MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI:Madam Speaker, donnu min-naħa ta' l-Oppożizzjoni għadhom jemmnu li qegħdin fil-gvern u donnu li għadhom jemmnu li għandhom xi mandat mill-poplu li jmexxu huma! Forsi dawn ma jafux li ftit xhur ilu l-poplu ta mandat lill-Partit Laburista biex imexxi l-pajijż hu u ta mandat lill-Partit Laburista biex dak li lill-poplu qallu li se jneħħi u biex dak li lill-poplu qallu li se jagħmel jagħmlu?
Ma jafux il-kelliema ta' l-Oppożizzjoni li l-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzojni kien għamilha ċara li la jkun fil-gvern l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni jneħħih u ta raġunijiet għaliex? Ma jafux in-naħa ta' l-Oppożizzjoni li l-Partit Laburista kien qal li mbagħad kien se jagħmel xi ħaġa serja biex ikunu jistgħu jiġu scrutinised il-korpi parastatali u l-aġenzji tal-gvern? Il-poplu tana mandat biex nagħmlu dan u hekk qed nagħmlu. Ġejna fil-Parlament u b'din il-liġi li għandna quddiemna se nneħħu r-rappreżentanti ta' l-oppożizzjoni mill-bordijiet u biex nagħmlu l-affarijiet b'iżjed serjeta' saħħaħna l-poteri tad-Direttur tal-Verifika. X'hemm iktar sempliċi minn hekk? X'hemm iktar trasparenti minn hekk?
Ma tafux li jekk ikun hemm rappreżentant ta' l-oppożizzjoni fil-bord żgur ma jkunx qiegħed f'pożizzjoni li veru jissorvelja l-affarijiet minħabba li huwa jkun marbut ma' partit politiku? Imma bil-ħatra ta' l-Awditur Ġenerali dawn l-affarijiet bis-serjeta' se jsiru . Ejja nkunu sinċieri u ngħidu l-verita'. Kif jista' jkun li membru maħtur minn partit politiku l-ewwel ma jara quddiem għajnejh ikunu l-interessi tal-kumpannija? Ejjew ma ndaħħkux lin-nies. Ejjew inkunu onesti u ngħidu l-verita'. Dawk li jkunu magħżula biex jirrappreżentaw partit politiku, speċjalment dawk li jkunu diehards, ma jaraw xejn quddiemhom ħlief il-partit u mhux l-interessi tal-kumpanniji li qed imexxu ma jarawx! U bil-provi ġara hekk dan l-aħħar għaliex kelliem min-naħa l-oħra, biex juri li l-uniku metodu li għandha l-Oppożizzjoni biex tara li l-affarijiet mexjin sew huwa billi tirriferi għal wieħed mid-diretturi maħtur minnha, ġab eżempju b'direttur tat-Telemalta. Qal li hu kellu jirrikorri għand id-direttur tat-Telemalta maħtur mill-partit tiegħu għaliex kien hemm diversi okkażjonijiet fejn talabni informazzjoni lili, bħala ministru responsabbli mit-Telemalta, u għal diversi raġunijiet din ma ngħatatx. Fuq dan ukoll nista' nagħtih raġuni għaliex huwa żbaljat imma lanqas kieku, għax issa se jkun hemm l-Awditur Ġenerali - li għamilna aħna - li permezz tiegħu jkun jaf jekk l-affarijiet humiex mexjin sew jew le. Issa ħalli niġi għall-kwestjoni tal-mistoqsijiet dwar it-Telemalta.
Mill-mistoqsijiet kollha li għamel l-Onor. Pullicino Orlando, bħala kelliem ta' l-Oppożizzjoni fuq it-Telemalta, f'waħda biss għidtlu li nagħtih risposta f'seduta oħra għaliex kienet qed tinġabar l-informazzjoni. Jien għidtlu hekk għaliex meta qabel kont nitlob xi informazzjoni, ir-risposta tal-ministru tal-Gvern Nazzjonalista kienet tkun: Issa għandna sistema tal-computer u dik l-informazzjoni se niġbruha u nagħtuhielek malajr. Dawn kienu jgħiduli hekk mhux tliet xhur qabel l-elezzjoni, imma sena u nofs qabel. Lill-Onor. Pullicino Orlanda kontra qalbi kelli ngħidlu li r-risposta nagħtihielu fi tweġiba oħra. Imma dak li kienu jgħidu tan-naħa l-oħra meta kienu fil-gvern, li hemm kollox lest bis-sistema tal-computer,ma kien assolutament veru xejn għax fil-computer ma kien hemm xejn! Dawn l-affarijiet illum qed nieħdu ħsiebhom u se nirranġawhom.
Nista' ngħid ukoll li kien hemm mistoqsijiet biex nagħti informazzjoni ta' natura kummerċjali. Wieħed jifhem li jekk tkun ta' natura kummerċjali l-informazzjoni m'għandhiex tingħata. Ħalli nsemmi x'kienu dawn. L-Onor. Pullicino Oralando talabni biex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrategic resource audit ippreparat miċ-Chairman tat-Telemalta u fit-tweġiba għidtlu li jekk irid jarah b'mod konfidenzjali jien kont lest li nurihulu. X'għamel? Jumejn wara ġie talabni dan ir-rapport u għidtlu li l-għada jkun għandi u jkun jista' jarah. L-għada ġibtu miegħi u ma deherx il-kelliem ta' l-Oppożizzjoni. Għamilt ġimgħa u nofs sħiħa nġib dawn id-dokumenti miegħi u baqa' ma ġiex biex jarahom. Dik serjeta'!
L-Onor. Membru ried anke jkun jaf b'korrispondenza dwar il-konferenza li kellha ssir hawn Malta u ma saritx. Ma jidhirlekx li dik konfidenzjali u mhix serjeta'! Kien hemm mistoqsija oħra wkoll dwar xi kariga u ried ikun jaf x'rimunerazzjoni hemm. Jien lest li ċerti affarijiet nurihomlu b'mod konfidenzjali imma ma jidhirlix li dawn id-dettalji ta' natura kummerċjali għandna npoġġuhom fuq il-Mejda tal-Kamra. Imbagħad kien hemm mistoqsija oħra fuq l-interconnection tat-Telecell, ħaġa purament kummerċjali. Dawn huma tliet mistoqsijiet li huma 100% ta' natura kummerċjali u mhux tort tiegħi jew tat-Telemalta li ma nistgħux nagħtuh din l-informazzjoni. Kien hemm waħda biss fejn għidtlu li nirrispondih darba oħra. Il-mistoqsijiet l-oħra kollha rrispondejthomlu. Ngħid għalija hija ħmerija u gidba fl-istess ħin li nipprovaw inġibu skuża li d-direttur maħtur politikament kellna bżonnu biex ikun jaf xi informazzjoni. L-Onor. Pullicino Orlando jħobb jirripeti l-istess affarijiet imma dawk il-każi li joqgħod isemmi dejjem qed inaqqas minnhom.
Per eżempju, m'ilux kien għamel mistoqsija dwar l-għamara taċ-chairman u beda jgħid ma' kullimkien li huwa skandlu għax dan xtara għamara kbira li tqum ħafna flus meta t-Telemalta qiegħda f'pożizzjoni prekarja. Imbagħad fir-risposta għidtlu li dik hija gidba għax t-Telemalta ma xtratx għamara imma ħadet l-għamara li kellu l-ex-chairman - dak li l-Onor. Membru għandu fiduċja fih. Hu kkonferma li dik l-għamara tiswa ħafna flus għax skandalizza ruħu. Mela ara x'lussu kien qed jgħix fih l-ex-chairman! Dik hi l-għamara li daħħlet t-Telemalta. Imbagħad hemmhekk waqgħet dik il-kritika.
Kien semma' wkoll li se naġevolaw lis-Sur Tommy Roberts u li "ġimgħatejn oħra" se nagħtuh promotion. Ma sar xejn minn dan. Mhux talli hekk talli s-Sur Roberts kellu kawża l-qorti u bid-dritt dak kien ħaqqu jieħu promozzjoni u issa għal xi raġuni jew oħra wieħed irid jara l-affarijiet. Ma ngħatatlux u kien ħaqqu dan. Imma l-Onor. Membru ma tkellimx iktar fuq dan il-każ. Dakinhar semma wkoll it-transfers, imma l-aħħar li tkellem ma semmihomx.
Li ma kienx bla kuxjenza jipprova wkoll japprofitta ruħu minn persuna li għandha diżabilita' u jużaha billi jgħid li tawha transfer vendikattiv meta t-transfer ġie mitlub minn tal-familja stess! Meta pprovajt inwaqqfu dakinhar minflok kien serju u waqaf qalli: Jaqaw qomt b'xi ħaġa mdawra? (Interruzzjonijiet) U ejja! Madam Speaker, wara dak l-intervent jien poġġejt affidavit fuq il-Mejda tal-Kamra biex nuri biċ-ċar li kien qed isir lobbying biex jipprovaw jinqdew anke b'waħda diżabilitata. U llum nerġa' npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra affidavit ta' missier din l-individwu u affidavit ieħor fejn jidher biċ-ċar li ħaddiem ġot-Telemalta kien qed jipprova jdawwar dan il-każ f'taparsi transfer vendikattiv biex jagħmel kapital politiku minnu. Madam Speaker, nitlob il-permess biex dawn iż-żewġ dokumenti npoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra u nistieden lill-press u lil min għandu għal qalbu lin-nies diżabilitati ħalli jaraw il-ħniżrijiet li n-naħa ta' l-Oppożizzjoni qed tipprova tagħmel biex tipprova toskura lin-naħa tal-Gvern. Huma mexjin bis-sistema li jħammġu u jattakkaw personalment lill-Prim Ministru l-ħin kollu. Dak li qed jagħmlu u pożittiv xejn ma joħorġu.
MADAM SPEAKER: Hawn permess biex l-Onor. Mizzi jqiegħed dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker,inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Dikjarazzjoni datata 4 ta' Ġunju, 1997 iffirmata mis-Sur Alfred Consiglio, uffiċjal fil-Korporazzjoni Telemalta, dwar transfer tas-Sinjorina Jeanesse Abela, impjegata ma' l-istess Korporazzjoni;
Kopja ta' affidavit mis-Sur Anthony Abela dwar it-transfer tas-Sinjorina Jeanesse Abela, impjegata mal-Korporazzjoni Telemalta;
Mhux hekk biss, Madam Speaker, dan l-individwu li pprova jġiegħel lil missier din it-tfajla biex iġib il-każ tagħha bħala każ ta' vendikazzjoni, f'kawża l-qorti li dehret quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impiegi xehed b'ġurament li l-għada ta' l-elezzjoni s-Sur Dalli - u kien hemm ieħor ukoll miegħu dan - mar il-boardroom il-Marsa u mar hemmhekk għax b'saħħtu, għax huwa magħruf, għax huwa nvolut fil-politika man-naħa tal-Partit Nazzjonalista u għax huwa president tal-lokal u segretarju tal-ħaddiema. Dan qalu bil-ġurament missier din it-tfajla. Qal ukoll bil-ġurament li dawn l-affarijiet ma seħħewx taħt il-Gvern Laburista issa. Bil-ġurament dan! Ara dawn ma qalhomlux l-ex-chairman li llum huwa direttur u li qed iservi partit politiku! Ħalli nuri kemm direttur poġġut politikament veru jaħseb l-ewwel fil-partit tiegħu.
Madam Speaker, x'kien isir meta kien chairmanis-Sur Camilleri, li llum qed jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fuq il-bord tat-Telemalta Corporation? Biex jiċċekkja l-ID card ta' ċerti nies, speċjalment dawk li għandhom jagħtu, kien jikteb lid-direttur ta' l-Independence Print fi Triq Herbert Ganado f'Tal-Pieta'. Għalfejn kienu jiċċekkjawhom hemmhekk? Qed naraw bil-provi x'jiġri meta jkollok xi ħadd politiku fuq bord. Issa dan kien chairman u mhux direttur qed jirrappreżenta lill-partit politiku! Huwa qal li meta konna fl-oppożizzjoni konna ngħajru lin-naħa tal-gvern u issa li qegħdin fil-gvern mhux qegħdin inġibu provi u allura aħna konna qegħdin nigdbu. Jien hawn għandi dokument li huwa xhieda ta' dan li qed ngħid u bil-permess se npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: Hawn permess biex l-Onor. Mizzi jpoġġi dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata. ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' żewġ ittri mibgħuta mill-A.O. arrears section tal-Korporazzjoni Telemalta lid-direttur ta' l-Istamperija Indipendenza dwar indirizzi ta' persuni;
Issa jista' jara li meta jkollok xi ħadd maħtur politikament dan jiġbed lejn il-partit tiegħu.
Madam Speaker, waqt li s-Sur Camilleri kien fuq il-bord tad-diretturi tat-Telemalta ġraw affarijiet tal-biża' u tal-biki. Mhux trasparenza ma kienx hemm u mhux konflitt ta' interess kien hemm imma ħniżrijiet! Possibbli s-Sur Camilleri ma qallux li wara li nżammet press conference fuq il-customers satisfaction survey tat-Telemalta, kienet saret reception, li għaliha l-affarijiet inxtraw mingħand waħda mid-diretturi tal-bord, li qagħdet tagħmel bargaining fuq il-prezz! Hawn qed inġib il-prova u bil-permess se npoġġi din l-ittra fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll.
MADAM SPEAKER: Hawn permess biex l-Onor. Mizzi jqiegħed dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva).
Il-permess ingħata. ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' ittra datata l-1 ta' Frar, 1996 mibgħuta mill-Communications and Public Relations Manager fil-Korporazzjoni Telemalta lill-Managing Director ta' Osbourne Caterers dwar riċeviment li kellu jsir fil-5 ta' Jannar 1996;
Dan biex nuruh bil-provi, għax ħlief paroli, insinwazzjonijiet u nofs veritajiet ma qalx f'dan il-Parlament. Il-maġġoranza tat-Telemalta dawn l-affarijiet lanqas tafhom, imma s-Sur Camilleri, li llum qed jirrappreżenta partit politiku fil-bord, dawn jafhom u ma qalhomx lill-Onor. Pullicino Orlando. Dażgur li ma jgħidhomlux! Hu jgħidlu affarijiet li bihom mingħalih se joskura lin-naħa tal-Gvern għax mingħalih li huma każi ta' korruzzjoni jew xi skandli. Dawn m'huma xejn u se nġib il-provi. Jien nieħu pjaċir kieku jiġu jgħidulna l-affarijiet fejn huma sejrin ħażin. Jien dejjem hekk tlabt. Fejn hemm l-affarijiet mhux mexjin sew tibżgħux titkellmu għax aħna rridu li l-affarijiet isiru bis-serjeta'. Ma rridukx li tiġi u tgħid il-gideb fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Għidnilek li l-għamara ma nxtratx imma li diġa' kienet hemm għax kien xtraha iċ-chairman ta' qabel. Għidnilek ukoll li dak it-transfer ta' dik it-tfajla ma setax kien każ ta' vendikazzjoni għax dak kien talbu missier l-impjegata. Ma tistax tkompli b'dawn l-affarijiet.
Kien hemm ukoll il-ħatra tas-Sur Debono, li llum qiegħed fil-human resources. Mingħajr ħadd ma kien jaf kif, dan kien inħatar fi grad ta' PO3. Mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru - skond riferenza OPM E/1167/48/B/PR/33 datata 6 ta' Diċembru - sibna li fil-verita' dan kien impjegat tat-Telemalta fil-kapaċita' ta' AGM (Human Resources) u mhux PO3. Dan ifisser li bil-moħbi, mingħajr l-approvazzjoni tal-bord u kontra l-collective agreement, kienu għamluh PO3. Se npoġġi din ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra biex nuri l-ħniżrijiet li saru meta r-rappreżentant ta' l-Oppożizzjoni kien imexxi hu t-Telemalta.
MADAM SPEAKER: Hawn permess biex l-Onor. Mizzi jqiegħed dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva).
Il-permess ingħata. ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' l-ittra tal-ħatra tas-Sur Michael Debono bħala Professional Officer III mal-Korporazzjoni Telemalta, flimkien ma' punti dwar l-istess ħatra;
Qed jidher biċ-ċar kemm jista' jiswa ta' ġid bniedem bħal dan fuq il-bord tad-diretturi! Ta' ġid hija l-liġi dwar l-Awditur Ġenerali. Hekk isiru l-affarijiet bis-serjeta'. Qed taraw kemm għandna raġun! Imma ħalli nkompli daqsxejn fuq il-gideb u n-nofs veritajiet li ntqalu f'din il-Kamra.
Madam Speaker, il-kelliem tan-naħa l-oħra semma' numru ta' persuni li skond hu ġew magħżula personalment miċ-Chairman tat-Telemalta. Ma nafx għaliex l-Onor. Membru l-ħin kollu jibbaża l-argument tiegħu fuq dak li fir-rapport tiegħu s-Sur Meilaq jgħid li l-korporazzjoni għandha nies żejda. Dik verita' li jafha kulħadd għax fit-total hemm nies żejda imma huwa fatt ukoll li hemm ċerti sezzjonijiet li għandhom nies nieqsa. Per eżempju, hemm ċertu nuqqas ta' labourers għax laħqu technicians u qed naraw kif se nagħmlu. Il-general manager li għandna għażel li jżomm id-driver li kellu l-ex-chairman għax għandu fiduċja fih. Nies bħal dawn għandhom dritt li jagħżlu u dan il-general manager għażel id-driver li kellu l-ex-chairman. L-importanti huwa li ma tagħmilx ħsara jew vendikazzjonijiet. Wara l-elezzjoni ta' l-1987 mhux hekk kien sar.
Kulħadd jaf kif intefgħu 'l barra ħesrem numru kbir ta' impressed drivers Laburisti biex daħlu oħrajn magħrufin għall-kulur politiku tagħhom. Matul l-1988, filwaqt li b'kollox il-vetturi impressed kienu żdiedu biss bi tmienja, kienu ġew ingaġġati 30 vettura impressed mal-korporazzjoni! Dan ifisser li matul l-istess perijodu ntefgħu 'l barra mill-inqas 28 impressed driver ieħor. Nassigurakom li dawn kienu kollha Laburisti. Għallinqas aħna ġibna driver on loan u mhux qbadna u għamilna vendikazzjoni u keċċejna n-nies. Aħna ma keċċejna lil ħadd. Huma mhux talli keċċew il-Laburisti 'l barra, talli meta ġabu ċerti nies on loan ġabu, per eżempju, crane driver mill-Malta Drydocks. Dan ma ġabuħx biex jaħdem bi crane imma biex jagħmel xogħol ta' general hand. Mela dawn mhux talli keċċew lil-Laburisti talli għamlu dawn l-affarijiet ukoll. Issa d-direttur, li l-Onor. Pullicino Orlando qal li qed iservih ta' spjun u li qed jagħtih l-informazzjoni, dawn l-affarijiet ma qalhomlux? Dawn kif ma qalhomlux jekk irid l-affarijiet bis-serjeta'? Jien ma nistax nifhem. Wara kollox, Madam Speaker, karigi bħal segretarju privat u driver jirrikjedu nies ta' fiduċja. Din kulħadd jafha. Kien isir hekk u għadu jsir hekk u hemm raġunijiet ovvji għal dan. Dan x'hemm ħażin li jġib lil xi ħadd li jkun tal-fiduċja tiegħu! Dan on secondment ġabu u ma mpjegahx minn barra. Imma għalfejn tipprova tħammeġ lil xi ħadd b'affarijiet li huma reali, li jiġru u li wieħed jistenna!
Sur President, l-Onor. Membru attakka wkoll lill-project manager. Ta' min jgħid li dan il-bniedem li għandna f'din il-kariga sar wara li l-project manager ta' qablu kien għażel, qabel l-elezzjoni, li ma jġeddidx il-kuntratt. Dan ma qalibha lil ħadd. Mela xi trid tagħmel! Trid tpoġġi lil xi ħadd minfloku. Aħna ma ridniex li sempliċement inpoġġu lil xi ħadd u l-affarijiet li sejrin lura nibqgħu nħalluhom sejrin lura. Ridna naraw li l-affarijiet jitjiebu. (Interruzzjonijiet) Dak biex tkunu tafu bil-ħniżrijiet li qed isiru min-naħa tagħkom. Il-project manager il-ġdid issa ħa responsabbiltajiet oħra. X'inhuma r-responsabbiltajiet li għandu issa? Irrid insemmihom, biex taraw id-differenza bejn ir-responsabbiltajiet li kien hemm qabel u r-responsabbiltajiet li għandu issa, imbagħad taraw jekk huwiex ġustifikat li jkollu żieda. Meta l-paga ta' dan il-project manager tikkomparaha ma pagi ta' kumpanniji oħra, li jridu jimxu 'l quddiem, tara li dan m'għandu xejn ħdejhom.
Mela dan issa għandu responsabbilta' - fejn l-ieħor ma kellux - biex jara li l-korporazzjoni tkun f'pożizzjoni li tagħti l-garanziji mitlubin minħabba l-manifest tal-klijent. Fejn jidħol il-manifest tal-klijent aħna rajna li ma nfallux. Responsabbilta' oħra hija li jnaqqas ir-rata tal-ħsarat tal-klijenti għal 0.4. Issa dan mhux vantaġġ għall-poplu u għall-konsumatur! Għandu din ir-responsabbilta' li l-ieħor ma kellux. Għandu wkoll ir-responsabbilta' li jippjana u jwettaq riorganizzazzjoni sħiħa fl-external plant. B'hekk ir-riżultati jintlaħqu mingħajr infiq bl-addoċċ. Għandu wkoll responsabbilta' li jnaqqas drastikament l-inċidenza ta' abbużi fl-overtime u jrid jara li tingħata ġurnata sħiħa tax-xogħol. Allura dan ma ħaqqux żieda meta għandu dawn ir-responsabbiltajiet kollha li l-project manager ta' qablu ma kellux! Min hu l-miġnun li jidħol għal aktar responsabbiltajiet u ma jkollux salarju ogħla! Issa kulma ha kienu Lm2,000 aktar. Imma mhux hekk biss. Min-naħa l-oħra dan tneħħietlu l-allowance ta' Lm300 li kellu qabel. Tneħħielu wkoll is-servizz ta telephone b'xejn. Allura għalfejn tiġi f'dan il-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, u tipprova tħammeġ u tgħawweġ il-verita'? Tagħmel hekk għax taħt din l-amminstrazzjoni fit-Telemalta m'hemmx affarijiet li tista' tgħid li mexjin ħażin. M'hemmx diskriminazzjoni politika. Kemm-il darba għidt li l-korporazzjoni ma kenitx f'pożizzjoni li timplimenta l-customer charter għax kienet se titlef madwar Lm60,000 f'penali. Għamilna wkoll r-riorganizzazzjoni fl-external plant. Din trid tkompli tissaħħaħ b'aktar gangs sabiex insaħħu l-attivita' tal-manutenzjoni. Sakemm inkunu mexjin bir-riorganizzazzjoni, it-tixrid ta' strutturi eżistenti u l-iffissar ta' oġġettivi oħra mhux se jiefqu. Aħna nemmnu li għandu jkun hemm lok biex wieħed itejjeb.
Sur President, tajjeb li wieħed jgħid li r-riżultati diġa' qed jagħtuna raġun. Il-faults pendenti fil-bidu tas-sena kienu 1,599, li minnhom 251 kienu fuq cables. Illum niżlu għal 405, li minnhom 37 huma fuq cables. Aħna qed inġibu l-provi. Aħna mhux bħan-naħa ta' l-Oppożizzjoni li jitfgħu t-tajn u l-ħmieġ u mbagħad, meta niċċalinġjawhom biex jgħidu l-affarijiet barra, dawn igħidu ċerti affarijiet li ma tistax tieħu passi fuqhom għax ma jgħidu xejn u jaraw kif jistaħbew. Hekk huma l-fatti u meta jrid imur jiċċekkja. X'għamilna iktar tul dan il-perijodu ta' seba' xhur? F'seba' xhur saret manutenzjoni preventiva fuq total ta' kważi 4,800 linja. Is-sena l-oħra - għas-sena kollha qed ngħid - saret manutenzjoni fuq 5,800 linja u dan permezz ta' programm ta' inċentivi. Mela f'seba' xhur aħna għamilna maintenance fuq 4,800 linja u huma f'sena għamlu 5,800 linja. Altru li din il-figura naqbżuha sa l-aħħar tas-sena! Dan ifisser li fi żmien disa' xhur se nkunu għamilna x-xogħol kollu li sar is-sena l-oħra. Qed tara s-serjeta' li mexjin biha.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Onorevoli, jekk jogħġbok orbot id-diskors tiegħek mas-sustanza tal-liġi li għandna quddiemna.
ONOR. JOE MIZZI: Bir-rispett kollu, ma nafx kif is-Sedja ħasset li kellha tgħid hekk meta qed nirrispondi għal dak li ntqal min-naħa l-oħra! Jien qed ngħid li dan id-direttur, li kien chairman u li qed jirrappreżenta n-naħa ta' l-Oppożizzjoni, dawn l-affarijiet ma qalhomlux lill-Onor. Pullicino Orlando. Jien għandi dritt ngħid x'ma qallux u għaliex ma qalhomlux Dawn huma l-affarijiet. Per eżempju, tajjeb li nenfasizza wkoll li fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena ġew stallati 10,000 linja. Fl-istess perijodu tas-sena l-oħra ġew stallati 8,800 linja. Jien għadni mhux kuntent b'daqshekk. U jien naħseb li taqblu miegħi li mexjin fit-triq it-tajba meta aħna qbiżna dan l-ammont sew. Għaliex ma qalhomlux dawn l-affarijiet ir-rappreżentant tal-partit ta' l-Oppożizzjoni, li sa ftit xhur ilu kien hu ċ-chairman? Mela x' affarijiet qallu dan l-ex-chairman!
L-Onor. Pullicino Orlandi qal li ftit wara l-elezzjoni mill-ewwel ġibna xi ħaddiema mill-Marsa Shipbuilding. Għall-informazzjoni tiegħu ħaddiem wieħed ġibna u dan ġibnih xi xahrejn ilu. Dan qiegħed on loan u x'ħin it-Telemalta ma jkollhiex bżonnu tibagħtu lura. X'inhi r-raġuni għaliex dan inġieb? Fl-ewwel xhur ta' din is-sena l-managementtat-Telemalta sar jaf li fl-istores kien hemm 'il fuq minn 200 cardphone li ma kenux imwaħħlin u t-Telemalta ma riditx tħallihom fuq l-ixkaffa. Biex jitwaħħlu bilfors ried ikun hemm kiosks ta' l-aluminium. Minħabba dawn il-kiosks kien hemm bżonn żieda ta' nies speċjalizzati u ta' labourers. Kien hemm bżonn li jsiru skemi ta' inċentivi u kien hemm bżonn xi forma ta' subcontracting. Fil-fatt kien hemm talba għar-recruitment ta' welder burner mill-kap ta' din is-sezzjoni. Il-korporazzjoni ħadet il-ħsieb li żżid internament in-nies fi grad ta' labourer u ntroduċiet ukoll l-iskema ta' inċentiv għall-ħaddiema ta' din is-sezzjoni. Il-ħaddiem li ġie mill-Marsa Shipbuilding ġie on loan għax il-korporazzjoni ma kellhiex nies f'din is-sengħa. Minn dak inhar 'l hawn għandna bżonn ta' xi tlieta jew erba' labourers oħra f'din is-sezzjoni. Jiġifieri għandna problema. Ma jistax ikun li tħalli cardphones fuq l-ixkaffa u ma tużahomx. Min hu dak il-miġnun li jħallihom fl-istores u ma jagħmilx xi ħaġa biex dawn jitwaħħlu mill-iktar fis possibbli, speċjalment fiż-żmien tas-sajf f'postijiet li n-nies tiffrekwenta!
Tajjeb li l-Onor. Membru jkun jaf li aħna ma ġibniex crane driver biex jagħmilha ta' general hand meta ma kienx hemm bżonnu. Iva, meta jkun hemm bżonn it-Telemalta ġġib in-nies minn x'imkien ieħor biex jagħmlu dak ix-xogħol li tkun ġabithom għalih. U hekk qed isir. Dik hija s-serjeta'. U mhux inġibu lil xi ħadd it-Telemalta u fid-9.00 a.m. jiskarta u jmur jaħdem f'fabbrika tal-madum! Is-sabiħa hi li meta tmur tistaqsi f'din il-fabbrika jekk hemmx ċertu individwu, jgħdidulek: Iva, dan hawn jaħdem. Il-ħaddiema ta' din il-fabbrika tal-madum lanqas biss kienu jafu li dak huwa ħaddiem tat-Telemalta! Dawk huma t-tip ta' nies li ġew it-Telemalta taħt l-amministrazzjoni l-oħra. Ara din ma qalilux lill-kelliem tan-naħa l-oħra. Dażgur li ma jgħidhomlux dawn l-affarijiet id-direttur li jirrappreżenta l-partit fl-Oppożizzjoni! Ħalli ngħid iktar għall-kritika li saret għall-corporate co-ordinator. Għax l-Onor. Pullicino Orlando jitfa' t-tajn mingħajr ma jġib provi ta' xejn. Ma sab xejn provi waqt li jien il-provi qed inressaqhom quddiem il-Kamra.
Mela saret sejħa interna u esterna għal corporate co-ordinator u b'kollox ġew intervistati 34 applikant. Fosthom kien hemm 12 li kienu diġa' fl-impjieg mat-Telemalta. Min intgħażel? Intgħażel is-Sur Charles Sacco fuq il-bażi ta' l-esperjenza tiegħu fuq ix-xogħol. Kulħadd jaf x'esperjenza għandu. Fost id-dmirijiet li għandu dan il-corporate co-ordinator għandu d-dmir li jikkordina d-deċiżjonijiet fuq livell taċ-chairman, il-bord u l-general manager tal-korporazzjoni. Din il-kordinazzjoni nħasset nieqsa mill-istess bord. Dmir ieħor huwa li joħroġ struzzjonijiet biex jiġu implimentati deċiżjonijiet meħuda miċ-chairman, il-bord u l-general manager. Huwa jikkomunika dawn id-deċiżjonijiet lill-uffiċjali nvoluti u magħhom jiddetermina t-time frame ta' l-implimentazzjoni. Irid jagħmel monitoring ta' kemm il-korporazzjoni hija sensittiva għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-klijent, fid-dawl tal-manifest tal-klijent, li l-korporazzjoni se tintroduċi sa l-1 ta' Ottubru ta' din s-sena. Irid jagħraf jidentifika l-attivitajiet li minnhom il-korporazzjoni tista' tgawdi finanzjarjament, kemm dawk li jirrendulha dħul aħjar kif ukoll dawk li jnaqqsulha l-ispejjeż, u jagħmel monitoring tal-progress u produttivita' tal-korporazzjoni. Irid jidentifika fejn jista' jsir titjib u jirrikmanda l-miżuri li għandhom jittieħdu biex dan it-titjib iseħħ. Serjeta' dik, Sur President? Il-persuna magħżula kien jeħtieġ li jkollha esperjenza fil-monitoring ta' deċiżjonijiet biex dawn jiġu implimentati fil-ħin, ta' l-inqas ħames snin esperjenza f'xogħol simili f'kompetenza ekwivalenti, maturita', ħila fil-kitba u komunikazzjoni u tkun konxja mill-impenn ta' quality management u ta' servizz lill-klijent.
Sur President, tajjeb li tkun taf li l-bord ta' l-għażla qabel unanimament li s-Sur Sacco kien l-aħjar bniedem biex jaqdi dawn ir-responsabbiltajiet. Dan sar wara li l-bord għamel assessment ta' l-aħħar tmien applikanti. Anzi jien nagħti parir li azjendi pubbliċi u privati jibdew jimxu fuq din il-linja għaliex b'hekk biss jimxu 'l quddiem. Nista' ngħidilkom li kien hemm min iddispjaċih li tilef lis-Sur Sacco mill-impjieg li kellu miegħu u hawn nitlob il-permess biex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra riferenza miċ-chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħalli tara kemm kienet għaqlija t-Telemalta fl-għażla tagħha. Din ir-riferenza turi kemm iċ-chairman tal-Planning Authority, is-Sur Alfred Fabri, iddispjaċih li s-Sur Sacco ma setax jibqa' jaħdem hemm.