu fejn jirrikorri u għalhekk isir skrutinju? Wieħed kif jista' jagħti spjegazzjoni aħjar minn din? Imma mid-dehra l-Membri tan-naħa l-oħra jistgħu jagħtu spjegazzjoni skorretta li turi nofs verita' biex jipprovaw ipinġu lill-Gvern irresponsabbli. Anke fuq il-media, ħlief affarijiet negattivi fuq il-Gvern ma jingħadux, fis-sens li m'hawnx bniedem agħar mill-Prim Ministru, li l-Prim Ministru huwa bniedem ħażin, li huwa dittatur, eċċ, eċċ.
Madam Speaker, pero' jien ma nħossx li huwa sewwa li filwaqt li, ġustament il-kelliem ta' l-Oppożizzjoni jgħid dak li jħoss, fosthom li d-direttur li ġie maħtur politikament kien chairman u għalhekk għandu iktar esperjenza, u mbagħad lili, bħala l-kelliem responsabbli min-naħa tal-Gvern, tiġi ċċaħħadni milli nuri lill-poplu u nipprova li dak li qed tgħid in-naħa l-oħra huwa skorrett, huwa nofs verita' u qed iħammeġ lin-nies. Jien naħseb li s-Sinjorija Tiegħek għandha tagħtini ċans nagħti l-provi biex nuri li fil-bordijiet m'għandux ikun hemm direttur maħtur politikament għax inkella l-Oppożizzjoni mhux talli tibqa' taħseb - kif fil-fatt qiegħda tagħmel - li għadha tmexxi lill-pajjiż u li għadha fil-gvern, imma talli tkun trid tiddetta kif il-Membri tal-Gvern għandhom jitkellmu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u b'hekk toħnoqna milli nesprimu l-opinjoni tagħna. GĦalhekk ma jistax ikun li l-Membri tal-Gvern jibqgħu f'din is-sitwazzjoni. Dik ma tkunx demokrazija. (Interruzzjonijiet) Dażgur li ma tkunx demokrazija! Intom hekk qed tipprovaw tagħmlu.
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. JOE MIZZI: Qed tgħidu li kollox huwa miexi ħażin, tattakkaw lill-Prim Ministru dirett u personalment u, meta aħna nġibulkom il-provi li dak li qed tgħidu m'huwiex minnu, tqajmu points of order, wieħed wara l-ieħor, biex mingħalikom ittellfuni. Jien naċċertakom li naf daqskom x'jgħidu l-iStanding Orders, anzi jien naħseb li għandi xi ftit iktar esperjenza għax inkun preżenti għas-seduti mill-bidu sa l-aħħar u biex infalli rrid jew inkun kważi qed immut jew inkella jkolli xi xogħol parlamentari ieħor. Naċċertak li jien għandi esperjenza biżżejjed imma madanakollu qatt ma pprofittajt ruħi mill-esperjenza li ħadt minn dan il-Parlament. (Interruzzjonijiet).
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, meta wieħed jara s-sitwazzjoni finanzjarja ta' dawn l-aħħar sitt xhur, mill-ewwel jinnota d-differenza bejn il-mod li mxiet bih il-Korporazzjoni Telemalta meta kellha bħala chairman lil dak li issa ġie maħtur politikament bħala direttur u l-mod serju li qed timxi bih f'dawn l-aħħar xhur. Issa hawnhekk ta' min isemmi xi ftit figuri ħalli l-Onor. Membru tan-naħa l-oħra jkun jista' jagħmel xi comparisons. Biżżejjed ngħid li, per eżempju, filwaqt li fl-1993/94 r-return on capital employed kien ta' 37.9% għall-1997/98 dan kien stmat li jinżel għal 17.7%. Ta' min jgħid ukoll li filwaqt li fl-1993/94 il-profitability as a percentage of fixed assets kien ta' 17.9% għall-1997/98 dan kien stmat li jinżel għal 2.3% u filwaqt li fl-1993/94 il-liquidity ratio kien ta' 1.41%, għall-1997/98 dan kien stmat li jinżel għal 1.03%.
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, sar il-ħin għall-aġġornament. Se tibqa' in possession?
ONOR. JOE MIZZI: Iva, jekk jogħġbok.
MADAM SPEAKER: Nirrakkmandalek biex darb'oħra ma jkunx hemm ripetizzjoni ta' l-argumenti li għamilt s'issa.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, naċċertak li m'iniex se nagħmel ripetizzjonijiet. Fil-fatt il-problema tiegħi hi li mhux se jkolli ħin biżżejjed biex ngħid dak li għandi xi ngħid! Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Sar il-ħin. Nistieden lill-Viċi Prim Ministru biex, jekk jogħġbu, iressaq l-aġġornament tal-Kamra.
Dostları ilə paylaş: |