OPM - HOSPITALITY W563. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefaq bħala hospitality mid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Novembru, 1996 sat-30 ta' April, 1997, maqsum skond kull ministeru, segretarjat, dipartiment jew enti?
ONOR. ALFRED SANT: Tweġiba għal din il-mistoqsija qegħda tingħata fil-mistoqsija parlamentari numru 7616 fis-seduta tal-lum.
PLEASURE BOATS - REĠISTRAZZJONI
W774. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati pleasure boats f'Ġunju, 1997 u jagħti l-informazzjoni maqsuma skond it-tip ta' boat u t-tul tagħhom?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat mill-Awtorita' Marittima ta' Malta li hija l-prattika ta' l-industrija marittima li l-istatistika tinħareġ darbtejn fis-sena.
Jiena nformat ukoll li informazzjoni dwar boats reġistrati mill-Awtorita' Marittima għall-ewwel sitt xhur ta' din is-sena għadha fi stadju ta' verifika.
VAPURI - REĠISTRAZZJONI W775. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vapur u kemm total ta' tunnellaġġ ġie reġistrat xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar, 1992 sa' l-aħħar ta' Ġunju, 1997?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat mill-Awtorita' Marittima ta' Malta li hija l-prattika fl-industrija tal-bastimenti merkantili li l-istatistika tinħareġ darbtejn fis-sena. Informazzjoni dwar in-numru u tunnellaġġ ta' bastimenti reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili għall-ewwel sitt xhur ta' din is-sena għadha fi stadju ta' verifika.
Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li r-rapport annwali ta' l-Awtorita' Marittima, li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kull sena, jkun jinkludi fih informazzjoni dettaljata dwar l-attivita' tar-reġistrazzjoni taħt il-bandiera Maltija, anke jekk din l-istatistika ma tkunx maqsuma xahar b'xahar billi din l-attivita' m'hijiex waħda staġjonali.
QAWRA - BANKINI LI SARU BIL-BRICKS
W779. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li min hu responsabbli jara li l-bankini li saru bil-bricks jkun fihom ir-ramel meħtieġ bejn il-bricks fil-bankina quddiem is-Suncrest Hotel, fil-Qawra għax il-bricks tal-bankina jistgħu jinqalgħu għaliex ma fihomx ramel kif meħtieġ?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Id-dipartiment responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet ġie nformat u qed jittieħdu passi biex dan in-nuqqas jiġi rrimedjat.
GĦASAFAR PROTETTI
W808. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex kontra l-liġi illi għasafar protetti li jbejtu Malta jiġux mfixkla jew imtellfa b'xi mod? Jekk iva, jista' jgħid xi jfissru dawn it-termini u x'jikkostitwixxi tfixkil? Billi dan l-aħħar diversi gazzetti wrew ritratti ta' bejta bi friegħ u bajd ta' għasafar protetti, u billi kif ġew meħuda dawn ir-ritratti jidher ċar illi dawn ittieħdu mil-viċin, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Ambjent jew l-A.L.E. ħadux dan il-każ f'idhom u wettqu investigazzjoni biex jaraw jekk fil-fatt sar tfixkil lil dawn l-għasafar waqt li kienu qed ibejtu u jrabbu il-friegħ tagħhom ġewwa riżerva naturali? Il-fatt illi xi ferħ għex u mhux neċessarjament ifisser illi ma sarx tfixkil għaldaqstant, x'miżuri se jieħu id-Dipartiment ta' l-Ambjent biex il-bejtiet ta' għasafar protetti ma jibqgħux jiġu mfittxija biex mbagħad jieħdu r-ritratti għaliex dan l-aġir żgur li fih innifsu huwa ta' tfixkil għal dawn l-għasfar?
ONOR. GEORGE VELLA: L-Onor. Interpellant huwa korrett meta jgħid li hu kontra l-liġi meta l-għasafar li jkunu bil-bejta jiġu mfixkla jew imtellfa b'xi mod iżda mhux korrett meta jgħid li dan japplika biss għall-għasafar protetti. Hemm diversi metodi kif wieħed ifixkel jew itellef bejta. Il-bejta tista' titkisser, tinsteraq, jistgħu jinsterqu l-bajd jew il-frieħ, jistgħu jinqabdu l-ġenituri, jew jinqatlu. Dawn kollha jwasslu biex il-bejta titfixkel u l-frieħ ma jtajjrux; hekk bejta tkun mitlufa.
L-Onor. Membru jaf xi jsir bil-frieħ li jinsterqu mill-bejtiet bħal fil-każ tal-Merill li għamel interpellanza fuqu fid-domanda W780 datata 9 ta' Lulju 1997.
Ir-ritratti li ttieħdu ta' bejta ta' għasfur li bejjet għall-ewwel darba, kollha ttieħdu f'riserva li hija taħt ir-responsabbilita' tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u ttieħdu taħt superviżjoni ta' uffiċjali tad-dipartiment. L-apparat sofistikat li jeżisti llum jagħmilha possibbli li jittieħdu ritratti mill-bogħod ta' għasafar li lanqas biss jindunaw li ttieħdilhom ritratt. Infatti l-għasafar li faqqsu u ttajjru mill-bejtiet li semma l-Onor. Membru kollha baqgħu ħajjin sakemm damu fir-riserva.
Konvint li m'hemmx miżuri li nista' nieħu fil-konfront ta' attivitajiet li huma edukattivi u jsiru fuq bażi xjentifika aktar u aktar meta l-għasfur in kwestjoni ma ssirlu l-ebda ħsara u jibqa' ħaj u ħieles.
Jekk l-Onor. Membru jixtieq li għasafar mhux protetti fi żmien il-bejta u li qegħdin ibejtu fil-gżejjer Maltin (bħall-Gallozz Iswed) jingħataw ħarsien biex il-bejtiet tagħhom ikollhom aktar ċans li jsalvaw, lest li nikkonsidra t-talba tiegħu jekk din issir formalment.
ĦABS ĊIVILI - TIFTIX GĦAD-DROGA
W813. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Billi diversi persuni li kienu l-ħabs qalu li waqt searches għad-droga l-klieb li huma sniffers għad-droga ma humiex permessi jidħlu jfittxu għad-droga ġewwa ċ-ċelel, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan huwiex veru u jekk iva għaliex? Jekk dawn jistgħu jidħlu - u fil-fatt daħlu - f'kemm-il ċella daħlu jfittxu għad-droga fl-aħħar xahar u x'kien ir-riżultat ta' dawn is-searches?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li t-tip ta' searches msemmija fil-mistoqsija jsiru ġewwa l-ħabs, fejn u kull meta tinħass il-ħtieġa. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija ma jidhirlix li l-informazzjoni mitluba għandha tiġi ppubblikata minħabba raġunijiet ta' sigurta'.
ĦABS TA' L-IMTAĦLEB - DETENUTI
W814. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm detenuti fil-qasam tal-ħabs ta' l-Imtaħleb? Għaliex qegħdin hemm? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dawn id-detenuti humiex jitħallew waħedhom għal żmien twil ma' l-għarajjes tagħhom?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li fil-21 ta' Lulju, 1997, in-numru ta' detenuti fil-qasam tal-ħabs ta' l-Imtaħleb kien ta' 12.
Dawn il-persuni qegħdin isegwu programm ta' riabilitazzjoni u fl-ebda ħin ma jitħallew waħedhom ma' l-għarajjes tagħhom.
MERILLI
W817. L-ONOR. ADRIAN VASSALLO staqsa lill-Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm merilli ħajjin f'idejn l-ambjent illum? Kemm minn dawk it-13-il merill li nqabdu l-Marsa dan l-aħħar għexu? Dawn ġew mitluqa jew le? Ġew irringjati jew le? Kemm kellhom merilli adulti f'idejn ta' l-ambjent fl-aħħar għaxar snin wara li dawn instabu għand persuni kontra l-liġi? Kemm intelqu minnhom? Kemm mietu wara li ġew f'idejn id-dipartiment? Hemm merilli li ma ntelqux u jekk iva, kemm ilhom f'idejn ta' l-ambjent u fejn qegħdin jinżammu?
ONOR. GEORGE VELLA: Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent preżentament, għandu ħames frieħ tal-merill taħt ir-responsabbilta' tiegħu. Dawn huma ħamsa mit-13 li ttieħdu mill-bejtiet u li ġew elevati mill-Marsa. Kif kelli l-opportunita' li ninforma lill-Onor. Membru fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari W780, it-13-il merill li ġew elevati minn dar fil-Marsa għadhom frieħ ta' ftit ġranet li għadhom ma jtirux u li ġew meħuda mill-bejtiet tagħhom. GĦalhekk ma hemm l-ebda skop li jiġu rringjati għax ma jistgħux jiġu mitluqa għalissa.
Dawn l-aħħar snin id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ħarrab sitt merilli li kollha kienu ġew elevati mill-Pulizija mingħand diversi individwi. Ma kien hemm l-ebda każ ta' Merilli adulti (xjuħ) li mietu matul iż-żmien meta kienu taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Merilli li għadhom f'idejn id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent huma l-ħamsa frieħ imsemmijin aktar 'il fuq u dawk ibbalzmati jew ġlud li ġew ikkonfiskati mill-pulizija u li każ tagħhom għadu sub-judice.